IT-TIENI ITTRA LILL-KORINTIN

1. Tislima

[2Kor:1:1] Pawlu, appostlu ta' Ġesù Kristu bir-rieda ta' Alla, u Timotju, ħija, lill-Knisja ta' Alla li qiegħda f'Korintu, flimkien mal-qaddisin kollha li qegħdin fl-Akaja: [2Kor:1:2] grazzja lilkom u sliem mingħand Alla l-Missier tagħna u l-Mulej Ġesù Kristu.

Radd il-ħajr fil-hemm

[2Kor:1:3] Mbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta' kull faraġ. [2Kor:1:4] Hu jfarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, nkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f'kull xorta ta' hemm. [2Kor:1:5] Bħalma joktru fina s-sofferenzi ta' Kristu, hekk ukoll permezz ta' Kristu, joktor fina l-faraġ. [2Kor:1:6] In-niket tagħna jservi għall-faraġ u s-salvazzjoni tagħkom; u jekk nitfarrġu, dan iservi għall-faraġ tagħkom, li jaħdem fikom biex ikollkom il-qawwa tissaportu s-sofferenzi li nissaportu aħna wkoll. [2Kor:1:7] B'hekk, it-tama tagħna fikom hi dejjem qawwija, għax aħna nafu li, kif intom taqsmu magħna s-sofferenzi tagħna, hekk ukoll taqsmu l-faraġ tagħna.

[2Kor:1:8] Ma rridukomx ma tkunux tafu, ħuti, bit-taħbit li ġie fuqna fl-Asja; konna magħfusin iżżejjed li ma konniex nifilħu u konna qtajna jiesna minn ħajjitna. [2Kor:1:9] Iżda ħassejna fina s-sentenza tal-mewt, biex ma nittamawx fina nfusna, iżda f'Alla li jqajjem lill-mejtin. [2Kor:1:10] Kien hu li ħelisna minn daqstant perikli tal-mewt u għad jeħlisna; fih nittamaw li jerġa' jeħlisna [2Kor:1:11] bl-għajnuna tat-talb tagħkom għalina. Hekk ħafna, minħabba d-don li rċevejna aħna, iroddu l-ħajr għall-grazzji li qlajna bis-saħħa tat-talb ta' ħafna.

Għaliex ma marx iżurhom

[2Kor:1:12] Il-ftaħir tagħna hu dan: il-kuxjenza tagħna tixhdilna li aħna ġibna ruħna fid-dinja bis-sempliċità u s-sinċerità li ġejjin minn Alla mhux bl-għaqal tad-dinja, imma bil-grazzja ta' Alla, l-aktar fejn kelli x'naqsam magħkom. [2Kor:1:13] Aħna ma niktbulkomx għajr dak li tistgħu taqraw u tifhmu. Nittamaw li intom tifhmu kollox sewwa, [2Kor:1:14] bħalma ġa fhimtu xi ħaġa minna, sabiex intom tiftaħru bina u aħna niftaħru bikom f'Jum Sidna Ġesù Kristu.

[2Kor:1:15] Jiena kont żgur minn dan, u għalhekk qabel ridt niġi għandkom, biex terġgħu tifirħu [2Kor:1:16] u ngħaddi mingħandkom għall-Maċedonja, u mbagħad nerġa' lura mill-Maċedonja għal għandkom u tqabbduni t-triq intom għal-Lhudija.

[2Kor:1:17] Meta ddeċidejna li nagħmlu dan, jaqaw għamilna hekk bla ħsieb? Jaqaw dak li niddeċiedi, niddeċidih għall-interessi ta' din id-dinja, b'mod li jkun hemm fija "iva, iva" u"le, le?" fl-istess ħin? [2Kor:1:18] Tassew, daqskemm tassew hu fidil Alla, li l-kelma tagħna lilkom ma kinitx "iva" u "le". [2Kor:1:19] L-Iben ta' Alla, Ġesù Kristu, li xandarnielkom aħna, jiena u Silvanu u Timotju, ma kienx "iva" u "le"; fih kien hemm l-"iva" weħidha. [2Kor:1:20] Għax fih il-wegħdiet ta' Alla kollha saru "iva". Hu għalhekk li aħna, permezz tiegħu, ngħidu l-"Amen" għall-glorja ta' Alla. [2Kor:1:21] Alla hu li jwettaq kemm lilkom u kemm lilna fi Kristu, li kkonsagrana għalih innifsu; [2Kor:1:22] hu li ssiġillana wkoll bis-siġill tiegħu, u tana b'rahan l-Ispirtu fi qlubna. [2Kor:1:23] Jiena nsejjaħ lil Alla xhud tiegħi fuq ruħi li ma rġajtx ġejt Korintu biex naħfirhielkom. [2Kor:1:24] Mhux għax irridu nġegħlukom temmnu iżda li naħdmu flimkien għall-ferħ tagħkom, billi intom qegħdin iżżommu sħaħ fil-fidi.

2. [2Kor:2:1] Jien iddeċidejt li ma nerġax niġi għandkom bi swied ta' qalb. [2Kor:2:2] Għax jekk jien insewwdilkom qalbkom, min se jferraħni, jekk mhux dawk stess li sewwdu qalbhom minħabba fija? [2Kor:2:3] Jien ktibtilkom dan biex, meta niġi għandkom, ma jkollix swied ta' qalb minħabba dawk li għandi nifraħ bihom. Jien għandi fehma sħiħa li l-ferħ tiegħi hu l-ferħ tagħkom ilkoll. [2Kor:2:4] Iva, jiena ktibtilkom b'għafsa ta' qalb u bid-dmugħ, mhux biex insewwdilkom qalbkom, iżda biex inġagħalkom tifhmu l-imħabba bla tarf li għandi għalikom.

Maħfra

[2Kor:2:5] Jekk xi ħadd ġieb swied il-qalb, mhux lili nikket, imma b'xi mod - bla ma nkabbarha - lilkom ilkoll. [2Kor:2:6] Biżżejjed għal dan il-kastig li tatu l-biċċa l-kbira tagħkom. [2Kor:2:7] Mela issa intom għandkom tħennu għalih u tfarrġuh, li ma jmurx jaqta' jiesu taħt it-toqol tan-niket. [2Kor:2:8] Għalhekk nitlobkom turuh imħabbitkom għalih.

