IT-TIENI KTIEB TA’ SAMWEL

1.L-aħbar tal-mewt ta' Sawl

[2Sam:1:1] Ġara li wara l-mewt ta' Sawl, David raġa’ lura mit-taqtigħa ma' l-Għamalekin, u kien ilu jumejn f'Siklag. [2Sam:1:2] Fit-tielet jum ġie raġel mill-kamp minn ħdejn Sawl bi ħwejġu mċarrta u t-trab fuq rasu. Kif wasal quddiem David, ntafa' wiċċu fl-art u sellimlu.

[2Sam:1:3] U David staqsieh: “Mnejn ġej?” u dak wieġbu: “Ħrabt mill-kamp ta' Iżrael.” [2Sam:1:4] U David qallu: “X'aħbarijiet għandek minn hemm? Għidli, isa!” U wieġbu: “Il-poplu ħarab mit-taqbida, ħafna minnhom waqgħu u mietu; u mietu wkoll Sawl u Ġonatan, ibnu.” [2Sam:1:5] U David qal liż-żagħżugħ li tah l-aħbar: “Kif taf li mietu Sawl u ibnu Ġonatan?” [2Sam:1:6] U wieġbu ż-żagħżugħ li wassallu l-aħbar: “Inzertajt kont fuq l-għolja ta' Gilbogħa, u nara lil Sawl jitwieżen fuq il-lanza, u l-karrijiet u r-rikkieba jrossu fuqu; [2Sam:1:7] u hu ħares lura, lemaħni u sejjaħli; u jien weġibtu: 'Hawn jien.' [2Sam:1:8] U qalli: 'Min int?' u jien għedtlu: 'Jien minn Għamalek.' [2Sam:1:9] U hu qalli: 'Ersaq lejja u oqtolni. Għadni ħaj; imma qabadni l-biża' tal-mewt.' [2Sam:1:10] U jien ersaqt lejh u qtiltu. Għax rajt li ma kienx se jgħix wara dik it-telfa tiegħu. U qbadt il-kuruna minn fuq rasu u d-dwawar minn fuq driegħu, u ġibthom lilek, Sidi.”

[2Sam:1:11] Iżda David qabad u ċarrat ħwejġu, u hekk għamlu wkoll in-nies li kellu miegħu. [2Sam:1:12] U bdew inewwħu u jibku, u samu sa filgħaxija għal Sawl, u għal ibnu Ġonatan, u għall-poplu tal-Mulej, u għad-dar ta' Iżrael, għax kienu nqerdu bix-xabla.

[2Sam:1:13] U David imbagħad qal liż-żagħżugħ li kien tah l-aħbar: “Mnejn int?” u wieġbu: “Jien bin raġel barrani, minn Għamalek.” [2Sam:1:14] U qallu David: “Ma bżajtx tmidd idek biex toqtol il-midluk tal-Mulej?” [2Sam:1:15] U David sejjaħ lil wieħed miż-żgħażagħ u qallu: “Ersaq u ntafa' fuqu.” U mbagħad darbu u miet. [2Sam:1:16] U David qallu: “Demmek fuq rasek, għaliex fommok stess xehed kontrik meta għedt: 'Qtilt il-midluk tal-Mulej.’ ”

Il-lamentazzjoni ta' David

[2Sam:1:17] U David beka u għanna din il-lamentazzjoni għal Sawl u għal Ġonatan, ibnu, [2Sam:1:18] u ordna li jgħallmuha lil ulied Ġuda; u tinsab miktuba fi Ktieb il-Ġust:

[2Sam:1:19] ̋Kif intemm ġmielek, Iżrael,
fuq l-għoljiet!
Kif waqgħu l-qalbenin!

[2Sam:1:20] La tħabbru xejn f'Gatt,
la xxandruhiex fl-imsieraħ ta' Askalon;
li ma jimtlewx bil-ferħ it-tfajliet
tal-Filistin,
li ma jaqbżux bil-ferħ ix-xbejbiet
tan-nies bla ħtin.
[2Sam:1:21] Ja għoljiet ta' Gilbogħa,
la nida u la xita ma jinżlu fuqkom,
la raba' għammiel ma jkun fikom.
Hemm ġiet fil-għajb it-tarka tal-qalbenin,
it-tarka ta' Sawl, li ma ndilkitx biż-żejt.

[2Sam:1:22] Mid-demm tal-maqtulin,
mix-xaħam tal-qalbenin,
il-qaws ta' Ġonatan
qatt lura ma raġa’;
ix-xabla ta' Sawl qatt ma reġgħet fiergħa.
[2Sam:1:23] Sawl u Ġonatan, dħulin u maħbubin,
ma nfirdux la f'ħajjithom, la f'mewthom.
Eħfef mill-ajkli, aqwa mill-iljuni!
[2Sam:1:24] Xbejbiet ta' Iżrael, ibku lil Sawl;
libbiskom bil-kreżmi u l-brukkat,
żejjnilkom ilbieskom bid-deheb!
[2Sam:1:25] Kif waqgħu l-qalbenin, waqgħu fil-ġlied!
Ġonatan fuq għoljietek maqtul.
[2Sam:1:26] Jien imgħolli għalik, Ġonatan ħija,
l-għożża tiegħi u l-għaxqa għalija!
Mħabbtek għalija egħżeż
minn imħabbet in-nisa!
[2Sam:1:27] Kif waqgħu l-qalbenin;
u ntilef tagħmir il-ħarb!”

2. David sultan f'Ħebron [1012 – 1004 QK ]

[2Sam:2:1] Wara dawn il-ġrajja David staqsa lill-Mulej u qallu: “Nitla' jien f'waħda mill-ibliet ta' Ġuda!” U l-Mulej wieġbu: “Itla’.” U David issokta: “Fejn nitla'?” U wieġbu: “F'Ħebron.” [2Sam:2:2] U David tela' hemm, hu u ż-żewġ nisa tiegħu, Aħinogħam il-Ġeżragħelija, u Abigajl, mart Nabal il-Karmeli. [2Sam:2:3] David ħa miegħu wkoll in-nies li kienu ngħaqdu miegħu bil-familji tagħhom, u nġabru fl-ibliet ta' Ħebron. [2Sam:2:4] U ġew in-nies ta' Ġuda, u hemm dilku 'l David sultan fuq id-dar ta' Ġuda.

U għarrfu lil David u qalulu: “In-nies ta’ Ġabes-gilgħad difnu lil Sawl. [2Sam:2:5] U David bagħat messaġġiera f'Ġabes-gilgħad u qalilhom: “Mberkin intom mill-Mulej, għax għamiltu din il-ħniena ma' sidkom Sawl u dfintuh. [2Sam:2:6] U issa jagħmel il-Mulej il-ħniena u s-sewwa magħkom, u jien min-naħa tiegħi nagħmlilkom il-ġid, la darba għamiltu hekk. [2Sam:2:7] U issa ħa jissaħħu dirgħajkom u kunu nies ta' ħila; sidkom Sawl miet, imma d-dar ta' Ġuda dilkuni sultan fuqha.”

Il-ġlied bejn David u dar Sawl

[2Sam:2:8] Abner bin Ner, li kien il-kmandant ta' l-eżerċtu ta' Sawl, qabad lil Isboset bin Sawl, u ħadu f'Maħanajm, [2Sam:2:9] u hemm għamlu sultan fuq Gilgħad, fuq l-Asurin, fuq Ġeżragħel, fuq Efrajm, fuq Benjamin, u fuq Iżrael kollu. [2Sam:2:10] U Isboset bin Sawl kellu erbgħin sena meta sar sultan fuq Iżrael, u dam isaltan sentejn. Dar Ġuda biss baqgħet ma' David. [2Sam:2:11] Seba' snin u sitt xhur dam David isaltan fuq dar Ġuda f'Ħebron.

[2Sam:2:12] Abner bin Ner ħareġ bil-qaddejja ta' Isboset bin Sawl, minn Maħanajm lejn Ġibgħon. [2Sam:2:13] U ħareġ ukoll Ġowab bin Seruja bil-qaddejja ta' David, u ltaqgħu flimkien ħdejn il-menqgħa ta' Gibgħon; u dawn qagħdu fuq naħa, u dawk fuq oħra.

[2Sam:2:14] U Abner qal lil Ġowab: “Ħa joħorġu għan-nofs iż-żgħażagħ u jitqabdu quddiemna.” U Ġowab wieġeb: “Ħa joħorġu!” [2Sam:2:15] U ħarġu bl-għadd: tnax mit-tribù ta' Benjamin min-naħa ta' Isboset bin Sawl, u tnax mill-qaddejja ta' David. [2Sam:2:16] Kull wieħed qabad ras sieħbu u nifdu f'ġenbu b'sejfu, u waqgħu lkoll f'waqt wieħed. U semmew dak il-post Ħelkat-ħassurim li tinsab f'Gibgħon.

[2Sam:2:17] U kien hemm taqtigħa qalila sewwa dakinhar, u Abner u n-nies ta' Iżrael kienu megħluba minn David u n-nies tiegħu. [2Sam:2:18] Kienu hemm it-tliet ulied ta' Seruja: Ġowab, Abisaj u Għaxajel; u Għaxajel kien ħafif f'riġlejh daqs għażżiela tax-xagħri.

[2Sam:2:19] U Għaxajel baqa' jiġri dritt wara Abner, bla ma jikser lejn ix-xellug jew lejn il-lemin. [2Sam:2:20] U Abner dar lejh u qallu: “Huwa int, Għaxajel?” U dak wieġbu: “Jien.” [2Sam:2:21] U Abner qallu: “Dur lejn ix-xellug jew lejn il-lemin, aqbad f'wieħed miż-żgħażagħ, u ħudlu ħżiemu.” U Għaxajel ma riedx iwarrab minn warajh. [2Sam:2:22] U Abner issokta jgħid lil Għaxajel: “Żul minn warajja, li ma nonxrokx fl-art, u mbagħad kif inkun nista' nerfa' wiċċi quddiem ħuk Ġowab?” [2Sam:2:23] U hu ma riedx iwarrab, u Abner darbu b'tarf il-lanza f'żaqqu, u l-lanza ħarġet minn dahru u baqa' mejjet fl-art. U kull min kien jgħaddi minn fejn kien waqa' Għaxajel u miet, kien jibqa' ċċassat. [2Sam:2:24] Imma Ġowab u Abisaj telqulha għal wara Abner, u għall-ħabta ta' nżul ix-xemx waslu ħdejn l-għolja ta' Amma, li tinsab biswit Ġijaħ fuq it-triq li tieħu għad-deżert ta' Gibgħon. [2Sam:2:25] U n-nies ta' Benjamin inġemgħu madwar Abner, u ngħaqdu bejniethom, u ħadu posthom fuq il-quċċata ta' l-għolja.

[2Sam:2:26] U Abner sejjaħ lil Ġowab u qallu: “Se tibqa' x-xabla sejra bil-qerda għal dejjem? Jaqaw ma tafx li fl-aħħar ikun hemm l-imrar? Kemm se ddum ma tgħid lill-poplu li ma jibqgħux jiġru wara ħuthom?”

[2Sam:2:27] U Ġowab qal: “Daqs kemm hu ħaj Alla, li kieku ma tkellimtx int, il-poplu kollu kien jibqa' sejjer wara ħuthom sa għada fil-għodu.” [2Sam:2:28] U Ġowab daqq il-kornu u l-poplu waqaf, u ma baqax jiġri wara Iżrael, u ma ssuktawx aktar jitqabdu bejniethom.

[2Sam:2:29] Abner u n-nies tiegħu baqgħu sejrin lejn l-Għaraba l-lejl kollu, qasmu l-Ġordan, u baqgħu miexja filgħodu kollu sa ma waslu Maħanajm.

[2Sam:2:30] Ġowab imbagħad raġa’ lura minn wara Abner u ġama' n-nies kollha; u nqerdu min-nies ta' David dsatax-il raġel u Għaxajel. [2Sam:2:31] U n-nies ta' David qatlu mit-tribù ta' Benjamin u min-nies ta' Abner tliet mija u sittin ruħ. [2Sam:2:32] U ġarrew lil Għaxajel u difnuh f'qabar missieru f'Betlehem. U Ġowab u n-nies tiegħu baqgħu jterrqu l-lejl kollu, u mas-sebħ waslu Ħebron.


3. David f'Ħebron

[2Sam:3:1] Il-ġlied bejn dar Sawl u dar David dam sejjer żmien twil. David baqa' jissaħħaħ dejjem, u dar Sawl baqgħet sejra dejjem għall-agħar.

[2Sam:3:2] U 'l David tweldulu dawn is-subjien f'Ħebron: Amnon, il-kbir tiegħu, minn Aħinogħam il-Ġeżragħelija; [2Sam:3:3] it-tieni Kilab minn Abigajl, mart Nabal mill-Karmel; it-tielet Absalom bin Magħka, bint Tolmaj, sultan ta' Gesur; [2Sam:3:4] ir-raba' Adonija bin Ħaggit; il-ħames Sefatija bin Abital; [2Sam:3:5] is-sitt wieħed Itrigħam minn Għegla, mart David. Dawn twieldu lkoll f'Ħebron lil David.

Abner u David

[2Sam:3:6] Il-gwerra bejn id-dar ta' Sawl u d-dar ta' David ħadet fit-tul; u Abner baqa' jissaħħaħ fuq dar Sawl. [2Sam:3:7] Sawl kellu konkubina jisimha Risfa bint Ajja. U Isboset qal lil Abner: “Għaliex ersaqt lejn il-konkubina ta' missieri?” [2Sam:3:8] Abner inkorla bis-sħiħ għal li qallu Isboset, u qallu: “Jaqaw ħsibtni ras ta' xi kelb ta' Ġuda? Sa llum kont fidil lejn id-dar ta' Sawl missierek, lejn ħutu u ħbiebu, u ma tlaqtekx f'idejn David. U issa tiġi tgħajjarni b'din il-mara! [2Sam:3:9] Hekk jagħmel Alla lil Abner u aktar, jekk ma nagħmilx lil David dak li ħaliflu l-Mulej: [2Sam:3:10] jiġifieri li nneħħi s-saltna minn dar Sawl, u li nsaħħaħ it-tron ta' David fuq Iżrael u Ġuda minn Dan sa Birsaba.” [2Sam:3:11] U dak ma setax iwieġeb kelma waħda lil Abner, għax kien jibża' minnu.

[2Sam:3:12] U Abner bagħat malajr messaġġiera għand David jgħidulu: “Ta' min hi l-art? Agħmel patt miegħi u, ara, jiena ngħinek, biex indawwar lejk lil Iżrael kollu.” [2Sam:3:13] U David wieġbu: “Tajjeb! Jien nagħmel patt miegħek. Ħaġa waħda nitolbok u ngħidlek: tidhirx quddiem wiċċi jekk qabel ma ġġiblix quddiemi lil Mikal bint Sawl, meta tiġi tarani.”

[2Sam:3:14] U David bagħat messaġġiera għand Isboset bin Sawl, jgħidulu: “Agħtini 'l marti Mikal li jiena kont tgħarrast magħha bil-prezz ta' mitt ħliefa tal-Filistin.” [2Sam:3:15] U Isboset ħadha mingħand żewġha, Paltijel bin Lajs, u bagħatha lil David. [2Sam:3:16] U żewġha wassalha sa Baħurim, jimxi u jibki warajha. U Abner qallu: “Mur u erġa’ lura!” U dak raġa’ lura.

[2Sam:3:17] Abner imbagħad kellem lix-xjuħ ta' Iżrael u qalilhom: “Issa ilkom żmien tfittxu li David isaltan fuqkom. [2Sam:3:18] Mela qumu, agħmlu li għandkom tagħmlu, la darba l-Mulej kellem lil David, u qallu: 'Bis-saħħa ta' David, qaddej tiegħi, jien nifdi l-poplu tiegħi ta' Iżrael minn id il-Filistin u minn id l-għedewwa kollha tagħhom.’ ”

[2Sam:3:19] U Abner issokta jkellem ukoll lid-dar ta' Benjamin, u mar ikellem ukoll lil David f'Ħebron, u jgħidlu kull ma kien jogħġob lil Iżrael u d-dar ta' Benjamin.

[2Sam:3:20] U Abner mar għand David f'Ħebron u miegħu kellu għoxrin raġel. U lil Abner u n-nies li kellu miegħu David tahom ikla kbira. [2Sam:3:21] U Abner qal lil David: “Se nqum u mmur niġbor quddiemek, sidi s-sultan, lil Iżrael kollu biex jagħmlu patt miegħek u int issaltan fuq kollox skond ma tixtieq qalbek!” U David ħallieh imur bis-sliem.

[2Sam:3:22] Dak il-ħin waslu n-nies ta' David u Ġowab minn assalt, u ġiebu magħhom priża kbira. Abner ma kienx f'Ħebron ma' David, għax dan kien ħallieh imur bis-sliem. [2Sam:3:23] Malli Ġowab u l-qtajja' kollha li kellu miegħu waslu, in-nies ħabbru lil Ġowab u qalulu: “Ġie Abner bin Ner għand is-sultan, u s-sultan ħallieh imur bis-sliem.” [2Sam:3:24] U Ġowab mar għand is-sultan u qallu: “X'għamilt? Ara, Abner ġie għandek. Għax ħallejtu jmur bis-sliem? [2Sam:3:25] Ma tafux lil Abner bin Ner? Li dak ġie biex iqarraq bik? Biex jitkixxef dħulek u ħruġek, u x'tagħmel u x'ma tagħmilx?” [2Sam:3:26] U Ġowab ħareġ minn quddiem David u bagħat messaġġiera wara Abner, u ġagħluh jerġa’ lura mill-bir ta' Sira, bla ma kien jaf David. [2Sam:3:27] Malli Abner raġa’ lura f'Ħebron, Ġowab warrbu f'nofs ta' bieb biex ikellmu bil-kwiet waħdu, u hemm darbu f'żaqqu, u miet. U hekk Ġowab tħallas tad-demm ta' ħuh Għaxajel.

[2Sam:3:28] Mbagħad sama' David b'dan u qal: “Bla ħtija jien u saltnati mid-demm ta' Abner bin Ner quddiem il-Mulej għal dejjem. [2Sam:3:29] Jalla jaqa' dan id-demm fuq Ġowab u d-dar kollha ta' missieru! Jalla ma jonqos qatt minn daru l-mard bl-inxija tad-demm jew bil-ġdiem, min jistrieħ fuq il-ħatar, min imut bix-xabla, jew jittallab il-ħobż.” [2Sam:3:30] Ġowab u ħuh Abisaj qatlu lil Abner, talli kien qatel lil ħuhom Għaxajel f'Gibgħon waqt it-taqtigħa.

[2Sam:3:31] U David qal lil Ġowab u lin-nies li kienu miegħu: “ċarrtu lbieskom, u ilbsu x-xkejjer, u ixhru għal Abner.” U s-sultan David mexa wara t-tebut. [2Sam:3:32] U difnu lil Abner f'Ħebron; u s-sultan għolla leħnu u beka fuq il-qabar ta' Abner; u miegħu beka l-poplu kollu.

