IT-TIENI ITTRA LIL TIMOTJU

1. Tislima

[2Tim:1:1] Pawlu, bir-rieda ta' Alla appostlu ta' Kristu Ġesł, skond il-wegħda tal-ħajja li hi fi Kristu Ġesł, [2Tim:1:2] lil Timotju, ibni l-għażiż: grazzja, ħniena u sliem mingħand Alla l-Missier u mingħand Kristu Ġesł Sidna.

Fedeltą lejn l-Evanġelju

[2Tim:1:3] Nrodd ħajr lil Alla, li lilu nqim b'kuxjenza safja bħal missirijieti, hekk kif niftakar fik bla heda fit-talb tiegħi lejl u nhar. [2Tim:1:4] Meta niftakar fid-dmugħ tiegħek għalija, tiġini x-xewqa li narak, biex nimtela bil-ferħ. [2Tim:1:5] Niftakar fil-fidi vera tiegħek, fidi li l-ewwel kienet ta' nanntek Lojd u mbagħad ta' ommok Ewniki, u li ma għandi ebda dubju li hi fik ukoll. [2Tim:1:6] Minħabba f'hekk infakkrek biex tqajjem fik id-don ta' Alla, li jinsab fik bit-tqegħid ta' idejja; [2Tim:1:7] għax Alla ma taniex spirtu ta' biża', imma Spirtu ta' qawwa, ta' mħabba u ta' rażan.

[2Tim:1:8] Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna, anqas minħabba fija, priġunier tiegħu, imma aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta' Alla, [2Tim:1:9] li salvana u sejjħilna b'sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna, imma skond il-pjan tiegħu stess u skond il-grazzja tiegħu. Din il-grazzja tahielna qabel iż-żmien ta' l-eternitą fi Kristu Ġesł, [2Tim:1:10] imma dehret issa permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesł li qered il-mewt, u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz ta' l-Evanġelju, [2Tim:1:11] li għalih jien kont magħmul predikatur, appostlu u mgħallem. [2Tim:1:12] Din hi l-kawża li għaliha qiegħed inbati. Imma b'daqshekk ma nistħix, għax jien naf f'min emmint, u naf sewwa li hu jista' jħares it-teżor li kien fdat f'idejja, sa ma jasal dak il-Jum. [2Tim:1:13] Żomm quddiem għajnejk l-eżempju tat-tagħlim sħiħ li smajt mingħandi, fil-fidi u fl-imħabba li huma fi Kristu Ġesł. [2Tim:1:14] Ħares bl-għajnuna ta' l-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina t-teżor sabiħ li kien fdat f'idejk.

[2Tim:1:15] Kif inti taf, dawk kollha li joqogħdu l-Asja telquni, fosthom Figellu u Ermoġeni. [2Tim:1:16] Il-Mulej ikollu ħniena mill-familja ta' Onesiforu, li sikwit sibtu ta' faraġ għalija: hu ma staħax mill-ktajjen tiegħi, [2Tim:1:17] imma meta wasal Ruma fittixni bil-ħrara sa ma sabni. [2Tim:1:18] Il-Mulej jagħtih il-grazzja li jsib ħniena quddiem il-Mulej f'dak il-Jum. Inti taf aħjar minni kemm għenni f'Efesu.

2. Is-suldat ta' Kristu

[2Tim:2:1] Int mela, ibni, qawwi ruħek fil-grazzja li hi fi Kristu Ġesł, [2Tim:2:2] u kull ma smajt mingħandi quddiem ħafna xhieda, għaddih lil nies ta' fiduċja, li huma stess ikollhom il-ħila jgħallmuh ukoll lil oħrajn. [2Tim:2:3] Bati inti wkoll miegħi bħala suldat tajjeb ta' Kristu Ġesł. [2Tim:2:4] Ebda suldat taħt l-armi, jekk irid jogħġob lil min daħħlu fis-servizz, ma jindaħal f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħajja ċivili. [2Tim:2:5] Hekk ukoll l-atleta ma jiħux il-premju jekk ma jkunx mexa skond ir-regoli. [2Tim:2:6] Il-bidwi li jitħabat għandu jkun l-ewwel wieħed li jieħu mill-frott. [2Tim:2:7] Ifhem x'qiegħed ngħidlek; il-Mulej jagħtik li tifhem kollox.
[2Tim:2:8] Ftakar f'Ġesł Kristu, li qam mill-imwiet, li hu min-nisel ta' David, skond l-Evanġelju li ħabbart jien. [2Tim:2:9] Għalih jien qiegħed inbati sa l-irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt. Imma l-kelma ta' Alla m'hijiex marbuta. [2Tim:2:10] Għalhekk kollox nieħu bis-sabar għall-imħabba ta' dawk li Alla għażel, biex huma wkoll jiksbu s-salvazzjoni, li hi ta' glorja għal dejjem fi Kristu Ġesł. [2Tim:2:11] Din hi kelma ta' min joqgħod fuqha:

Jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll;
[2Tim:2:12] jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu miegħu
wkoll;
jekk niċħduh, jiċħadna hu wkoll;
[2Tim:2:13] jekk nonqsu mill-kelma li tajna, hu jibqa'
jżomm kelmtu; għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu.

Il-ħaddiem imħarreġ

[2Tim:2:14] F'dan fakkarhom u widdibhom sewwa quddiem Alla, li ma joqogħdux jintilfu fi kwistjonijiet dwar kliem li ma jiswa għal xejn ħlief biex jagħmel il-ħsara lil min jisimgħu. [2Tim:2:15] Agħmel mill-aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-prova, bħala ħaddiem li m'għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-veritą. [2Tim:2:16] Aħrab it-tpaċpiċ fieragħ u ħażin, għax dawk li jitkellmu hekk jibqgħu sejrin mill-ħażin għall-agħar [2Tim:2:17] u kliemhom jinfirex bħal kankrena. Minn dawn huma Imeni u Filetu, [2Tim:2:18] li tbiegħdu mill-veritą għax qegħdin jgħidu li l-qawmien mill-imwiet ġa sar u qegħdin iħawwdu l-fidi f'xi wħud. [2Tim:2:19] Imma s-sies qawwi, li Alla qiegħed, iżomm sħiħ, u fuqu għandu dan is-siġill: "Il-Mulej jagħraf dawk li huma tiegħu," u wkoll: "Ħa jitwarrab mill-ħażen kull min isejjaħ isem il-Mulej."

[2Tim:2:20] F'dar kbira ma hemmx biss tagħmir tad-deheb u l-fidda, imma wkoll ta' l-għuda u tal-fuħħar; u xi wħud minnhom ninqdew bihom għal għan ta' ġieħ, oħrajn għal għan bla ġieħ. [2Tim:2:21] Jekk wieħed jissaffa minn dawn il-ħwejjeġ, huwa jsir biċċa tagħmir għal għan ta' ġieħ, tagħmir imqaddes, ta' siwi għal sidu, mħejji għal kull għemil tajjeb.

[2Tim:2:22] Aħrab il-ġibdiet taż-żgħożija; fittex bil-ħerqa s-sewwa, il-fidi, l-imħabba u s-sliem, flimkien ma' dawk li jsejjħu 'l-Mulej b'qalb safja. [2Tim:2:23] Tindaħalx fi kwistjonijiet boloh u bla għaqal, għax taf li dawn iġibu l-ġlied. [2Tim:2:24] Min hu qaddej tal-Mulej m'għandux joqgħod jitlewwem; imma għandu jkun ħlejju ma' kulħadd, jinqala' biex jgħallem, kollu sabar; [2Tim:2:25] iwiddeb bil-ħlewwa lil dawk li ma jaqblux miegħu; għandu mnejn Alla jagħtihom l-indiema, u hekk jagħrfu l-veritą u jiġu f'sensihom, [2Tim:2:26] u jeħilsu mix-xbiek tax-Xitan li kien qabadhom taħt idejh biex jagħmlu r-rieda tiegħu.

3. In-nies ta' l-aħħar żmien

[2Tim:3:1] Dan għandek tkun taf: li l-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes. [2Tim:3:2] Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; faħħarin, suppervi, dgħajja, ma jisimgħux mill-ġenituri; bla gratitudni, bla tjieba; [2Tim:3:3] bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-tajjeb; [2Tim:3:4] tradituri, bla ħsieb, minfuħa bihom infushom; iħobbu aktar il-pjaċir milli 'l Alla; [2Tim:3:5] nies li jiċħdu l-qawwa tat-tjieba, minkejja li minn barra jagħmluha ta' tajbin. Nies bħal dawn aħrabhom. [2Tim:3:6] Għax fosthom hemm xi wħud li jindiehsu fil-familji u jaħkmu taħt idejhom nisa msejkna mgħobbijin bid-dnubiet u mkaxkrin minn kull xorta ta' xewqat, [2Tim:3:7] li dejjem lesti biex jitgħallmu, imma li qatt ma jseħħilhom jaslu biex jagħrfu l-veritą. [2Tim:3:8] Bħalma Ġannes u Ġambri waqfu lil Mosč, hekk ukoll dawn jieqfu lill-veritą; huma nies ta' moħħ mgħawweġ u ta' fidi mħassra. [2Tim:3:9] Iżda m'humiex se jimxu aktar 'il quddiem, għax kulħadd għad isir jaf bil-bluha tagħhom, kif ġara minn dawk it-tnejn.