[2Kor:2:9] Għalhekk ktibtilkom dik l-ittra; sabiex nippruvakom u nara tisimgħux minni f'kollox.

[2Kor:2:10] Meta intom taħfru lil xi ħadd, naħfirlu jiena wkoll. Meta jien naħfer - jekk ħfirt xi ħaġa - ħfirtha minħabba fikom quddiem Kristu, [2Kor:2:11] biex ma jegħlibnix ix-Xitan, għax nafu x'inhuma l-ħsibijiet tiegħu.

L-inkwiet ta' Pawlu

[2Kor:2:12] Meta wasalt Troas biex inxandar l-Evanġelju ta' Kristu, il-Mulej fetaħli l-bibien kollha. [2Kor:2:13] Iżda ma kellix mistrieħ f'qalbi, għax ma stajtx insib lil ħija Titu; għalhekk sellimt lin-nies li joqogħdu hemmhekk u tlaqt lejn il-Maċedonja.

[2Kor:2:14] Niżżi ħajr lil Alla, għax hu li jmexxina dejjem fir-rebħ fi Kristu u li jxerred ma' kullimkien permezz tagħna l-fwieħa tat-tagħrif tiegħu. [2Kor:2:15] Għaliex aħna nwasslu l-fwieħa ta' Kristu fost dawk li jsalvaw u fost dawk li jintilfu. [2Kor:2:16] Lil dawn ta' l-aħħar din il-fwieħa twassalhom għall-mewt, lil dawk twassalhom għall-ħajja. Min jinqala' għal din il-ħidma? [2Kor:2:17] Aħna m'aħniex bħal ħafna li jinnegozjaw il-kelma ta' Alla, iżda bħal nies b'qalbhom safja, bħal nies mibgħutin minn Alla, quddiem Alla nitkellmu fi Kristu.

3. Il-ministri tal-Patt il-Ġdid

[2Kor:3:1] Nerġgħu nibdew nirrikkmandaw lilna nfusna? Għandna bżonn aħna, bħal xi wħud, b'xhieda għalina, ittri ta' rakkomandazzjoni għalikom jew mingħandkom? [2Kor:3:2] L-ittra tagħna hi intom, miktuba fuq qlubna, magħrufa u moqrija minn kulħadd. [2Kor:3:3] Intom tidhru li intom l-ittra ta' Kristu fdata f'idejna, miktuba mhux bil-linka, imma bl-Ispirtu ta' Alla l-ħaj; mhux fuq it-twavel tal-ġebel, iżda fuq it-twavel tal-laħam ta' qalbkom.

[2Kor:3:4] Tant aħna għandna qalbna qawwija quddiem Alla permezz ta' Kristu! [2Kor:3:5] Mhux li aħna minna nfusna għandna l-ħila naħsbu li xi ħaġa ġejja minna nfusna; il-ħila tagħna ġejja mingħand Alla, [2Kor:3:6] li tana l-ħila li nkunu ministri tal-patt il-ġdid, il-patt mhux ta' l-ittra imma ta' l-Ispirtu; għax l-ittra toqtol, imma l-Ispirtu jagħti l-ħajja.

[2Kor:3:7] Issa jekk il-ministeru tal-mewt imnaqqax fil-ġebel kien hekk imdawwal bil-glorja li wlied Iżrael ma setgħux iżommu għajnejhom f'wiċċ Mosè minħabba fid-dija ta' wiċċu - u din ma kinitx għal dejjem - [2Kor:3:8] kemm aktar ikun imdawwal bil-glorja l-ministeru ta' l-Ispirtu! [2Kor:3:9] Jekk il-ministeru tal-kundanna kien imdawwal bil-glorja, kemm aktar jiddi bil-glorja l-ministeru tal-ġustifikazzjoni! [2Kor:3:10] Anzi, minn daqshekk, dak li darba kellu l-glorja ma kellu glorja xejn ħdejn il-kobor bla qjies tal-glorja ta' issa. [2Kor:3:11] Jekk kien imdawwal bil-glorja l-ministeru li kellu jgħaddi, kemm aktar hu mdawwal bil-glorja dak li għandu jibqa'!

[2Kor:3:12] Meta għandna din it-tama, aħna nagħmlu tassew il-qalb, [2Kor:3:13] u ma nagħmlux bħal Mosè, li xeħet velu fuq wiċċu biex ulied Iżrael ma jżommux għajnejhom fuq it-tmiem ta' dak li kellu jgħaddi u jiġi fix-xejn. [2Kor:3:14] Moħħhom iddallam, u sal-ġurnata ta' llum dak l-istess velu għadu fuqhom waqt il-qari tal-Kotba tal-Patt il-Qadim; ma jitneħħiex, għax permexx ta' Kristu biss jitneħħa. [2Kor:3:15] Sa llum stess, kull meta jaqraw il-Liġi ta' Mosè hemm velu fuq qalbhom; [2Kor:3:16] dan il-velu jitneħħa meta jerġgħu lura lejn il-Mulej. [2Kor:3:17] Għax il-Mulej huwa l-Ispirtu, u fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm il-ħelsien. [2Kor:3:18] Aħna lkoll, li b'wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f'mera l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skond ma jagħtina l-Mulej, li hu Spirtu.

4. Teżori fil-fuħħar

[2Kor:4:1] Ladarba għall-ħniena ta' Alla aħna għandna dan il-ministeru, ma naqtgħux qalbna; [2Kor:4:2] imma nwarrbu kull ħabi u għajb; u la nimxu bil-qerq u lanqas ngħawwġu l-kelma ta' Alla, iżda nuru l-verità kollha u nħallu l-kuxjenza ta' kull bniedem tiġġudikana hi quddiem Alla. [2Kor:4:3] Jekk imbagħad l-Evanġelju tagħna jibqa' mistur għal dawk li jintilfu; [2Kor:4:4] dawk li l-alla ta' din id-dinja dallmilhom il-moħħ tagħhom nieqes mill-fidi, biex ma jarawx jiddi d-dawl ta' l-Evanġelju glorjuż ta' Kristu, li hu xbieha ta' Alla. [2Kor:4:5] Għax aħna 'l Ġesù l-Mulej qegħdin inxandru, u mhux lilna nfusna; aħna m'aħniex ħlief qaddejja tagħkom minħabba f'Ġesù Kristu. [2Kor:4:6] Dan Alla li qal: "Ħa jiddi d-dawl mid-dlam", dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl ta' l-għarfien tal-glorja ta' Alla, li tiddi f'wiċċ Kristu.

