IT-TIENI ITTRA LIT-TESSALONKIN

1. Tislima

[2Tess:1:1] Pawlu u Silvanu u Timotju lill-knisja tat-Tessalonikin li hi f'Alla Missierna u l-Mulej Ġesł Kristu. [2Tess:1:2] Il-grazzja u s-sliem lilkom minn Alla l-Missier u l-Mulej Ġesł Kristu.

Il-miġja ta' Kristu u l-ġudizzju

[2Tess:1:3] Aħna għandna dejjem niżżu ħajr lil Alla, ħuti, minħabba fikom, u hekk jixraq, għax il-fidi tagħkom qiegħda tikber fuq li tikber, u qiegħda toktor fostkom ilkoll l-imħabba li kull wieħed minnkom għandu għall-ieħor. [2Tess:1:4] Għalhekk aħna stess niftaħru bikom fil-knejjes ta' Alla għas-sabar tagħkom u għall-fidi tagħkom fil-persekuzzjonijiet u t-tbatijiet kollha li intom għaddejjin minnhom. [2Tess:1:5] Minn dan jidher il-ħaqq ġust ta' Alla, ħalli b'hekk tkun tixirqilkom is-Saltna ta' Alla, li minħabba fiha qegħdin tbatu. [2Tess:1:6] Alla għad jagħmel is-sewwa, u jrodd it-tbatija lil dawk li qegħdin iġagħlukom issofru; [2Tess:1:7] u għad iserraħ lilkom li qegħdin issofru, kif ukoll lilna, dak in-nhar li l-Mulej Ġesł jfeġġ mis-smewwiet imdawwar bl-anġli tal-qawwa tiegħu b'nar iħeġġeġ, [2Tess:1:8] biex iħallas lil dawk li ma jagħrfux lil Alla, u 'l dawk li ma jobdux l-Evanġelju ta' Sidna Ġesł. [2Tess:1:9] Dawn għad jitħallsu bil-piena tat-telfien ta' dejjem, 'il bogħod minn wiċċ il-Mulej u mill-glorja tal-qawwa tiegħu, [2Tess:1:10] dakinhar li jiġi biex jieħu l-glorja mingħand il-qaddisin tiegħu u l-ġieħ minn dawk kollha li jkunu emmnu, għax intom emmintu x-xhieda tagħna fostkom. [2Tess:1:11] Għalhekk aħna dejjem nitolbu għalikom li Alla tagħna jagħmilkom denji tas-sejħa tiegħu, u jagħmel li bil-qawwa tiegħu sseħħ kull rieda tajba tagħkom għall-ġid u kull ħidma tal-fidi tagħkom. [2Tess:1:12] U hekk l-isem ta' Sidna Ġesł Kristu jkun igglorifikat fikom u intom fih skond il-grazzja ta' Alla tagħna u tal-Mulej Ġesł Kristu.

2. Il-bniedem bla liġi

[2Tess:2:1] Ħuti, għal dak li għandu x'jaqsam mal-miġja ta' Sidna Ġesł Kristu u l-ġemgħa tagħna biex ningħaqdu miegħu, [2Tess:2:2] nitolbukom biex ma toqogħdux tħawwdu raskom malajr u tinħasdu bħallikieku l-miġja ta' jum il-Mulej qorbot, u la jekk tkunu mnebbħin mill-ispirtu u lanqas jekk tisimgħu xi kelma jew taqraw xi ittra taparsi mingħandna. [2Tess:2:3] Tħallux 'il min iqarraq bikom, b'ebda mod! L-aħħar jum ma jkunx magħna qabel ma tkun seħħet ir-rewwixta u jinkixef il-Bniedem tad-dnub, ikkundannat għat-telfien; [2Tess:2:4] hu li jqum u jintrafa' fuq kull ma jġib l-isem ta' Alla jew kull ma hu miqjum mill-bnedmin, sabiex hu stess joqgħod bilqiegħda fit-tempju ta' Alla u jsejjaħ lilu nnifsu Alla. [2Tess:2:5] Ma tiftakrux li dan kollu kont ngħidhulkom meta kont fostkom? [2Tess:2:6] U issa intom tafu x'qiegħed iżomm li dan ma jseħħx għalissa qabel żmienu. [2Tess:2:7] Tassew li l-misteru tal-ħażen ġa qiegħed jaħdem, imma kull ma għandu jiġri ma jiġrix qabel ma jkun twarrab min-nofs dak li issa qiegħed irażżnu. [2Tess:2:8] Mbagħad jinkixef il-Ħażin, u l-Mulej Ġesł joqtlu b'nifs fommu u jeqirdu bid-dija tal-preżenza tiegħu.