[2Sam:3:33] U s-sultan għanna din il-lamentazzjoni għal Abner:

“Hekk kellu jmut Abner bħalma jmut l-iblah?
[2Sam:3:34] Idejk ma kinux marbutin;
anqas riġlejk bil-qajd!
Bħalma jaqa' wieħed quddiem il-ħżiena,
hekk int waqajt.”

U ssokta jibkih il-poplu kollu. [2Sam:3:35] U kulħadd ġie jħajjar lil David biex jiekol meta kien għadu binhar; imma David ħalef u qal: “Dan jagħmilli Alla u iżjed, jekk induq il-ħobż jew xi ħaġa oħra qabel ma tgħib ix-xemx.” [2Sam:3:36] U l-poplu kollu sar jaf b'dan, u kien jogħġbu kull ma kien jagħmel is-sultan. [2Sam:3:37] U l-poplu kollu, saħansitra Iżrael kollu, intebaħ dakinhar li ma kienx is-sultan li qatel lil Abner bin Ner. [2Sam:3:38] U s-sultan qal lill-qaddejja tiegħu: “Ma tafux li prinċep u raġel kbir waqa' llum f'Iżrael? [2Sam:3:39] Għad li jien midluk sultan iddgħajjift illum: dawn in-nies, ulied Seruja, huma eqlel minni. U jħallas il-Mulej id-deni lil min jagħmel id-deni, skond il-ħsara li jkun għamel.”


4. Il-mewt ta' Isboset

[2Sam:4:1] Isboset bin Sawl sama' li Abner kienu qatluh f'Ħebron, u għebet il-ħila minn idejh, u Iżrael kollu baqgħu mbellhin.

[2Sam:4:2] Isboset bin Sawl kellu żewġ kapijiet ta' l-eżerċtu, jisimhom wieħed Bagħna u l-ieħor Rekab, ulied Rimmon minn Birot mit-tribù ta' Benjamin, billi Birot kienet fl-art ta' Benjamin. [2Sam:4:3] In-nies ta' Birot kienu ħarbu lejn Gittajm, u baqgħu jgħixu hemm bħallikieku barranin sa llum. [2Sam:4:4] Issa Ġonatan bin Sawl kellu iben immankat minn riġlejh; dan kellu ħames snin meta waslet l-aħbar tal-mewt ta' Sawl u Ġonatan minn Ġeżragħel; u l-imreddgħa tiegħu qabditu u ħarbet bih; fl-għaġla li kellha biex taħrab, it-tifel waqa' u zzappap. Kien jismu Mefiboset.

[2Sam:4:5] Ulied Rimmon il-Biroti, Rekab u Bagħna, marru u daħlu f'dar Isboset fl-eqqel tas-sħana tal-jum, u sabuh rieqed ir-raqda ta' nofsinhar. [2Sam:4:6] Il-mara tal-bieb kienet qiegħda tnaqqi l-qamħ, ħadha n-ngħas u raqdet. [2Sam:4:7] U Rekab u Bagħna, ħuh, baqgħu deħlin inkiss inkiss ġod-dar, u sabuh mimdud fuq friexu f'kamartu; qatluh, qatgħulu rasu, ħaduha, u baqgħu sejrin biha l-lejl kollu fl-Għaraba.

[2Sam:4:8] U ġiebu ras Isboset għand David f'Ħebron u qalu lis-sultan: “Hawn hi ras Isboset bin Sawl, l-għadu tiegħek, li kien ifittixlek ħajtek. Il-Mulej illum tħallas b'riżq sidi s-sultan minn Sawl u minn nislu.”

[2Sam:4:9] U David wieġeb lil Rekab u lil ħuh Bagħna, ulied Rimmon il-Biroti, u qalilhom: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, li ħelisni minn kull għawġ! [2Sam:4:10] Lil dak li ġie ħabbarli li Sawl kien miet u li kien ħaseb li kien ġiebli xi aħbar tajba, jien qbadtu u qtiltu f'Siklag, u hekk ħallastu tal-bxara. [2Sam:4:11] Kemm aktar issa, li nies ta' qattagħni qatlu bniedem ġust f'daru u f'soddtu, nfittex inqaċċatkom minn wiċċ l-art, u nitħallas minnkom ta' demmu?” [2Sam:4:12] U David ordna lill-qaddejja tiegħu li joqtluhom, jaqtgħulhom idejhom u riġlejhom, u jdendluhom ħdejn il-menqgħa ta' Ħebron. U ras Isboset ħaduha u difnuha fil-qabar ta' Abner f'Ħebron.

5. David sultan ta' Iżrael kollu

[2Sam:5:1] Mbagħad it-tribujiet kollha ta' Iżrael ġew għand David f'Ħebron u qalulu: “Arana, għadmek u laħmek aħna! [2Sam:5:2] Fl-imgħoddi, meta Sawl kien sultan fuqna, kont int li kont toħroġ lil Iżrael għall-gwerra u ġġibhom lura, u l-Mulej qallek: 'Int għad tirgħa l-poplu tiegħi u tkun prinċep fuq Iżrael.’ ” [2Sam:5:3] U x-xjuħ kollha ta' Iżrael ġew għand is-Sultan f'Ħebron u s-sultan David għamel patt magħhom f'Ħebron quddiem il-Mulej; u lil David dilkuh sultan fuq Iżrael.

[2Sam:5:4] Tletin sena kellu David meta sar sultan, u dam isaltan erbgħin sena; [2Sam:5:5] seba' snin u sitt xhur fuq Ġuda f'Ħebron; u tlieta u tletin sena f'Ġerusalemm fuq Iżrael kollu u fuq Ġuda.

David jidħol Ġerusalemm

[2Sam:5:6] Is-sultan mar bin-nies tiegħu Ġerusalemm kontra l-Ġebusin, li kienu jgħammru fil-pajjiż. U qalu lil David: “Ma tidħolx hawn! Biżżejjed l-għomja u z-zopop biex ikeċċuk,” fi kliem ieħor: “David ma jidħolx.” [2Sam:5:7] Imma David ħa f'idejh il-fortizza ta' Sijon, li hi l-Belt ta' David. [2Sam:5:8] U David dak in-nhar kien qal: “Min se jidrob lill-Ġebusi, ħa jitla' mill-ispiera u jaħbat għaz-zopop u l-għomja, mistmerra minn David?” Għalhekk għadhom jgħidu sa llum: “Il-bniedem agħma jew zopp ma jidħolx fid-dar.”

[2Sam:5:9] U David beda jgħammar fil-fortizza u semmieha l-Belt ta' David. U bena dawramejt magħha minn Millu 'l ġewwa. [2Sam:5:10] U David baqa' dejjem jissaħħaħ u l-Mulej, Alla ta' l-eżerċti, kien dejjem miegħu.

[2Sam:5:11] U Ħiram, sultan ta' Tir, bagħat messaġġ għand David, u injam taċ-ċedru, mastrudaxxi u naġġara tal-ġebel; u dawn bnew dar għal David.

[2Sam:5:12] U David għaraf li l-Mulej kien wettqu sultan fuq Iżrael, u li għolla saltnatu minħabba l-poplu tiegħu Iżrael.

[2Sam:5:13] Mbagħad David ħa konkubini u nisa oħra minn Ġerusalemm, wara li kien ġie minn Ħebron; u tweldulu aktar subjien u bniet. [2Sam:5:14] U dawn huma l-ismijiet ta' l-ulied li twieldu lil David f'Ġerusalemm: Sammugħa u Sobab, Natan u Salamun. [2Sam:5:15] Ibħar u Elisugħa, Nefeg u Ġafigħa u [2Sam:5:16] Elisama u Eljada u Elifelet.

David u l-Filistin

[2Sam:5:17] U l-Filistin semgħu li kienu dilku lil David sultan fuq Iżrael kollu; u telgħu lkoll ifittxu lil David; malli David sama' bihom, niżel fil-fortizza; [2Sam:5:18] u l-Filistin ġew u xterdu fil-wied ta' Refajm.

[2Sam:5:19] David stħarreġ lill-Mulej u qal: “Nitla' kontra l-Filistin? Terħihomli f'idejja?” U l-Mulej wieġeb lil David: “Itla', għaliex il-Filistin se nerħihom f'idejk.”

[2Sam:5:20] David mar f'Bagħal-perasim; u hemm tahom xebgħa, u mbagħad qal: “Ħarbat il-Mulej l-għedewwa tiegħi, bħalma l-ilma jħarbat kollox quddiemu.” Għalhekk il-post semmewh Bagħal-perasim. [2Sam:5:21] Il-Filistin ħallew hemm l-idoli ta' l-allat tagħhom, u ġabruhom David u n-nies tiegħu.

[2Sam:5:22] Imma l-Filistin reġgħu telgħu u tqassmu fil-wied ta' Refajm. [2Sam:5:23] U David stħarreġ lill-Mulej u l-Mulej wieġbu: “Titlax għalihom: dur għal warajhom, u ħudhom minn wara minn biswit is-siġar tal-balzmu. [2Sam:5:24] Malli tisma' t-tħaxwix tal-mixi fuq il-qċaċet tas-siġar tal-balzmu ħaffef malajr għaliex dak il-ħin joħroġ il-Mulej quddiemek u jkisser il-kamp tal-Filistin.” [2Sam:5:25] U David għamel bħalma ordnalu l-Mulej, u ħarbat il-Filistin minn Geba sa ma tasal Geżer.

6. L-arka f'Ġerusalemm

[2Sam:6:1] U David ġama' l-aħjar nies ta' Iżrael, tletin elf ruħ. [2Sam:6:2] Mbagħad David qam u telaq bil-poplu kollu miegħu minn Bagħale-ġuda biex italla' minn hemm l-arka ta' Alla, li ġġib l-isem tal-Mulej ta' l-eżerċti, li qiegħed fuq il-kerubini.

[2Sam:6:3] U għabbew l-arka ta' Alla fuq karru ġdid u ġarrewha mid-dar ta' Abinadab, li kienet fuq l-għolja. U Għużża u Aħiju, ulied Abinadab, kienu jsuqu l-karru l-ġdid [2Sam:6:4] bl-arka ta' Alla fuqu, u Aħiju kien miexi quddiem l-arka.

[2Sam:6:5] U David u d-dar kollha ta' Iżrael kienu jiżfnu u jaqbżu bil-ferħ quddiem il-Mulej b'kemm kellhom saħħa, bl-għana u d-daqq taċ-ċetri, l-arpi, it-tnabar, iċ-ċnieċel u l-platti. [2Sam:6:6] Xħin waslu ħdejn il-qiegħa ta' Nakon, il-gniedes tfixklu u Għużża medd idu lejn l-arka ta' Alla biex iżommha. [2Sam:6:7] Il-Mulej għadab għal Għużża, u Alla laqtu hemm u baqa' mejjet tal-post ħdejn l-arka ta' Alla. [2Sam:6:8] David għela għax laqat il-Mulej lil Għużża, u sejjaħ il-post Peres-għużża sa llum.

[2Sam:6:9] Dakinhar David ħass ruħu beżgħan quddiem il-Mulej u qal: “Kif jista' jkun li l-arka tal-Mulej tidħol għandi?” [2Sam:6:10] U David ma riedx idaħħal għandu l-arka tal-Mulej fil-belt ta' David, u ħadha fid-dar ta' Għobed-edom il-Gitti. [2Sam:6:11] U l-arka tal-Mulej baqgħet f'dar Għobed-edom, il-Gitti, tliet xhur sħaħ. U l-Mulej bierek lil Għobed-edom u 'l daru kollha. [2Sam:6:12] U lis-sultan David qalulu: “Il-Mulej bierek dar Għobed-edom u kull ma għandu minħabba l-arka ta' Alla.” U mar David u talla' l-arka ta' Alla bil-ferħ mid-dar ta' Għobed-edom għall-belt ta' David. [2Sam:6:13] U malli r-reffiegħa ta' l-arka tal-Mulej imxew xi sitt passi, offra b'sagrifiċċju gendus u għoġol imsemmen. [2Sam:6:14] David, liebes efod ta' l-għażel, beda jiżfen b'ħiltu kollha quddiem il-Mulej. [2Sam:6:15] U hekk David u d-dar kollha ta' Iżrael wasslu l-arka tal-Mulej b'għajat ta' ferħ u daqq tat-trombi.

[2Sam:6:16] Ġara li, hi u dieħla l-arka tal-Mulej fil-belt ta' David, Mikal, bint Sawl, ittawwlet mit-tieqa, u lemħet is-sultan David jaqbeż u jiżfen quddiem il-Mulej, u stmerritu f'qalbha.

[2Sam:6:17] Ġiebu l-arka tal-Mulej u qegħduha f'postha, fit-tinda li kien waqqaf għaliha David. David imbagħad offra sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem quddiem il-Mulej. [2Sam:6:18] Meta kien offra s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem, David bierek il-poplu b'isem il-Mulej ta' l-eżerċti; [2Sam:6:19] u qassam lill-poplu kollu, lill-kotra ta' Iżrael, rġiel u nisa, ftira ħobż, biċċa laħam u ċappa żbib kull wieħed. U l-poplu kollu telaq, kulħadd lejn daru.

[2Sam:6:20] Xħin David raġa’ lura d-dar biex isellem lil niesu, ħarġet Mikal, bint Sawl, tilqgħu u qaltlu: “Kemm kien sabiħ illum is-sultan ta' Iżrael, mikxuf quddiem għajnejn in-nisa tal-qaddejja tiegħu, bħalma jinkixef raġel bla ġieħ!” [2Sam:6:21] U David wieġeb lil Mikal: “Il-Mulej kien li għażilni flok missierek u daru kollha, u għamilni prinċep fuq il-poplu ta' Iżrael, il-poplu tal-Mulej; iva, jiena żfint quddiem il-Mulej. [2Sam:6:22] Anzi niċċekken aktar minn hekk. Ħa nitlef ġieħi f'għajnejk, imma nissebbaħ quddiem il-qaddejja nisa li semmejt int.”

[2Sam:6:23] U Mikal, bint Sawl, baqgħet bla tfal sa ma mietet.

7. Il-wegħda tal-Mulej

[2Sam:7:1] Meta s-sultan David mar joqgħod f'daru, u l-Mulej serrħu mill-għedewwa kollha ta' madwaru, [2Sam:7:2] is-sultan qal lil Natan il-profeta: “Issa, ara jiena qiegħed f'dar taċ-ċedru, u l-arka ta' Alla qiegħda f'nofs ta' tinda!” [2Sam:7:3] U qal Natan lis-sultan: “Kull ma għandek fi ħsiebek li tagħmel, mur agħmlu, għax il-Mulej miegħek.” [2Sam:7:4] Imma dak il-lejl stess ġiet il-kelma tal-Mulej lil Natan u qallu: [2Sam:7:5] “Mur għid lill-qaddej tiegħi David: 'Dan jgħid il-Mulej: Se tibnili int dar biex noqgħod fiha? [2Sam:7:6] Jiena ma għammart f'ebda dar minn mindu tellajt lil ulied Iżrael mill-Eġittu sa llum. Jiena kont niġġerra f'tinda u f'għarix [2Sam:7:7] F'dak iż-żmien kollu li kont niġġerra 'l hawn u 'l hinn ma' wlied Iżrael, qatt għedt lil xi ħadd mill-kapijiet ta' Iżrael li jien kont qabbadt jirgħu l-poplu tiegħi Iżrael: Għaliex ma bnejtlix dar taċ-ċedru?'

[2Sam:7:8] “U issa għid lill-qaddej tiegħi David: 'Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: Ara, jiena ħadtek mill-mergħat minn wara l-imrieħel biex tkun prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael. [2Sam:7:9] Dejjem kont miegħek f'kull ma kont tidħol għalih; u meta int qridt l-għedewwa tiegħek kollha minn quddiemek. Issa jiena nibnilek isem kbir jixbaħ l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja. [2Sam:7:10] Nagħmel post għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn jgħammar bla biża', u ma jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħalma għamlu sa minn dejjem, [2Sam:7:11] jiġifieri sa minn meta qajjimt l-imħallfin fuq il-poplu tiegħi Iżrael; u nserrħek mill-għedewwa tiegħek kollha.

‘Lilek imbagħad, il-Mulej jagħtik kelma li jibnilek dar.
[2Sam:7:12] U meta inti ttemm żmienek, u tkun striħajt ma' missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. [2Sam:7:13] Huwa jibni dar lil ismi, u jiena nsaħħaħ it-tron tas-saltna tiegħu għal dejjem. [2Sam:7:14] Jiena nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben. Jekk jagħmel il-ħażin, jiena nwiddbu bl-istess bastun tal-bnedmin u bid-daqqiet li jagħtu l-bnedmin. [2Sam:7:15] Imma t-tjieba tiegħi lejh qatt ma nwarrabha għalkollox minnu, bħalma warrabtha minn ma' Sawl li jiena begħedt minn quddiemek. [2Sam:7:16] Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi. It-tron tiegħek jibqa' sħiħ għal dejjem.' ”

[2Sam:7:17] Natan kellem lil David skond dan il-kliem u din il-viżjoni.

David quddiem il-Mulej

[2Sam:7:18] Mbagħad David mar quddiem il-Mulej, u qal: “Min jien jien, Sidi Mulej, u min hi l-familja tiegħi, biex wassaltni sa hawn? [2Sam:7:19] Imma dan kien għadu ftit f'għajnejk, Sidi Mulej; u issa tkellimt ukoll mill-familja tal-qaddej tiegħek għal żmien li għadu 'l bogħod. U dan turih lill-bniedem, Sidi Mulej!

[2Sam:7:20] “U x'jista' jgħidlek David, iżjed, int taf il-qaddej tiegħek, Sidi Mulej. [2Sam:7:21] Int imxejt skond il-wegħda tiegħek, u qalbek, u għarraft dan il-kobor kollu lill-qaddej tiegħek. [2Sam:7:22] Għalhekk int kbir, Sidi Mulej. Tassew ma hawn ħadd daqsek, u ebda alla ieħor ħliefek skond ma smajna b'widnejna. [2Sam:7:23] U liema poplu ieħor fid-dinja hu bħal Iżrael, il-poplu tiegħek, li Alla nqala' biex jifdih u jagħmlu l-poplu tiegħu, u jagħtih isem, u permezz tiegħu jagħmel għalih ħwejjeġ kbar u ta' l-għaġeb bħal meta int keċċejt il-ġnus u allathom minn quddiem il-poplu tiegħek, li int fdejt mill-Eġittu? [2Sam:7:24] Int waqqaft il-poplu tiegħek Iżrael bħala poplu tiegħek għal dejjem; int, Mulej, sirt Alla tagħhom.

[2Sam:7:25] “U issa, Mulej Alla, il-kelma li int għedt dwar il-qaddej tiegħek u l-familja tiegħu, żommha għal dejjem, u agħmel kif għedt. [2Sam:7:26] B'hekk ismek ikun imfaħħar għal dejjem b'dan il-kliem: 'Il-Mulej ta' l-eżerċti hu Alla fuq Iżrael!' U l-familja tal-qaddej tiegħek David tibqa' sħiħa quddiemek.