[2Kor:4:7] Dan it-teżor qiegħed għandna f'ġarar tal-fuħħar, ħalli b'hekk jidher sewwa li l-kobor ta' din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna. [2Kor:4:8] Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m'aħniex mgħattnin; mħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa; [2Kor:4:9] ippersegwitati, iżda m'aħniex abbandunati; mixħutin ma' l-art, iżda m'aħniex meqrudin. [2Kor:4:10] F'ġisimna dejjem inġorru l-mewt ta' Ġesù, biex f'ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta' Ġesù. [2Kor:4:11] Għax aħna, għad li qegħdin ngħixu, ninsabu dejjem mogħtija għall-mewt minħabba f'Ġesù biex il-ħajja ta' Ġesù wkoll tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut. [2Kor:4:12] U b'hekk fina taħdem il-mewt, imma fikom taħdem il-ħajja. [2Kor:4:13] Imma billi aħna għandna l-istess spirtu ta' fidi li fuqu hemm miktub: "Emmint, u għalhekk tkellimt," aħna wkoll emminna, u għalhekk tkellimna; [2Kor:4:14] għax nafu li dak li qajjem lill-Mulej Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma' Ġesù u jressaqna quddiemu flimkien magħkom. [2Kor:4:15] Għax dan kollu minħabba fikom, biex il-grazzja tilħaq ħafna bnedmin oħra, u b'hekk jitkattar ir-radd ta' ħajr, għall-glorja ta' Alla.

Ngħix bil-fidi

[2Kor:4:16] Għalhekk ma naqtgħux qalbna, għax imqar jekk il-bniedem ta' barra jitħassar, il-bniedem ta' ġewwa jiġġedded minn jum għal jum. [2Kor:4:17] Id-daqsxejn ta' tbatija tagħna ta' issa tħejjilna kobor ta' glorja bla qjies għal dejjem; [2Kor:4:18] lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal dejjem.

5. [2Kor:5:1] Aħna nafu li jekk din it-tinda ta' l-għamara tagħna fl-art tiġġarraf, aħna għandna dar oħra, maħduma mhux bl-idejn, imma xogħol ta' Alla, għal dejjem fis-sema. [2Kor:5:2] Aħna f'din nitniehdu, mxennqa li nilbsu fuq din l-għamara tal-ġisem l-għamara l-oħra tas-sema. [2Kor:5:3] Għax jekk nilbsu din ma ninstabux għarwenin. [2Kor:5:4] Aħna, li qegħdin f'din it-tinda, nitniehdu, mgħobbija kif aħna; għalhekk ma rridux ninżgħu, iżda nilbsu oħra minn fuq biex il-ġisem li jmut jinxtorob mill-ħajja. [2Kor:5:5] Alla stess sawwarna għal dan, hu li tana r-rahan ta' l-Ispirtu.

[2Kor:5:6] Aħna dejjem qalbna qawwija u nafu li sakemm indumu mlibbsa b'dan il-ġisem, nibqgħu 'l bogħod mill-Mulej; ... [2Kor:5:7] aħna ngħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni ... [2Kor:5:8] Aħna qalbna qawwija u persważi li aħjar noħorġu minn dan il-ġisem u mmorru noqogħdu għand il-Mulej. [2Kor:5:9] Għalhekk fuq kollox aħna nfittxu li nogħġbu lilu, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu minn dan il-ġisem. [2Kor:5:10] Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta' Kristu, ħalli kulħadd jieħu skond it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.

Il-ministeru tar-rikonċiljazzjoni

[2Kor:5:11] Aħna li nafu x'jiġifieri l-biża' tal-Mulej, nipperswadu lill-bnedmin għal magħna. Alla jafna; nittama li l-kuxjenza tagħkom tafna wkoll. [2Kor:5:12] M'aħniex nerġgħu nirrikkmandaw ruħna lilkom, imma qegħdin nagħtukom raġun tiftaħru bina, biex ikollkom xi twieġbu lil dawk kollhom ftaħir fil-wiċċ minn barra, imma mhux mill-qalb. [2Kor:5:13] Jekk aħna boloh, aħna boloh għal Alla; jekk aħna f'sensina, aħna f'sensina għalikom. [2Kor:5:14] L-imħabba ta' Kristu ġġegħelna naħsbu dan: li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. [2Kor:5:15] U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.

[2Kor:5:16] Għalhekk aħna ma nagħrfu lil ħadd skond il-ġisem. Jekk għarafna lil Kristu skond il-ġisem, issa ma nagħrfuhx aktar hekk. [2Kor:5:17] Meta wieħed jingħaqad ma' Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid. [2Kor:5:18] Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta' Kristu u tana l-ministeru ta' din il-ħbiberija tal-bnedmin ma' Alla. [2Kor:5:19] Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta' Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta' dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta' din il-ħbiberija. [2Kor:5:20] Aħna nagħmluha ta' ambaxxaturi ta' Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna, nitolbu fuq li nitolbu f'ġieħ Kristu: "Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu." [2Kor:5:21] Dak li ma kienx jaf x'inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta' Alla.

6. [2Kor:6:1] Ladarba qegħdin naħdmu flimkien ma' Alla, aħna mela nħeġġukom biex ma tirċevux il-grazzja tiegħu għal xejn. [2Kor:6:2] Għax hu jgħid:

"Fiż-żmien it-tajjeb smajtek,
f’jum is-salvazzjoni għentek."

Araw, issa hu ż-żmien tajjeb, araw, issa hu jum is-salvazzjoni!