L-aħħar twissijiet lil Timotju

[2Tim:3:10] Imma inti mxejt warajja fit-tagħlim tiegħi, fl-imġiba tiegħi, fil-pjan u t-twemmin tiegħi; fis-sabar, fl-imħabba u fil-perseveranza tiegħi; [2Tim:3:11] fil-persekuzzjonijiet u t-tbatijiet li ġew fuqi f'Antijokja, f'Ikonju u f'Listra. X'persekuzzjonijiet għaddejt minnhom! Iżda ħelisni l-Mulej minnhom kollha. [2Tim:3:12] U dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesł lkoll jgħaddu mill-persekuzzjoni. [2Tim:3:13] Imma n-nies il-ħżiena u l-uċuħ b'oħra jmorru mill-ħażin għall-agħar, iqarrqu u jitqarrqu. [2Tim:3:14] Imma int ibqa' miexi f'dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ, għax taf mingħand min tgħallimtu, [2Tim:3:15] u għax sa minn żgħoritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesł. [2Tim:3:16] L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, [2Tim:3:17] biex hekk il-bniedem ta' Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.

4. [2Tim:4:1] Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesł, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f'isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu: [2Tim:4:2] xandar il-kelma, insisti f'waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim. [2Tim:4:3] Għax għad jiġi żmien meta għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, iżda widnejhom jikluhom u jiġbru madwarhom qabda mgħallmin skond ma jixtiequ, [2Tim:4:4] u jwarrbu widnejhom mis-sewwa biex jiġġerrew wara l-ħrejjef. [2Tim:4:5] Imma int oqgħod dejjem b'għajnejk miftuħa, stabar fit-tiġrib, agħmel ħidma ta' evanġelista, aqdi sewwa l-ministeru tiegħek.

[2Tim:4:6] Ngħid għalija, demmi ġa mxerred b'sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal. [2Tim:4:7] Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. [2Tim:4:8] Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f'dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu.

Rakkomandazzjonijiet

[2Tim:4:9] Fittex ejja ħdejja malajr. [2Tim:4:10] Dema ħabb aktar lid-dinja, u ħallieni, u mar it-Tessalonika; Krexxens mar il-Galazja, Titu d-Dalmazja. [2Tim:4:11] Luqa waħdu baqa' miegħi. Ħu 'l Marku u ġibu miegħek, għax hu jiswieli ħafna għall-ministeru. [2Tim:4:12] Tikiku bgħattu Efesu. [2Tim:4:13] Meta tiġi, ġibli miegħek il-mantar li jien ħallejt fi Troas għand Karpu; ġib ukoll il-kotba, l-aktar il-parċmini. [2Tim:4:14] Alessandru l-brunżar għamilli ħafna ħsara; il-Mulej iħallsu skond ma għamel. [2Tim:4:15] Oqgħod attent minnu int ukoll, għax huwa fixkel ħafna l-kliem tagħna. [2Tim:4:16] Fl-ewwel difiża tiegħi ħadd ma kien miegħi; kulħadd ħallieni. Jalla ma jkunx magħdud kontrihom! [2Tim:4:17] Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sa l-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha. Hekk jien sfajt meħlus minn ħalq l-iljun. [2Tim:4:18] Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni, sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema. Glorja lilu għal dejjem ta' dejjem! Amen.

[2Tim:4:19] Sellili għal Priska u għal Akwila u għall-familja ta' Onesiforu. [2Tim:4:20] Erastu baqa' Korintu, u 'l Trofimu ħallejtu marid f'Miletu. [2Tim:4:21] Fittex ejja qabel ma tidħol ix-xitwa. Isellu għalik Ewbolu, Pudens, Linu, Klawdja u l-aħwa kollha.

[2Tim:4:22] Il-Mulej miegħek. Il-grazzja magħkom.