[2Sam:7:27] “Għaliex int, Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael, għarraft lill-qaddej tiegħek u għedtlu: 'Jiena nibnilek dar.' Għalhekk il-qaddej tiegħek għamel il-qalb li jagħmillek din it-talba. [2Sam:7:28] U issa, Sidi Mulej, int Alla, il-kelma tiegħek hi sewwa, u int wegħedt dan il-ġid lill-qaddej tiegħek. [2Sam:7:29] Qum u bierek il-familja tal-qaddej tiegħek, ħalli tibqa' sħiħa quddiemek għal dejjem! Għax int, Sidi Mulej, tkellimt, u l-familja tal-qaddej tiegħek tkun imbierka għal dejjem minħabba fil-barka tiegħek.”

8. Ir-rebħ ta' David

[2Sam:8:1] Ġara li wara dan David ħabat għall-Filistin u għelibhom u ħadilhom minn taħt idejhom il-belt ta' Meteg-ħa-amma. [2Sam:8:2] Kisser ukoll lil Mowab, meddhom fl-art u qieshom bil-ħabel; qies żewġt iħbula għall-mewt, u ħabel wieħed ħalliehom ħajjin. Hekk il-Mowabin sfaw suġġetti għal David u kellhom iħallsu l-ħaraġ. [2Sam:8:3] Rebaħ ukoll David lil Ħadad-għeżer bin Reħob, sultan ta' Soba, meta dan mar biex iwaqqaf saltnatu sax-xmara. [2Sam:8:4] David ħadlu elf u seba' mitt rikkieb u għoxrin elf fanterija. U David qata' l-għeruq ta' għarqub iż-żwiemel kollha tal-karrijiet, imma ħalla sħaħ minnhom għal mitt karru. [2Sam:8:5] Aram ta' Damasku mar jgħin lil Ħadad-għeżer, sultan ta' Soba, u David ħabat għal Aram u qered minnhom tnejn u għoxrin elf raġel. [2Sam:8:6] Mbagħad David qiegħed għases f'Aram ta' Damasku, u hekk l-Aramin saru suġġetti għal David, u bdew iħallsu l-ħaraġ. U l-Mulej kien jgħin lil David f'kull ma kien jidħol għalih.

[2Sam:8:7] U David ħa t-tarkiet tad-deheb li kellhom fuqhom il-qaddejja ta' Ħadad-għeżer, u ġiebhom f'Ġerusalemm. [2Sam:8:8] Minn Betaħ imbagħad, u minn Berotaj, bliet ta' Ħadad-għeżer, is-sultan David ħa ħafna ram.

[2Sam:8:9] U Togħi, is-sultan ta' Ħamat, sar jaf li David qered il-forza kollha ta' Ħadad-għeżer, [2Sam:8:10] u bagħat lil ibnu Ġoram għand is-sultan David biex iselli għalih u jifraħlu talli ħabat għal Ħadad-għeżer u qerdu - għax Ħadad-għeżer kien miġġieled ma' Togħi. U Ġoram ġieb f'idu tagħmir tal-fidda u tagħmir tad-deheb u tagħmir tar-ram. [2Sam:8:11] U s-sultan David ikkonsagrahom lill-Mulej flimkien mal-fidda u d-deheb li kien ikkonsagra wara li ħadhom mingħand il-ġnus li kien rebaħ, [2Sam:8:12] jiġifieri, minn Aram, minn Mowab, mingħand ulied Għammon, mill-Filistin, minn Għamalek, u mill-priża ta' Ħadad-għeżer bin Reħob, sultan ta' Soba.

[2Sam:8:13] Wara li kien raġa’ lura mix-xebgħa li kien ta lil Aram, David għamel isem ukoll billi qered tmintax-il elf ruħ mill-Edomin f'Wied il-Melħ. [2Sam:8:14] U mbagħad ħalla għases f'Edom; u Edom kollha waqgħet taħt il-ħakma ta' David.

Hekk il-Mulej kien irebbaħ lil David f’kull ma kien jidħol għalih.

L-amministrazzjoni

[2Sam:8:15] U David kien isaltan fuq Iżrael kollu, u kien jagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja mal-poplu kollu tiegħu.

[2Sam:8:16] U Ġowab bin Seruja kien jikkmanda l-eżerċtu; u Ġosafat bin Aħilud kien segretarju; [2Sam:8:17] u Sadok bin Aħitub u Aħimeluk bin Abjatar kienu qassisin; u Sisa kien kronista. [2Sam:8:18] Benajja bin Ġojada, kien fuq il-Keretin u l-Peletin; ulied David, mbagħad, kienu qassisin.

9. David u bin Ġonatan

[2Sam:9:1] U David staqsa: “Hemm xi ħadd li għadu ħaj mid-dar ta' Sawl, biex nurih imħabbti f'ġieħ Ġonatan?” [2Sam:9:2] Kien hemm qaddej mid-dar ta' Sawl, li kien jismu Siba. U sejjħulu għal quddiem David, u s-sultan staqsieh: “Inti Siba?” u dak wieġeb: “Qaddej tiegħek!” [2Sam:9:3] U s-sultan qallu: “Fadal xi ħadd mid-dar ta' Sawl biex nagħmel miegħu l-ħniena ta' Alla?” [2Sam:9:4] U Siba wieġeb lis-sultan: “Għad fadal bin Ġonatan, zopp minn riġlejh it-tnejn.” U s-sultan issokta jgħidlu: “Fejn hu?” U Siba wieġeb lis-sultan: “Qiegħed fid-dar ta' Makir bin Għammijel f'Lodebar.”

[2Sam:9:5] U s-sultan David bagħat għalih u ġibuh mid-dar ta' Makir bin Għammijel minn Lodebar. [2Sam:9:6] U Mefiboset bin Ġonatan, bin Sawl, resaq quddiem David u niżel wiċċu fl-art quddiemu u tah qima. U David qal: “Mefiboset!” U dak wieġbu: “Qaddej tiegħek!” [2Sam:9:7] U David qallu: “La tibżax, għax se nagħmel ħniena miegħek f'ġieħ Ġonatan missierek; nroddlok lura l-oqsma kollha ta' missierek Sawl, u inti tiekol mill-mejda tiegħi għal dejjem.” [2Sam:9:8] U niżel wiċċu fl-art quddiemu u tah qima u qallu: “X'inhu l-qaddej tiegħek biex inti dawwart wiċċek lejn kelb mejjet bħali?”

[2Sam:9:9] U s-sultan sejjaħ lil Siba, il-qaddej ta' Sawl, u qallu: “Kull ma kellu Sawl u d-dar tiegħu tajtu lil bin sidek. [2Sam:9:10] Inti taħdimlu r-raba', inti u wliedek u l-qaddejja tiegħek; u int iġġib il-frott lil bin sidek, ħalli dar sidek ikollhom x'jieklu; imma Mefiboset bin Sidek jibqa' jiekol dejjem mill-mejda tiegħi.” Siba, li kellu ħmistax-il tifel u għoxrin qaddej, [2Sam:9:11] wieġeb lis-sultan: “Kull ma ordna sidi s-sultan lill-qaddej tiegħu, hekk jagħmel il-qaddej tiegħu.” U Mefiboset baqa' jiekol mill-mejda tas-sultan bħallikieku wieħed minn uliedu. [2Sam:9:12] Mefiboset kellu tifel żgħir jismu Mika; u dawk kollha li kienu joqogħdu f'dar Siba kienu qaddejja ta' Mefiboset. [2Sam:9:13] U Mefiboset kien joqgħod Ġerusalemm, għax kien jiekol mill-mejda tas-sultan, u kien zopp minn riġlejh it-tnejn.

10. Ir-rebħ fuq l-Għammonin u l-Aramin

[2Sam:10:1] Ġara li wara dan miet is-sultan ta' wlied Għammon, u daħal isaltan floku Ħanun, ibnu. [2Sam:10:2] U David qal: “Ħa nrodd lil Ħanun bin Naħas il-favur li missieru għamel miegħi.” U David bagħat il-qaddejja tiegħu jagħtuh l-għomor għall-mewt ta' missieru. U l-qaddejja ta' David marru fl-art ta' wlied Għammon.

[2Sam:10:3] U l-kapijiet ta' wlied Għammon qalu lil Ħanun, sidhom: “Taħseb int li David bagħat jagħtik l-għomor permezz tal-qaddejja tiegħu biex jagħti ġieħ lil missierek? M'hux biex jistħarreġ il-belt, u jitkixxifha u jaqlibha ta' taħt fuq bagħat il-qaddejja tiegħu għandek David, biex imbagħad iġarrafha?” [2Sam:10:4] U Ħanun qabad lill-qaddejja ta' David u qaxxrilhom nofs ilħithom u qatgħalhom nofs ilbieshom minn qaddhom 'l isfel, u telaqhom.

[2Sam:10:5] U għarrfu lil David u bagħat lil min jilqagħhom, għaliex dawn l-irġiel ħassew ruħhom avviliti għall-aħħar. U s-sultan qalilhom: “Oqogħdu f'Ġeriko sakemm tikbrilkom il-leħja, mbagħad erġgħu lura.”

[2Sam:10:6] Meta l-Għammonin raw li kisruha ma' David, bagħtu jikru minn fost l-Aramin ta' Bet-reħob u l-Aramin ta' Soba għoxrin elf raġel fanterija, u elf oħra mingħand is-sultan ta' Magħka; u tnax-il elf mill-poplu ta' Tob.

[2Sam:10:7] David sama' b'dan u bagħat lil Ġowab u l-eżerċtu kollu bin-nies qalbiena. [2Sam:10:8] Ulied Għammon ħarġu u ħadu posthom għall-ġlied fid-daħla tal-bieb; u l-Aramin ta' Soba, u ta' Reħob, u n-nies ta' Tob u ta' Magħka tqassmu għalihom weħidhom fir-raba'.

[2Sam:10:9] Meta Ġowab ra li kien mhedded minn quddiem u minn wara, għażel l-aħjar min-nies kollha ta' Iżrael, u qassamhom quddiem l-Aramin. [2Sam:10:10] U l-bqija tal-poplu ħallieh f'idejn ħuh Abisaj, u qassamhom quddiem l-Għammonin. [2Sam:10:11] U qallu: “Jekk l-Aramin insibhom aqwa minni, int ejja għinni; u jekk int issib l-Għammonin aqwa minnek, niġi ngħinek jien. [2Sam:10:12] Agħmel il-ħila, u nissieltu għall-poplu tagħna u għall-bliet ta' Alla tagħna, mbagħad il-Mulej jagħmel dak li jidhirlu.”

[2Sam:10:13] U Ġowab u n-nies li kellu miegħu marru jaħbtu għall-Aramin, u dawn ħarbu minn quddiemu. [2Sam:10:14] Malli wlied Għammon raw li l-Aramin ħarbu, ħarbu minn quddiem Abisaj u daħlu fil-belt. U Ġowab raġa’ lura mingħand l-Għammonin u mar u telaq lejn Ġerusalemm.

[2Sam:10:15] L-Aramin raw li marru minn taħt quddiem l-Iżraelin, u għalhekk ngħaqdu lkoll flimkien. [2Sam:10:16] Ħadad-għeżer bagħat jiġbor l-Aramin min-naħa l-oħra tax-xmara. U ġew Ħelam, bil-mexxej tagħhom Sobak, il-kmandant ta' l-eżerċtu ta' Ħadad-għeżer, quddiemhom. [2Sam:10:17] David sar jaf b'dan u ġama' lil Iżrael kollu, qasam il-Ġordan, u wasal sa Ħelam. L-Aramin tqassmu kontra David u ħabtu għalih. [2Sam:10:18] U l-Aramin ħarbu minn quddiem Iżrael u David qatel mill-Aramin seba' mitt sewwieq tal-karrijiet u erbgħin elf rikkieb u darab ukoll lil Sobak, il-kmandant ta' l-eżerċtu, li baqa' mejjet tal-post. [2Sam:10:19] U s-slaten, l-alleati ta' Ħadad-għeżer, malli raw li tkissru quddiem Iżrael, għamlu l-paċi ma' Iżrael u saru suġġetti għalihom. U l-Aramin beżgħu jibqgħu jgħinu iżjed lin-nies ta' Għammon.

11. David u Batseba

[2Sam:11:1] Ġara li fil-bidu tas-sena, meta s-slaten soltu joħorġu għall-gwerra, David bagħat lil Ġowab, u l-qaddejja tiegħu, u Iżrael kollu għall-gwerra; wara li ħarbtu l-art ta' l-Għammonin, dawwru l-belt ta' Rabba. Imma David baqa' Ġerusalemm.

[2Sam:11:2] Ġara li, għall-ħabta ta' filgħaxija David qam minn friexu u mar jagħmel mixja fuq is-setaħ tal-palazz tas-sultan u minn fuq is-setaħ jilmaħ mara qiegħda tinħasel. Il-mara kienet sabiħa ħafna fl-għajn. [2Sam:11:3] U David bagħat jistaqsi min kienet dik il-mara. U qalulu: “Dik Batseba bint Eligħam, mart Urija l-Ħitti.” [2Sam:11:4] U David bagħat il-messaġġiera tiegħu għaliha; u hi daħlet għandu, u hu mtedd magħha - kienet għadha kemm tnaddfet mill-inġiesa tax-xahar tagħha - u telqet lejn darha. [2Sam:11:5] U l-mara tqalet u bagħtet tgħid lil David u qaltlu: “Jien tqalt.”

[2Sam:11:6] Mbagħad David bagħat jgħid lil Ġowab: “Ibgħatli lil Urija l-Ħitti.” U Ġowab bagħat lil Urija għand David. [2Sam:11:7] Meta Urija wasal, David staqsieh jekk kienx tajjeb Ġowab, kienx tajjeb l-eżerċtu, u jekk kinitx sejra tajjeb il-gwerra. [2Sam:11:8] U fl-aħħar qallu: “Inżel id-dar tiegħek, u aħsel riglejk.” Urija ħareġ mill-palazz tas-sultan, u dan bagħatlu rigal. [2Sam:11:9] Iżda Urija raqad wara l-bieb tal-palazz tas-sultan mal-qaddejja ta' sidu, u ma marx id-dar. [2Sam:11:10] U għarrfu b'dan lil David: “Urija,” qalulu, “ma marx f'daru.” David għalhekk qal lil Urija: “M'intix ġej mit-triq? Għaliex ma nżiltx f'darek?” [2Sam:11:11] U Urija wieġeb lil David: “L-arka ta' Iżrael u Ġuda qegħdin fit-tined, u sidi Ġowab u l-qaddejja ta' sidi fil-kamp għall-beraħ tar-raba', u mbagħad jien immur f'dari niekol u nixrob, u norqod ma' marti? F'ħajjietek u ħajjet ruħek, dan ma nagħmlu qatt.”

[2Sam:11:12] David wieġeb lil Urija: “Oqgħod hawn illum ukoll, u għada nħallik tmur.” U Urija baqa' Ġerusalemm dakinhar. [2Sam:11:13] U l-għada David stiednu biex jiekol u jixrob miegħu, u sakkru. Fil-għaxija Urija mar jorqod fuq friexu mal-qaddejja ta' sidu, u d-dar ma niżilx.

[2Sam:11:14] L-għada David kiteb ittra lil Ġowab u bagħathielu ma' Urija. [2Sam:11:15] Fl-ittra kitiblu dan il-kliem: “Qiegħed lil Urija fl-eħrex tat-taqbida quddiemnett, u intom tbiegħdu minn warajh, ħalli joqtluh u jmut.” [2Sam:11:16] Meta Ġowab kien jassedja l-belt, qiegħed lil Urija fil-post fejn kien jaf li kien hemm nies mill-aktar qalbiena. [2Sam:11:17] In-nies tal-belt ħarġu u ħabtu għal Ġowab. Ħafna mill-eżerċtu, fosthom ukoll qaddejja ta' David, waqgħu, u miet ukoll Urija l-Ħitti.

[2Sam:11:18] Mbagħad Ġowab bagħat jgħarraf lil David b'kull ma ġara fil-battalja. [2Sam:11:19] Lill-messaġġier ordnalu u qallu: “Meta tkun tajt l-aħbar dwar il-battalja lis-sultan, [2Sam:11:20] jekk is-sultan jixgħel bl-għadab u jgħidlek: 'Għaliex ersaqtu lejha daqshekk biex taħbtu għaliha? Ma kontux tafu li kienu jistgħu jwaddbu l-vleġeġ minn fuq is-swar? [2Sam:11:21] Min qatel lil Abimelek bin Ġerub-boset? M'hux mara kienet li waddbitlu l-ġebla tat-tħin minn fuq is-sur u miet f'Tebes? Għala rsaqtu daqshekk lejn is-sur?' Int għandek twieġbu: 'U miet ukoll il-qaddej tiegħek Urija
l-Ħitti..’ ”

[2Sam:11:22] U l-messaġġier telaq u mar iħabbar lil David dak kollu li bagħat jgħidlu Ġowab. [2Sam:11:23] U l-messaġġier żied jgħidlu: “L-għadu għelibna; ħarġu għalina fil-kampanja, u aħna rassejniehom lejn dħul il-bieb. [2Sam:11:24] U bdew iwaddbu l-vleġeġ minn fuq is-swar u mietu xi qaddejja tas-sultan, u miet ukoll il-qaddej tiegħek Urija l-Ħitti.”

[2Sam:11:25] U David wieġeb lill-messaġġier: “Dan għid lil Ġowab: 'Teħodhiex bi kbira din, għaliex ix-xabla teqred, issa hawn u issa hemm! Aħbat għall-belt b'qawwa akbar u ġarrafha.' U qawwielu qalbu!

[2Sam:11:26] U l-mara ta' Urija semgħet li r-raġel tagħha Urija miet, u bkiet lil żewġha. [2Sam:11:27] Malli għadda żmien il-vistu, David bagħat għaliha u daħħalha f'daru; iżżewwiġha u wilditlu tifel. Imma dan għemil David ma għoġobx lill-Mulej.


12. Natan iċanfar lil David

[2Sam:12:1] Għalhekk il-Mulej bagħat lil Natan il-profeta għand David. U mar għandu u qallu: “Kien hemm żewġt irġiel mill-istess belt, wieħed sinjur u l-ieħor fqir. [2Sam:12:2] Is-sinjur kellu kotra kbira ta' nagħaġ u baqar. [2Sam:12:3] Il-fqir ma kellu xejn ħlief ħarufa żgħira, li kien xtara. Hu rabbieha, u kibret flimkien miegħu u ma' wliedu, kienet tiekol mill-ftiet tiegħu, tixrob mill-kus tiegħu, u torqod fi ħdanu; għalih kienet qisha bintu.