Pawlu jiftaħ qalbu

[2Kor:6:3] Aħna xejn ma nagħmlu li jista' jkun ta' tfixkil lil xi ħadd, biex il-ministeru tagħna ma jaqax fl-għajb. [2Kor:6:4] F'kollox inqisu ruħna bħala ministri ta' Alla, bis-sabar kollu fit-tiġrib, fit-tbatija, fid-djieqa, [2Kor:6:5] fis-swat, fil-ħabsijiet, fit-tixwix, fit-taħbit, fis-sahriet bla rqad, fis-sawm; [2Kor:6:6] bis-safa tal-qalb, bl-għerf, is-sabar, bil-ħlewwa, bi spirtu qaddis, bl-imħabba sinċiera, [2Kor:6:7] bil-kelma tas-sewwa, bil-qawwa ta' Alla, bl-armi tal-ġustizzja fuq il-lemin u fuq ix-xellug, [2Kor:6:8] fil-ġieħ u fl-għajb, kemm jekk jgħidu l-ħażin u kemm jekk jgħidu t-tajjeb fuqna; iżommuna bħala nies qarrieqa, lilna li ngħidu s-sewwa; [2Kor:6:9] bħala nies li ma jafhom ħadd, għad li kulħadd jafna; bħala nies f'xifer il-mewt, għad li aħna ħajjin; bħala nies ikkastigati, għad li m'aħniex mogħtijin għall-mewt; [2Kor:6:10] bħala nies imdejjqa, għad li dejjem ferħana; bħala nies foqra, għad li nagħmlu għonja lil ħafna; bħala nies li ma għandhom xejn, għad li kollox huwa tagħna!

[2Kor:6:11] Ftaħna fommna għalikom, o Korintin, b'qalbna miftuħa beraħ! [2Kor:6:12] Għalikom m'hemmx djieq f'qalbna; id-djieq qiegħed f'qalbkom. [2Kor:6:13] Ħallsuna, qiegħed inkellimkom bħal uliedi, billi tiftħu qalbkom beraħ intom ukoll!

Tempju ta' Alla l-ħaj

[2Kor:6:14] La tintrabtux mal-pagani taħt madmad wieħed li ma jiġikomx. X'għandhom x'jaqsmu bejniethom il-ġustizzja u l-ħażen? X'xirka hemm bejn id-dawl u d-dlam? [2Kor:6:15] Xi ftehim hemm bejn Kristu u Beljar? Jew x'għandu x'jaqsam min jemmen ma' min ma jemminx? [2Kor:6:16] X'rabta hemm bejn it-tempju ta' Alla ma' l-idoli? Aħna t-tempju ta' Alla l-ħaj. Kif jgħid Alla:

Ngħammar f’nofshom u nimxi magħhom.
Nkun Alla tagħhom;
u huma jkunu l-poplu tiegħi.
[2Kor:6:17] Għalhekk oħorġu minn ġo nofshom,
u nfirdu minnhom, jgħid il-Mulej;
la tmissux l-imniġġes,
u jien nilqagħkom;
[2Kor:6:18] u nkun għalikom missier
u intom tkunu għalija wlied,
subjien u bniet,
jgħid il-Mulej, li jista’ kollox.

7. [2Kor:7:1] Meta għandna dawn il-wegħdiet, għeżież tiegħi, ħa nitnaddfu minn kull tidnis tal-ġisem u tar-ruħ, u ntemmu l-qdusija tagħna fil-biża' ta' Alla.

Il-ferħ ta' Pawlu u l-indiema tal-Korintin

[2Kor:7:2] Agħmlulna l-wisa' f'qalbkom! Ma nqasna lil ħadd; ma għamilna deni lil ħadd; ma qarraqna b'ħadd! [2Kor:7:3] M'iniex ngħid dan biex nikkundannakom; għaliex, kif għedt qabel, intom ilkoll qegħdin f'qalbi biex immutu u ngħixu flimkien. [2Kor:7:4] Jien għandi qalbi qawwija minħabba fikom; nħossni kburi ħafna bikom; kollni faraġ; mfawwar bil-ferħ fost id-djieqa kollha tagħna.

[2Kor:7:5] Meta morna l-Maċedonja, ma kellna ebda mistrieħ f'ġisimna, iżda taħbit f'kollox - taqbid minn barra u biża' minn ġewwa. [2Kor:7:6] Imma Alla, li jfarraġ lill-umli, farraġna bil-wasla ta' Titu. [2Kor:7:7] Mhux biss bil-wasla ta' dan, iżda wkoll bil-faraġ li bih tfarraġ hu stess minħabba fikom; qalilna bix-xewqa tagħkom, bil-biki tagħkom, biż-żelu tagħkom għalija; u hekk jien fraħt iktar. [2Kor:7:8] Għax jekk sewwidtilkom qalbkom bl-ittra, ma għandix għax nindem; u jekk nindem - qiegħed nara li b'din l-ittra sewwidtilkom qalbkom, għalkemm għal ftit - [2Kor:7:9] issa nifraħ; mhux għax sewwidtilkom qalbkom imma għax minn swied il-qalb wasaltu għall-indiema. Sewwidtilkom qalbkom kif irid Alla, b'mod li m'għamilnielkom l-ebda ħsara. [2Kor:7:10] Swied il-qalb kif irid Alla jnissel l-indiema għas-salvazzjoni, li minnha ħadd ma jibdielu; imma swied il-qalb kif trid id-dinja jwassal għall-mewt. [2Kor:7:11] Araw dan is-swied il-qalb kif irid Alla x'ħeġġa nissel fikom, x'ġustifikazzjoni tagħkom infuskom, x'għadab, x'biża', x'xewqa, x'żelu, u x'xewqa biex issir ġustizzja. F'kull ma ġara ġibtu ruħkom bla ħtija. [2Kor:7:12] Mela jekk ktibtilkom, ma ktibtilkomx minħabba min għamel id-deni jew min sofra xi deni, iżda biex jidher iż-żelu li għandkom għalina quddiem Alla. [2Kor:7:13] Minħabba dan tfarraġna.

Barra minn dan l-faraġ, fraħna aktar minħabba l-ferħ ta’ Titu, għaliex ilkoll kemm intom ferraħtulu qalbu. [2Kor:7:14] Jekk ftaħart xi ftit bikom miegħu ma kellix għax nistħi; imma kif dejjem għedtilkom il-verità, hekk ukoll il-ftaħir tagħna ma' Titu deher li kien veru. [2Kor:7:15] U qalbu xegħlet aktar għalikom meta ftakar fl-ubbidjenza tagħkom, kif ilqajtuh bil-biża' u t-tregħid. [2Kor:7:16] Nifraħ għaliex għal kollox nista' norbot fuqkom.