[2Tess:2:9] Il-Ħażin għad jiġi bil-qawwa tax-Xitan, u jagħmel kull xorta ta' mirakli u sinjali u għeġubijiet foloz, [2Tess:2:10] u jinqeda b'kull xorta ta' qerq u ħażen fuq dawk li huma kkundannati għall-qerda għax ma ħabbewx u ma laqgħux il-veritą biex isalvaw.

[2Tess:2:11] Għalhekk Alla qed jibagħtilhom kontrihom qawwa qarrieqa biex jemmnu l-gideb, [2Tess:2:12] ħalli b'hekk dawk kollha li ma jemmnux il-veritą, imma jogħġobhom il-ħażen, ikunu kkundannati.

Il-maħturin għas-salvazzjoni

[2Tess:2:13] Aħna għandna niżżu ħajr dejjem 'l Alla minħabba fikom, ħuti maħbubin mill-Mulej, għaliex Alla għażilkom biex tkunu l-ewwel frott tal-fidwa bil-qdusija ta' l-Ispirtu s-Santu u l-fidi fil-veritą. [2Tess:2:14] Għal dan Alla sejjħilkom permezz ta' l-Evanġelju tagħna, biex ikollkom sehem fil-glorja ta' Ġesł Kristu. [2Tess:2:15] Mela, ħuti, żommu ruħkom wieqfa u sħaħ fit-tradizzjonijiet li intom tgħallimtu sew bil-kelma sew bl-ittra tagħna. [2Tess:2:16] Sidna Ġesł Kristu stess u Alla Missierna, li ħabbna u tana l-kuraġġ ta' dejjem u t-tama sħiħa bil-grazzja, [2Tess:2:17] jqawwilkom qalbkom u jsaħħaħkom f'kull għemil u kelma tajba.

3. Itolbu għalina

[2Tess:3:1] Mill-bqija, ħuti, itolbu għalina biex il-kelma tal-Mulej tiġri l-ġirja tagħha u tkun milqugħa bil-ġieħ bħalma ġara fostkom. [2Tess:3:2] Itolbu biex inkunu meħlusa minn nies ħżiena u bla liġi. Għax mhux kulħadd għandu l-fidi [2Tess:3:3] iżda l-Mulej hu fidil; hu jwettaqkom u jħariskom mill-Ħażin. [2Tess:3:4] Aħna żguri minnkom fil-Mulej, jiġifieri, li intom qegħdin tagħmlu u għad tagħmlu dak li ordnajnielkom. [2Tess:3:5] Jalla l-Mulej iwassal lil qlubkom għall-imħabba ta' Alla u s-sabar ta' Kristu.

Tkunux għażżenin

[2Tess:3:6] Ħuti, fl-isem tal-Mulej Ġesł Kristu nordnawlkom li żżommu ruħkom 'il bogħod mill-aħwa kollha li jgħixu fl-għażż u li m'humiex jimxu skond it-tradizzjoni li ħadtu mingħandna. [2Tess:3:7] Intom stess tafu kif jeħtieġ li timxu fuq l-eżempju tagħna. Aħna ma tgħażżinniex meta konna fostkom; [2Tess:3:8] il-ħobż li kilna, ħadd ma tahulna b'xejn; imma lejl u nhar ħdimna u tħabatna u batejna biex ma nkunu ta' piż għal ħadd minnkom. [2Tess:3:9] Mxejna hekk mhux għax ma għandniex dritt li żżommuna intom, imma ridna nagħtukom eżempju biex timxu fuqu. [2Tess:3:10] Meta konna fostkom aħna ordnajnielkom li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol. [2Tess:3:11] Issa aħna smajna li hemm xi wħud fostkom li qegħdin jitgħażżnu; m'humiex jaħdmu, imma qed jinħlew fix-xejn. [2Tess:3:12] Lil dawn in-nies nordnawlhom u nwissuhom, f'isem il-Mulej Ġesł Kristu, biex jaħdmu sewwa u għajxienhom jaqilgħuh. [2Tess:3:13] U intom, ħuti, agħmlu l-ġid bla qatt ma tegħjew. [2Tess:3:14] Jekk ikun hemm xi ħadd fostkom li ma jagħtix widen għall-kliem li qiegħed ngħidilkom f'din l-ittra, immarkawh u nqatgħu minnu, ħalli jistħi; [2Tess:3:15] mhux li tħarsu lejh bħala għadu, imma li twiddbuh bħala ħukom.
Il-barka ta' l-aħħar

[2Tess:3:16] Jagħtikom is-sliem il-Mulej tas-sliem innifsu dejjem u f'kollox. Il-Mulej magħkom ilkoll. [2Tess:3:17] Din hi t-tislima tiegħi b'idi stess, Pawlu; din hi l-firma f'kull ittra tiegħi kif nikteb jien. [2Tess:3:18] Il-grazzja ta' Sidna Ġesł Kristu tkun magħkom ilkoll.