[2Sam:12:4] “Darba waħda ġie vjaġġatur għand is-sinjur; dan ma kellux qalb jieħu min-nagħaġ u l-baqar tiegħu biex ilesti l-ikel lill-vjaġġatur li kien wasal għandu. Ħa l-ħarufa ta' dak l-imsejken raġel, u ħejja l-ikel għal dak li kien ġie għandu.”

[2Sam:12:5] David xegħel bl-għadab għal dan il-bniedem, u qal lil Natan: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, il-bniedem li għamel dan ħaqqu l-mewt. [2Sam:12:6] Il-ħarufa jħallas għaliha erba' darbiet, għax għamel dan u ma kellux ħniena.”

[2Sam:12:7] Mbagħad Natan qal lil David: “Inti hu dak il-bniedem! Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Jiena dliktek sultan fuq Iżrael, jiena ħlistek minn idejn Sawl; [2Sam:12:8] u tajtek id-dar ta' sidek u n-nisa ta' sidek fi ħdanek; tajtek id-dar ta' Iżrael u ta' Ġuda; u jekk dan kien għadu ftit, kont inżidlek daqshekk ieħor. [2Sam:12:9] Għaliex mela stmerrejt il-kelma tal-Mulej u għamilt il-ħażin f'għajnejh? Drabt lil Urija l-Ħitti bix-xabla, ħadtlu 'l martu b'martek, u lilu qtiltu bix-xabla ta' l-Għammonin. [2Sam:12:10] U issa ma titwarrab qatt ix-xabla mill-familja tiegħek talli int stmerrejtni, u ħadt lil mart Urija l-Ħitti biex tkun martek.

[2Sam:12:11] ̋Dan jgħid il-Mulej: Arani se naqlagħlek l-inkwiet mill-familja tiegħek stess; neħodlok in-nisa tiegħek minn taħt għajnejk, u nagħtihom lil ħaddieħor, u jimtedd magħhom għad-dawl ta' din ix-xemx. [2Sam:12:12] Int għamilt kollox bil-moħbi, imma jien nagħmlu għad-dawl tax-xemx, quddiem Iżrael kollu.”

[2Sam:12:13] U David qal lil Natan: “Jiena dnibt kontra l-Mulej!” U Natan wieġbu: “Il-Mulej ukoll ħafirlek dnubek; int ma tmutx; [2Sam:12:14] imma billi int b'għemilek stmerrejt il-Mulej, l-iben li jitwelidlek żgur li jmut.”

[2Sam:12:15] U Natan mar lura lejn daru.

Il-mewt ta' bin David u t-twelid ta' Salamun

[2Sam:12:16] U David talab lil Alla għat-tarbija u sam, u mar u għadda l-lejl mixħut fl-art. [2Sam:12:17] U qagħdu x-xjuħ ta' daru ħdejh biex iqajjmuh mill-art, iżda hu ma riedx, u ma kiel xejn magħhom. [2Sam:12:18] U ġara li mas-seba' jum it-tifel miet; u l-qaddejja ta' David beżgħu jgħarrfuh li t-tifel kien miet, għax qalu: “Araw, sakemm it-tifel kien għadu ħaj tkellimna miegħu u ma semagħniex, u issa kif nistgħu ngħidulu: 'Miet it-tifel?' Jagħmillu ħażin.” [2Sam:12:19] U David ra lill-qaddejja tiegħu ifesfsu bejniethom u fehem li t-tifel miet. U David qal lill-qaddejja: “Jaqaw miet it-tifel?” U huma wieġbu: “Iva.”

[2Sam:12:20] U qam David mill-art, nħasel, ndilek, biddel ħwejġu u mar f'dar il-Mulej jagħtih qima wiċċu fl-art. Mbagħad mar id-dar u talabhom jiekol, u lestewlu l-ikel, u kiel. [2Sam:12:21] U l-qaddejja qalulu: “Din x'inhi li għamilt, somt minħabba t-tifel meta kien għadu ħaj u bkejtu, u issa li t-tifel miet, qomt u kilt il-ħobż?” [2Sam:12:22] U hu wieġeb: “Sakemm it-tifel kien għadu ħaj, somt u bkejt, għax għedt, 'Min jaf jekk il-Mulej iħennx għalija u jgħix it-tifel?' [2Sam:12:23] Issa li miet, għalfejn insum? Nista' jien nerġa' nġibu lura?”

[2Sam:12:24] David imbagħad farrag 'il Batseba martu, u resaq lejha, mtedd magħha u welditlu iben, u semmieh Salamun, u l-Mulej kien iħobbu; [2Sam:12:25] u bagħat jgħidlu permezz ta' Natan il-profeta jagħtih l-isem ta' 'Ġedidija', minħabba l-Mulej.

Ir-rebħa fuq l-Għammonin

[2Sam:12:26] Mbagħad Ġowab ħabat għal Rabba ta' l-Għammonin u ħa f'idejh il-kwartier tas-sultan. [2Sam:12:27] U bagħat messaġġiera jgħidu lil David: “Ħbatt għal Rabba u ħadt f'idejja l-kwartier ta' l-ilma. [2Sam:12:28] Issa iġbor il-bqija ta' l-eżerċtu, u dawwar il-belt, u ħudha int. Inkella neħodha jien, u tibqa' tissemma b'ismi.”

[2Sam:12:29] U David ġabar l-eżerċtu kollu u mar lejn Rabba, ħabat għaliha u ħadha. [2Sam:12:30] U qabad il-kuruna tas-sultan tagħhom minn fuq rasu - li kienet tiżen talent deheb, b'ħaġra prezzjuża fiha - u tqiegħdet fuq ras David. Ħa wkoll priża kbira mill-belt. [2Sam:12:31] In-nies tagħha mbagħad ħariġhom u qabbadhom jaħdmu bil-munxar, bil-bqaqen, u bil-fisien tal-ħadid. Ħaddimhom ukoll fil-fran tal-madum. Hekk għamel bl-ibliet kollha ta' l-Għammonin.

Mbagħad David bl-eżerċtu kollu raġa’ lura lejn Ġerusalemm.

13. Id-dnub ta' Amnon

[2Sam:13:1] Ġara li Absalom bin David kellu oħtu, tifla sabiħa, li kien jisimha Tamar, u Amnon bin David kien iħobbha. [2Sam:13:2] Amnon kien imġennen għaliha, sa marad minħabba Tamar, oħtu, għax kien jidhirlu li ma sata' jagħmlilha xejn, għax kienet verġni. [2Sam:13:3] Amnon kellu ħabib, jismu Ġonadab bin Simgħa, ħu David, u dan Ġonadab kien raġel jilħaqlu ħafna.

[2Sam:13:4] U qallu: “Għaliex ta' kull filgħodu tkun hekk mitluq, bin is-sultan? Ma tgħidlix?” U Amnon wieġbu: “Nħobb lil Tamar, oħt Absalom ħija.” [2Sam:13:5] U Ġonadab wieġbu: “Mur imtedd f'soddtok, u agħmel ta' bir-ruħek marid. Mbagħad jiġi jarak missierek u għidlu: 'Ħa tiġi Tamar oħti tħejjili l-ikel, u ssajjarli l-ikel taħt għajnejja, biex jien naraha, u niekol minn idejha.”

[2Sam:13:6] U Amnon inxteħet fis-sodda, u għamilha ta' bir-ruħu marid; u s-sultan ġie jarah, u Amnon qal lis-sultan: “Ħa tiġi Tamar, oħti, u ssajjarli żewġ ftajjar taħt għajnejja, u niekol minn idejha.” [2Sam:13:7] U David bagħat jgħid lil Tamar id-dar: “Mur id-dar ta' ħuk Amnon, u ħejjilu l-ikel.”

[2Sam:13:8] U Tamar marret fid-dar ta' ħuha Amnon, li kien mixħut fis-sodda. Ħadet l-għagina, għaġnitha u għamlitha ftajjar quddiemu, u sajjrithom. [2Sam:13:9] Mbagħad qabdet it-taġen u qalbithom quddiemu, imma ma riedx jiekol. U Amnon qalilha: “Ibgħat lil kulħadd minn ħdejja.” U kulħadd ħareġ minn ħdejh. [2Sam:13:10] Mbagħad Amnon qal lil Tamar: “Ħu l-ikel fil-kamra ta' ġewwa ħalli niekol minn idejk.” U Tamar ħadet il-ftajjar li kienet lestiet u ħadithom lil ħuha Amnon fil-kamra ta' ġewwa. [2Sam:13:11] Xħin ressqithomlu quddiemu, qabadha u qalilha: “Ejja mtedd miegħi, oħt!” [2Sam:13:12] U hi qaltlu: “Le, ħija, la tkasbarnix għax dan ma jistax isir f'Iżrael; la tagħmilx dan il-ġenn. [2Sam:13:13] Mbagħad jiena fejn immur b'dan l-għajb fuqi? U int tkun wieħed mill-boloh fost Iżrael! Kellem lis-sultan, u hu ma jċaħħdekx minni.” [2Sam:13:14] Imma ma riedx jisma' kliemha. U għax kien jiflaħ aktar minnha, mtedd magħha u għelibha b'forza.

[2Sam:13:15] Mbagħad Amnon ħakmitu mibegħda kbira għaliha; il-mibegħda li ħass għaliha kienet qalila aktar mill-imħabba li biha kien ħabbha. U Amnon qalilha: “Qum u itlaq!” [2Sam:13:16] “Le,” qaltlu Tamar, “għaliex jekk tkeċċini, il-ħsara li tagħmilli tkun akbar minn dak li diġà għamiltli.” Imma ma riedx jismagħha. [2Sam:13:17] Sejjaħ iż-żagħżugħ, qaddej tiegħu, u qallu: “Ibagħtu lil din il-mara 'l barra minn quddiemi, u sakkru l-bieb warajha.”

[2Sam:13:18] Kellha fuqha libsa twila bil-kmiem - għax hekk minn dejjem kienu jilbsu l-bniet verġni tas-sultan - u l-qaddej tiegħu ħariġha 'l barra u sakkar il-bieb warajha.

[2Sam:13:19] U Tamar qabdet it-trab u xeħtitu fuq rasha, ċarrtet il-libsa twila li kellha fuqha, u qiegħdet idejha fuq rasha, u telqet tiġri u twerżaq.

[2Sam:13:20] U Absalom ħuha staqsieha: “Jaqaw Amnon kien miegħek? Issa, oħti, oqgħod bi kwietek; għax ħuk hu! La ssorrhiex f'qalbek din il-ħaġa.” U Tamar baqgħet tgħammar b'qalbha maqsuma f'dar Absalom ħuha.

[2Sam:13:21] U s-sultan David sama' b'kull ma ġara, u għadab bis-sħiħ. Imma ma riedx jagħmel ħsara lil Amnon, billi kien ibnu l-kbir, u kien iħobbu. [2Sam:13:22] U Absalom lil Amnon ma kellmu xejn, la tajjeb u lanqas ħażin; imma sar jobogħdu talli kasbar lil Tamar oħtu.

Il-mewt ta' Amnon

[2Sam:13:23] U ġara li sentejn wara kien hemm il-ġeżż tan-nagħaġ ta' Absalom f'Bagħal-ħasor li tinsab f'Efrajm, u Absalom stieden lill-ulied kollha tas-sultan. [2Sam:13:24] U Absalom mar għand is-sultan u qallu: “Ara, il-ġeżż tan-nagħaġ tal-qaddej tiegħek! Ħa jiġi mela, is-sultan u l-qaddejja tiegħu, għand il-qaddej tiegħek.”

[2Sam:13:25] Imma s-sultan wieġeb lil Absalom: “Le ibni, ma niġux ilkoll, li ma nkunux ta' piż żejjed għalik.” U Absalom issikkah, iżda ma riedx imurlu, u bierku. [2Sam:13:26] Mbagħad Absalom qallu: “Jekk ma tiġix int, ħalli għallinqas jiġi ħija Amnon!” “U għalfejn,” qallu s-sultan, “għandu jiġi miegħek?” [2Sam:13:27] Imma Absalom baqa' jsus fuqu u s-sultan bagħat miegħu lil Amnon u lill-ulied kollha tas-sultan; u Absalom lesta ikla ta' sultan.

[2Sam:13:28] U ta ordni lill-qaddejja u qalilhom: “Oqogħdu attenti biex meta Amnon qalbu tkun ferħana bl-inbid, u jien ngħidilkom: 'Aħbtu għal Amnon,' aqbduh u oqtluh. La tibżgħux; għax qiegħed nordnalkom jien. Agħmlu l-ħila u kunu nies qalbiena!” [2Sam:13:29] U l-qaddejja ta' Absalom għamlu lil Amnon kif ordnalhom Absalom. U wlied is-sultan qamu, u kull wieħed rikeb il-bagħla, u ħarbu lkoll. [2Sam:13:30] U ġara li kif kienu għadhom fit-triq waslet din l-aħbar lil David: “Absalom qatel lil ulied is-sultan kollha, u ħadd minnhom ma ħelisha.”

[2Sam:13:31] U s-sultan qam, u ċarrat ilbiesu, u nxteħet fl-art, u l-qaddejja li kienu madwaru ċarrtu lbieshom ilkoll. [2Sam:13:32] Imma Ġonadab bin Simgħa, ħu David, qallu: “Ma għandux jaħseb sidi li mietu lkoll ulied is-sultan; Amnon waħdu miet. Sa minn dak in-nhar li Amnon kasbar lil Tamar oħtu, is-sentenza kienet fuq fomm Absalom. [2Sam:13:33] Għalhekk issa sidi s-sultan ma għandux idaħħal f'rasu u jgħid: Ulied is-sultan mietu lkoll. Amnon waħdu miet.” [2Sam:13:34] U Absalom ħarab.

Issa l-qaddej ta’ l-għassa rafa’ għajnejh, lemaħ kotra kbira nieżla mal-ġenb ta’ l-għolja mit-triq ta’ Ħoronajm. U l-għassies mar jgħarraf lis-sultan, u jgħidlu: “Rajt xi nies nieżla mal-ġenb ta' l-għolja mit-triq ta' Ħoronajm.” [2Sam:13:35] U Ġonadab qal lis-sultan: “Arahom ġejjin ulied is-sultan; ġara bħalma qallek il-qaddej tiegħek.” [2Sam:13:36] U malli temm kliemu, arahom, waslu wlied is-sultan, u bdew jgħajjtu u jibku. U bkew is-sultan u l-qaddejja tiegħu biki kbir ħafna.

[2Sam:13:37a] Absalom ħarab, u mar għand Talmaj bin Għammiħud, sultan ta' Gesur. [2Sam:13:38] U baqa' hemm tliet snin. [2Sam:13:37] U s-sultan baqa' mbikki għal ibnu għal dan iż-żmien kollu.

David isejjaħ lura lil Absalom

[2Sam:13:39] U s-sultan David kellu qalbu mittiekla mix-xewqa li jersaq lejn Absalom, għax kien stabar wara l-mewt ta' Amnon.

14. David isejjaħ lura lil Absalom

[2Sam:14:1] U Ġowab bin Seruja sar jaf li qalb is-sultan daret favur Absalom. [2Sam:14:2] U Ġowab bagħat iġib minn Tekugħa mara għaqlija u qalilha: “Agħmel ta' bir-ruħek vistuża, u ilbes il-vistu, u la tindilikx biż-żejt, imma ġib ruħek bħallikieku mara ilha vistuża għal żmien għal xi ħadd mejjet. [2Sam:14:3] U mur għand is-sultan u kellmu u għidlu hekk u hekk.” U Ġowab qiegħed il-kliem fuq fommha. [2Sam:14:4] U l-mara minn Tekugħa marret għand is-sultan, nxteħtet għal wiċċha fl-art, tatu qima u qaltlu: “Għinni, sultan!” [2Sam:14:5] U s-sultan qalilha: “X'għandek?” U hi wieġbet: “Jaħasra għalija! Żewġi mejjet! [2Sam:14:6] Il-qaddejja tiegħek kellha żewġt itfal, u ġġieldu fir-raba', u ma kien hemm ħadd min iferraqhom, u wieħed darab lill-ieħor u qatlu. [2Sam:14:7] U, ara, issa l-familja qamet kollha kontra l-qaddejja tiegħek u qaluli: 'Agħtina l-qattiel ta' ħuh, ħalli noqtluh u nitħallsu minnu tal-ħajja ta' ħuh, li hu qatel,' u hekk jeqirdu l-werriet ukoll u l-ġamra ħajja li baqagħli, u ma jħallux lil żewġi la isem u lanqas nisel fuq wiċċ l-art.”

[2Sam:14:8] U s-sultan wieġeb lill-mara: “Mur f'darek, u naħseb jien għalik.” [2Sam:14:9] Imma l-mara minn Tekugħa wieġbet lis-sultan: “Fuqi l-ħtija, u fuq dar missieri, sidi s-sultan, u bla ħtija jkunu s-sultan u t-tron tiegħu!” [2Sam:14:10] U s-sultan qalilha: “Min ikellmek, ġibu quddiemi, u ħadd ma għandu jħabbtek iżjed.”

[2Sam:14:11] U l-mara wieġbet: “Ħa jsejjaħ is-sultan isem il-Mulej, Alla tiegħek, sabiex min għandu d-dritt tal-vendetta ma jżidx il-qerda, u ma joqtolx lil ibni.” U hu qalilha: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej! Ma taqax fl-art xagħra waħda minn ibnek!”

[2Sam:14:12] U l-mara qaltlu: “Ħa żżid kelma waħda l-qaddejja tiegħek lil sidi s-sultan.” U hu qalilha: “Tkellem.” [2Sam:14:13] U l-mara qalet: “Għala, mela, ħsibt ħaġa bħal din kontra l-poplu ta' Alla? Mela s-sultan qiegħed jikkundanna lilu nnifsu jekk ma jreġġax lura lil min biegħed minnu. [2Sam:14:14] Għax aħna mmutu żgur, u bħalma l-ilma mxerred fl-art ma jinġabarx, hekk Alla ma jroddx lura l-ħajja. Ħa jara jaħsibx xi ħaġa s-sultan biex ma jibqax imbiegħed dak li biegħed minnu. [2Sam:14:15] Issa jien ġejt inkellem lil sidi s-sultan u ngħidlu dan kollu, għax xi nies beżżgħuni, u jien ħsibt u għedt: 'Ħa tkellem il-qaddejja tiegħek lis-sultan, għandu mnejn is-sultan jagħmel li tgħidlu l-qaddejja tiegħu. [2Sam:14:16] Għax żgur li s-sultan jagħti widen għall-qaddejja tiegħu, u jeħlisha minn idejn dan il-bniedem li jrid jeqred fl-istess ħin lili u lil ibni minn fost il-wirt ta' Alla.' [2Sam:14:17] U l-qaddejja tiegħek għalhekk qalet: 'Ħa tkun il-kelma ta' sidi s-sultan kelma ta' paċi! Għax is-sultan sidi, bħal anġlu ta' Alla, jiżen it-tajjeb u l-ħażin.' Il-Mulej, Alla tiegħek, ikun miegħek!”