8. L-għajnuna ġeneruża lill-foqra

[2Kor:8:1] Aħna għarrafnielkom, ħuti, il-grazzja ta' Alla li ngħatat lill-knejjes tal-Maċedonja, [2Kor:8:2] għaliex fil-prova l-kbira tas-sofferenza, il-ferħ tagħhom kien kbir u l-faqar bla tarf tagħhom safa ta' għana kbir biex taw minn qalbhom. [2Kor:8:3] Għaliex taw minn rajhom kemm setgħu, u, nixhdhulkom jien, aktar milli setgħu. [2Kor:8:4] Talbuna b'ħeġġa kbira din il-grazzja, jiġifieri, li jissieħbu f'dan il-ministeru ta' għajnuna lill-qaddisin, [2Kor:8:5] u aktar milli ttamajna aħna, huma taw ruħhom l-ewwel lill-Mulej, mbagħad lilna bir-rieda ta' Alla. [2Kor:8:6] U hekk tlabna lil Titu, li beda dan ix-xogħol, biex itemm din il-ħidma ta' ħniena fostkom. [2Kor:8:7] Iżda bħalma intom għonja f'kollox, fil-fidi u fil-kelma, fl-għerf u fiż-żelu kollu, fl-imħabba li aħna rawwimna f'qalbkom, hekk għandkom tistagħnu f'din il-ħidma ta' ħniena.


[2Kor:8:8] M'iniex nordnalkom; iżda permezz tal-ħerqa li wera ħaddieħor, irrid nipprova kemm hi sinċiera l-imħabba tagħkom. [2Kor:8:9] Intom tafu l-grazzja ta' Sidna Ġesù Kristu, li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu. [2Kor:8:10] Jiena parir qiegħed nagħti f'dan; għax dan ikun jaqblilkom, lilkom, li s-sena l-oħra kontu l-ewwel nies, mhux biss li ndħaltu għal dan x-xogħol, imma li ridtuh ukoll. [2Kor:8:11] Issa mela temmu dak li bdejtu tagħmlu, ħalli b'hekk, bħalma ridtuh minn qalbkom hekk ukoll ittemmuh, kulħadd skond ma għandu. [2Kor:8:12] Jekk il-qalb tkun hemm, dak li jkun jingħoġob skond ma għandu, u mhux skond li ma għandux. [2Kor:8:13] Mhux biex il-piż iħeff minn fuq l-oħrajn u jaqa' kollu fuqkom, imma kulħadd indaqs. [2Kor:8:14] Bħalissa ħallu ż-żejjed tagħkom jagħmel tajjeb għan-nieqes ta' dawk li ma għandhomx, biex iż-żejjed tagħhom għad ikun jista' jpatti għan-nieqes tagħkom. U hekk ikun kulħadd indaqs, [2Kor:8:15] bħalma hu miktub:

"Min ġabar ħafna ma sabx iż-żejjed,
u min ġabar ftit ma baqax bin-nieqes."

Titu u sħabu

[2Kor:8:16] Ħajr lil Alla li nissel l-istess ħerqa f'qalb Titu għalikom. [2Kor:8:17] Għaliex mhux biss laqa' t-talba tagħna, iżda minn qalbu ġej għandkom minħabba ż-żelu li għandu għalikom. [2Kor:8:18] Miegħu qegħdin nibagħtu wkoll lil ħuna li l-knejjes kollha jfaħħru minħabba x-xogħol tiegħu fix-xandir ta' l-Evanġelju. [2Kor:8:19] Mhux biss dan, imma kien ukoll magħżul mill-knejjes biex ikun is-sieħeb magħna fis-safar tagħna f'dan il-ministeru ta' karità għall-glorja ta' Alla u xhieda tar-rieda tajba tagħna. [2Kor:8:20] Għax qegħdin attenti li ħadd ma jkollu xi jgħid fina minħabba l-mod li bih sa nħaddmu din il-ġabra kbira. [2Kor:8:21] Aħna nfittxu s-sewwa mhux biss quddiem Alla iżda wkoll quddiem il-bnedmin. [2Kor:8:22] Qegħdin nibagħtu magħhom lil ħuna, li l-ħeġġa tiegħu ppruvajnieha kemm-il darba b'ħafna manjieri u sibnieh dejjem mimli ħeġġa, iżda issa mħeġġeġ aktar minħabba l-fiduċja kbira li għandu fikom. [2Kor:8:23] Dwar Titu, mbagħad, ngħid biss li huwa sieħbi u ħaddiem miegħi għalikom; u fl-aħħar dwar ħuti, dawn huma l-messaġġiera tal-knejjes, u l-glorja ta' Kristu. [2Kor:8:24] Agħtuhom mela, xhieda ta' mħabbitkom quddiem il-knejjes u tal-verità tal-ftaħir tagħna bikom.

9. L-offerta għall-insara

[2Kor:9:1] Dwar l-għajnuna li għandkom tagħtu lill-qaddisin, kollu żejjed li niktbilkom. [2Kor:9:2] Naf ir-rieda tajba tagħkom. U jien ftaħart bikom quddiem in-nies tal-Maċedonja u għedt: "In-nies ta' l-Akaja jinsabu lesti mis-sena l-oħra"; u l-ħeġġa tagħkom qanqlet lil ħafna minnhom. [2Kor:9:3] Madankollu jien bgħatt lill-aħwa, biex il-ftaħir tagħna bikom ma jisfax fix-xejn f'din il-ħaġa sabiex, kif għedtilkom, tkunu lesti, [2Kor:9:4] u hekk ma jmurx jiġri li jiġu xi Maċedonin miegħi u jsibukom m'intomx lesti, u ġġegħluna nistħu, biex ma ngħidx intom, minn din il-fiduċja tagħna fikom. [2Kor:9:5] Għalhekk aħna ħassejna l-bżonn li nitolbu lil dawn l-aħwa biex jiġu għandkom qabilna u jlestu l-offerta li kontu wegħedtu qabel; u hekk din tkun lesta, mhux bħala ħaġa bilfors, imma bħala ħaġa ħierġa mill-qalb.