[2Sam:14:18] U s-sultan wieġeb u qal lill-mara: “La taħbili xejn milli se nistaqsik.” U wieġbet il-mara: “Ħa jitkellem sidi s-sultan.”

[2Sam:14:19] U s-sultan staqsieha: “Jaqaw f'dan kollu hemm miegħek id Ġowab?” U l-mara wieġbet: “Fuq ħajtek, sidi s-sultan, ma hemm xejn iżjed, la lejn il-lemin lanqas lejn ix-xellug, minn dak li qal is-sultan! Iva, Ġowab il-qaddej tiegħek kien li ordnali dan, u hu stess qegħedli dan il-kliem kollu fuq fommi. [2Sam:14:20] Dan għamlu l-qaddej tiegħek Ġowab bl-għan li jdawwar din il-biċċa, u sidi hu għaqli biżżejjed b'għaqal ta' anġlu ta' Alla biex jifhem kull ma jsir fuq l-art.”

[2Sam:14:21] U s-sultan qal lil Ġowab: “Ara, mela, agħmel hekk: Mur ġib lura liż-żagħżugħ Absalom.” [2Sam:14:22] U Ġowab inxteħet wiċċu fl-art u qiem, u bierek lis-sultan u qal: “Illum il-qaddej tiegħek jaf li sibt grazzja quddiemek, sidi s-sultan, għax qagħad is-sultan għall-kelma tal-qaddej tiegħu.”

[2Sam:14:23] U Ġowab qam u mar Gesur u ġieb lil Absalom Ġerusalemm. [2Sam:14:24] U s-sultan qal: “Ħa jmur f'daru, u ma jarax wiċċi.” U Absalom mar f'daru bla ma ra wiċċ is-sultan.

[2Sam:14:25] Ma kienx hemm f'Iżrael kollu raġel ieħor sabiħ xi tfaħħar daqs Absalom; minn qiegħ riġlejh sal-quċċata ta' rasu ma kien fih ebda għajb. [2Sam:14:26] Meta kien iqarweż rasu - u kien iqarwiżha għall-aħħar ta' kull sena għax kienet ittaqqlu; għalhekk kien iqarwiżha - xagħar rasu kien jiżen mitejn xekel skond il-miżien tas-sultan. [2Sam:14:27] Lil Absalom twildulu tliet subjien u tifla, li kien jisimha Tamar; u din kienet mara sabiħa ħafna fil-għajn.

[2Sam:14:28] U kien ilu joqgħod Ġerusalemm sentejn sħaħ, u wiċċ is-sultan kien għadu ma rahx. [2Sam:14:29] U Absalom bagħat għal Ġowab biex jibagħtu għand is-sultan, u dan ma marx għandu; u raġa’ bagħat għalih għat-tieni darba, u raġa’ ma marx. [2Sam:14:30] U qal lill-qaddejja tiegħu: “Araw, l-għalqa ta' Ġowab qiegħda ħdejn tiegħi, u fiha għandu x-xgħir. Morru u aħarquhulu.” U l-qaddejja ta' Absalom taw in-nar lill-għalqa.

[2Sam:14:31] U Ġowab qam u mar għand Absalom f'daru u qallu: “Għaliex il-qaddejja tiegħek taw in-nar lill-għalqa tiegħi?” [2Sam:14:32] U Absalom wieġbu: “Ara, bgħatt għalik biex ngħidlek: Ejja hawn ħa nibagħtek għand is-sultan biex tgħidlu: 'Għalfejn ġejt minn Gesur? Kien ikun aħjar għalija li bqajt hemm!' U issa ħa nara wiċċ is-sultan u jekk hemm xi ħtija fija, ħa joqtolni.’ ”

[2Sam:14:33] U Ġowab mar għand is-sultan u għarrfu b'kollox. U s-sultan sejjaħ lil Absalom, u dan mar għand is-sultan u nxteħet wiċċu fl-art quddiem is-sultan, u s-sultan bies lil Absalom.

15. It-tixwix ta' Absalom

[2Sam:15:1] Ġara li, wara dan, Absalom għamel karozzella, u żwiemel bi gwardja ta' ħamsin raġel jiġru quddiemu. [2Sam:15:2] U Absalom kien ibakkar fil-għodu, u joqgħod mal-ġenb tat-triq li tieħu għal bieb il-belt; kull min kien ikollu xi kwistjoni u jmur għand is-sultan biex jagħmillu ħaqq, Absalom kien isejjaħlu u jgħidlu: “Minn liema belt int?” U meta kien iwieġeb: “Minn waħda mit-tribujiet ta' Iżrael il-qaddej tiegħek,” [2Sam:15:3] Absalom kien jgħidlu: “Ara, int għandek raġun sewwa, iżda ma hemm ħadd min jagħmel ħaqq f'isem is-sultan.”

[2Sam:15:4] U Absalom kien jgħid: “Min se jagħmilni mħallef fil-pajjiż, biex jiġi għandi kull min ikollu xi kwistjoni jew kawża, u jien nagħmel il-ġustizzja miegħu?”

[2Sam:15:5] Meta xi ħadd kien jersaq lejh biex jagħtih qima, kien imidd idu, jgħannqu u jbusu; [2Sam:15:6] u Absalom kien jagħmel hekk lill-Iżraelin kollha li kienu jmorru jitolbu l-ħaqq għand is-sultan, u Absalom seraq qalb in-nies ta' Iżrael. [2Sam:15:7] U ġara li, wara erba' snin, Absalom qal lis-sultan: “Ħa mmur u ntemm il-wegħda li għamilt lill-Mulej f'Ħebron. [2Sam:15:8] Għax il-qaddej tiegħek għamel wegħda meta ġejt lura minn Gesur f'Aram u għedt: 'Jekk il-Mulej ireġġagħni lura lejn Ġerusalemm, nqim lill-Mulej.’ ”

[2Sam:15:9] U s-sultan qallu: “Mur bis-sliema,” u hu qam u mar Ħebron. [2Sam:15:10] U Absalom bagħat messaġġiera għand it-tribujiet ta' Iżrael jgħidulhom: “ Malli tisimgħu leħen it-tromba, għidu: 'Absalom sultan f'Ħebron!' ” [2Sam:15:11] U ma' Absalom marru mitejn raġel minn Ġerusalemm mistiedna minnu; marru bi ħsieb tajjeb, għax ma kienu jafu b'xejn.

[2Sam:15:12] Absalom bagħat ukoll għal Aħitofel il-Giluni, kunsillier ta' David, mill-belt tiegħu ta' Gilu, hu u joffri s-sagrifiċċji. U hekk il-konfoffa ssaħħet, u l-poplu kompla żdied u mar ma' Absalom.

[2Sam:15:13] U marru jgħarrfu lil David u jgħidulu: “Il-qalb ta' l-Iżraelin daret għal wara Absalom.” [2Sam:15:14] U David qal lill-qaddejja kollha tiegħu li kienu miegħu Ġerusalemm: “Qumu, ħa naħarbu, għax m'hemmx ħelsien għalina minn quddiem Absalom. Fittxu għaġġlu, li ma jgħaġġilx aktar minna u jilħaqna u jġib il-ħsara fuqna, u jaħbat għall-belt u jgħaddiha minn xifer ix-xabla.”

[2Sam:15:15] U l-qaddejja tas-sultan qalulu: “Kull ma jagħżel sidi s-sultan, hawn huma l-qaddejja tiegħu!”

[2Sam:15:16] U ħareġ is-sultan u daru kollha bil-mixi; u ħalla s-sultan għaxar konkubini jieħdu ħsieb id-dar. [2Sam:15:17] U ħareġ is-sultan u n-nies tiegħu kollha bil-mixi u waqfu f'Bet-ħammerħaq. [2Sam:15:18] U l-qaddejja tiegħu qagħdu maġenbu; u għaddew minn quddiem is-sultan il-Keretin kollha, il-Peletin kollha u l-Gattin kollha - sitt mitt ruħ li kienu ġew bil-mixi miegħu minn Gatt.

[2Sam:15:19] U s-sultan qal lil Ittaj il-Gatti: “Għaliex ġej int ukoll magħna? Erġa’ lura u oqgħod mas-sultan, għax int barrani, u, fuq kollox, eżiljat minn pajjiżek. [2Sam:15:20] Int wasalt ilbieraħ, u jidhirlek int li llum jien għandi nġagħlek tiġġerra magħna 'l hemm u 'l hawn, meta jien stess lanqas naf fejn jien sejjer? Erġa’ lura lejn darek, u ħu miegħek lil niesek, u l-Mulej juri l-ħniena sħiħa u s-sewwa miegħek.”

[2Sam:15:21] U wieġeb Ittaj lis-sultan u qallu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej u ħaj sidi s-sultan, fejn ikun hemm sidi s-sultan - għall-mewt jew għall-ħajja - hemm ikun il-qaddej tiegħek.”

[2Sam:15:22] U David wieġeb lil Ittaj: “Mur u għaddi 'l quddiem” u għadda Ittaj il-Gatti, u n-nies kollha, u t-tfal kollha li kellu miegħu. [2Sam:15:23] U l-pajjiż kollu beka biki kbir, hu u għaddej il-poplu kollu. U s-sultan qasam mill-wied ta' Kedron, u l-poplu kollu għadda minn quddiemu mit-triq tad-deżert.

[2Sam:15:24] U, ara, magħhom kien hemm Sadok ukoll, u l-leviti kollha miegħu jġorru l-arka tal-patt ta' Alla. U qiegħdu l-arka ta' Alla ħdejn Abjatar sakemm ħareġ mill-belt il-poplu kollu.

[2Sam:15:25] U s-sultan qal lil Sadok: “Erġa’ ħu l-arka ta' Alla fil-belt. Jekk insib ħniena quddiem il-Mulej, huwa jreġġagħni lura, u naraha hemmhekk f'postha. [2Sam:15:26] Iżda jekk jgħid: 'Ma għoġobtni xejn, ħa jagħmel bija li jogħġbu.' ”

[2Sam:15:27] U ssokta jgħid is-sultan lil Sadok il-qassis: “Qiegħed tara? Erġa' lura lejn il-belt bis-sliema; u ħu miegħek lil ibnek Aħimagħas u 'l Ġonatan bin Abjatar, iż-żewġ uliedkom. [2Sam:15:28] Araw! Jien noqgħod nistenna fil-mogħdijiet tad-deżert, sakemm tasalli xi kelma jew aħbar mingħandkom.”

[2Sam:15:29] U Sadok u Abjatar reġgħu lura bl-arka ta' Alla Ġerusalemm u baqgħu hemm. [2Sam:15:30] U David tala' l-għolja taż-żebbuġ, tiela' u jibki, b'rasu mgħottija u miexi ħafi. U baqgħu telgħin u jibku, il-poplu kollu li kien miegħu, kulħadd b'rasu mgħottija.

[2Sam:15:31] U 'l David ġew jgħarrfuh u jgħidulu: “Aħitofel ingħaqad mal-konfoffa ta' Absalom!” U David wieġeb: “Ġib fix-xejn, Mulej, il-fehma ta' Aħitofel!”

[2Sam:15:32] Ġara li meta David kien wasal fuq il-quċċata fejn soltu jaduraw lil Alla, ifeġġ quddiemu Ħusaj l-Araki, ħabib ta' David, b'ilbiesu mċarrat u t-trab fuq rasu. [2Sam:15:33] U David qallu: “Jekk tibqa' ġej miegħi tkun ta' piż għalija, [2Sam:15:34] imma jekk terġa’ lura lejn il-belt u tgħid lil Absalom: 'Qaddej tiegħek jien, sultan sidi! Fl-imgħoddi kont qaddej ta' missierek, imma issa qaddej tiegħek,' tkun tista' tħassar il-fehma ta' Aħitofel. [2Sam:15:35] Ara, miegħek ikun hemm il-qassisin Sadok u Abjatar u kull ma tisma' f'dar is-sultan għaddih lill-qassisin Sadok u Abjatar. [2Sam:15:36] Hemm ukoll magħhom iż-żewġ uliedhom Aħimagħas bin Sadok u Ġonatan bin Abjatar; u kull ma tisimgħu tibagħtu tgħiduhuli magħhom.”

[2Sam:15:37] Ħusaj, il-ħabib ta' David, wasal il-belt hu u dieħel Absalom Ġerusalemm.

16. Siba u David

[2Sam:16:1] Xħin David kien tbiegħed ftit mill-quċċata ta' l-għolja, jara 'l Siba, il-qaddej ta' Mefiboset, ġej jilqgħu b'żewġt iħmir mixdudin, b'mitejn ħobża fuqhom u mitt għanqud żbib u mitt frotta mwaħħra u żaqq inbid. [2Sam:16:2] U s-sultan qal lil Siba: “Dan għalfejn?”

U Siba wieġbu: “Il-ħmar biex jirkbu n-nies ta’ dar is-sultan; u l-ħobż u l-frott imwaħħar biex jikluhom il-qaddejja; u l-inbid biex jixrob min ikun għeja jimxi fix-xagħri.”

[2Sam:16:3] U s-sultan staqsieh: “Fejn hu bin sidek?” U Siba wieġeb lis-sultan: “Ara, baqa' Ġerusalemm għax qal: Illum id-dar ta' Iżrael jagħtuni lura s-saltna ta' missieri.”

[2Sam:16:4] U s-sultan qal lil Siba: “Kull ma għandu Mefiboset, kollu tiegħek!” U Siba wieġeb: “Inniżżel rasi quddiemek, jalla nsib ħniena quddiem sidi s-sultan.”

Simgħi u David

[2Sam:16:5] U s-sultan David wasal sa Baħurim. U joħroġ minn hemm raġel mit-tribù tal-familja ta' Sawl, li kien jismu Simgħi bin Gera, miexi u jisħet, [2Sam:16:6] u jwaddab iż-żrar għal David u għall-qaddejja kollha tas-sultan David u l-kotra kollha; imma l-kotra kollha u l-qalbenin kienu madwaru fuq ix-xellug u fuq il-lemin. [2Sam:16:7] U dan beda jgħid Simgħi hu u jisħet: “Itlaq 'l hemm! Itlaq 'l hemm, ja bniedem imċappas bid-demm, bniedem mill-agħar! [2Sam:16:8] Ħa jreġġa' fuqek il-Mulej id-demm kollu ta' dar Sawl, li dħalt issaltan floku, u jagħti l-Mulej is-saltna lil ibnek Absalom. Arak issa fl-għali tiegħek, għax int bniedem kollok dmija.” [2Sam:16:9] U Abisaj bin Seruja qal lis-sultan: “Għala dan il-kelb mejjet qiegħed jisħet lil sidi s-sultan? Ħa mmur u naqtagħlu rasu barra!” [2Sam:16:10] U s-sultan wieġeb: “X'hemm bejni u bejnkom, ulied Seruja? Jekk qiegħed jisħet, qiegħed jisħet għax ordnalu l-Mulej: 'Isħet lil David'; u min jista' jgħidlu: 'Għax qiegħed tagħmel hekk?’ ”

[2Sam:16:11] U David qal lil Abisaj u lill-qaddejja tiegħu kollha: “Araw, ibni li ħareġ mill-ġewwieni tiegħi, qiegħed ifittixli ħajti; kemm aktar issa, wieħed minn ulied Benjamin. Ħalluh jisħet, għax hekk ordnalu l-Mulej. [2Sam:16:12] Għandu mnejn il-Mulej jixħet għajnejh fuq l-hemm tiegħi u jroddli l-ġid flok is-saħta ta' llum.” [2Sam:16:13] U David u l-qaddejja tiegħu baqgħu sejrin għal triqthom. U Simgħi baqa' miexi mal-ġenb ta' l-għolja biswitu, jimxi u jisħet, iwaddab iż-żrar u jtajjar it-trab.

[2Sam:16:14] U s-sultan u l-kotra li kellu miegħu waslu għajjiena ħdejn il-Ġordan u waqfu jistrieħu hemm.

[2Sam:16:15] U Absalom u l-kotra ta' Iżraelin li kellu miegħu waslu Ġerusalemm, u Aħitofel kien miegħu. [2Sam:16:16] U malli Ħusaj, l-Araki, il-ħabib ta' David, wasal għand Absalom, Ħusaj qal lil Absalom: “Viva s-sultan! Viva s-sultan!” [2Sam:16:17] U Absalom qal lil Ħusaj: “Din hi mħabbtek lejn ħabibek? Għaliex ma mortx ma' ħabibek?” [2Sam:16:18] U Ħusaj wieġeb lil Absalom: “Le! Għax jien lil min ħatar il-Mulej, il-poplu u l-bqija ta' Iżrael, tiegħu nkun, u miegħu noqgħod. [2Sam:16:19] U mbagħad lil min se naqdi, m'hux lil ibnu? Bħalma qdejt lil missierek, hekk naqdi lilek.”

[2Sam:16:20] U Absalom qal lil Aħitofel: “Arawha bejnietkom: X'nagħmlu?” [2Sam:16:21] U Aħitofel wieġbu: “Ersaq lejn in-nisa ta' missierek, li ħalla jieħdu ħsieb id-dar. U Iżrael kollu jsir jaf li ħkimt wirt missierek u b'hekk jitqawwew idejn min hu miegħek.” [2Sam:16:22] U waqqfu għarix għal Absalom fuq is-setaħ, u Absalom resaq lejn in-nisa ta' missieru quddiem għajnejn Iżrael kollu. [2Sam:16:23] U l-parir, li Aħitofel kien jagħti dak iż-żmien, kien bħal min jistaqsi l-kelma ta' Alla; hekk kien il-parir ta' Aħitofel, kemm għal David u kemm għal Absalom.

17. Il-pjan ta' Aħitofel

[2Sam:17:1] U Aħitofel qal lil Absalom: “Ħallini nagħżel tnax-il elf ruħ u naqbad u nitlaq għal wara David dan il-lejl. [2Sam:17:2] U nasal fuqu kif ikun għajjien u idejh mitluqa, u nwerwru; in-nies kollha li hemm miegħu jaħarbu, u jien nidrob is-sultan waħdu. [2Sam:17:3] U nreġġa' l-poplu kollu lejk, bħalma għarusa terġa’ lura għal għand żewġha. Fl-aħħar mill-aħħar int il-ħajja ta' wieħed biss qiegħed tfittex, biex il-poplu kollu jkun fis-sliem.” [2Sam:17:4] U dan il-kliem għoġob lil Absalom u lix-xjuħ kollha ta' Iżrael. [2Sam:17:5] Imma Absalom qalilhom: “Sejjħu wkoll lil Ħusaj l-Araki, u nisimgħu xi jgħid hu wkoll.” [2Sam:17:6] U Ħusaj ġie għand Absalom, u dan kellmu u qallu: “ Dan u dan qal Aħitofel: nagħmlu kif qal? Jekk le, tkellem int.”

[2Sam:17:7] U Ħusaj wieġeb lil Absalom: “Din id-darba m'hux tajjeb il-parir li ta Aħitofel.” [2Sam:17:8] U Ħusaj issokta: “Int taf lil missierek u lil niesu; taf li huma nies qalbiena u qalbhom kollha mrar, bħall-orsa selvaġġa meta jeħdulha l-frieħ. Mbagħad missierek hu bniedem gwerrier, u m'hux se jħalli l-poplu jintelaq. [2Sam:17:9] Żgur li bħalissa jinsab moħbi f'xi ħofra jew xi mkien ieħor. Jekk imbagħad joqtlu lil xi ħadd, mill-ewwel jisimgħu u jgħidu: 'Saret ħerba fost in-nies ta' Absalom'. [2Sam:17:10] U mqar il-bniedem qalbieni, ukoll jekk ikollu qalb ta' ljun, jintelaq żgur; għax Iżrael kollu jaf li missierek hu bniedem qalbieni, u n-nies tiegħu huma nies ta' ħila. [2Sam:17:11] Dan hu l-parir tiegħi: Ħa jinġema' madwarek il-poplu kollu ta' Iżrael, minn Dan sa Birsaba f'kotra kbira daqs ir-ramel f'xatt il-baħar, u int timxi f'nofshom. [2Sam:17:12] Malli naslu fuqu f'wieħed mill-postijiet fejn jinsab, nintefgħu fuqu bħalma taqa' n-nida fuq l-art, u ma nħallu anqas wieħed, la minnu u lanqas min-nies li hemm miegħu. [2Sam:17:13] U jekk jinġabar f'xi belt, iġibu l-ħbula Iżrael kollu għal dik il-belt, u nkarkruha għal ġol-wied sakemm ma jifdal anqas żrara f'lokha.”

[2Sam:17:14] U Absalom u n-nies kollha ta' Iżrael qalu: “Il-parir ta' Ħusaj l-Araki, aħjar mill-parir ta' Aħitofel.” Il-Mulej kien li ried ixejjen il-parir tajjeb ta' Aħitofel, għax il-Mulej ried iġib l-għawġ fuq Absalom.

[2Sam:17:15] U Ħusaj qal lil Sadok u lil Abjatar, il-qassisin: “Dan u dan il-parir ta' Aħitofel lil Absalom u lix-xjuħ ta' Iżrael, u dan u dan il-parir li tajtu jien. [2Sam:17:16] Issa mela fittxu morru, u agħtu l-aħbar lil David, u għidulu: 'Tgħaddux il-lejl fil-mogħdijiet tad-deżert, imma għaddu għan-naħa l-oħra, li ma jinqabdux is-sultan u n-nies kollha li hemm miegħu.”

[2Sam:17:17] U Ġonatan u Aħimagħas kienu jistennew ħdejn Għajn-rogel, u kienet tmur qaddejja u ġġibilhom l-aħbarijiet, u huma mbagħad kienu jmorru u jgħarrfu s-sultan David; għax ma kinux jissugraw jidhru deħlin il-belt. [2Sam:17:18] Imma lemaħhom żagħżugħ u għarraf b'dan lil Absalom; u huma t-tnejn telqu malajr u daħlu f'dar ta' wieħed raġel f'Baħurim, li kellu bir fil-bitħa, u niżlu fih. [2Sam:17:19] U l-mara qabdet biċċa u firxitha fuq il-bokka tal-bir, u xerrdet fuqha qamħ misħuq, u ħadd ma ntebaħ b'xejn. [2Sam:17:20] U waslu l-qaddejja ta' Absalom għand il-mara tad-dar u staqsewha: “Fejn huma Aħimagħas u Ġonatan?” U weġbithom il-mara: “Għaddew 'l hemm mill-ġibjun!” Dawk fittxewhom u ma sabuhomx; u reġgħu lura lejn Ġerusalemm. [2Sam:17:21] Malli dawn telqu, l-oħrajn telgħu mill-bir u marru jgħarrfu lis-sultan David u qalulu: “Qumu u aqsmu x-xmara, għax dan u dan kien il-parir ta' Aħitofel kontrikom.” [2Sam:17:22] U David qam bin-nies kollha li kellu miegħu u qasmu l-Ġordan; u sa ma sebaħ fil-għodu ma kien fadal anqas wieħed li ma kienx qasam il-Ġordan.

[2Sam:17:23] U Aħitofel, meta ra li l-parir tiegħu ma seħħx, xedd il-ħmar, u qabad u mar id-dar fil-belt tiegħu. Ta l-aħħar ordnijiet lil niesu, u tgħallaq, u miet, u difnuh f'qabar missieru.

Il-mewt ta' Absalom

[2Sam:17:24] U David wasal Maħanajm; u Absalom qasam il-Ġordan, hu u n-nies kollha ta' Iżrael miegħu. [2Sam:17:25] Absalom qiegħed lil Għamaxa minflok Ġowab fuq l-eżerċtu; Għamaxa kien bin wieħed jismu Itra, Ismagħeli, li kien resaq lejn Abigajl, bint Ġesse u oħt Seruja, omm Ġowab. [2Sam:17:26] U Iżrael u Absalom waqqfu l-kamp fl-art ta' Gilgħad.

[2Sam:17:27] U ġara kif wasal David Maħanajm, Sobi bin Naħas minn Rabba ta' l-Għammonin, u Makir bin Għammijel minn Lodebar, u Barżillaj il-Gilgħadi minn Rogelim, [2Sam:17:28] ġibulu ifirxa, ħsajjar, bwieqi, kwies tal-fuħħar, qamħ, xgħir, dqiq, u qamħ inkaljat, ful, għads inkaljat, [2Sam:17:29] għasel, u butir, nagħaġ u ġbejniet tal-baqar; ġiebu kollox quddiem David u n-nies li kellu miegħu biex jieklu, għax qalu: “Dawn in-nies bil-ġuħ, għajjiena u għatxana fid-deżert.”

18. Il-mewt ta' Absalom

[2Sam:18:1] David għadd in-nies kollha li kellu, u qiegħed fuqhom kapijiet ta' elufijiet u kapijiet ta' mijiet. [2Sam:18:2] Huwa qassam l-eżerċtu fi tlieta; ta waħda f'idejn Ġowab, oħra f'idejn Abisaj bin Seruja u ħu Ġowab, u t-tielet waħda lil Ittaj minn Gatt. Mbagħad is-sultan kellem lill-eżerċtu u qalilhom: “Jiena wkoll noħroġ magħkom.” [2Sam:18:3] Iżda huma weġbuh: “Ma toħroġx. Għax jekk ikollna naħarbu aħna, ħadd m'hu se jħabbel rasu bina; u jekk imutu nofsna, ħadd m'hu se jħabbel rasu bina. Imma inti tiswa daqs għaxart elef minna. Ikun aħjar jekk inti tibqa' ġewwa, lest biex tagħtina l-għajnuna mill-belt.” [2Sam:18:4] U s-sultan weġibhom: “Nagħmel kif jogħġob lilkom.” Is-sultan qagħad ħdejn il-bieb, waqt li l-eżerċtu beda ħiereġ mija mija, u elf elf. [2Sam:18:5] Is-sultan ordna lil Ġowab, lil Abisaj u lil Ittaj u qalilhom: “Mat-tifel Absalom ġibu ruħkom tajjeb minħabba fija!” L-eżerċtu kollu sama' l-kmand tas-sultan lill-kapijiet kollha dwar Absalom. [2Sam:18:6] L-eżerċtu ħareġ fir-raba' kontra Iżrael, u qamet battalja kbira fil-foresta ta' Efrajm. [2Sam:18:7] Hawn l-eżerċtu ta' Iżrael tfarrak quddiem il-qaddejja ta' David: dakinhar saret ħerba kbira; għoxrin elf ruħ intilfu. [2Sam:18:8] Billi l-ġlied xtered ma' l-art kollha, dakinhar iktar qerdet nies il-foresta milli qerdet ix-xabla.

[2Sam:18:9] Absalom sab ruħu wiċċ imbwiċċ mal-qaddejja ta' David; kien riekeb fuq il-bagħal, u l-bagħal għadda minn taħt il-friegħi ta' balluta kbira; ras Absalom tħabblet mal-balluta, u hu baqa' mdendel bejn sema u art, filwaqt li l-bagħal li kien taħtu baqa' għaddej. [2Sam:18:10] Kien hemm raġel li rah, u mar jgħarraf b'dan lil Ġowab. “Ara!” qallu, “rajt lil Absalom imdendel ma' balluta.” [2Sam:18:11] U Ġowab qal lir-raġel li tah l-aħbar: “U int rajtu, u għala ma waħħaltux hemm ma' l-art? Kont nagħtik għaxar bċejjeċ tal-fidda u ħżiem magħhom.” [2Sam:18:12] U r-raġel wieġeb lil Ġowab: “Lanqas li kieku wżintli elf xekel tal-fidda fil-keffa ta' jdejja ma kont immidd idi fuq bin is-sultan. Għax f'widnejna s-sultan ordna lilek, Abisaj u Ittaj u qalilkom: 'Ibżgħuli għat-tifel Absalom'. [2Sam:18:13] Li kieku jien għamilt xi ħaġa ħażina minn rajja - u xejn ma kien jibqa' moħbi għas-sultan - int kont tqum kontra tiegħi.” [2Sam:18:14] U Ġowab wieġeb: “Imma jien m'iniex se noqgħod nistenna ċass quddiemek.” U qabad tliet vleġeġ f'idejh u mar waħħalhom f'qalb Absalom, li kien għadu ħaj f'nofs il-balluta. [2Sam:18:15] Mbagħad daru miegħu għaxar żgħażagħ, skudieri ta' Ġowab, darbuh u qatluh. [2Sam:18:16] Mbagħad Ġowab daqq it-tromba, u l-eżerċtu ma baqax jiġri wara Iżrael, għax Ġowab żammhom. [2Sam:18:17] U qabdu lil Absalom, u xeħtuh f'ħofra kbira fil-foresta, u tellgħu fuqu gozz ġebel kbir ħafna. U l-Iżraelin kollha ħarbu, kulħadd għall-għarix tiegħu.

[2Sam:18:18] U Absalom, meta kien għadu ħaj, kien waqqaf il-plier li hemm f'wied is-sultan għax qal: “Iben ma għandix biex ifakkar ismi.” U dan il-plier semmieh b'ismu, u għadu jissejjaħ sa llum: Il-Plier ta' Absalom.

David jibki lil Absalom

[2Sam:18:19] U Aħimagħas bin Sadok qal: “Ħalli mmur niġri u nagħti l-bxara lis-sultan, għaliex il-Mulej illum għamillu ħaqq mill-għedewwa tiegħu.” [2Sam:18:20] U Ġowab qallu: “M'intix il-bniedem li tmur tagħti din il-bxara llum: tagħtiha jum ieħor. Illum ma twassalx il-bxara, għax bin is-sultan miet.” [2Sam:18:21] U Ġowab qal lill-Kusi: “Mur għid lis-sultan kull ma rajt.” U l-Kusi baxxa rasu quddiem Ġowab u mar jiġri. [2Sam:18:22] Aħimagħas bin Sadok żied jgħid lil Ġowab: “Jiġri x'jiġri, ħa mmur niġri wara l-Kusi.” U Ġowab qallu: “Għalfejn trid tmur tiġri int, ibni? Ebda ħlas għall-bxara ma hemm għalik.” [2Sam:18:23] U l-ieħor wieġeb: “Ikun xi jkun, sejjer niġri.” “Mur iġri,” qallu; u Aħimagħas telaq jiġri, u għadda mit-triq tal-wita, u għadda lill- Kusi.

[2Sam:18:24] David kien bilqiegħda bejn iż-żewġ bibien. L-għassies tala' fuq is-saqaf tal-bieb li kien hemm fuq is-sur u beda jħares, u malli dan lemaħ raġel riesaq jiġri waħdu, [2Sam:18:25] l-għassies beda jgħajjat u mar jgħarraf lis-sultan b'dan. U s-sultan staqsieh: “Jekk inhu waħdu aħbar tajba għandu fuq fommu.” U dak baqa' miexi u beda joqrob. [2Sam:18:26] U l-għassies lemaħ raġel ieħor ġej jiġri, u għajjat lil tal-bieb u qallu: “Ara, ġej raġel jiġri waħdu.” U s-sultan qal: “Dan ukoll b'aħbar tajba ġej.” [2Sam:18:27] U l-għassies żied jgħid: “Qiegħed nara li l-ġiri ta' l-ewwel wieħed jixbaħ il-ġiri ta' Aħimagħas bin Sadok.” U s-sultan qal: “Dak raġel sewwa; u b'aħbar tajba ġej.”

[2Sam:18:28] U Aħimagħas għajjat u qal lis-sultan: “Is-sliem.” U tbaxxa wiċċu fl-art quddiem is-sultan u qal: “Mbierek il-Mulej, Alla tiegħek, għaliex rażżan in-nies li refgħu idejhom fuq sidi s-sultan.” [2Sam:18:29] U s-sultan staqsieh: “Kollox sewwa mat-tifel Absalom?” U Aħimagħas wieġeb: “Rajt rassa kbira hu u jibgħat Ġowab, il-qaddej tas-sultan, lili l-qaddej tiegħek; imma ma nafx x'kien hemm.” [2Sam:18:30] Is-sultan qallu: “Mur fil-ġenb, u oqgħod hemm.” Dak mar fil-ġenb, u qagħad hemm jistenna.

[2Sam:18:31] U, ara, wasal il-Kusi u qal: “Aħbarijiet tajba hemm għal sidi s-sultan. Il-Mulej illum għamel ħaqq miegħek kontra dawk kollha li qamu għalik.” [2Sam:18:32] U s-sultan staqsa lill-Kusi: “Absalom it-tifel, jinsab tajjeb?” Il-Kusi wieġeb: “Ħalli jiġrilhom bħal dak iż-żagħżugħ l-għedewwa ta' sidi s-sultan, u kull min iqum għalik biex jagħmillek id-deni!”

19. David jibki lil Absalom

[2Sam:19:1] Mbagħad is-sultan qabditu rogħda. Tala' fil-kamra ta' fuq il-bieb, u hemm beda jibki u jgħajjat: “Ibni Absalom! Ibni! Ibni Absalom! M'hux li mitt jien minflokok. Absalom ibni! Ibni!”

Ġowab ilum lil David

[2Sam:19:2] U ħabbru lil Ġowab: “Ara, is-sultan qiegħed jibki u jitniehed minħabba Absalom.” [2Sam:19:3] U r-rebħa ta' dakinhar inbidlet f'niket għall-eżerċtu kollu, għaliex dakinhar l-eżerċtu sama' min jgħid: “Is-sultan hu mgħolli minħabba f'ibnu.” [2Sam:19:4] Dakinhar l-eżerċtu daħal bħal ħalliel fil-belt, bħalma jidħol eżerċtu maħrub wara xi battalja. [2Sam:19:5] Is-sultan kien għatta wiċċu u beda jgħajjat b'leħen qawwi: “Ibni Absalom! Absalom ibni, ibni!”

[2Sam:19:6] U Ġowab daħal għand is-sultan id-dar u qallu: “Illum int ħammart wiċċ il-qaddejja tiegħek kollha, wara li llum salvawlek ħajtek, ħajjiet uliedek, subjien u bniet, ħajjiet in-nisa tiegħek, u ħajjiet il-konkubini tiegħek. [2Sam:19:7] Int tħobb lil dawk li jobogħduk, u tobgħod lil dawk li jħobbuk. Wrejtna llum li għalik ma hemmx kapijiet u qaddejja. Illum sirt naf li kieku Absalom għadu ħaj, u aħna, lkoll kemm aħna, mejtin, għalik kollox kien ikun sewwa. [2Sam:19:8] U issa qum u oħroġ, kellem u agħmel il-qalb lill-qaddejja tiegħek, għaliex, naħliflek jien bil-Mulej, li jekk ma toħroġx ma jibqax bniedem wieħed miegħek dal-lejl! U għalik dan ikun għawġ akbar minn kull għawġ li qatt laħqek minn żgħożitek sa llum.”

[2Sam:19:9] U s-sultan qam u qagħad fil-bieb; u għarrfu lin-nies kollha u qalulhom: “Araw, is-sultan qiegħed fil-bieb!” U l-poplu kollu mar quddiem is-sultan.

David mill-ġdid f'Ġerusalemm

[2Sam:19:10] U l-poplu kollu fit-tribujiet ta' Iżrael kienu qegħdin jitlewwmu u jgħidu: “Is-sultan ħelisna minn id l-għedewwa tagħna; ħelisna mill-ħakma tal-Filistin; u issa kellu jaħrab mill-pajjiż minħabba Absalom. [2Sam:19:11] U Absalom li kkonsagrajna sultan fuqna miet fil-ġlied. Issa mela għala qegħdin titlajjaw biex treġġgħu lura s-sultan f'daru?” [2Sam:19:12] U David bagħat jgħid lil Sadok u lil Abjatar, il-qassisin: “Kellmu lix-xjuħ ta' Ġuda u għidulhom: 'Għaliex tridu tkunu l-aħħar nies li treġġgħu lura s-sultan f'daru?' Għax l-għajdut ta' Iżrael kollu wasal għand is-sultan f'daru. [2Sam:19:13] Intom ħuti, għadmi u laħmi! Għaliex mela tridu tkunu l-aħħar nies li treġġgħu lura s-sultan?' [2Sam:19:14] U lil Għamaxa għidulu: 'M'intix jaqaw għadmi u laħmi? Hekk jagħmilli Alla u aktar minn hekk, jekk ma ssirx kmandant ta' l-eżerċtu għal dejjem quddiemi minflok Ġowab.' ”

[2Sam:19:15] B'hekk dawwar qalb in-nies kollha ta' Ġuda bħal bniedem wieħed, u bagħtu jgħidu lis-sultan: “Erġa’ ejja, inti u l-qaddejja kollha tiegħek.” [2Sam:19:16] U s-sultan raġa’ lura, u wasal sal-Ġordan, filwaqt li n-nies ta' Ġuda kienu waslu sa Gilgal, biex imorru jilqgħuh u jgħadduh il-Ġordan.

[2Sam:19:17] Simgħi bin Gera, mit-tribù ta' Benjamin, minn Baħurim, ħaffef u niżel man-nies ta' Ġuda jilqa' lis-sultan David. [2Sam:19:18] Kellu miegħu elf raġel minn Benjamin, u Siba, iż-żagħżugħ mid-dar ta' Sawl, u ħmistax-il tifel tiegħu u l-għoxrin qaddej tiegħu; u qasmu l-Ġordan bilġri qabel is-sultan, [2Sam:19:19] u għaddew għan-naħa l-oħra biex jgħaddu lin-nies ta' dar is-sultan, u jagħmlu dak li kien jidhirlu tajjeb f'għajnejh. U Simgħi bin Gera nxteħet quddiem is-sultan kif qasam il-Ġordan [2Sam:19:20] u qal lis-sultan: “La tħallasnix għall-ħsara, u la tiftakarx id-deni li għamel il-qaddej tiegħek, dak in-nhar li sidi ħareġ minn Ġerusalemm; ma jżommux f'qalbu sidi s-sultan! [2Sam:19:21] Għax il-qaddej tiegħek jaf li jiena dnibt; u, arani, ġejt illum l-ewwel wieħed mid-dar ta' Ġużeppi u nżilt niltaqa' ma' sidi s-sultan.”

[2Sam:19:22] U wieġeb Abisaj bin Seruja u qal: “B'daqshekk jaqaw m'għandux imut Simgħi, li seħet il-midluk tal-Mulej?”

[2Sam:19:23] U David wieġeb: “X'hemm bejni u bejnkom, ulied Seruja, biex tkunu għalija ta' xkiel? Illum imbagħad għandu jmut xi ħadd f'Iżrael? Forsi ma nafx li llum sirt sultan ta' Iżrael?” [2Sam:19:24] U s-sultan ħaliflu u qallu: “Ma tmutx!”

[2Sam:19:25] U Mefiboset bin Sawl niżel jiltaqa' mas-sultan. La kien ħa ħsieb riġlejh, u lanqas qaxxar il-leħja, lanqas ħasel ħwejġu minn dakinhar li s-sultan telaq sa ma raġa’ lura bis-sliem. [2Sam:19:26] Meta għalhekk ġie minn Ġerusalemm jiltaqa' mas-sultan, is-sultan qallu: “Għala ma ġejtx miegħi, Mefiboset?” [2Sam:19:27] U wieġeb: “Sultan sidi, qarraq bija l-qaddej tiegħi. Il-qaddej tiegħek qallu: 'Ħa nxidd il-ħmara u nirkeb, u mmur mas-sultan,' għax il-qaddej tiegħek zopp. [2Sam:19:28] Imma hu qala' ħafna qlajja' fuq il-qaddej tiegħek ma' sidi s-sultan. Iżda, sultan sidi, int bħal anġlu ta' Alla; agħmel dak li jidhirlek li hu tajjeb. [2Sam:19:29] Għax id-dar ta' missieri, niesha lkoll kemm huma, ma kienx ħaqqhom ħlief il-mewt minħabba sidi s-sultan, imma int qegħedt il-qaddej tiegħek fost dawk li jieklu mill-mejda tiegħek. X'jedd għandi jien iżjed li nittallab minn quddiem is-sultan.”

[2Sam:19:30] U s-sultan qallu: “Għalfejn dan il-kliem kollu? Qtajtha: Int u Siba taqsmu r-raba' bejnietkom.” [2Sam:19:31] U Mefiboset wieġeb lis-sultan: “Ħa jieħu mqar kollox, issa li sidi s-sultan raġa’ daħal f'daru bis-sliem!”

David ibierek lil Barżillaj

[2Sam:19:32] U Barżillaj, il-Gilgħadi, niżel minn Rogelim; u wassal is-sultan sal-Ġordan, biex isellimlu u jitilqu minn hemm. [2Sam:19:33] Barżillaj kien xiħ ħafna, kellu tmenin sena, u hu kien li tama' lis-sultan kemm dam f'Maħanajm, għax kien bniedem jagħmilha tajjeb ħafna. [2Sam:19:34] U s-sultan qal lil Barżillaj: “Int ejja miegħi, u jien nitimgħek miegħi Ġerusalemm.” [2Sam:19:35] Imma Barżillaj qal lis-sultan: “Kemm baqagħli snin x'ngħix biex noqgħod nitla' Ġerusalemm għand is-sultan. [2Sam:19:36] Jiena llum għandi t-tmenin sena tiegħi; nista' jien nagħraf it-tajjeb u l-ħażin? Jew jista' l-qaddej tiegħek jiggosta li jiekol jew jixrob? Jew nista' jien nisma' l-leħen ta' l-għannejja rġiel jew nisa? U għala l-qaddej tiegħek għandu jkun ta' piż għal sidi s-sultan? [2Sam:19:37] Ħa jwassal xi ftit il-qaddej tiegħek lis-sultan sal-Ġordan. Għaliex is-sultan għandu jħallasni b'dan il-ħlas? [2Sam:19:38] Ħa jarġa' lura l-qaddej tiegħek, u mmut fil-belt tiegħi ħdejn qabar missieri u ommi. Iva hawn Kimħam; ħa jgħaddi ma' sidi s-sultan, u agħmel miegħu dak li jidhirlek tajjeb f'għajnejk.” [2Sam:19:39] U s-sultan qal: “Ħa jiġi mela miegħi Kimħam, u jien nagħmel miegħu kull ma jidhirlek tajjeb f'għajnejk, u kull ma tixtieq minni nagħmilhulek.”

[2Sam:19:40] U l-poplu kollu qasam il-Ġordan waqt li s-sultan baqa' jistenna. Mbagħad is-sultan bies lil Barżillaj u bierku, u dan raġa’ lura f'pajjiżu.

[2Sam:19:41] U s-sultan qasam għan-naħa ta' Gilgal u miegħu qasam ukoll Kimħam; u l-poplu kollu ta' Ġuda u nofs il-poplu ta' Iżrael għaddew mas-sultan.

In-nies ta' Ġuda jitlewwmu man-nies ta' Iżrael

[2Sam:19:42] U, ara, in-nies ta' Iżrael marru lkoll għand is-sultan u qalulu: “Għaliex ħutna ta' Ġuda ħatfuk minna u għaddew mill-Ġordan lis-sultan u 'l daru kollha miegħu u n-nies ta' David kollha miegħu?”

[2Sam:19:43] U wieġbu lkoll in-nies ta' Ġuda lin-nies ta' Iżrael: “Għax is-sultan hu qaribna. Għala ħadtuha bi kbira daqshekk? Jaqaw kilna xi ħaġa mingħand is-sultan jew ħadna xi sehem għalina?”

[2Sam:19:44] In-nies ta' Iżrael wieġbu lin-nies ta' Ġuda u qalulhom: “Aħna għandna jedd għaxar darbiet aktar fuq is-sultan; u għal David ukoll ħabrikna aktar minnkom. Għaliex mela ma tajtux kasna? Ma konniex aħna l-ewwel li tkellimna biex inreġġgħu lura s-sultan tagħna?”

Imma kliem in-nies ta’ Ġuda kien eħriex minn kliem in-nies ta’ Izrael.

20. It-tixwix ta' Seba

[2Sam:20:1] Kien hemm raġel mill-agħar jismu Seba bin Bikri, mit-tribù ta' Benjamin. Dan daqq it-tromba u qal:

“Ma għandniex x'naqsmu ma' David;
Ma għandniex x'nirtu ma' bin Ġesse!
Kulħadd għal għarixu, o Iżrael!”

[2Sam:20:2] U n-nies kollha ta' Iżrael telqu lil David, u telgħu wara Seba bin Bikri; u n-nies ta' Ġuda baqgħu mqabbdin mas-sultan tagħhom mill-Ġordan sa Ġerusalemm.

[2Sam:20:3] U David mar f'daru f'Ġerusalemm; u s-sultan ħa l-għaxar nisa konkubini li kien ħalla biex jieħdu ħsieb id-dar u għalaqhom f'dar mgħassa. Kien jagħtihom jieklu, imma qatt ma kien jersaq lejhom, u baqgħu magħluqin fl-aħjar ta' ħajjithom sa ma mietu romol.

Il-mewt ta' Għamaxa

[2Sam:20:4] Is-sultan qal lil Għamaxa: “Sejjaħli n-nies ta' Ġuda fi żmien tlitt ijiem, u int qis li tkun hawn ukoll.” [2Sam:20:5] U Għamaxa mar isejjaħ lin-nies ta' Ġuda, imma dam iżjed miż-żmien li kien tah is-sultan.

[2Sam:20:6] U David qal lil Abisaj: “Issa Seba bin Bikri se jkunilna ta' ħsara aktar minn Absalom. Int ħu l-qaddejja ta' sidek u agħmel għal warajh, li ma jmurx jieħu f'idejh l-ibliet bis-swar u jgħib minn taħt għajnejna.”

[2Sam:20:7] U ħarġu wara Abisaj in-nies ta' Ġowab, il-Keretin, il-Peletin u n-nies ta' ħila; lkoll ħarġu minn Ġerusalemm u telqu għal wara Seba bin Bikri.

[2Sam:20:8] Kif kienu ħdejn il-ġebla l-kbira li hemm f'Ġibgħon, ġie Għamaxa quddiemhom. Ġowab kellu fuqu l-libsa ta' suldat u fuqha ħżiem b'xabla fl-għant tagħha mdendla ma' ġenbu; u x-xabla ħarġet u waqgħet.

[2Sam:20:9] U Ġowab qal lil Għamaxa: “Intix tajjeb, ħi?” U b'idu l-leminija Ġowab qabad il-leħja ta' Għamaxa biex ibusu. [2Sam:20:10] U Għamaxa ma ntebaħx bix-xabla li kienet f'id Ġowab; u dan nifdu f'żaqqu u xerridlu msarnu fl-art, u miet bla ma tah daqqa oħra.

U Ġowab u ħuh Abisaj telqu għal wara Seba bin Bikri.[2Sam:20:11] Wieħed mill-irġiel ta' Ġowab qagħad ħdejn Għamaxa u għajjat: “Min iħobb lil Ġowab u jżomm ma' David, imur wara Ġowab.” [2Sam:20:12] Għamaxa kien mgħargħar f'demmu f'nofs it-triq u r-raġel intebaħ li l-poplu kollu kien jieqaf iħares, għalhekk gerbeb lil Għamaxa mit-triq għal ġo għalqa, u xeħet biċċa ħwejjeġ fuqu, meta ra li kull min kien jersaq lejh kien jieqaf. [2Sam:20:13] Meta kien neħħieh minn nofs it-triq, kulħadd baqa' għaddej għal wara Ġowab biex imorru jiġru wara Seba bin Bikri.

Il-mewt ta' Seba

[2Sam:20:14] Seba għadda mit-tribujiet kollha ta' Iżrael, wasal f'Abel-bet-magħka, nġabru l-Bikrin kollha u marru lkoll warajh. [2Sam:20:15] U waslu Ġowab u n-nies tiegħu, u għalquh f'Abel-bet-magħka, u tellgħu rampa madwar il-belt; u n-nies kollha li kienu ma' Ġowab bdew jgħawwru biex iġarrfu s-swar.

[2Sam:20:16] Mbagħad mara jilħqilha bdiet tgħajjat mill-belt: “Isimgħu! Isimgħu! Għidu lil Ġowab jersaq 'l hawn ħa nkellmu.” [2Sam:20:17] U resaq lejha u l-mara qaltlu: “Intix Ġowab?” U weġibha: “Jiena hu.” U hi qaltlu: “Isma' l-kelma tal-qaddejja tiegħek.” U hu qalilha: “Qiegħed nisma’.” [2Sam:20:18] U ssuktat tkellmu u tgħidlu: “Dari kienu jgħidu: 'Morru staqsu f'Abel', u kollox kien jissewwa. [2Sam:20:19] Jiena belt is-sliem u s-sewwa f'Iżrael. U int tfittex li teqred belt u omm f'Iżrael? Għaliex trid teqred wirt il-Mulej?”

[2Sam:20:20] U Ġowab wieġeb u qal: “Ma jkun qatt minni li nġarraf u neqred! [2Sam:20:21] M'hux din il-biċċa, imma wieħed ġej mill-muntanji ta' Efrajm, jismu Seba bin Bikri, rafa' idejh fuq is-sultan David. Agħtina lilu waħdu f'idejna, u jien nitbiegħed mill-belt.” U l-mara qalet lil Ġowab: “Ara, nixħetlek rasu minn fuq is-sur.” [2Sam:20:22] U l-mara daħlet il-belt, u kellmet lill-poplu kollu bil-għaqal. Mbagħad qatgħu ras Seba bin Bikri, u waddbuha lil Ġowab.

Ġowab daqq it-tromba, u tbiegħdu minn ħdejn il-belt, kulħadd lejn għarixu. U mar Ġowab Ġerusalemm għand is-sultan.

L-uffiċjali ta' David

[2Sam:20:23] Ġowab kien il-kmandant ta' l-eżerċtu, u Banaja bin Ġeħojada kien jikkmanda l-Keretin u l-Peletin; [2Sam:20:24] Adoram kien jieħu ħsieb ix-xogħol ta' bilfors; Ġosafat bin Aħilud kien segretarju. [2Sam:20:25] Sewa kien skriba: Sadok u Abjatar qassisin; [2Sam:20:26] U Għira l-Ġajri kien ukoll qassis ta' David.

21. David u l-Gibgħonin

[2Sam:21:1] Kien hemm l-għaks fi żmien David għal tliet snin wara xulxin, u David mar jitlob quddiem il-Mulej, u l-Mulej qallu: “Hemm id-demm fuq Sawl u d-dar tiegħu, talli qatel il-Gibgħonin.” [2Sam:21:2] Is-sultan David sejjaħ lill-Gibgħonin. Issa l-Gibgħonin ma kinux minn ulied Iżrael, imma l-fdal ta' l-Amurrin, u minkejja li wlied Iżrael kienu ħalfulhom li jħalluhom, Sawl fittex li jeqridhom minħabba l-ħeġġa li kellu għal ulied Iżrael u Ġuda. [2Sam:21:3] U David staqsiehom: “X'għandi nagħmel għalikom? Biex nista' npattilkom, ħalli intom tbierku wirt il-Mulej?”

[2Sam:21:4] U l-Gibgħonin wieġbu: “Bejnna u bejn Sawl u daru m'hijiex biċċa ta' fidda u deheb, u anqas ma rridu l-mewt ta' xi ħadd minn fost Iżrael.”

U hu staqsiehom: “X’tgħiduli nagħmel għalikom, mela?”

[2Sam:21:5] U huma wieġbu lis-sultan: “Ħa jagħtuna sebat irġiel minn ulied il-bniedem li qeridna u ried iġibna fix-xejn biex ma nibqgħux ħajjin fl-art kollha ta' Iżrael; [2Sam:21:6] mbagħad noqtluhom aħna quddiem il-Mulej f'Ġibgħa ta' Sawl, il-magħżul tal-Mulej.” U s-sultan wieġeb: “Nagħtihomlkom jien stess!”

[2Sam:21:7] Imma s-sultan ħenn għal Mefiboset bin Ġonatan, bin Sawl, minħabba l-ħalfa tal-Mulej li kien hemm bejniethom, bejn David u bejn Ġonatan bin Sawl. [2Sam:21:8] U s-sultan ħa ż-żewġ ulied ta' Risfa bint Ajja, li kienet wildet lil Sawl: Armoni u Mefiboset, u l-ħames ulied ta' Mikal bint Sawl, li kienet weldithom lil Għadrijel bin Barżillaj il-Meħoli, [2Sam:21:9] u telaqhom f'idejn il-Gibgħonin, u dawn qatluhom fuq l-għolja quddiem il-Mulej, u mietu s-sebgħa flimkien. Qatluhom fl-ewwel jiem tal-ħsad, fil-bidu ta' ħsad ix-xgħir.

Id-difna ta' Sawl u Ġonatan

[2Sam:21:10] Risfa bint Ajja ħadet xkora, u firxitha bħal tinda għaliha, mill-bidu tal-ħsad sakemm ma niżlitx ix-xita fuqhom mis-sema, u ma ħallietx it-tajr ta' l-ajru jinżlu fuqhom binhar, u l-bhejjem selvaġġi billejl.

[2Sam:21:11] U 'l David qalulu b'kull ma għamlet Risfa bint Ajja, il-konkubina ta' Sawl. [2Sam:21:12] U David mar u ġabar l-għadam ta' Sawl u l-għadam ta' ibnu Ġonatan mingħand in-nies ta' Ġabes-gilgħad, li kienu ħatfuhom mill-misraħ ta' Betsan fejn kienu dendluhom il-Filistin, meta dawn rebħu lil Sawl f'Gilbogħa. [2Sam:21:13] U talla' minn hemm l-għadam ta' Sawl u ibnu Ġonatan; ġabar ukoll l-għadam ta' dawk li kienu mdendlin. [2Sam:21:14] Mbagħad difnu l-għadam ta' Sawl u Ġonatan fl-art ta' Benjamin f'Sela, fil-qabar ta' Kis, missieru.

Għamlu kull ma kien ordna s-sultan, u wara dan kollu Alla ġietu ħniena mill-pajjiż.

Il-ġlied mal-Filistin

[2Sam:21:15] U raġa’ qam il-ġlied bejn il-Filistin u Iżrael, u David niżel bil-qaddejja tiegħu u tqabdu mal-Filistin, u David kien għajjien. [2Sam:21:16] Kien hemm Benob, wieħed minn ulied Rafa, li kellu lanza tiżen tliet mitt xekel tal-bronż u mħażżem b'xabla ġdida. Dan għamel f'rasu li joqtol lil David. [2Sam:21:17] Imma ġie jgħinu Abisaj bin Seruja, u darab il-Filisti u qatlu.

Mbagħad ħalfu n-nies ta’ David u qalulu: “Ma toħroġx iżjed magħna għall-ġlied, inkella jintefa d-dawl ta’ Iżrael.”

[2Sam:21:18] Wara dan raġa’ qam il-ġlied mal-Filistin f'Gob. U Sibbekaj minn Ħusa darab lil Saf, li kien minn ulied Rafa.

[2Sam:21:19] Raġa’ qam il-ġlied f'Gob mal-Filistin, u Elħanan bin Ġagħir-ġoregim minn Betlehem darab lil Gulija l-Gatti, li kellu l-għuda tal-lanza bħal motwa tan-nissieġa.

[2Sam:21:20] Kien hemm ukoll il-gwerra f'Gatt, u kien hemm raġel twil b'sitt iswaba' f'kull id u f'kull sieq, erbgħa u għoxrin b'kollox; dan ukoll kien minn nisel Rafa. [2Sam:21:21] U kien iżeblaħ lil Iżrael, imma qatlu Ġonatan bin Simgħi, ħu David.

[2Sam:21:22] Dawn l-erbgħa twieldu lil Rafa f'Gatt, u mietu b'id David u b'id il-qaddejja tiegħu.


22. Radd il-ħajr ta' David

[2Sam:22:1] Dakinhar li l-Mulej ħelsu minn idejn l-għedewwa tiegħu u minn idejn Sawl, David lissen lill-Mulej il-kliem ta' din l-għanja. [2Sam:22:2] U hu qal:

“Il-Mulej il-blata tiegħi,
il-fortizza u l-ħellies tiegħi.
[2Sam:22:3] Alla tiegħi,
sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi;
qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!
Ħellies tiegħi, mill-vjolenza jeħlisni.
[2Sam:22:4] Nsejjaħ lill-Mulej, hu ta' min ifaħħru,
u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi.
[2Sam:22:5] Mwieġ tal-mewt ħakmuni,
widien tal-biża' werwruni,
[2Sam:22:6] ħbula ta' l-imwiet dawwruni,
xbiek il-mewt inqaleb fuqi.
[2Sam:22:7] Fl-hemm tiegħi lill-Mulej sejjaħt,
tlabt l-għajnuna 'l Alla tiegħi,
hu sama' leħni mit-tempju tiegħu,
f'widnejh waslet l-għajta tiegħi.
[2Sam:22:8] Tqanqlet u theżhżet l-art,
triegħdu s-sisien tas-smewwiet,
u tqanqlu bis-saħna tal-korla tiegħu.
[2Sam:22:9] Duħħan ħareġ minn imnifsejh,
u nar li jħarbat minn fommu,
minnu jarmi ilsna tan-nar.
[2Sam:22:10] Feraq is-smewwiet u niżel,
bi ċpar iswed taħt riġlejh.
[2Sam:22:11] Fuq kerubin rikeb u tar,
u deher fuq ġwienaħ ir-riħ.
[2Sam:22:12] Bid-dlam insatar bħal b'libsa,
sħab iswed u magħqud l-għarix tiegħu.
[2Sam:22:13] Mid-dija ta' quddiemu sħab joħroġ,
u ilsna tan-nar ħarġu mill-ġamar.
[2Sam:22:14] Riegħed il-Mulej mis-smewwiet,
l-Għoli samma' leħnu.
[2Sam:22:15] Telaq il-vleġeġ tiegħu u xerridhom,
għamel il-beraq u ħarrabhom.
[2Sam:22:16] U dehru qigħan il-baħar,
nkixfu s-sisien ta' l-art,
mat-theddida tal-Mulej,
man-nefħa ta' mnifsejh.
[2Sam:22:17] Mill-għoli medd idu u ħatafni,
ħariġni minn baħar ta' ilma.
[2Sam:22:18] Mill-għedewwa b'saħħithom ħelisni,
mill-għedewwa li jifilħu aktar minni.
[2Sam:22:19] Ġew fuqi f'siegħa ħażina,
iżda l-Mulej waqaf miegħi.
[2Sam:22:20] Ħariġni 'l barra fil-wisa',
ħelisni, għax lili jħobbni.

[2Sam:22:21] Ħallasni l-Mulej skond il-ġustizzja tiegħi,
raddli skond is-safa ta' idejja.
[2Sam:22:22] Għax jien żammejt triqat il-Mulej,
ma tbigħedtx bid-dnub minn Alla tiegħi.
[2Sam:22:23] Quddiemi huma d-digrieti kollha tiegħu;
ma warrabtx minni l-preċetti tiegħu.
[2Sam:22:24] Bla tebgħa kont quddiemu,
mill-ħtija ħarist lili nnifsi.
[2Sam:22:25] Raddli l-Mulej skond il-ġustizzja tiegħi,
skond is-safa ta' idejja li ra b'għajnejh.

[2Sam:22:26] Ma' min hu tajjeb, int timxi bit-tajjeb,
ma' min hu bla ħtija, inti timxi bla ħtija.
[2Sam:22:27] Ma' min hu safi, int timxi bis-safa,
ma' min jgħawweġ, timxi bl-għaqal.
[2Sam:22:28] Għax inti ssalva 'l-poplu fqajjar,
u l-għajnejn kburin tbaxxihom.

[2Sam:22:29] Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi;
Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi.
[2Sam:22:30] Bik jien negħleb il-qtajja' ta' l-għedewwa;
bl-għajnuna ta' Alla tiegħi nirbaħ is-swar!

[2Sam:22:31] Dritta hi t-triq ta' Alla;
safja hi l-kelma tal-Mulej.
Tarka huwa Alla għal kull min jistkenn fih.

[2Sam:22:32] Għax min hu Alla ħlief Jahweh?
U min hu blata ħlief Alla tagħna?
[2Sam:22:33] Hu Alla, hu l-kenn qawwi tiegħi,
hu li jeħles lil min hu sewwa fi triqtu.
[2Sam:22:34] Bħal taċ-ċriev jagħmilli riġlejja,
fuq l-għoljiet fis-sod iqegħedni.
[2Sam:22:35] Idejja jħarriġli għat-taqbida;
ark tal-bronż imiddu dirgħajja.
[2Sam:22:36] Int tajtni t-tarka tas-salvazzjoni tiegħek;
l-għajnuna tiegħek kabbritni;
[2Sam:22:37] Int wessajtli t-triq quddiemi,
u ma tfixklux riġlejja.
[2Sam:22:38] Neħodha għal wara l-għedewwa u nilħaqhom;
ma nerġax lura qabel neqridhom.
[2Sam:22:39] Nagħtihom daqqa, ma jqumux iżjed minnha;
jaqgħu mirbuħa taħt riġlejja.
[2Sam:22:40] Int tħażżimni bil-qawwa għat-taqbida,
taħti titfa' 'l dawk li jqumu għalija.
[2Sam:22:41] Iġġiegħel l-għedewwa jaħarbu quddiemi;
jien neqred 'il dawk li jobogħduni.
[2Sam:22:42] Jgħajjtu għall-għajnuna, u ħadd ma
jgħinhom,
lill-Mulej isejjħu, u ma jweġibhomx.
[2Sam:22:43] Bhat-trab ta' l-art nagħmilhom,
bħat-tajn tat-triqat ngħaffeġ fuqhom.

[2Sam:22:44] Int teħlisni minn poplu ġellied,
fuq il-ġnus inti tqegħedni;
u poplu, li ma nafux, jaqdini.
[2Sam:22:45] Il-barranin jinxteħtu sa l-art quddiemi;
malli jisimgħu bija, joqogħdu għalija.
[2Sam:22:46] Il-barranin jaqgħu mifnija,
joħorġu mwerwra mill-fortizza tagħhom.

[2Sam:22:47] Ħaj il-Mulej! Mbierek hu, il-Blata tiegħi!
Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!
[2Sam:22:48] Alla, li għenni biex tħallast mill-għedewwa,
li qegħedli l-ġnus taħt riġlejja!
[2Sam:22:49] Int teħlisni mill-għedewwa tiegħi,
tqegħedni fuq min jaħbat għalija,
teħlisni min-nies tad-dnewwa.
[2Sam:22:50] Għalhekk infaħħek fost il-ġnus, Mulej,
u ngħanni t-tifhir ta' ismek.
[2Sam:22:51] Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,
juri mħabbtu mal-midluk tiegħu;
ma' David u nislu għal dejjem.”


23. L-aħħar kliem ta' David

[2Sam:23:1] Dan huwa l-aħħar kliem ta' David:

L-oraklu ta' David, bin Ġesse,
l-oraklu tal-bniedem li Alla għolla,
il-prinċep midluk ta' Alla ta' Ġakobb,
l-għannej ħelu ta' Iżrael:

[2Sam:23:2] “L-ispirtu tal-Mulej jitkellem bija,
u kelmtu fuq ilsieni.
[2Sam:23:3] Jitkellem Alla ta' Ġakobb,
il-Blata ta' Iżrael kellimni:
'Min jaħkem fil-biża' ta' Alla,
[2Sam:23:4] hu bħad-dawl taż-żerniq ma' tlugħ ix-xemx,
għodwa bla sħab,
li tnibbet wara x-xita l-ħaxix.'
[2Sam:23:5] Sħiħa hi dari quddiem Alla;
għax patt għal dejjem għamel miegħi;
f'kollox imħejji u mħares tajjeb.
Għax m'hux hu li jnissilli s-salvazzjoni
u l-għaqda tiegħi kollha?
[2Sam:23:6] Il-ħżiena lkoll bħal xewk mormi,
ħadd ma jiġbru bl-id;
[2Sam:23:7] u anqas imisshom
jekk mhux b'ħadida jew b'għuda ta' lanza,
u jeqridhom u bin-nar jaħraqhom.”

Il-qalbenin ta' David

[2Sam:23:8] Dawn huma l-ismijiet tal-qalbiena ta' David: Isboset il-Ħakmuni, l-aqwa fost it-tlieta: hu li venven il-lanza tiegħu fuq tmien mitt raġel, u qatilhom f'darba waħda.

[2Sam:23:9] Warajh jiġi Elgħażar bin Dodu, l-Aħoħi, wieħed mit-tliet qalbenin. Kien ma' David f'Pas-dammim, meta l-Filistin inġabru għall-ġlied; l-Iżraelin reġgħu lura, [2Sam:23:10] imma hu baqa' f'postu jagħti fuq il-Filistin sakemm idu għejiet u bbieset max-xabla. Dak in-nhar il-Mulej għamel rebħa kbira; mbagħad il-poplu mar warajh għall-priża biss.

[2Sam:23:11] U mbagħad warajh kien hemm Samma bin Agi, il-Ħarari. Kienu nġabru l-Filistin f'Leħi, fejn kien hemm għalqa mimlija għads. Il-poplu kien ħarab minn quddiem il-Filistin, [2Sam:23:12] imma hu baqa' hemm wieqaf f'nofs l-għalqa, ħelisha, u ħarbat lill-Filistin. U dak in-nhar il-Mulej għamel rebħa kbira.

[2Sam:23:13] Tlieta minn fost it-tletin il-kbar kienu niżlu fil-bidu tal-ħsad ħdejn David, fl-għar ta' Għadullam. Il-Filistin kienu fil-kamp fil-wied ta' Refajn. [2Sam:23:14] David kien fil-fortizza, u f'Betlehem kien hemm l-għases Filistin. [2Sam:23:15] David ġietu xewqa u qal: “Min se jisqini mill-ilma tal-bir li hemm fil-bieb ta' Betlehem?”

[2Sam:23:16] It-tliet qalbenin qasmu minn nofs il-kamp tal-Filistin, u mlew l-ilma mill-bir fil-bieb ta' Betlehem, u qabduh u ġibuh lil David. Imma hu ma riedx jixorbu, u sawwbu fl-art b'offerta lill-Mulej, [2Sam:23:17] u qal: “Iħarisni l-Mulej milli nagħmel dan: nixrob jien id-demm ta' nies li marru jtarrfu ħajjithom?” Għalhekk ma riedx jixrob.

Dan hu li għamlu t-tliet qalbenin.

[2Sam:23:18] L-aqwa fost it-tletin kien Abisaj, ħu Ġowab bin Seruja, hu li kien venven il-lanza tiegħu fuq tliet mitt ruħ u qeridhom u għamel isem fost it-tletin. [2Sam:23:19] Hu li kellu fost it-tletin l-akbar ġieħ u sar il-kmandant tagħhom, imma ma laħħaqx mat-tlieta.

[2Sam:23:20] Benaja bin Ġeħojada minn Kabsel, raġel ta' ħila li għamel ħafna ħwejjeġ ta' l-għaġeb. Kien hu li għeleb iż-żewġ ulied ta' Arijel ta' Mowab. Kien hu wkoll li niżel u qatel l-iljun f'nofs il-ġiebja dakinhar li għamel is-silġ. [2Sam:23:21] Kien hu li qatel lil wieħed Eġizzjan: dan l-Eġizzjan kien twil ħafna u f'idu kellu lanza; iżda hu niżel għalih bil-ħatar, ħa l-lanza minn id l-Eġizzjan, u qatlu bil-lanza tiegħu stess.

[2Sam:23:22] Dan għamel Benaja bin Ġeħojada u għamel isem fost dawk it-tliet qalbiena. [2Sam:23:23] Fost it-tletin hu li kellu l-akbar ġieħ, imma ma laħħaqx mat-tlieta. David qiegħdu fuq il-kunsill tiegħu.

[2Sam:23:24] Fost it-tletin kien hemm ukoll: Għaxajel, ħu Ġowab; Elħanan bin Dodu minn Betlehem; [2Sam:23:25] Samma, il-Ħarodi; Elika, il-Ħarodi; [2Sam:23:26] Ħeles, il-Palti; Għira bin Għikkes, minn Tekugħa, [2Sam:23:27] Abigħeżer, l-Għanatoti; Mebonnaj, il-Ħusaj; [2Sam:23:28] Salmon, l-Aħoħi; Maħaraj, in-Netufi, [2Sam:23:29] Ħeled bin Bagħna, in-Netufi; Ittaj bin Ribaj, minn Ġibgħa ta' Benjamin; [2Sam:23:30] Banaja, l-Pirgħatuni; Ħiddaj mill-widien ta' Gagħas; [2Sam:23:31] Abi-għalbon, l-Għarbati; Għażmawet, il-Baħurim; [2Sam:23:32] Eljaħba, is-Sagħalbuni; Ġasen, il-Guni; [2Sam:23:33] Ġonatan bin Samma, il-Ħarari; Aħijam bin Sarar, il-Ħarari; [2Sam:23:34] Elifelet bin Aħasbaj, minn Bet-magħka; Eligħam bin Aħitofel, il-Giluni; [2Sam:23:35] Ħesraw, il-Karmeli, Pagħraj, l-Arbi; [2Sam:23:36] Igal bin Natan minn Soba; Bani, il-Gaddi; [2Sam:23:37] Selek, l-Għammoni; Naħaraj, il-Biroti, skudier ta' Ġowab bin Seruja; [2Sam:23:38] Għira, il-Ġetri; Gareb, il-Ġetri; [2Sam:23:39] Urija, il-Ħitti; sebgħa u tletin b'kollox.

24. Iċ-ċensiment

[2Sam:24:1] U l-Mulej raġa’ għadab għal Iżrael u xewwex lil David kontrihom u qallu: “Mur, għodd lil Iżrael u lil Ġuda.”

[2Sam:24:2] U s-sultan qal lil Ġowab u 'l-kmandanti ta' l-eżerċtu li kienu miegħu: “Morru duru mat-tribujiet kollha ta' Iżrael, minn Dan sa Birsaba, u għoddu l-poplu, biex jien inkun naf l-għadd tal-poplu.” [2Sam:24:3] U Ġowab qal lis-sultan: “Ħa jkattar il-Mulej, Alla tiegħek, il-poplu mitt darba daqs li huma, u ħa jarawhom għajnejn is-sultan sidi! Imma għalfejn sidi s-sultan jixtieq jagħmel dan?” [2Sam:24:4] Imma l-kelma tas-sultan għelbet lil Ġowab u l-kmandanti ta' l-eżerċtu. U ħarġu, Ġowab u l-kmandanti ta' l-eżerċtu, minn quddiem is-sultan biex jgħoddu l-poplu ta' Iżrael.

[2Sam:24:5] Qasmu l-Ġordan, u bdew minn Għarogħer u mill-belt li tinsab f'nofs il-wied, u minn hemm baqgħu sejrin lejn Gad sa Ġagħżer. [2Sam:24:6] Mbagħad waslu f'Gilgħad u fl-inħawi ta' taħt il-Ħermon. Baqgħu sejrin sa Dan u minn Dan daru lejn Sidon. [2Sam:24:7] Ġew fil-fortizza ta' Tir, u fl-ibliet kollha tal-Ħiwwin, u tal-Kangħanin sa ma waslu fin-Negeb ta' Ġuda f'Birsaba. [2Sam:24:8] U daru l-pajjiż kollu, u wara disa' xhur u għoxrin ġurnata waslu Ġerusalemm. [2Sam:24:9] U Ġowab ta lis-sultan l-għadd taċ-ċensiment tal-poplu, li kien ilaħħaq għal Iżrael tmien mitt elf raġel kapaċi jislet ix-xabla; u għal Ġuda ħames mitt elf raġel.

[2Sam:24:10] Iżda wara ċ-ċensiment tal-poplu David ħass qalbu ttaqtaq, u qal lill-Mulej: “Dnibt bil-kbir b'li għamilt; issa, Mulej, neħħi nitolbok, dan il-ħażen tal-qaddej tiegħek, għax tbellaht bil-bosta.”

[2Sam:24:11] Xħin David qam fil-għodu, il-Mulej kellem lil Gad il-profeta, il-veġġent ta' David, u qallu: [2Sam:24:12] “Mur u għid lil David: 'Dan jgħid il-Mulej: Tliet ħwejjeġ inqegħedlek quddiemek; agħżel waħda minnhom u jien nagħmilhielek.' ” [2Sam:24:13] U Gad mar għand David u ħabbarlu u qallu: “Trid int li jiġuk tliet snin ta' għaks fuq l-art? Jew taħrab għal tliet xhur minn quddiem l-għadu tiegħek hu u jiġri warajk? Jonkella li jkun hemm tlitt ijiem pesta f'pajjiżek? Issa aħsibha u għidli x'għandi nwieġeb lil min bagħatni.”

[2Sam:24:14] U David wieġeb lil Gad: “Nħossni f'diqa kbira: Ħalli naqa' f'id il-Mulej, għax kbira l-ħniena tiegħu; imma ma rridx naqa' f'idejn il-bnedmin!” [2Sam:24:15] U l-Mulej bagħat il-pesta f'Iżrael, minn filgħodu sal-ħin miftiehem, u mietu mill-poplu - minn Dan sa Birsaba - sebgħin elf ruħ.

[2Sam:24:16] Meta l-anġlu kien sejjer imidd idu għal fuq Ġerusalemm biex jeqridha, il-Mulej sogħob bih mid-deni, u qal lill-anġlu li kien qiegħed jagħmel ħerba mill-poplu: “Biżżejjed! Żomm idek.” Dak il-ħin l-anġlu tal-Mulej kien ħdejn il-qiegħa ta' Arawna, il-Ġebusi. [2Sam:24:17] Xħin David lemaħ lill-anġlu jaħbat għan-nies kellem lill-Mulej u qallu: “Arani, jien dnibt, u jien għamilt id-deni! Imma dawn in-nagħaġ x'għamlu? Ħa tkun, nitolbok, idek fuqi, u fuq dar missieri.”

[2Sam:24:18] U dak in-nhar stess Gad ġie għand David u qallu: “Qum u tella' artal lill-Mulej fil-qiegħa ta' Arawna, il-Ġebusi. [2Sam:24:19] U David tala' skond ma kien kellmu Gad fuq ordni tal-Mulej. [2Sam:24:20] Kif Arawna ttawwal u ra s-sultan u l-qaddejja tiegħu telgħin lejh, ħareġ u niżel wiċċu fl-art u ta qima lis-sultan. [2Sam:24:21] U Arawna qal: “Għalfejn ġie sidi s-sultan għand il-qaddej tiegħu?” U David wieġeb: “Biex nixtri mingħandek il-qiegħa biex nibni artal lill-Mulej, u tieqaf il-pesta minn fost il-poplu?”

[2Sam:24:22] U Arawna qal lil David: “Ħalli jeħodha sidi s-sultan, u jibni fiha li jidhirlu li hu l-aħjar. Ara, hawn il-baqar għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u x-xatba u l-madmad għall-ħatab. [2Sam:24:23] Kollox jagħti Arawna lis-sultan.” U Arawna ssokta jgħid: “Jitgħaxxaq bik il-Mulej, Alla tiegħek.” [2Sam:24:24] U s-sultan wieġeb lil Arawna: “Le! Irrid nixtri minn għandek bil-flus. Ma rridx noffri lill-Mulej, Alla tiegħi, sagrifiċċji bla ħlas.” U David xtara l-qiegħa u l-baqar b'ħamsin xekel tal-fidda. [2Sam:24:25] U David bena hemm artal lill-Mulej, u offra sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem. U l-Mulej bired lejn il-pajjiż u l-pesta waqfet minn fost Iżrael.