[2Kor:9:6] Jien dan ngħid: min jiżra' ftit, jaħsad ftit; u min jiżra' ħafna, jaħsad ħafna. [2Kor:9:7] Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ. [2Kor:9:8] Alla mbagħad għandu l-ħila jfawwarkom b'kull xorta ta' barka, hekk li dejjem u f'kollox ikollkom kull ma hu biżżejjed għalikom, u jibqgħalkom ukoll għal kull opra tajba. [2Kor:9:9] Bħalma hu miktub:

"Huwa qassam bil-kotra u ta lill-fqar;
il-ġustizzja tiegħu tibqa’ għal dejjem. "

[2Kor:9:10] Dak li, lil min jiżra' jagħtih iż-żerriegħa u l-ħobż għall-ikel, jagħti u jkattar iż-żerriegħa lilkom ukoll, u jżid il-frott tal-ġustizzja tagħkom. [2Kor:9:11] U intom tistagħnu b'kull ġid, ħalli turu kull xorta ta' ġenerożità li biha, permezz tagħna, jitla' innu ta' radd il-ħajr quddiem Alla. [2Kor:9:12] Għaliex il-ministeru ta' dan is-servizz mhux biss itaffi l-bżonnijiet tal-qaddisin, imma wkoll inissel kotra ta' radd il-ħajr lil Alla; [2Kor:9:13] dan il-ministeru juri x'intom, u huma jagħtu glorja lil Alla minħabba l-ubbidjenza tagħkom għall-Evanġelju ta' Kristu u tal-ġenerożità ta' l-għotja tagħkom lilhom u lil kulħadd; [2Kor:9:14] u t-talb tagħhom għalikom juri l-imħabba kbira li għandhom għalikom minħabba l-grazzja bla qjies ta' Alla għalikom. [2Kor:9:15] Ħajr lil Alla għad-don tiegħu li ma jitfissirx bil-kliem.

10. Pawlu jiddefendi l-ministeru tiegħu

[2Kor:10:1] Jiena, Pawlu, nitlobkom f'ġieħ l-umiltà u l-ħlewwa kollha ta' Kristu - jien, li jien umli meta nkun fostkom, u qalbieni meta nkun 'il bogħod minnkom - [2Kor:10:2] nitlobkom li ma jkollix għalfejn ninqeda b'din il-ħila, u bil-qawwa li biha bi ħsiebni ninqeda ma' dawk li jaħsbu li aħna nimxu skond id-dinja. [2Kor:10:3] Tassew li aħna ngħixu fid-dinja, imma ma nissarawx bl-armi tad-dinja; [2Kor:10:4] l-armi tagħna għall-ġlied m'humiex tad-dinja; iżda għandhom il-qawwa ta' Alla biex iġarrfu l-fortizzi. Aħna nwaqqgħu kull raġunament [2Kor:10:5] u kull kburija li tqum kontra l-għarfien ta' Alla u njassru kull ħsieb għall-ubbidjenza lil Kristu. [2Kor:10:6] Aħna lesti biex nikkastigaw kull diżubbidjenza meta tkunu obdejtu għalkollox.

[2Kor:10:7] Intom qegħdin tħarsu fil-wiċċ. Jekk xi ħadd jaħseb li hu ta' Kristu, ħa jaħseb ftit fih innifsu, għax aħna ta' Kristu bħalma hu hu. [2Kor:10:8] Jekk ikolli niftaħar xi ftit iżżejjed bis-setgħa tagħna, is-setgħa li tana l-Mulej, biex nibnukom u mhux biex inġarrfukom, ma jkollniex għax nistħu. [2Kor:10:9] Ma rridx nidher qisni qiegħed inbeżżagħkom bl-ittri tiegħi. [2Kor:10:10] Xi ħadd jgħid: 'L-ittri huma iebsa u qawwija; imma meta hu jkun hawn ikun qisu bla ħila u kliemu ta' min jistmerru'. [2Kor:10:11] Dan għandu jdaħħal f'rasu li aħna l-istess, sew fil-kelma ta' l-ittri sew f'għemilna meta nkunu fostkom.

[2Kor:10:12] Aħna ma nissugrawx niddaqqsu jew nitqabblu ma' dawk li jiftaħru bihom infushom. Meta dawn iqisu ruħhom bihom infushom u jqabblu lil ruħhom magħhom infushom ikunu bla moħħ. [2Kor:10:13] Aħna ma niftaħrux bla qjies, iżda skond il-qjies tal-limiti li tana Alla bħala qjies, jiġifieri, li naslu sa għandkom. [2Kor:10:14] Aħna ma morniex lil hemm milli jmissna, bħallikieku ma ġejniex għandkom; għax aħna wasalna sa għandkom bl-Evanġelju ta' Kristu. [2Kor:10:15] Aħna m'aħniex niftaħru barra mill-qjies, jiġifieri, bix-xogħol ta' ħaddieħor; aħna għandna t-tama li l-fidi tagħkom tikber u nikbru aħna skond il-qjies tagħna, [2Kor:10:16] billi nxandru l-Evanġelju lil hemm minnkom bla ma nidħlu fil-qasam ta' ħaddieħor u niftaħru bix-xogħol li diġà jkun sar. [2Kor:10:17] L-Iskrittura tgħid: Min irid jiftaħar, ħa jiftaħar fil-Mulej. [2Kor:10:18] Għax mhux dak li jiftaħar bih innifsu jkun jingħoġob, imma dak li jfaħħru l-Mulej.

11. Pawlu u l-profeti foloz

[2Kor:11:1] M'hux li kontu tieħdu ftit paċenzja bil-bluha tiegħi! Naf, iva, li tieħdu paċenzja bija. [2Kor:11:2] Jiena għajjur għalikom bl-istess għira ta' Alla: għax jiena għarrastkom lil għarus wieħed, bħallikieku kontu xebba safja biex inressaqkom quddiem Kristu. [2Kor:11:3] Jiena nibża' li, bħalma s-serp qarraq b'Eva bil-ħażen tiegħu, hekk fehmietkom jitħassru mis-sempliċità u s-safa tagħhom fi Kristu. [2Kor:11:4] Għax jekk xi ħadd jiġi jxandar Ġesù ieħor, mhux dak li xandarnielkom aħna, jew tieħdu Spirtu ieħor, barra dak li ħadtu, jew xi Evanġelju ieħor barra dak li lqajtu, intom kontu tistabru bih. [2Kor:11:5] Naħseb li jien m'iniex inqas minn dawn l-appostli kbar. [2Kor:11:6] Jekk jien ma ninqalax fil-kliem, ninqala' fl-għerf; dan aħna wrejnihulkom bid-dieher b'kull mod u quddiem kulħadd.

[2Kor:11:7] Jaqaw għamilt xi dnub meta jien ċekkint lili nnifsi biex intom togħlew? Meta ħabbartilkom l-Evanġelju ta' Alla b'xejn? [2Kor:11:8] Neżżajt il-knejjes l-oħra, billi ħadt mingħandhom l-għajxien tiegħi biex naqdi lilkom; [2Kor:11:9] u meta ġejt għandkom u ġejt fil-bżonn, ma dejjaqt lil ħadd. Għall-ħtiġiet tiegħi ħasbu fuq li ħasbu l-aħwa li ġew mill-Maċedonja. F'kollox ġibt ruħi b'mod li ma nkunx ta' piż għalikom, u hekk nibqa' nġib ruħi. [2Kor:11:10] Fuq il-verità ta' Kristu li hemm fija, din ir-raġuni għall-ftaħir tiegħi ma jeħodhieli ħadd fl-inħawi ta' l-Akaja. [2Kor:11:11] Għaliex? Għax ma nħobbkomx? Alla jaf li jien inħobbkom.

[2Kor:11:12] Dak li qiegħed nagħmel, nibqa' nagħmlu, sabiex naqta' l-okkażjoni lil dawk li qegħdin ifittxu okkażjoni biex f'dak li huma jiftaħru bih jinstabu bħalma aħna aħna. [2Kor:11:13] Dawk l-appostli foloz, ħaddiema qarrieqa, ibiddlu lilhom infushom f'appostli ta' Kristu. [2Kor:11:14] M'hux għaġeb, għax Satana stess jitbiddel f'anġlu tad-dawl. [2Kor:11:15] M'hijiex ħaġa kbira, mela, jekk il-qaddejja tiegħu jitbiddlulek bħallikieku kienu qaddejja tal-ġustizzja. Iżda tmiemhom ikun skond għemilhom.

X'għadda minn għala Pawlu

[2Kor:11:16] Nerġa' ngħidilkom, ħadd ma għandu jaħseb li jien xi iblah. Jekk le, ma jkun ġara xejn li tgħodduni bħala wieħed iblah sabiex inkun nista' niftaħar xi ftit. [2Kor:11:17] Li sa ngħid issa mhux skond il-Mulej, iżda bħallikieku f'ġenn, b'rasi mimlija li niftaħar. [2Kor:11:18] Jekk ħafna jiftaħru ta' bnedmin, ħa niftaħar jien. [2Kor:11:19] Intom, li intom kemm intom għaqlin, bil-qalb it-tajba tieħdu paċenzja bil-boloh. [2Kor:11:20] Iva, intom tieħdu kollox bis-sabar jekk xi ħadd ijassarkom, jekk xi ħadd jikolkom, jekk xi ħadd jisraqkom, jekk xi ħadd jitkabbar magħkom, jekk xi ħadd jagħtikom bil-ħarta.

[2Kor:11:21] B'għajb għalija ngħidu, li minn daqshekk aħna konna nies bla ħila ta' xejn. Imma - biex nitkellem ta' iblah - f'dak li ħaddieħor jagħmel wiċċu, nagħmel wiċċi jiena wkoll. [2Kor:11:22] Huma Lhud? Jiena wkoll. Huma Iżraelin? Jiena wkoll. Huma nisel Abraham? Jiena wkoll. [2Kor:11:23] Huma ministri ta' Kristu? Jiena - ħa nitkellem ta' iblah! - jiena aktar minnhom. Ħafna aktar minnhom fit-taħbit, ħafna aktar minnhom fil-ħabsijiet, aktar u aktar minnhom fis-swat. Bosta drabi sibt ruħi wiċċ imbwiċċ mal-mewt. [2Kor:11:24] Ħames darbiet qlajt mingħand il-Lhud l-erbgħin daqqa neqsin waħda; [2Kor:11:25] tliet darbiet tawni s-swat bil-virgi; darb'oħra ħaġġruni. Tliet darbiet rajt l-għarqa; għaddejt lejl u jum f'nofs ta' baħar. [2Kor:11:26] Għamilt safar bla għadd; sibt ruħi f'perikli ta' xmajjar, perikli mill-ħallelin, perikli min-nies ta' ġensi, perikli mill-pagani, perikli fl-ibliet, perikli fid-deżert, perikli fil-baħar, perikli mill-aħwa qarrieqa. [2Kor:11:27] Taħbit u xogħol iebes; kemm-il darba kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm, fil-ksieħ u fl-għera! [2Kor:11:28] U, biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra, dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta' kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes kollha! [2Kor:11:29] Min hu marid u m'iniex marid miegħu jien? Min hu dak li jsib min ifixklu, u jien ma nħossnix imbaqbaq?

[2Kor:11:30] Jekk għandi niftaħar, niftaħar b'dak li hu dgħajjef fija. [2Kor:11:31] Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu - li hu mbierek għal dejjem - jaf li m'iniex nigdeb. [2Kor:11:32] Meta kont f'Damasku, il-gvernatur tas-Sultan Areta qiegħed l-għases mal-belt ta' Damasku biex jaqbadni, [2Kor:11:33] iżda niżżluni ġo qoffa minn tieqa fil-ħitan tal-belt, u ħrabt minn taħt idejh.

12. Viżjonijiet u rivelazzjonijiet

[2Kor:12:1] Ikolli niftaħar. Tassew li xejn m'hu se jiswieli, imma niġu għall-viżjonijiet u r-rivelazzjonijiet tal-Mulej. [2Kor:12:2] Naf wieħed, jemmen fi Kristu, li erbatax-il sena ilu kien meħud sat-tielet sema - jekk hux bil-ġisem jew mingħajr il-ġisem jien ma nafx, dan Alla jafu. [2Kor:12:3] U naf li dan il-bniedem kien meħud fil-ġenna - jekk hux fil-ġisem jew mingħajr il-ġisem jien ma nafx, dan Alla jafu - [2Kor:12:4] u sama' jingħadu ħwejjeġ li ma jitfissrux bil-kliem u li ebda bniedem ma jista' jgħidhom. [2Kor:12:5] B'dan niftaħar jien, imma bija nnifsi ma niftaħarx ħlief b'dak li hu dgħajjef fija. [2Kor:12:6] Għax kieku rrid niftaħar, ma nkunx qed nitbellah, għax inkun qed ngħid is-sewwa. Imma nżomm ruħi lura, biex ma jkunx hemm min jaħseb li jien xi ħaġa aktar minn dak li jilmaħ fija jew minn dak li jismagħni ngħid. [2Kor:12:7] U li ma mmurx nintefaħ bija nnifsi minħabba fil-kobor tar-rivelazzjonijiet, tqegħditli xewka f'ġismi, messaġġiera tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni ħalli ma nintefaħx. [2Kor:12:8] Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni. [2Kor:12:9] Iżda hu weġibni: "Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef." Għalhekk niftaħar minn qalbi l-aktar bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa ta' Kristu tgħammar fija. [2Kor:12:10] Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-debbulizzi tiegħi, bit-tagħjir, bl-għaks, il-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu; għax meta nkun dgħajjef, nkun qawwi.

Pawlu jaħseb fil-Korintin

[2Kor:12:11] Tbellaht! Imma intom ġegħeltuni. Intom kien imisskom faħħartuni! F'xejn ma jien inqas minn dawn l-appostli l-kbar, għalkemm ma jien xejn. [2Kor:12:12] Is-sinjali ta' l-appostlu jien għamilthom f'nofskom bis-sabar kollu, b'sinjali u għeġubijiet u għemejjel ta' qawwa. [2Kor:12:13] Fiex intom inqas mill-knejjes l-oħra, ħlief li jien qatt ma kont piż għalikom! Aħfruli din il-ħtija.

[2Kor:12:14] Araw, jien lest biex niġi għat-tielet darba għandkom u ma nkunx ta' piż għalikom; m'iniex infittex ħwejjiġkom, iżda lilkom; għax mhux sewwa li l-ulied ifaddlu għall-ġenituri, iżda l-ġenituri jfaddlu għal uliedhom. [2Kor:12:15] Jiena bil-qalb kollha nonfoq u nintefaq għall-ġid ta' rwieħkom. Tħobbuni inqas għax jien inħobbkom daqshekk? [2Kor:12:16] Hu x'inhu, jien ma kontx ta' piż għalikom. Imma billi jien għaqli, ħtaftkom bil-qerq. Ta' ħażin li kont qarraqt bikom. [2Kor:12:17] Jaqaw fittixt li naqla' xi ħaġa minn fuqkom b'xi ħadd minn dawk li bgħatt għandkom? [2Kor:12:18] Jien tlabt lil Titu u bgħatt miegħu wieħed mill-aħwa. Jaqaw Titu qala' xi ħaġa mingħandkom? Jaqaw ma ġibniex ruħna t-tnejn bl-istess spirtu? Ma mxejniex fl-istess triq?

[2Kor:12:19] Intom minn żmien ilu kontu taħsbu li jien qiegħed niddefendi ruħi quddiemkom. Quddiem Alla fi Kristu qegħdin nitkellmu, u dan nagħmlu, għeżież tiegħi, għall-edifikazzjoni tagħkom. [2Kor:12:20] Nibża' li meta nerġa' niġi għandkom, ma nsibkomx kif nixtieq, u intom issibu lili mhux kif tixtiequ; nibża' li nsib ġlied, għira, korla, partiti, tqassis, qlajja', tagħjir, u taħwid. [2Kor:12:21] Nibża' li meta nerġa' niġi għandkom, Alla tiegħi jċekkinni minħabba fikom, u nibki minħabba ħafna minnkom li dinbu u ma kkonvertewx mill-faħx u ż-żína u t-tbahrid li għamlu.

13. L-aħħar twiddib u tislijiet

[2Kor:13:1] Din hi t-tielet darba li ġej għandkom. Fuq il-kelma ta' żewġ xhieda jew tlieta titwettaq kull kelma. [2Kor:13:2] Għidthulkom minn qabel u nerġa' ngħidhulkom, bħal meta kont għandkom it-tieni darba u issa li m'iniex hemm, lil dawk li kienu dinbu u lill-oħrajn ilkoll: li jekk nerġa' niġi ma naħfrilhomx. [2Kor:13:3] Għax intom tridu l-prova li Kristu jitkellem fija, hu, li m'huwiex dgħajjef għalikom, iżda juri qawwietu fikom. [2Kor:13:4] Kien imsallab minħabba d-dgħufija tiegħu, iżda issa jgħix bil-qawwa ta' Alla. U aħna wkoll dgħajfa fih, iżda ngħixu miegħu bil-qawwa ta' Alla għalikom.

[2Kor:13:5] Għarblu lilkom infuskom jekk intomx fil-fidi; ġarrbu lilkom infuskom. Ma tafux intom li Kristu Ġesù jinsab fikom? Jekk imbagħad intom ma ħżintux għall-aħħar! [2Kor:13:6] Nittama li intom tafu li aħna m'aħniex ħżiena għall-aħħar. [2Kor:13:7] Nitolbu lil Alla li ma tagħmlu ebda deni, mhux biex aħna nidhru approvati, iżda biex intom tagħmlu t-tajjeb; mqar jekk aħna nitqiesu bla setgħa. [2Kor:13:8] Ma nistgħu nagħmlu xejn kontra l-verità, iżda għall-verità. [2Kor:13:9] Nifirħu kull meta aħna nkunu dgħajfa, u intom setgħana. Dan kollu nitolbuh, jiġifieri, li intom tkunu perfetti. [2Kor:13:10] Għalhekk qiegħed nikteb dan, issa li jien imbiegħed, sabiex meta nkun hemm ma nkunx iebes skond is-setgħa li l-Mulej tani biex nibni, u mhux biex inħott.

[2Kor:13:11] Mill-bqija, ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta' fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla ta' l-imħabba u s-sliem ikun magħkom. [2Kor:13:12] Sellmu lil xulxin b'bewsa qaddisa. Il-qaddisin kollha jsellmulkom. [2Kor:13:13] Il-grazzja ta' Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta' Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll.