L-EWWEL KTIEB TAS-SLATEN

1. L-aħħar snin ta' David

[1Slat:1:1] U s-sultan David kien xjieħ u mdaħħal fiż-żmien, u kienu jgħattuh bil-ħwejjeġ, imma ma kienx jisħon. [1Slat:1:2] U l-qaddejja tiegħu qalulu: “Ħa jfittxu lil sidna s-sultan xebba żagħżugħa biex toqgħod madwar is-sultan, u ddur bik, torqod fi ħdanek, u jżomm sħun sidi s-sultan.”

[1Slat:1:3] U fittxew żagħżugħa sabiħa mal-pajjiż kollu ta' Iżrael, u sabu lil Abisag is-Sunamija, u ħaduha għand is-sultan. [1Slat:1:4] U ż-żagħżugħa kienet sabiħa ħafna, u kienet iddur bis-sultan u sservih, imma hu ma għarafhiex b'martu.

Adonija u s-sultan

[1Slat:1:5] Adonija bin Ħaggit beda jitkabbar u jgħid: “Ħa nsaltan jien!” U għamel imriekeb, rikkieba, u gwardja ta' ħamsin raġel jiġru quddiemu. [1Slat:1:6] Missieru qatt ma liemu u qallu: “Għaliex qiegħed tagħmel hekk?” Kien ukoll ta' bixra sabiħa ħafna, u kien twieled wara Absalom. [1Slat:1:7] Ġara li ftiehem ma' Ġowab bin Seruja u ma' Abjatar, il-qassis. Dawn kienu jżommu ma' Adonija, u marru warajh. [1Slat:1:8] Iżda Sadok, il-qassis, u Benajja bin Ġeħojada, u Natan, il-profeta, u Simgħi, Regħi, u l-qalbiena ta' David ma żammewx ma' Adonija.

[1Slat:1:9] U Adonija offra sagrifiċċji ta' nagħaġ, baqar u għoġiela msemmna ħdejn il-blata ta' Żohelet, li kienet ħdejn Għajn-rogel, u stieden lil ħutu kollha, ulied is-sultan, u n-nies kollha ta' Ġuda, il-qaddejja tas-sultan. [1Slat:1:10] Imma 'l Natan, il-profeta, lil Benajja, u 'l-qalbenin, u 'l Salamun ħuh, ma stedinhomx.

[1Slat:1:11] U Natan kellem lil Batseba, omm Salamun, u qalilha: “Ma smajtx int li Adonija bin Ħaggit sar sultan bla ma jaf xejn sidna David? [1Slat:1:12] Issa ejja ħa nagħtik parir, u ssalva ħajtek, u l-ħajja ta' ibnek Salamun. [1Slat:1:13] Mur u idħol għand is-sultan David, u għidlu: 'M'hux int sidi s-sultan, li kont ħlift lill-qaddejja tiegħek u għedtilha: Iva, Salamun, ibnek, isaltan warajja, u hu joqgħod fuq it-tron tiegħi? Għaliex issa sar sultan Adonija?' [1Slat:1:14] Ara, kif tkun hemm titkellem mas-sultan, jien nidħol warajk, u nsaħħaħ kliemek.”

[1Slat:1:15] U Batseba marret għand is-sultan f'kamartu, u s-sultan kien xjieħ ħafna; u Abisag is-Sunamija kienet iddur bih. [1Slat:1:16] U Batseba nxteħtet wiċċha fl-art, u sellmet lis-sultan; u s-sultan qalilha: “X'minnek?” [1Slat:1:17] U hi weġbitu: “Sidi! Int kont ħlift bil-Mulej, Alla tiegħek, lill-qaddejja tiegħek: 'Salamun ibnek isaltan warajja, u hu joqgħod fuq it-tron tiegħi.' [1Slat:1:18] U issa, ara, sar sultan Adonija, u s-sultan sidi ma jaf b'xejn. [1Slat:1:19] U offra sagrifiċċji ta' baqar u għoġiela msemmna u ħafna nagħaġ; u stieden lil ulied is-sultan kollha, lill-qassis Abjatar, u lil Ġowab, il-kmandant ta' l-eżerċtu, imma lil Salamun, il-qaddej tiegħek, ma stednux. [1Slat:1:20] U issa, sultan sidi, għajnejn Iżrael kollu huma fuqek biex ikunu jafu min se joqgħod fuq it-tron wara sidi s-sultan. [1Slat:1:21] Għax inkella malli sidi s-sultan imur jistrieħ ma' missirijietu, jien u ibni Salamun jgħodduna b'nies ħatja.”

[1Slat:1:22] U, ara, kif kienet għadha titkellem mas-sultan jidħol Natan, il-profeta. [1Slat:1:23] U taw l-aħbar lis-sultan u qalulu: “Ara, hawn Natan, il-profeta.” U dan daħal quddiem is-sultan, u sellem lis-sultan b'wiċċu fl-art. [1Slat:1:24] U Natan qallu: “Sidi s-sultan; jaqaw għedt: 'Adonija jsaltan warajja u joqgħod fuq it-tron tiegħi'? [1Slat:1:25] Għax illum niżel u offra b'sagrifiċċji baqar, għoġiela msemmna u ħafna nagħaġ; stieden 'l ulied is-sultan ilkoll u l-kmandanti ta' l-eżerċtu, lil Abjatar, il-qassis, u bħalissa qegħdin jieklu u jixorbu miegħu, u jgħajjtu: 'Viva s-sultan Adonija.' [1Slat:1:26] Imma lili, il-qaddej tiegħek, lil Sadok, il-qassis, u lil Benajja bin Ġeħojada, u lil Salamun, il-qaddej tiegħek, ma stedinniex. [1Slat:1:27] Jaqaw dan sar bl-ordni tas-sultan sidi bla ma għarraft lill-qaddejja tiegħek min se joqgħod fuq it-tron tiegħu warajh?”

[1Slat:1:28] Is-sultan David wieġeb u qal: “Sejjħuli lil Batseba.” U din daħlet quddiem is-sultan u qagħdet bilwieqfa quddiemu. [1Slat:1:29] U s-sultan ħalef u qal: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, li ħelisli 'l ħajti minn kull għawġ! [1Slat:1:30] Bħalma kont ħliftlek bil-Mulej, Alla ta' Iżrael, u għedtlek: 'Salamun, ibnek, għad isaltan warajja, u joqgħod fuq it-tron tiegħi minn floki,' hekk nagħmel illum stess.” [1Slat:1:31] U Batseba nxteħtet wiċċha fl-art u qiemet lis-sultan u qalet: “Jalla jgħix sidi s-sultan David għal dejjem!”

[1Slat:1:32] U s-sultan David qal: “Sejjħuli lil Sadok, il-qassis, u lil Natan, il-profeta, u lil Benajja bin Ġeħojada.” U dawn daħlu quddiem is-sultan. [1Slat:1:33] U s-sultan qalilhom: “Ħudu magħkom il-qaddejja ta' sidkom, u rikkbu lil Salamun ibni fuq il-bagħla tiegħi, u niżżluh f'Giħon, [1Slat:1:34] u hemm jidilkuh sultan fuq Iżrael Sadok, il-qassis, u Natan, il-profeta; u intom doqqu t-tromba u għajjtu: 'Viva s-sultan Salamun!' [1Slat:1:35] Mbagħad titilgħu warajh, u hu jiġi, u joqgħod fuq it-tron tiegħi, u jsaltan minn floki, għax lilu jien ordnajt li jkun prinċep fuq Iżrael u fuq Ġuda.”

[1Slat:1:36] U Benajja bin Ġeħojada wieġeb lis-sultan u qallu: “Amen! Hekk ikun! Hekk jordna l-Mulej, Alla ta' sidi s-sultan. [1Slat:1:37] U bħalma l-Mulej kien ma' sidi s-sultan, hekk ikun ma' Salamun, u jkabbarlu t-tron tiegħu aktar mit-tron ta' sidi s-sultan David.”

Il-konsagrazzjoni ta' Salamun

[1Slat:1:38] U niżel Sadok, il-qassis, u Natan, il-profeta, u Benajja bin Ġeħojada, il-Keretin u l-Peletin, u rikkbu lil Salamun fuq il-bagħla tas-sultan David, u wassluh sa Giħon. [1Slat:1:39] U Sadok, il-qassis, ħa l-qarn taż-żejt mit-tabernaklu u dilek lil Salamun. Mbagħad daqqew it-tromba u l-poplu kollu għajjat: “Viva s-sultan Salamun!” [1Slat:1:40] U l-poplu kollu tala' warajh idoqqu l-flawt, u jaqbżu b'ferħ kbir, u l-art riedet tinqasam bl-għajat tagħhom.

[1Slat:1:41] Adonija u l-mistednin, li kienu miegħu, semgħu l-għajat sewwasew malli spiċċaw jieklu. Sama' wkoll Ġowab id-daqq tat-tromba u qal: “Għalfejn dan l-għajat u t-tqanqil tal-belt?” [1Slat:1:42] Kien għadu jitkellem meta wasal Ġonatan bin Abjatar, il-qassis. U Adonija qallu: “Ejja 'l hawn, raġel ta' ħila. Int aħbar tajba ġġib.” [1Slat:1:43] U Ġonatan wieġeb lil Adonija u qallu: “Mela x'inhu! Sidna s-sultan David għamel sultan lil Salamun. [1Slat:1:44] U s-sultan bagħat miegħu lil Sadok, il-qassis, u lil Natan, il-profeta, u Benajja bin Ġeħojada, lill-Keretin u 'l-Peletin, u rikkbuh fuq il-bagħla tas- sultan. [1Slat:1:45] U l-qassis Sadok u l-profeta Natan dilkuh sultan f'Giħon, u telgħu minn hemm jgħajjtu bil-ferħ u l-belt kollha tqanqlet. Dan hu l-għajat li smajtu. [1Slat:1:46] U Salamun diġà qiegħed fuq it-tron tas-saltna. [1Slat:1:47] U l-qaddejja tas-sultan ġew jifirħu lil sidna s-sultan David u jgħidulu: 'Jalla Alla tiegħek jgħolli isem Salamun 'il fuq minn ismek; u jkabbar it-tron tiegħu aktar mit-tron tiegħek.' U s-sultan baxxa rasu fuq il-friex. [1Slat:1:48] U s-sultan ukoll tkellem: 'Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, li llum ta li wieħed minn nisli joqgħod fuq it-tron tiegħi, u narah b'għajnejja.”

[1Slat:1:49] Mbagħad il-mistednin ta' Adonija nħasdu, u qamu u xterdu kulħadd għal triqtu. [1Slat:1:50] U Adonija qabdu l-biża' minn Salamun, u qam u mar, u qabad ma' qrun l-artal. [1Slat:1:51] U taw l-aħbar lil Salamun u qalulu: “Ara, Adonija qiegħed jibża' mis-sultan Salamun, u arah imqabbad ma' qrun l-artal u jgħid: 'Ħa jaħlifli llum is-sultan Salamun li ma joqtolx il-qaddej tiegħu bis-sejf.’ ” [1Slat:1:52] U Salamun qal: “Jekk iġib ruħu ta' raġel, ma taqax xagħra waħda minn ġismu fl-art, imma jekk iġib ruħu ħażin, imut.” [1Slat:1:53] U s-sultan Salamun bagħat iniżżlu mill-artal, u hu mar u nxteħet fl-art quddiem is-sultan Salamun, u Salamun qallu: “Mur lejn darek!”

2. L-aħħar kliem u l-mewt ta' David

[1Slat:2:1] David, meta wasal biex imut, lil ibnu Salamun għamillu dawn it-twissijiet: [1Slat:2:2] “Jiena wasalt biex naqbad it-triq li minnha jgħaddi kulħadd. Qawwi qalbek u oħroġ ta' raġel. [1Slat:2:3] Ħares il-liġi tal-Mulej, Alla tiegħek: imxi fit-triqat tiegħu, u oqgħod għal-liġijiet, għat-twissijiet, għad-digrieti u għall-preċetti li għamel hu, hekk kif hemm miktub fil-liġi ta' Mosè, biex f'kull ma tagħmel u kull fejn iddawwar wiċċek issib ir-riżq; [1Slat:2:4] biex il-Mulej iżomm il-wegħda li għamel lili meta qalli: 'Jekk uliedek iżommu triqthom, u jimxu bis-sewwa b'qalbhom kollha, u b'ruħhom kollha, ma jonqos qatt wieħed minn nislek fuq it-tron ta' Iżrael.'

[1Slat:2:5] “U inti wkoll taf x'għamilli Ġowab bin Seruja; x'għamel liż-żewġ kmandanti ta' l-eżerċtu ta' Iżrael, lil Abner bin Ner u lil Għamaxa bin Ġeter, kif fi żmien il-paċi qatilhom, u xerred id-demm tal-gwerra, u tabbagħlu b'demm il-gwerra l-ħżiem li kellu ma' qaddu, u l-qorq li kellu f'riġlejh. [1Slat:2:6] Agħmel skond għerfek: la tħallix xjuħitu tinżel bis-sliem fost il-mejtin.

[1Slat:2:7] “Uri tjubitek ma' wlied Barżillaj, il-Gilgħadi, u qis li jkunu fost dawk li jieklu fuq il-mejda miegħek; għax hekk ġiebu ruħhom miegħi meta kont maħrub minn quddiem ħuk Absalom.

[1Slat:2:8] “Għandek imbagħad lil Simgħi bin Gera, bin Benjamin, minn Baħurim, hu li seħetni b'saħta mill-eqqel dak in-nhar li tlaqt għal Maħanajm. Hu kien niżel jilqagħni ħdejn il-Ġordan, u jien ħliftlu bil-Mulej u għedtlu: 'Ma noqtlokx bix-xabla.' [1Slat:2:9] Imma int issa tħallihx bla kastig; int bniedem għaref, u taf x'għandek tagħmillu: tniżżillu xjuħitu bid-demm lejn il-qabar.”

[1Slat:2:10] U David strieħ ma' missirijietu, u difnuh fil-belt ta' David. [1Slat:2:11] Iż-żmien li dam isaltan David fuq Iżrael kien ta' erbgħin sena: għal seba' snin saltan f'Ħebron, u għal tlieta u tletin sena f'Ġerusalemm. [1Slat:2:12] Mbagħad Salamun tala' fuq it-tron ta' David missieru, u s-saltna tiegħu ssaħħet sewwa.

Il-qerda ta' Adonija, Ġowab u Simgħi

[1Slat:2:13] Adonija bin Ħaggit mar għand Batseba, omm Salamun, u hi staqsietu: “Ġejt bis-sliem?” U hu weġibha: “Bis-sliem!” [1Slat:2:14] U ssokta: “Għandi kelma xi ngħidlek.” U hi qaltlu: “Tkellem.”

[1Slat:2:15] “Inti taf, qalilha, li s-saltna kienet għalija, u Iżrael kollu kien tafa' għajnejh fuqi biex insir sultan; imma s-saltna għaddiet għal għand ħija għax il-Mulej riedha għalih. [1Slat:2:16] Issa jien ħaġa waħda nitlob mingħandek. La ddawwarlix wiċċek.” U hi qaltlu: “Tkellem.” [1Slat:2:17] “Għid lis-sultan Salamun, jekk jogħġbok,” qalilha, “u żgur m'hux se jgħidlek le, li jagħtini b'marti lil Abisag, is-Sunamija.” [1Slat:2:18] U Batseba wieġbet: “Tajjeb, nkellem lis-sultan għalik.”

[1Slat:2:19] Batseba marret għand is-sultan Salamun biex tkellmu għal Adonija. U s-sultan qam u mar jilqagħha, baxxa rasu quddiemha, u raġa’ lura lejn it-tron tiegħu. Għal omm is-sultan, mbagħad, ħejjielha tron u qagħdet fuq il-lemin tiegħu.

[1Slat:2:20] U qaltlu: “Ħaġa żgħira se nitlob mingħandek; la ddawwarx wiċċek minni.” U s-sultan weġibha: “Itlob, ommi, għax m'iniex se ndawwar wiċċi minnek.”

[1Slat:2:21] U qaltlu: “Li Abisag, is-Sunamija, tingħata lil ħuk Adonija b'martu.”

[1Slat:2:22] U s-sultan Salamun wieġeb u qal lil ommu: “U għaliex int qiegħda titlob lil Abisag, is-Sunamija, għal Adonija? Għax ma tlabtnix is-saltna għalih mill-ewwel, la hu ħija l-kbir u għandu miegħu lil Abjatar, il-qassis, u lil Ġowab bin Seruja?”

[1Slat:2:23] U s-sultan Salamun ħalef bil-Mulej, u qal: “Dan jagħmilli Alla u iżjed, jekk Adonija ma tkellimx hekk għat-telfien ta' ħajtu. [1Slat:2:24] U issa daqs kemm hu ħaj il-Mulej li wettaqni u qegħedni fuq it-tron ta' David missieri, u li waqqafli dar kif kien wiegħed, Adonija llum joqtluh.” [1Slat:2:25] U s-sultan Salamun bagħat joqtlu permezz ta' Benajja bin Ġeħojada, u dan inxteħet fuqu u Adonija miet.

[1Slat:2:26] U lil Abjatar, il-qassis, is-sultan qallu: “Int itlaq, u mur fl-oqsma tiegħek f'Għanatot, għax int bniedem ħaqqek il-mewt. Madankollu ma noqtlokx illum għax int ġarrejt l-arka ta' Sidi l-Mulej quddiem David missieri, u għaliex int batejt bħalma bata missieri.” [1Slat:2:27] U hekk Salamun warrab lil Abjatar u neħħieh minn qassis tal-Mulej; u seħħet ukoll il-kelma tal-Mulej li kien qal għal dar Għeli f'Silo.

[1Slat:2:28] L-aħbar waslet għand Ġowab; Ġowab kien żamm ma' Adonija, imma mhux ma' Absalom. U Ġowab ħarab lejn it-tabernaklu tal-Mulej, u qabad ma' qrun l-artal.

[1Slat:2:29] U ħabbru lis-sultan Salamun li Ġowab kien ħarab lejn it-tabernaklu tal-Mulej, u li kien ħdejn l-artal. U Salamun bagħat għal Benajja bin Ġeħojada u qallu: “Mur u oqtlu.”

[1Slat:2:30] U Benajja mar fit-tabernaklu tal-Mulej u qallu: “Dan jgħid is-sultan: Oħroġ!” “Le,” qallu, “hawn immut.” U Benajja raġa' lura għand is-sultan bl-aħbar u qallu: “Dan qal Ġowab, u dan wieġeb.” [1Slat:2:31] U s-sultan qallu: “Agħmel kif qallek, tih daqqa għall-mewt u idfnu. Hekk tneħħi d-demm bla ħtija li xerred Ġowab, minn fuqi, u minn fuq dar missieri. [1Slat:2:32] U jroddlu l-Mulej demmu fuq rasu, talli ħabat għal tnejn min-nies sewwa u aħjar minnu, u qatilhom bix-xabla, bla ma kien jaf David missieri: Abner bin Ner, il-kmandant ta' l-eżerċtu ta' Iżrael, u Għamaxa bin Ġeter, il-kmandant ta' Ġuda. [1Slat:2:33] Ħa jaqa' demmhom fuq ras Ġowab u ras nislu għal dejjem, u s-sliem tal-Mulej ikun fuq David, fuq nislu, fuq daru, u fuq it-tron tiegħu għal dejjem.”

[1Slat:2:34] U Benajja bin Ġeħojada tala', u ħabat għalih, u qatlu, u difnuh f'daru fid-deżert.

[1Slat:2:35] U s-sultan qiegħed minn flok Ġowab lil Benajja bin Ġeħojada fuq l-eżerċtu; u lil Sadok, il-qassis, is-sultan qiegħdu minflok Abjatar.

[1Slat:2:36] U s-sultan bagħat isejjaħ lil Simgħi u qallu: “Ibni dar għalik f'Ġerusalemm u oqgħod hemm. La toħroġx minn hemm, u tmur imkien la 'l hemm u la 'l hawn. [1Slat:2:37] Dak in-nhar li toħroġ u taqsam il-wied ta' Kedron, kun af li tmut żgur; demmek fuq rasek.” [1Slat:2:38] U Simgħi wieġeb lis-sultan: “Kollox sew! Bħalma qal sidi s-sultan, hekk jagħmel il-qaddej tiegħek.” U Simgħi qagħad Ġerusalemm għal ħafna żmien.

[1Slat:2:39] Meta kienu għaddew tliet snin, tnejn mill-qaddejja ta' Simgħi ħarbu għal għand Akis bin Magħka, sultan ta' Gatt; u l-aħbar waslet għand Simgħi u qalulu: “Il-qaddejja tiegħek qegħdin f'Gatt.” [1Slat:2:40] U Simgħi qam u xedd il-ħmar tiegħu, u mar Gatt, għand Akis, ifittex il-qaddejja tiegħu. Simgħi mar u ġieb lura l-qaddejja tiegħu minn Gatt.

[1Slat:2:41] U lil Salamun qalulu li Simgħi kien ħareġ minn Ġerusalemm u mar Gatt, u ġieb lura l-qaddejja tiegħu. [1Slat:2:42] U s-sultan bagħat isejjaħ lil Simgħi u qallu: “Ma ġagħaltikx taħlef bil-Mulej, u wissejtek u għedtlek: 'Dak in-nhar li toħroġ u tmur 'l hemm u 'l hawn, kun af li tmut żgur'? U int weġibtni: 'Kollox sew! Nisma' minnek'? [1Slat:2:43] Għaliex, mela, ma ħaristx il-ġurament tal-Mulej u l-ordnijiet li tajtek?” [1Slat:2:44] U s-sultan issokta jgħid lil Simgħi: “Int taf bid-deni kollu, u qalbek tafu sewwa, li għamilt lil David missieri; il-Mulej issa se jreġġa' l-ħażen tiegħek għal fuq rasek. [1Slat:2:45] Imma s-sultan Salamun ikun imbierek u t-tron ta' David ikun sod quddiem il-Mulej għal dejjem.” [1Slat:2:46] U s-sultan ordna lil Benajja bin Ġeħojada; u dan ħabat għalih u miet. Hekk is-saltna ssudat f'idejn Salamun.

3. Salamun sultan ta' Iżrael kollu ( 971-930 QK )

[1Slat:3:1] U Salamun tħatten mal-Fargħun, sultan ta' l-Eġittu, u ħa lil bintu b'martu, u ġiebha fil-belt ta' David sakemm temm jibni daru, u dar il-Mulej, u s-swar madwar Ġerusalemm. [1Slat:3:2] Imma l-poplu kien għadu joffri s-sagrifiċċji fis-santwarji għax id-dar għal isem il-Mulej kienet għadha ma nbnietx sa dak iż-żmien.

Salamun jitlob l-għerf

[1Slat:3:3] Salamun kien iħobb il-Mulej, u kien jimxi skond il-preċetti ta' David missieru, imma huwa wkoll kien joffri s-sagrifiċċji u l-inċens fis-santwarji. [1Slat:3:4] U mar is-sultan f'Ġibgħon joffri s-sagrifiċċji hemm, għax fost is-santwarji dak kien l-aqwa wieħed. Salamun offra elf offerta tal-ħruq fuq dak l-artal. [1Slat:3:5] F'Ġibgħon il-Mulej deher lil Salamun fil-ħolm billejl. “Itlobni x'nagħtik,” qallu Alla. [1Slat:3:6] U wieġbu Salamun: “Inti wrejt tjieba kbira mal-qaddej tiegħek David missieri, talli hu mexa quddiemek bil-fedeltà u bil-qdusija u bl-onestà miegħek; għadek sa llum turih din it-tjieba kbira tiegħek, int li ħallejt lil wieħed minn uliedu jieħu postu llum fuq it-tron tiegħu. [1Slat:3:7] B'hekk issa, Mulej, Alla tiegħi, lili, qaddej tiegħek, għadek kemm qegħedtni sultan flok David missieri. Iżda jiena għadni daqsxejn ta' żagħżugħ, bla ma naf mnejn għandi ngħaddi. [1Slat:3:8] Il-qaddej tiegħek sab ruħu f'nofs dan il-poplu li int għażilt, poplu hekk kotran li ħadd ma jista' jgħoddu jew iqisu. [1Slat:3:9] Agħti, għalhekk, lill-qaddej tiegħek moħħ ħafif biex jifhem, biex jista' jmexxi l-poplu tiegħek, u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għax inkella min jasal biex imexxih, dan il-poplu tiegħek ta' kotra hekk kbira?”

[1Slat:3:10] Il-Mulej ħa gost li Salamun talab dil-ħaġa. [1Slat:3:11] Għalhekk qallu Alla: “Ladarba tlabt din il-ħaġa, u ma tlabtnix għomor twil, jew għana, jew il-ħajja ta' l-għedewwa tiegħek - iva, talli tlabt li tagħraf tifhem kif għandek tmexxi - [1Slat:3:12] hawn jien se nagħmel kif għedt int. Qed nagħtik moħħ għaref u għaqli, hekk li ħadd qablek ma kien hawn bħalek, u anqas warajk ma jkun hawn. [1Slat:3:13] U mqar dak li ma tlabtnix se nagħtihulek, sew ġid sew glorja, hekk li ma jkun hawn qatt sultan ieħor bħalek. [1Slat:3:14] U jekk timxi fi triqati, billi toqgħod għal-liġijiet u l-kmandamenti tiegħi kif mexa David missierek, nagħtik ukoll ħajja twila.”

[1Slat:3:15] Mbagħad Salamun stenbaħ, u ra li kienet ħolma. Mar lura Ġerusalemm, u qagħad quddiem l-arka tal-patt tal-Mulej: u offra sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem, u għamel festa għall-qaddejja tiegħu kollha.

Il-ġudizzju ta' Salamun

[1Slat:3:16] Darba ġew żewġ nisa żienja għand is-sultan u resqu quddiemu. [1Slat:3:17] Waħda minnhom qaltlu: “Jekk jogħġbok, Sidi! Jien u din il-mara noqogħdu f'dar waħda, u wlidt magħha fid-dar. [1Slat:3:18] Ġara li fit-tielet jum wara l-ħlas tiegħi, wildet din ukoll; u konna weħidna, ma kien hemm ħadd barrani magħna fid-dar, imma aħna t-tnejn weħidna; [1Slat:3:19] u t-tarbija ta' din il-mara mietet billejl, għax hi raqdet fuqha. [1Slat:3:20] U qamet matul il-lejl, u ħadet lil ibni minn ħdejja, waqt li l-qaddejja tiegħek kienet rieqda; u medditu fi ħdanha, u 'l binha mejjet medditu fi ħdani. [1Slat:3:21] U mas-sebħ qomt inredda' lil ibni, u nsibu mejjet; imma xħin ħarist sewwa lejh fil-għodu, nsib li ma kienx ibni li kont ulidt.”

[1Slat:3:22] Imma l-mara l-oħra qalet: “Le! Ibni l-ħaj u ibnek il-mejjet.” U l-oħra wieġbet: “Le! Ibnek il-mejjet, u ibni l-ħaj!” U hekk baqgħu sejrin jitlewwmu quddiem is-sultan.

[1Slat:3:23] U s-sultan qalilhom: “Din qiegħda tgħid 'Dan hu ibni, il-ħaj; u ibnek, il-mejjet'; u din twieġeb: 'Le, ibnek il-mejjet; u ibni l-ħaj.” [1Slat:3:24] U ssokta jgħid is-sultan: “Newwluli xabla.” U newwlulu xabla; [1Slat:3:25] u s-sultan qal: “Aqsmu t-tarbija l-ħajja fi tnejn, u agħtu nofs lil waħda, u nofs lill-oħra.”

[1Slat:3:26] U l-mara li binha kien il-ħaj ħasset il-ġewwieni tagħha jitqanqlu minħabba binha, u qabżet u qaltlu: “Jekk jogħġbok, sidi, agħtuha t-tarbija l-ħajja, u la toqtluhiex.” Imma l-oħra qalet: “La tkun tiegħi, u lanqas tiegħek, aqsmuha!” [1Slat:3:27] U s-sultan wieġeb u qal: “Agħtuha t-tarbija l-ħajja, u la toqtluhiex; għax dik hi ommha.”

[1Slat:3:28] U Iżrael kollu sama' bil-ġudizzju li kien ta s-sultan, u bdew jibżgħu mis-sultan għax raw li fih kellu l-għerf ta' Alla biex jagħmel il-ħaqq.

4. L-amministrazzjoni ta' Salamun

[1Slat:4:1] Salamun kien sultan fuq Iżrael kollu. [1Slat:4:2] U dawn kienu l-uffiċjali tiegħu: Għażarija bin Sadok kien il-qassis; [1Slat:4:3] Eliħoref u Aħija ulied Sisa, segretarji; Ġosafat bin Aħilud, kunsillier; [1Slat:4:4] Benajja bin Ġeħojada, kmandant ta' l-eżerċtu; Sadok u Abjatar, qassisin; [1Slat:4:5] Għażarija bin Natan, kap tal-kummissarji; Żabud bin Natan, qassis, ħabib tas-sultan; [1Slat:4:6] Aħisar, maġġordom; u Adoniram bin Għabda, soprastant fuq ix-xogħol bilfors. [1Slat:4:7] Salamun kellu wkoll tnax-il kummissarju fuq Iżrael kollu, u kienu jaħsbu għall-provvisti tas-sultan u d-dar tiegħu. Kull wieħed kellu jaħseb għall-provvista ta' xahar fis-sena. [1Slat:4:8] Dawn kienu ismijiethom: Ben-ħur fil-muntanji ta' Efrajm; [1Slat:4:9] Ben-deker f'Makas, Sagħalbim u Bet-xemex, Elon-bet-ħanan; [1Slat:4:10] Ben-ħesed f'Arubbot; kellu Soku u l-art kollha ta' Ħefer. [1Slat:4:11] Ben-abinadab f'Nafat-dor; martu kienet Tafat, bint Salamun. [1Slat:4:12] Bagħana bin Aħilud kellu Tagħnak u Megiddu u Betsan kollu, li taħbat Saretan minn taħt Ġeżragħel, minn Betsan sa Abel-meħola san-naħa l-oħra ta' Ġoknegħam. [1Slat:4:13] Ben-geber f'Ramot-gilgħad; kellu f'idejh l-irħula ta' Ġajir bin Manassi, li kienu f'Gilgħad, u wkoll l-inħawi ta' Argob f'Basan; sittin belt kbira u mdawwra bis-swar, u magħluqa bl-iżbarri tal-bronż. [1Slat:4:14] Aħinadab bin Għiddu, f'Maħanajm; [1Slat:4:15] Aħimagħas f'Naftali - dan ukoll ħa b'martu lil Baxemat bint Salamun; [1Slat:4:16] Bagħana bin Ħusaj, f'Aser u Begħalot; [1Slat:4:17] Ġeħosafat bin Paruħa, f'Issakar. [1Slat:4:18] Simgħi bin Ela, f'Benjamin; [1Slat:4:19] Geber bin Uri, fl-art ta' Gilgħad, fl-art ta' Siħon, sultan ta' l-Amurrin, u ta' Għog, sultan ta' Basan. Kien hemm imbagħad kummissarju wieħed fuq l-art ta' Ġuda.

[1Slat:4:20] Il-poplu ta' Ġuda u Iżrael kien kotran bħar-ramel tal-baħar; u kienu lkoll ferħana jieklu u jixorbu.

5. Il-glorja ta' Salamun

[1Slat:5:1] Salamun kien jaħkem fuq is-saltniet kollha mix-xmara sa l-art tal-Filistin u l-fruntieri ta' l-Eġittu; kollha kienu jħallsu t-tribut u kienu jservu lil Salamun għomru kollu.

[1Slat:5:2] U l-provvista ta' kuljum għall-ikel għal Salamun kienet: tletin kor smid u sittin kor dqiq; [1Slat:5:3] għaxar baqriet imsemmna u għoxrin oħra tal-mergħa; mitt nagħġa, barra kull xorta ta' ċriev u gazzelli, antilopi u tajr imsemmen. [1Slat:5:4] Għax hu kien isaltan 'l hawn mix-xmara, minn Tifsa sa Gaża, fuq is-slaten kollha 'l hawn mix-xmara. Kien isaltan is-sliem fl-inħawi kollha ta' madwaru. [1Slat:5:5] Il-poplu ta' Ġuda u Iżrael kien jgħix fiż-żgur, kulħadd taħt id-dielja u t-tina tiegħu, minn Dan sa Birsaba, iż-żmien kollu ta' Salamun.

[1Slat:5:6] Salamun kellu erbgħin elf stalla għaż-żwiemel u għall-karrijiet tiegħu, u tnax-il elf rikkieb.

[1Slat:5:7] Il-kummissarji kienu jaħsbu, kull wieħed fix-xahar tiegħu, għall-ikel għas-sultan Salamun, u għal dawk kollha li kienu jieklu mill-mejda ta' Salamun; ma kienu jħallu jonqos xejn. [1Slat:5:8] Kienu jieħdu wkoll ix-xgħir u t-tiben għaż-żwiemel u l-bhejjem tat-tagħbija, kulħadd fil-post fejn imissu, u skond ma kellu jagħmel.

[1Slat:5:9] U Alla ta għerf lil Salamun u dehen kbir ħafna, u moħħ bla qjies bħar-ramel f'xatt il-baħar. [1Slat:5:10] U l-għerf ta' Salamun kien akbar mill-għerf tan-nies kollha tal-Lvant u mill-għerf kollu ta' l-Eġittu. [1Slat:5:11] U kien egħref minn kull bniedem: aktar minn Etan l-Esraħi u minn Ħeman u Kalkol, u Darda, ulied Maħol; u ismu xtered mal-ġnus kollha ta' madwaru. [1Slat:5:12] U qabbel tlitt elef proverbju, u l-għana tiegħu kien ilaħħaq elf għanja u ħamsa. [1Slat:5:13] Kien jaf jitkellem fuq is-siġar: miċ-ċedri li hemm fil-Libanu saż-żuf li jikber mal-ħajt; kien jitkellem fuq il-bhejjem u fuq it-tajr, u fuq il-ħniex u fuq il-ħut. [1Slat:5:14] U kienu jiġu nies mill-ġnus kollha jisimgħu l-għerf ta' Salamun, u mingħand is-slaten kollha ta' l-art, li kienu semgħu b'għerfu.

Salamun u Ħiram

[1Slat:5:15] Ħiram, is-sultan ta' Tir, malli sar jaf li lil Salamun kienu għadhom kif dilkuh sultan, suċċessur ta' missieru, bagħat il-qaddejja tiegħu għandu; għax Ħiram minn dejjem kien jinġieb ma' David.

[1Slat:5:16] Lil Ħiram, mbagħad, Salamun bagħat jgħidlu: [1Slat:5:17] “Kif taf int, David missieri ma kienx irnexxielu jibni tempju għal isem il-Mulej, Alla tiegħu, minħabba l-gwerer li fihom sab ruħu mdawwar b'għedewwa minn kull naħa; sa ma l-Mulej ġabhom taħt qigħan riġlejh. [1Slat:5:18] U issa li l-Mulej, Alla tiegħi, serraħni mill-ġlied fuq kull naħa, ebda għadu u ebda tfixkil ma baqagħli. [1Slat:5:19] Hawn jien, għalhekk, qiegħed naħseb biex nibni tempju għal isem il-Mulej, Alla tiegħi, hekk kif il-Mulej kien wiegħed lil David missieri, meta qallu: 'Dak ibnek li jiena nqiegħdu suċċessur tiegħek fuq it-tron, hu jkun li jibni t-tempju għal ismi.' [1Slat:5:20] Mela issa qabbadhom jaqtgħuli xi siġar taċ-ċedru mil-Libanu. Il-qaddejja tiegħi jkunu jaħdmu ma' tiegħek; u għax-xogħol tal-qaddejja tiegħek jiena nħallsek kemm titlobni. Għax, kif taf int, ħadd ma hawn fostna hawnhekk li jinqala' biex jaqta' s-siġar daqs kemm jinqalgħu għal dan ix-xogħol in-nies ta' Sidon.” [1Slat:5:21] Feraħ mhux ftit Ħiram malli sama' x'kien qal Salamun. Għalhekk qal Ħiram: “Ikun illum imbierek il-Mulej li ta lil David iben għaref, ħalli jmexxi lil dan il-poplu ta' kotra kbira.”

[1Slat:5:22] U Ħiram bagħat jgħid lil Salamun: “Smajt b'dak li bgħatt tgħidli. Jien nagħmel kull ma tixtieq int dwar l-injam taċ-ċedru u l-injam taċ-ċipress. [1Slat:5:23] Il-qaddejja tiegħi jniżżluh mil-Libanu sal-baħar, u jien ngħabbihom fuq iċ-ċattri fuq il-baħar sa fejn tibgħat tgħidli int, u jien inħotthom hemm, u mbagħad ħudhom int. U int, mbagħad, tagħmel li nixtieq jien, tibgħatli l-provvisti ta' l-ikel għal dari.”

[1Slat:5:24] Ħiram kien jibgħat lil Salamun injam taċ-ċedru u injam taċ-ċipress kemm kien irid. [1Slat:5:25] U Salamun kien jibgħat lil Ħiram għoxrin elf kor qamħ, ikel għal daru, u għoxrin kor żejt fin. Daqshekk kien jagħti Salamun lil Ħiram, sena wara sena.

[1Slat:5:26] U l-Mulej kien ta lil Salamun għerf bħalma kien wiegħdu. Kien hemm il-paċi bejn Ħiram u Salamun, u għamlu patt bejniethom.

Il-bini tat-tempju ( 968-961 QK )

[1Slat:5:27] Is-sultan Salamun ġabar bil-lieva tletin elf raġel minn Iżrael kollu. [1Slat:5:28] Kien jibgħathom il-Libanu, qatgħa wara oħra, għaxart elef fix-xahar; xahar kienu jagħmluh fil-Libanu, u xahrejn f'darhom. Kien jieħu ħsiebhom Adoniram.

[1Slat:5:29] Ma' dawn Salamun kellu sebgħin elf ruħ oħra għat-tagħbija u tmenin elf għall-qtugħ tal-ġebel mill-muntanja. [1Slat:5:30] Barra t-tlitt elef u tliet mitt suprentendent li għażel biex jgħassu fuq in-nies tax-xogħol.

[1Slat:5:31] U s-sultan ordna li jaqtgħu ġebel kbir, ġebel magħżul, ġebel minġur kwadru għas-sisien tat-tempju. [1Slat:5:32] U l-bennejja ta' Salamun u l-bennejja ta' Ħiram u l-Giblin naġru l-ġebel, u ħejjew l-injam u l-ġebel biex jibnu t-tempju.

6. Il-bini tat-tempju

[1Slat:6:1] Fis-sena erba' mija u tmenin wara l-ħruġ ta' wlied Iżrael mill-Eġittu, fir-raba' sena tas-saltna ta' Salamun fuq Iżrael, fix-xahar ta' Żiwi, it-tieni xahar, Salamun beda jibni t-tempju tal-Mulej.

[1Slat:6:2] It-tempju li bena s-sultan Salamun lill-Mulej kien sittin driegħ twil, u għoxrin wiesa', u tletin driegħ għoli. [1Slat:6:3] U l-portiku quddiem is-santwarju kien għoxrin driegħ twil, skond il-wisa' tat-tempju, u għaxart idriegħ fond għal quddiem it-tempju. [1Slat:6:4] U fetaħ ukoll twieqi bil-gradi fil-ħitan tal-ġnub. [1Slat:6:5] U tella' wkoll mal-ħajt tat-tempju bini safef safef, madwar il-korsija u s-santwarju, u għamel kmamar dawramejt. [1Slat:6:6] Is-saff ta' taħt wiesa' ħamest idriegħ, tan-nofs sitt idriegħ wiesa'; u t-tielet wieħed sebat idriegħ wiesa', għax kien bena l-ħajt ta' madwar it-tempju tarġa tarġa, minn barra dawramejt, biex it-travi ma jaqbdux mal-ħitan tat-tempju. [1Slat:6:7] - Meta nbena t-tempju, nbena b'ġebel maqtugħ u minġur fil-barriera; u la mterqa u lanqas mannara, u ebda għodda oħra, ma kienet tinstama' waqt il-bini tat-tempju. - [1Slat:6:8] Il-bieb għall-kmamar t'isfel kien fuq il-ġenb tal-lemin tat-tempju, u mbagħad kont titla' minn garigor għas-saff tan-nofs, u minn tan-nofs għat-tielet wieħed.

[1Slat:6:9] Meta mbagħad temm il-bini tat-tempju, saqqfu bi travi u twavel taċ-ċedru. [1Slat:6:10] U l-bini tal-ġnub madwar it-tempju kollu bnieh kull saff ħamest idriegħ għoli u għaqqad kollox mat-tempju bi travi taċ-ċedru.

[1Slat:6:11] U waslet il-kelma tal-Mulej lil Salamun: [1Slat:6:12] “Din id-dar li int qiegħed tibni - jekk inti timxi skond il-kmandamenti tiegħi, u tagħmel id-digrieti tiegħi, u tħares l-ordnijiet kollha tiegħi, u timxi fuqhom, jien inżomm miegħek il-wegħda li jien għamilt lil missierek David - [1Slat:6:13] Jien ngħammar f'nofs ulied Iżrael, u ma nabbanduna qatt il-poplu tiegħi Iżrael.”

It-tempju minn ġewwa

[1Slat:6:14] U Salamun bena t-tempju u temmu. [1Slat:6:15] Kesa l-ħitan tad-dar minn ġewwa bit-twavel taċ-ċedru, mill-qiegħa tat-tempju sat-travi tas-saqaf, ksieh bit-twavel minn ġewwa; u l-qiegħa tat-tempju ksieha biċ-ċipress. [1Slat:6:16] U kesa l-għoxrin driegħ fil-fond tat-tempju bit-travi taċ-ċedru, mill-qiegħa sat-travi, u ħalla l-parti ta' ġewwa għall-post il-qaddis. [1Slat:6:17] Il-korsija quddiem is-santwarju kienet twila erbgħin driegħ. [1Slat:6:18] Iċ-ċedru li kien hemm ġewwanett fit-tempju kien imnaqqax f'għamla ta' faqqus u ward miftuħ; kollox miksi biċ-ċedru, u ġebel ma kien jidher xejn.

[1Slat:6:19] Bena wkoll fil-fond tat-tempju santwarju, biex iqiegħed fih l-arka tal-patt tal-Mulej. [1Slat:6:20] Is-santwarju kien għoxrin driegħ twil, għoxrin driegħ wiesa' u għoxrin driegħ għoli; u ksieh b'deheb mill-ifjen. U għamel artal taċ-ċedru. [1Slat:6:21] U Salamun kesa t-tempju minn ġewwa b'deheb mill-ifjen u dendel velu b'ħoloq tad-deheb quddiem is-santwarju u ksieh bid-deheb. [1Slat:6:22] It-tempju kollu ksieh bid-deheb, it-tempju kollu kemm hu; u l-artal ta' quddiem is-santwarju ksieh kollu bid-deheb.

[1Slat:6:23] U għamel żewġ kerubini taż-żebbuġ għas- santwarju, kull wieħed għaxart idriegħ għoli. [1Slat:6:24] Kerubin minnhom kellu ġewnaħ minnhom ħamest idriegħ, u l-ġewnaħ l-ieħor ħamest idriegħ; għaxart idriegħ mit-tarf ta' ġewnaħ sat-tarf tal-ġewnaħ l-ieħor. [1Slat:6:25] U l-kerubin l-ieħor kien ukoll ta' għaxart idriegħ, qjies wieħed u għamla waħda għaż-żewġ kerubini. [1Slat:6:26] L-ewwel kerubin kien għaxart idriegħ għoli; u hekk ukoll it-tieni wieħed.

[1Slat:6:27] Salamun qiegħed il-kerubini f'nofs il-kamra ta' ġewwanett; dawn kellhom ġwenħajhom miftuħa: il-ġewnaħ ta' wieħed jilħaq ħajt ta' naħa u l-ġewnaħ ta' l-ieħor jilħaq il-ħajt tan-naħa l-oħra, u l-ġwienaħ f'nofs it-tempju kienu jmissu ġewnaħ ma' ġewnaħ. [1Slat:6:28] U l-kerubini ksiehom bid-deheb.

[1Slat:6:29] U l-ħitan tat-tempju żejjinhom kollha dawramejt, u naqqax fihom kerubini, tamar, u ward miftuħ, sew fil-kamra ta' ġewwa sew f'dik ta' barra. [1Slat:6:30] Kesa wkoll bid-deheb il-qiegħa tat-tempju fiż-żewġt ikmamar ta' ġewwa u ta' barra. [1Slat:6:31] Fid-daħla tas-santwarju għamel bieb taż-żebbuġ bil-pilastri u l-blata f'forma ta' pentagonu b'ħames kantunieri. [1Slat:6:32] Kien fih żewġ battenti taż-żebbuġ u naqqax fihom kerubini, tamar u ward miftuħ; mbagħad kesa l-kerubini u t-tamar bid-deheb. [1Slat:6:33] Hekk ukoll għamel fid-daħla tal-korsija: ċaċċiż kwadru taż-żebbuġ, [1Slat:6:34] u żewġ battenti taċ-ċipress; kull battent kien f'biċċtejn, waħda tingħalaq fuq l-oħra, sew il-waħda sew l-oħra. [1Slat:6:35] Fihom naqqax kerubini, tamar u ward miftuħ, u kesa kollox bid-deheb. [1Slat:6:36] U dawwar il-bitħa ta' ġewwa b'ħajt ta' tliet filati ġebel minġur u filata injam taċ-ċedru.

[1Slat:6:37] Fir-raba' sena, fix-xahar ta' Żiwi, poġġew il-pedamenti tat-tempju tal-Mulej; [1Slat:6:38] u fil-ħdax-il sena, fix-xahar ta' Bul, it-tmien xahar tas-sena, it-tempju kien mibni fil-partijiet kollha tiegħu, u f'kull ma kienet titlob il-pjanta. Hekk Salamun it-tempju bnieh f'seba' snin.

7. Il-palazz ta' Salamun

[1Slat:7:1] Salamun ħa ħsieb ukoll jibni l-palazz tiegħu, u dam tlittax-il sena sa ma temmu għalkollox. [1Slat:7:2] Bena l-palazz tal-foresta tal-Libanu; kienet sala kbira; mitt driegħ twila, u ħamsin driegħ wiesgħa, u tletin driegħ għolja; kellha tliet indani ta' kolonni taċ-ċedru bit-travi taċ-ċedru fuqhom. [1Slat:7:3] Kienet imsaqqfa biċ-ċedru fuq il-kmamar ta' fuq it-travi ta' fuq il-kolonni li kienu ħamsa u erbgħin, ħmistax kull indana. [1Slat:7:4] Kellha tliet indani twieqi, tieqa quddiem tieqa, fi tliet indani fuq xulxin; [1Slat:7:5] u l-bwieb kollha u t-twieqi kollha kienu kwadri; u tieqa kienet biswit oħra fi tliet indani fuq xulxin.

[1Slat:7:6] U bena wkoll is-sala tal-kolonni, twila ħamsin driegħ u wiesgħa tletin; u portiku quddiemha bil-kolonni u saqaf fuqu. [1Slat:7:7] Bena wkoll is-sala tat-tron, fejn kien jamministra l-ġustizzja; “is-sala tal-ġustizzja” kienet miksija biċ-ċedru mill-art sas-saqaf.

[1Slat:7:8] Bena wkoll bl-istess mod id-dar fejn kellu jgħammar hu, bnieha fil-bitħa l-oħra 'l ġewwa mis-sala; u bena wkoll bħal din is-sala dar għal bint il-Fargħun, li Salamun kien ħadha b'martu.

[1Slat:7:9] Dan il-bini kollu kien mibni b'ġebel magħżul, minġur tal-qjies, maqtugħ bil-munxar, minn ġewwa u minn barra, mill-pedamenti sal-gwarniċun, u minn barra sal-bitħa l-kbira. [1Slat:7:10] Il-pedamenti kienu magħmula minn ġebel magħżul, ġebel kbir, ġebel ta' għaxart idriegħ, u ġebel ta' tmint idriegħ. [1Slat:7:11] U fuqhom imbagħad kien mibni b'ġebel magħżul, minġur tal-qjies, u injam taċ-ċedru. [1Slat:7:12] Il-bitħa l-kbira kellha dawramejt tliet filati ta' ġebel minġur u filata injam taċ-ċedru; hekk ukoll kienu l-bitħa ta' ġewwa tat-tempju tal-Mulej u quddiem is-sala tal-palazz.

It-tagħmir tat-tempju

[1Slat:7:13] Is-sultan Salamun bagħat iġib lil Ħiram minn Tir. [1Slat:7:14] Dan kien bin mara armla, mit-tribù ta' Naftali, u missieru kien minn Tir, jaħdem il-bronż. Kien mimli kollu għerf u dehen, u jaf jaħdem kull xogħol tal-bronż. Ġie għand is-sultan Salamun u ħadimlu x-xogħol kollu li kellu.

Iż-żewġ kolonni

[1Slat:7:15] Ħadimlu ż-żewġ kolonni tal-bronż: waħda kienet ta' tmintax-il driegħ għoli, u ta' tnax-il driegħ kienet id-dawra tagħha. Kienet vojta minn ġewwa u l-bronż kien oħxon erbat iswaba'; it-tieni waħda kienet l-istess. [1Slat:7:16] U għamel żewġ kapitelli tal-bronż fondut biex iqegħedhom fuq l-irjus tal-kolonni; il-wieħed kien ħamest idriegħ għoli, u l-ieħor ħamest idriegħ ukoll. [1Slat:7:17] U għamel żewġ girlandi, xogħol ta' l-insiġ, biex jgħattu l-kapitelli li kien hemm fuq l-irjus tal-kolonni, girlanda għall-ewwel kapitell, u girlanda oħra għat-tieni wieħed. [1Slat:7:18] Għamel ukoll żewġ indani rummien dawramejt 'il fuq mill-girlanda, biex jgħatti l-kapitell f'ras il-kolonni; hekk ukoll għamel għat-tieni kapitell. [1Slat:7:19] Fuq il-kapitelli, li kienu fuq l-irjus tal-kolonni fil-portiku, kellhom speċi ta' ġilju, u kien kollox għoli erbat idriegħ. [1Slat:7:20] Fuq il-kapitelli ta' fuq l-irjus tal-kolonni, sewwasew 'il fuq miż-żaqq, li kienet 'il fuq mill-girlanda, kien hemm mitejn rummiena f'indani madwar il-kapitelli fuq it-tieni kapitell.

[1Slat:7:21] Mbagħad waqqaf il-kolonni fil-portiku tat-tempju; waqqaf il-kolonna tal-lemin u semmieha Ġakin; u waqqaf il-kolonna tax-xellug u semmieha Bogħaż. [1Slat:7:22] Fuq il-quċċata tal-kolonni kien hemm għamla ta' ġilju. Hekk kien mitmum ix-xogħol tal-kolonni.

Il-vaska ta' l-ilma

[1Slat:7:23] Għamel ukoll vaska għall-ilma tal-bronż fondut, għaxart idriegħ minn xifer sa xifer; kienet tonda, għolja ħamest idriegħ, b'dawra tal-qjies ta' tletin driegħ. [1Slat:7:24] Taħt ix-xifer kellha indana u għamla ta' faqqus, għaxra kull driegħ, iddur dawramejt magħha; dan il-faqqus kien f'żewġ saffi mdewweb biċċa waħda magħha. [1Slat:7:25] Il-vaska kienet isserraħ fuq tnax-il gendus, tlieta jħarsu lejn it-tramuntana, tlieta lejn il-punent, tlieta lejn in-nofsinhar u tlieta lejn il-lvant, bil-warrani tagħhom iħares 'il ġewwa; u l-vaska kienet isserraħ fuqhom. [1Slat:7:26] Il-ħxuna tagħha kienet ta' erbat iswaba', u x-xifer kien qisu xifer ta' bieqja, u jixbah fl-għamla lill-warda tal-ġilju. Kienet tesa' elfejn batt ilma.

L-għaxar imqagħad

[1Slat:7:27] U ħadem għaxar imqagħad tal-bronż. Kull maqgħad kien erbat idriegħ twil, erbat idriegħ wiesa', u tlitt idriegħ għoli. [1Slat:7:28] Din kienet l-għamla ta' dawn l-imqagħad; kellhom it-tilari bil-panewijiet f'nofshom. [1Slat:7:29] Fuq il-panewijiet bejn it-tilari kien hemm imnaqqxin iljuni, baqar u kerubini; u fuq it-tilari, taħt u fuq l-iljuni, il-baqar u l-kerubini, kien hemm imxebilkin girlandi tal-ward. [1Slat:7:30] Kull maqgħad kellu erba' roti tal-bronż bil-fusien tal-bronż ukoll. Fl-erba' kantunieri, mbagħad, kien hemm riffidiet minn taħt il-lenbija; dawn ir-riffidiet kienu tal-bronż fondut ħerġin 'il barra minn kull girlanda. [1Slat:7:31] Il-maqgħad kellu fetħa 'l ġewwa mir-riffidiet; din il-fetħa kienet tonda, għamla ta' qiegħ il-lenbija, u madwarha kien hemm bħal ċirku għoli nofs driegħ. Il-panewijiet ma kinux tondi imma kwadri.

[1Slat:7:32] L-erba' roti kienu taħt il-panewijiet bil-fusien imwaħħlin mal-maqgħad; u kull rota kienet għolja driegħ u nofs. [1Slat:7:33] L-għamla ta' kull rota kienet bħal dik ta' rota ta' mirkeb; il-fus, iċ-ċirku, l-imgħażel u l-btaten, kollox fondut. [1Slat:7:34] Fl-erba' kantunieri tal-maqgħad kien hemm erba' saqajn, biċċa waħda mal-maqgħad. [1Slat:7:35] Fuq wiċċ il-maqgħad kien hemm bħal ċirku għoli nofs driegħ u r-riffidiet f'wiċċ il-maqgħad u l-panewijiet kienu biċċa waħda miegħu. [1Slat:7:36] U naqqax fuq il-panewijiet kerubini, ljuni u tamar kull naħa skond il-wisa' tagħhom, u xeblek girlandi dawramejt.

[1Slat:7:37] Hekk għamel l-għaxar imqagħad; kollha bronż fondut, qjies wieħed u għamla waħda.

L-injiebi

[1Slat:7:38] Għamel ukoll għaxart injiebi tal-bronż, kull waħda tesa' erbgħin batt u kbira erbat idriegħ. U kull lenbija kellha għaliha wieħed mill-għaxar imqagħad. [1Slat:7:39] U qiegħed l-imqagħad ħamsa n-naħa tal-lemin u ħamsa n-naħa tax-xellug tat-tempju. Il-vaska tal-bronż qegħedha n-naħa tal-lemin tat-tempju, in-naħa tal-lvant lejn in-nofsinhar.

[1Slat:7:40] Ħiram għamel ukoll il-kaldaruni, il-pwali, u l-bwieqi.

Ix-xogħol mitmum

Ħiram temm ix-xogħol kollu li kellu jagħmel lis-sultan Salamun għat-tempju tal-Mulej; [1Slat:7:41] iż-żewġ kolonni, il-kapitelli mżaqqin għal fuq ras iż-żewġ kolonni, iż-żewġ girlandi biex jiksu ż-żewġ kapitelli mżaqqin ta' fuq il-kolonni; [1Slat:7:42] l-erba' mitt rummiena għaż-żewġ girlandi, iż-żewġ indani rummien għal kull girlanda li kienet tiksi ż-żaqq taż-żewġ kapitelli ta' fuq ras il-kolonni; [1Slat:7:43] l-għaxar imqagħad u l-għaxar injiebi għall-imqagħad, [1Slat:7:44] il-vaska ta' l-ilma, u t-tnax-il baqra għal taħtha; [1Slat:7:45] u l-borom, il-pwali u l-bwieqi.

Dawn il-ħwejjeġ kollha li għamel Ħiram lis-sultan Salamun għat-tempju tal-Mulej, kienu kollha tal-bronż ileqq. [1Slat:7:46] Is-sultan dewwibhom fil-wita tal-Ġordan, ħdejn il-mogħdija ta' Adama, bejn Sukkot u bejn Saretan. [1Slat:7:47] Dan it-tagħmir Salamun ma wiżnux; u l-użin baqa' ma tqiesx minħabba l-kotra kbira ta' bronż.

[1Slat:7:48] Hekk Salamun għamel it-tagħmir kollu meħtieġ għat-tempju tal-Mulej; l-artal tad-deheb, u l-mejda tad-deheb għall-ħobż tal-preżenza. [1Slat:7:49] L-imnariet ta' deheb fin għal quddiem is-santwarju, ħamsa fuq il-lemin u l-ħamsa l-oħra fuq ix-xellug bil-ward u l-imsiebaħ u l-imqassijiet tad-deheb; [1Slat:7:50] u l-kwies, l-imqassijiet, il-bwieqi, l-imgħaref, iċ-ċnieser tad-deheb, il-bażi tal-bibien tal-kamra ta' ġewwanett, jiġifieri l-post il-qaddis, u tal-bibien tal-korsija; kollox kien tad-deheb pur.

[1Slat:7:51] Meta ntemm ix-xogħol kollu li għamel is-sultan Salamun għat-tempju tal-Mulej, ġieb Salamun l-offerti li kien għamel David missieru - il-fidda, id-deheb, u l-ħwejjeġ l-oħra - u qiegħed kollox fl-imħażen tat-tempju tal-Mulej.

8. Il-konsagrazzjoni tat-tempju

[1Slat:8:1] Salamun imbagħad laqqa' flimkien f'Ġerusalemm ix-xjuħ ta' Iżrael, u l-kapijiet tat-tribujiet kollha, u l-prinċpijiet tal-familji ta' wlied Iżrael, biex l-arka tal-patt tal-Mulej itellgħuha mill-belt ta' David, jiġifieri minn Sijon. [1Slat:8:2] Nġabru għalhekk madwar is-sultan Salamun l-irġiel kollha ta' Iżrael: kien ix-xahar ta' Etanim, is-seba' xahar tas-sena, u kien żmien il-festa. [1Slat:8:3] U ġew ix-xjuħ kollha ta' Iżrael, u l-qassisin refgħu l-arka. [1Slat:8:4] U ġarrew l-arka tal-Mulej, u t-tinda tal-laqgħa flimkien ma' kull ħaġa mqaddsa fit-tinda, ġarrewhom il-qassisin u l-leviti. [1Slat:8:5] Is-sultan Salamun u l-ġemgħa kollha ta' Iżrael miġbura madwaru, qagħdu quddiem l-arka joffru sagrifiċċji ta' nagħaġ u baqar, li ma kontx issib tarf tgħoddhom. [1Slat:8:6] Mbagħad il-qassisin wasslu l-arka tal-patt tal-Mulej f'postha ġos-santwarju tat-tempju, jiġifieri fil-post il-qaddis; u qegħduha taħt ġwenħajn il-kerubini: [1Slat:8:7] għax il-kerubini kellhom ġwenħajhom miftuħin fuq fejn tqiegħdet l-arka, hekk li l-kerubini kienu jgħattu huma stess wiċċ l-arka u l-lasti tagħha. [1Slat:8:8] Il-bsaten kienu tant twal li rjushom kienu jidhru mill-post qaddis quddiem is-santwarju, imma ma kinux jidhru minn barra, u għadhom hemm sa llum. [1Slat:8:9] Xejn ma kien hemm ġo l-arka ħlief iż-żewġ twavel tal-ġebel imqegħdin hemm minn Mosè meta kien Ħoreb: dawn kienu t-twavel tal-patt li bih il-Mulej intrabat ma' wlied Iżrael huma u ħerġin minn art l-Eġittu.

[1Slat:8:10] Xħin il-qassisin ħarġu mis-santwarju ta' barra, is-sħaba mliet it-tempju tal-Mulej, [1Slat:8:11] u minħabba fiha l-qassisin ma setgħux ikomplu s-servizz tagħhom, għax il-glorja tal-Mulej kienet imliet it-tempju tal-Mulej.

[1Slat:8:12] Mbagħad Salamun qal:

“Qiegħed il-Mulej ix-xemx fis-smewwiet;
imma hu ried jgħammar fid-dlam.
[1Slat:8:13] Għalhekk jien bnejtlek dar fejn tgħammar,
post fejn toqgħod għal dejjem.”

Id-diskors ta' Salamun

[1Slat:8:14] Mbagħad is-sultan dawwar wiċċu u bierek il-ġemgħa kollha ta' Iżrael; waqt li l-ġemgħa kollha ta' Iżrael kienet bilwieqfa. [1Slat:8:15] U qal: “Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, li temm b'idu kull ma kien qal b'fommu lil David missieri meta qallu: [1Slat:8:16] 'Mindu ħriġt lill-poplu tiegħi mill-Eġittu, ma għażilt ebda belt mit-tribujiet kollha ta' Iżrael, biex fiha nibni tempju li fih ikun hemm ismi; imma għażilt lil David biex isaltan fuq il-poplu tiegħi ta' Iżrael.'

[1Slat:8:17] “David missieri kellu f'moħħu li jibni tempju lill-isem tal-Mulej, Alla ta' Iżrael. [1Slat:8:18] U l-Mulej qal lil David missieri: 'Sewwa li kellek f'qalbek li tibni tempju lil ismi, tajjeb li ġiek f'rasek dan: [1Slat:8:19] imma mhux int tibnih it-tempju, imma ibnek, li joħroġ mill-ġewwieni tiegħek, għad jibni tempju lil ismi.' [1Slat:8:20] U l-Mulej żamm kelmtu li kien tkellem, u lħaqt jien flok David missieri, u qgħadt fuq it-tron ta' Iżrael, bħalma kien wiegħed il-Mulej, u bnejt it-tempju lil isem il-Mulej, Alla ta' Iżrael. [1Slat:8:21] U għamilt hemm post għall-arka li fiha hemm il-patt tal-Mulej, li għamel ma' missirijietna meta ħariġhom mill-art ta' l-Eġittu.”

It-talba ta' Salamun

[1Slat:8:22] Mbagħad Salamun, wieqaf quddiem l-artal tal-Mulej, quddiem il-ġemgħa kollha ta' Iżrael, fetaħ dirgħajh beraħ lejn is-sema [1Slat:8:23] u qal: “Mulej, Alla ta' Iżrael, la fis-sema 'l fuq u lanqas hawn isfel fl-art, ma hemm Alla ieħor bħalek, għaliex inti, lil dawk il-qaddejja tiegħek li jimxu fil-preżenza tiegħek b'qalbhom kollha, ma tiksrilhomx il-patt li għamilt magħhom, lanqas ma tonqsilhom mill-imħabba li dejjem urejthom. [1Slat:8:24] Int li żammejt il-wegħda li għamilt lill-qaddej tiegħek David missieri, u kulma tkellimt b'fommok issa temmejtu llum b'idejk. [1Slat:8:25] U issa Mulej, Alla ta' Iżrael, żomm il-wegħda li għamilt lill-qaddej tiegħek David missieri meta għedtlu: 'Ma jonqoslok qatt min joqgħod fuq it-tron ta' Iżrael, kemm-il darba jżommu triqthom u jimxu fil-preżenza tiegħi bħalma kont timxi int.' [1Slat:8:26] U issa, Alla ta' Iżrael, ħa sseħħ kelmtek, li għedt lill-qaddej tiegħek David missieri.

[1Slat:8:27] “Imma, tgħid, tassew li Alla se jgħix fuq l-art? Ara! Lanqas biss is-smewwiet - u s-smewwiet tas-smewwiet - ma jesgħuk, aħseb u ara dan id-daqsxejn ta' tempju li bnejt jien! [1Slat:8:28] Agħti widen, għalhekk, Mulej, Alla tiegħi, għat-talba u s-supplika tal-qaddej tiegħek; agħti widen għall-għajta ta' ferħ u t-talba li dan il-qaddej tiegħek qiegħed iressaq illum quddiemek. [1Slat:8:29] Lejl u nhar ħarstek taqlagħhiex minn fuq dan it-tempju, minn fuq dan il-post, li għalih int kont għedt: 'Ismi jkun hemm.' Isma' t-talba li jagħmillek il-qaddej tiegħek għal dan il-post. [1Slat:8:30] Isma', mela, din is-supplika, li l-qaddej tiegħek u l-poplu tiegħek Iżrael, sewwasew f'dan il-post, qegħdin jagħmlulek. Ismagħna int, mis-sema fejn int toqgħod; ismagħna u aħfrilna.

[1Slat:8:31] “Jekk xi ħadd ikun offenda lil għajru, u jkollu jaħlef, u jiġi jaħlef quddiem l-artal tiegħek f'dan it-tempju, [1Slat:8:32] isma' int mis-sema, qum u agħmel ħaqq mal-qaddejja tiegħek, billi tikkundanna lill-ħati u tniżżillu fuq rasu għemilu, u tagħmel il-ġustizzja mal-ġust u tħallsu skond il-ġustizzja tiegħu.

[1Slat:8:33] “Meta l-poplu tiegħek Iżrael jitkisser quddiem l-għadu tiegħu minħabba li jkun dineb kontrik, u jerġa’ lura għal għandek u jfaħħru ismek, jitolbu u jitkarrbu għall-ħniena tiegħek f'dan it-tempju, [1Slat:8:34] isma' int mis-sema u aħfer il-ħtija tal-poplu tiegħek Iżrael, u reġġagħhom lura lejn l-art li int tajt lil missirijiethom.

[1Slat:8:35] “Meta jingħalqu s-smewwiet u tonqos ix-xita minħabba li jkunu dinbu kontrik, u jiġu jitolbu f'dan il-post u jfaħħru ismek, u jerġgħu lura minn dnubhom, għax tkun għakkisthom, [1Slat:8:36] isma' int mis-sema, u aħfer id-dnub tal-qaddejja tiegħek u l-poplu tiegħek Iżrael; urihom it-triq it-tajba li għandhom jimxu fiha u agħti x-xita lil artek, li int tajt b'wirt lill-poplu tiegħek.

[1Slat:8:37] “Meta jaqa' l-ġuħ fuq l-art; titfaċċa l-pesta, l-eħtrieq, it-tinwir tas-siġar, il-grad u d-dud tal-farfett; meta l-għedewwa tiegħu jagħlquh fl-ibliet tiegħu fil-pajjiż; kull meta jitfaċċa xi flaġell jew mard; [1Slat:8:38] mqar jekk bniedem waħdu jonkella l-poplu tiegħek kollu ta' Iżrael, jitlob u jitkarrab bil-ħniena; kull meta xi ħadd jistqarr il-ġrieħi ta' qalbu u jiftaħ idejh lejn din id-dar, [1Slat:8:39] isma' int mis-smewwiet fejn tgħammar, u aħfer, u agħmel u agħti lil kulħadd skond imġibtu; int tagħraf qalbu, għax int waħdek tagħraf il-qalb ta' kull bniedem. [1Slat:8:40] Hekk jibżgħu minnek il-jiem kollha li jdumu fuq wiċċ l-art, li inti tajt lil missirijietna.

[1Slat:8:41] “U l-barrani wkoll, li m'hux mill-poplu tiegħek ta' Iżrael, meta jkun sama' b'ismek il-kbir u l-qawwa ta' idek u driegħek merfugħ [1Slat:8:42] u jiġi minn art imbiegħda minħabba f'ismek u jitlob f'dan it-tempju, [1Slat:8:43] isimgħu mis-sema li hi għamartek u agħmel kull ma jitolbok il-barrani, biex ikunu jafu b'ismek il-ġnus kollha ta' l-art, u jibżgħu minnek, bħall-poplu tiegħek Iżrael, u jagħrfu li ismek jissejjaħ fuq dan it-tempju li bnejt jien.

[1Slat:8:44] “Meta l-poplu tiegħek joħroġ jitqabad kontra l-għedewwa tiegħu fit-triq li int tkun bgħatthom, u jitlob lill-Mulej b'wiċċu lejn din il-belt li int għażilt, u lejn it-tempju li jiena bnejt għal ismek, [1Slat:8:45] isma' int mis-smewwiet it-talb u s-suppliki tagħhom, u agħmel ġustizzja magħhom.

[1Slat:8:46] “Meta jidinbu kontra tiegħek - u ma hemmx bniedem li ma jidnibx - u tagħdab għalihom, u terħihom f'idejn l-għedewwa, u dawn jegħlbuhom, u jeħduhom ilsiera f'art l-għadu fil-bogħod jew fil-qrib; [1Slat:8:47] jekk imbagħad jerġgħu lura lejk minn qalbhom fl-art fejn ikunu lsiera u jikkonvertu, u jitolbu l-ħniena fl-art tal-jasar tagħhom, u jgħidulek: 'Ħatja aħna, dnibna u għamilna l-ħażin'; [1Slat:8:48] jekk jerġgħu lura għal għandek b'qalbhom kollha u b'ruħhom kollha f'art l-għedewwa tagħhom, li jkunu jassruhom, u jitolbuk b'wiċċhom lejn arthom, li int tajt lil missirijiethom, lejn il-belt li int ħtart, lejn it-tempju li jien bnejt lil ismek: [1Slat:8:49] isma' int mis-sema, fejn tgħammar, it-talb u s-supplika tagħhom, u agħmel ġustizzja magħhom. [1Slat:8:50] Aħfer lill-poplu tiegħek il-ħtijiet kollha kontrik, id-dnubiet kollha li jkun għamel kontra tiegħek, u agħmel li jsibu ħniena f'min ikun jassarhom, u jħennu għalihom. [1Slat:8:51] Għax huma l-poplu tiegħek, il-wirt tiegħek, li int ħriġt mill-Eġittu, mill-forġa tal-ħadid.

[1Slat:8:52] “Jalla għajnejk ikunu miftuħa għat-talb tal-ħniena tal-qaddej tiegħek u għall-krib ta' Iżrael, il-poplu tiegħek, u tismagħhom f'kull ma jitolbuk. [1Slat:8:53] Għax int warrabthom għalik minn fost il-popli kollha ta' l-art biex ikunu l-wirt tiegħek bħalma kont wegħedt permezz ta' Mosè, il-qaddej tiegħek, meta ħriġt lil missirijietna mill-Eġittu, Sidi l-Mulej!”

Il-barka ta' Salamun

[1Slat:8:54] Xħin Salamun temm jitlob lill-Mulej b'din it-talba u b'din is-supplika kollha, qam minn quddiem l-artal tal-Mulej, fejn kien għarkubbtejh b'idejh miftuħa lejn is-sema, [1Slat:8:55] waqaf u bierek il-ġemgħa kollha ta' Iżrael b'leħen għoli u qal: [1Slat:8:56] “Mbierek il-Mulej li ta l-mistrieħ lill-poplu tiegħu Iżrael bħalma kien wiegħdu. Ebda wegħda ma sfat fix-xejn milli kien wiegħed permezz tal-qaddej tiegħu Mosè. [1Slat:8:57] Jalla jkun magħna l-Mulej, Alla tagħna, bħalma kien ma' missirijietna; li ma jħalliniex u li ma jitlaqniex, [1Slat:8:58] imma li jdawwar qlubna lejh biex nimxu fi triqatu kollha u nħarsu l-kmandamenti, l-ordnijiet u d-digrieti kollha tiegħu, li ordna lil missirijietna. [1Slat:8:59] Jalla dan il-kliem u t-talb li jien għadni kif għamilt quddiem il-Mulej jibqa' lejl u nhar qrib il-Mulej, Alla tagħna. B'hekk, mbagħad, lili l-qaddej tiegħu, u lill-poplu tiegħu Iżrael, ikun jista' jagħtina dak li jistħoqqilna; kull ħaġa jagħtihielna fil-jum li jkollna bżonnha; [1Slat:8:60] ħalli l-ġnus kollha tad-dinja jaslu biex jifhmu li l-Mulej hu tassew Alla, u ħliefu ma hawn ebda ieħor. [1Slat:8:61] U jalla qalbkom, kollha kemm hi, tkun mal-Mulej, Alla tagħna, b'mod li timxu mal-preċetti tiegħu u toqogħdu għall-kmandamenti tiegħu, kif qegħdin tagħmlu llum.”

L-offerti ta' Salamun u l-poplu

[1Slat:8:62] U s-sultan Salamun u Iżrael kollu miegħu offrew sagrifiċċji quddiem il-Mulej.

[1Slat:8:63] Salamun offra bħala sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej dawn l-offerti: tnejn u għoxrin elf gendus, u mija u għoxrin elf nagħġa. Hekk is-sultan u wlied Iżrael ilkoll ikkonsagraw it-tempju tal-Mulej.

[1Slat:8:64] Dak in-nhar stess is-sultan ikkonsagra l-biċċa tan-nofs tal-wesgħa li kienet quddiem il-Mulej, għax hemm offra sagrifiċċji tal-ħruq bl-offerti u x-xaħam tas-sagrifiċċji tas-sliem; għax l-artal tal-bronż, li kien quddiem id-dar tal-Mulej, kien żgħir wisq għas-sagrifiċċji tal-ħruq, għall-offerti u x-xaħam tas-sagrifiċċji tas-sliem.

[1Slat:8:65] F'dak iż-żmien Salamun għamel festa b'Iżrael kollu miegħu, ġemgħa kbira ħafna int u dieħel Ħamat sal-wied ta' l-Eġittu, festa quddiem il-Mulej, Alla tagħna, għal sebat ijiem u sebat ijiem sħaħ oħra, erbatax-il jum b'kollox. [1Slat:8:66] Fit-tmien jum bagħat il-poplu, u huma bierku lis-sultan u kulħadd mar fl-għarix tiegħu, lkoll ferħana u qalbhom hienja għall-ġid kollu li għamel il-Mulej ma' David, il-qaddej tiegħu, u ma' Iżrael, il-poplu tiegħu.

9. Il-Mulej ikellem lil Salamun

[1Slat:9:1] Ġara li malli Salamun temm il-bini tat-tempju tal-Mulej, u l-palazz tas-sultan, u kull ma għoġbu u xtaq li jagħmel, [1Slat:9:2] deherlu l-Mulej għat-tieni darba bħalma kien deherlu f'Ġibgħon, [1Slat:9:3] u l-Mulej qallu: “Smajt it-talba u s-supplika tiegħek li int għamilt quddiemi. Jiena qaddist din id-dar li int bnejt, u hemm jien inqiegħed ismi għal dejjem; hemm ikunu għajnejja u qalbi l-jiem kollha.

[1Slat:9:4] “Issa jekk timxi fil-preżenza tiegħi kif mexa David missierek bis-safa tal-qalb u bis-sewwa, u tagħmel kull ma ordnajtlek, tħares il-liġijiet u d-digrieti kollha tiegħi, [1Slat:9:5] jiena nżomm sħiħ it-tron tas-saltna tiegħek fuq Iżrael għal dejjem bħalma jien wegħedt lil David missierek meta għedtlu: 'Ma jonqos qatt wieħed minn nislek fuq it-tron ta' Iżrael.' [1Slat:9:6] Imma jekk intom u wliedkom idduru, u twarrbu minni, u ma tħarsux l-ordnijiet u l-liġijiet tiegħi li jiena qegħedtilkom quddiemkom, u tmorru wara allat oħra u taqduhom u tadurawhom, [1Slat:9:7] jiena nqaċċat lil Iżrael minn wiċċ l-art li jiena tajthom, u t-tempju li jiena kkonsagrajt għal ismi narmih minn quddiemi; u Iżrael jiġi f'ilsien in-nies, u jaqa' għaż-żufjett fost kemm huma l-ġnus. [1Slat:9:8] U dan it-tempju jsir ħerba, u kull min jgħaddi minn ħdejh jibqa' mistagħġeb, u jsaffar u jgħid: 'Għala l-Mulej għamel hekk lil din l-art u lil dan it-tempju?' [1Slat:9:9] U jweġbuh: 'Għax telqu lill-Mulej Alla tagħhom, li ħareġ lil missirijiethom mill-art ta' l-Eġittu, u qabdu ma' allat oħra, u adurawhom u qdewhom. Għalhekk il-Mulej ġieb fuqhom din il-ħerba kollha.' ”

Ħidma oħra ta' Salamun

[1Slat:9:10] Wara li kienu għaddew għoxrin sena biex bena ż-żewġt idjar, it-tempju tal-Mulej u l-palazz tas-sultan [1Slat:9:11] - billi Ħiram, sultan ta' Tir, kien tah injam taċ-ċedru u injam taċ-ċipress u d-deheb kollu li kien xtaq - is-sultan Salamun ta lil Ħiram għoxrin belt fl-art tal-Galilija. [1Slat:9:12] Ħiram ħareġ minn Tir biex jara l-ibliet li kien tah Salamun u ma għoġbuh xejn. [1Slat:9:13] U qallu: “Xi bliet huma dawn li tajtni, ħija?” U baqgħu jsejjħulha art Kabul sa llum. [1Slat:9:14] Ħiram kien bagħat lil Salamun mija u għoxrin talent deheb.

[1Slat:9:15] Dan hu x-xogħol li sar mill-ħaddiema li ġabar bil-lieva s-sultan Salamun biex bena t-tempju tal-Mulej, il-palazz tiegħu, il-Millu, u s-swar ta' Ġerusalemm, Ħasor, Megiddu u Geżer.

[1Slat:9:16] Il-Fargħun, sultan ta' l-Eġittu, tala' u ħa f'idejh lil Geżer, u taha n-nar u ħaraqha, u qatel lill-Kangħanin li kienu jgħammru fiha, u mbagħad taha b'dota lil bintu, mart Salamun. [1Slat:9:17] Għalhekk Salamun raġa’ bena l-belt ta' Geżer u Bet-ħoron ta' isfel, [1Slat:9:18] Bagħlat u Tadmor fid-deżert, [1Slat:9:19] l-ibliet kollha ta' l-imħażen li kellu Salamun, u l-ibliet għall-karrijiet u l-ibliet għar-rikkieba u kull ma kien jogħġob lil Salamun li jibni f'Ġerusalemm u fil-Libanu u fl-art kollha tas-saltna tiegħu.

[1Slat:9:20] In-nies kollha li kien baqa' mill-Amurrin, il-Ħittin, il-Periżżin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin, li ma kinux minn ulied Iżrael - [1Slat:9:21] id-dixxendenti li ġew warajhom fl-art u li wlied Iżrael ma kienx irnexxielhom jeqirduhom - Salamun ġagħalhom jaħdmu bħala lsiera kif għadhom sa llum. [1Slat:9:22] Iżda minn ulied Iżrael Salamun ma qabbad lil ħadd b'ilsir, għax huma kienu nies tal-gwerra, il-ministri tiegħu, il-kapijiet tiegħu, il-gwerrieri magħżula u l-kmandanti tal-karrijiet u r-rikkieba tiegħu. [1Slat:9:23] U dawn kienu l-kapijiet ewlenin li Salamun qiegħed fuq ix-xogħlijiet tiegħu: ħames mija u ħamsin, li kienu jikkmandaw in-nies tax-xogħol.

[1Slat:9:24] Meta bint il-Fargħun telgħet mill-belt ta' David għad-dar tagħha li kien bnielha, Salamun bena l-Millu.

[1Slat:9:25] U Salamun tliet darbiet fis-sena kien joffri sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem fuq l-artal li kien bena lill-Mulej, u kien jaħraq l-inċens quddiem il-Mulej, u hekk temm il-bini tat-tempju.

[1Slat:9:26] Is-sultan Salamun bena wkoll flotta f'Għesjon-geber, li tinsab ħdejn Elat f'xatt il-Baħar tal-Qasab fl-art ta' Edom. [1Slat:9:27] U Ħiram bagħat il-qaddejja tiegħu mal-qaddejja ta' Salamun fuq l-iġfien, u baħrin li jifhmu fil-baħar. [1Slat:9:28] Dawn marru sa Ofir mnejn ħadu erba' mija u għoxrin talent deheb, u ħaduh għand is-sultan Salamun.

10. Salamun u s-sultana ta' Saba

[1Slat:10:1] U semgħet is-sultana ta' Saba bil-fama ta' tħabrik Salamun għal isem il-Mulej, u ġiet biex iġġarrbu b'mistoqsijiet iebsa. [1Slat:10:2] U ġiet Ġerusalemm b'qatgħa ġmielha ta' kbarat magħha, u b'iġmla mgħobbija b'tagħbija kbira ta' ħwawar, u deheb u ħaġar prezzjuż, u ġiet għand Salamun, u qaltlu kull ma kellha maħżun f'qalbha. [1Slat:10:3] U Salamun weġibha għal kull ma staqsietu; xejn ma kien hemm li baqa' moħbi għas-sultan, li ma kienx jista' jwieġbu. [1Slat:10:4] U meta s-sultana ta' Saba rat l-għerf kollu ta' Salamun u d-dar li kien bena, [1Slat:10:5] l-ikel tal-mejda tiegħu, il-kunsill ta' madwaru, is-servizz tal-qaddejja u lbieshom, il-kuppieri tiegħu, u s-sagrifiċċji tal-ħruq li kien joffri fit-tempju tal-Mulej, baqgħet mistagħġba; [1Slat:10:6] u qalet lis-sultan: “Tassew minnu dak li smajt f'arti fuqek u fuq għerfek. [1Slat:10:7] Ma ridtx nemmen dawn il-ħwejjeġ qabel ma ġejt u rajt b'għajnejja. U ma kinux ħabbruli n-nofs! L-għerf u l-ġid tiegħek huma aktar milli smajt. [1Slat:10:8] Henjin in-nies tiegħek, henjin il-qaddejja tiegħek, li qegħdin miegħek u jisimgħu dejjem l-għerf tiegħek. [1Slat:10:9] Ikun imbierek il-Mulej, Alla tiegħek, li tgħaxxaq bik u qiegħdek fuq it-tron ta' Iżrael, għaliex il-Mulej dejjem ħabb lil Iżrael u għamlek sultan fuqhom biex tagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja.”

[1Slat:10:10] Mbagħad tat lis-sultan mija u għoxrin talent deheb, kotra kbira ta' ħwawar u ħaġar prezzjuż: qatt ma ġiet kotra kbira ta' ħwawar daqs dik li ġiebet is-sultana ta' Saba lis-sultan Salamun.

[1Slat:10:11] U l-istess ġfien ta' Ħiram, li kienu jġorru d-deheb minn Ofir, ġiebu minn Ofir kotra kbira ta' injam tas-sandal u ħaġar prezzjuż. [1Slat:10:12] U mill-injam tas-sandal is-sultan għamel balawstri għat-tempju tal-Mulej u għall-palazz tas-sultan, kitarri u arpi għall-kantanti. U sa llum għadu qatt ma ġie u qatt ma deher injam tas-sandal daqs dak li kien wasallu.

[1Slat:10:13] U s-sultan Salamun ta lis-sultana ta' Saba kull ma kienet tixtieq u talbitu, barra li taha minn rajh ta' sultan li kien. U hi qabdet it-triq u telqet, hi u l-qaddejja tagħha, lejn pajjiżha.

L-għana ta' Salamun

[1Slat:10:14] U d-deheb li kien idaħħal kull sena Salamun kien ilaħħaq mas-sitt mija u sitta u sittin talent, [1Slat:10:15] minbarra dak li kienu jġibulu n-neguzjanti u d-dħul tal-kummerċ tal-merkanti, u mingħand is-slaten ta' l-Għarabja, u l-gvernaturi tal-pajjiż.

[1Slat:10:16] U s-sultan Salamun għamel ukoll mitejn tarka tad-deheb battut; u kull tarka ħadet sitt mitt xekel deheb. [1Slat:10:17] U għamel ukoll tliet mitt tarka żgħira tad-deheb battut, u kull waħda ħadet tliet miniet deheb, u qegħedhom is-sultan f'dar il-Foresta tal-Libanu.

[1Slat:10:18] U s-sultan għamel tron kbir ta' l-avorju u ksieh b'deheb mill-ifjen. [1Slat:10:19] It-tron kellu sitt tarġiet, b'ras ta' għoġol fuq wara, u żewġ dirgħajn wieħed fuq kull naħa tal-maqgħad, u żewġ iljuni ħdejn id-dirgħajn, [1Slat:10:20] u tnax-il ljun fuq is-sitt tarġiet, wieħed f'kull tarf ta' tarġa, 'l hemm u 'l hawn. Qatt ma sar bħalu f'ebda saltna.

[1Slat:10:21] U l-koppiet li kien jixrob minnhom is-sultan Salamun kienu kollha tad-deheb, u hekk ukoll tad-deheb fin kienu l-koppiet ta' dar il-Foresta tal-Libanu. Xejn ma kien hemm tal-fidda; għax xejn ma kienu jqisuha l-fidda fi żmien Salamun. [1Slat:10:22] Għax is-sultan kellu ġfien ta' Tarsis fuq il-baħar ma' l-iġfien ta' Ħiram; darba kull tliet snin dawn l-iġfien ta' Tarsis kienu jmorru u jġibu deheb u fidda, avorju u xadini, u paguni.

[1Slat:10:23] U s-slaten ta' l-art għaddiehom ilkoll is-sultan Salamun fl-għana u fl-għerf. [1Slat:10:24] Id-dinja kollha kienet tfittex li tara wiċċ Salamun biex tisma' għerfu li Alla żejjinlu moħħu bih. [1Slat:10:25] U kien iġiblu kulħadd l-offerta tiegħu, oġġetti tal-fidda u oġġetti tad-deheb, lbies u armi, ħwawar, żwiemel u bgħula ta' kull sena.

[1Slat:10:26] U ġabar Salamun karrijiet u rikkieba, u kellu elf u erba' mitt karru u tnax-il elf rikkieb, u qassamhom fl-ibliet tal-karrijiet u f'Ġerusalemm madwar is-sultan. [1Slat:10:27] U l-fidda li kien hemm f'Ġerusalemm is-sultan ġiebha bħall-ġebel, u l-injam taċ-ċedru għamlu bħall-injam tat-tin selvaġġ li hemm fis-Sefela. [1Slat:10:28] Kienu jġibu ż-żwiemel lil Salamun minn Musri u minn Kuwi; kienu jġibuhom in-neguzjanti tas-sultan bil-prezz tas-suq. [1Slat:10:29] Karru kien jiġi minn Musri bil-prezz ta' sitt mitt xekel tal-fidda u żiemel b'mija u ħamsin. Hekk ukoll dawn in-neguzjanti tas-sultan kienu jbigħuhom lis-slaten tal-Ħittin u s-slaten ta' Aram.

11. Id-dnubiet ta' Salamun

[1Slat:11:1] Is-sultan Salamun beda jħobb ħafna nisa barranin - u mhux biss lil bint il-Fargħun, imma wkoll lil nisa minn Mowab, minn Għammon, minn Edom, minn Sidon, u minn fost il-Ħittin - [1Slat:11:2] jiġifieri, minn dawk il-ġnus li l-Mulej kellu f'moħħu meta lil ulied Iżrael kien qalilhom: “U la intom ma għandkom tersqu lejhom, u lanqas huma ma għandhom jersqu lejkom; għaliex inkella żgur li qalbkom idawwruhielkom għal wara l-allat tagħhom.” Iżda Salamun kellu qalbu marbuta wisq ma' dawn in-nisa. [1Slat:11:3] U kellu seba' mitt mara prinċipessi u tliet mija konkubini. U dawn in-nisa tiegħu ħassrulu qalbu. [1Slat:11:4] U għalhekk ġara li meta Salamun kien imdaħħal sewwa fiż-żmien, in-nisa li kellu dawwrulu tassew qalbu għal wara allat oħra, hekk li qalbu issa ma baqgħetx kollha kemm hi mal-Mulej, Alla tiegħu, bħalma kienet qalb David missieru. [1Slat:11:5] Salamun beda jqim lil Għastoret, alla tan-nies ta' Sidon, u lil Milkom, l-idolu mistkerrah li kienu jqimuh in-nies ta' Għammon. [1Slat:11:6] Din l-imġiba ta' Salamun, li ma baqax ħaġa waħda mal-Mulej sa l-aħħar, lill-Mulej xejn ma għoġbitu. Kemm kien xorta oħra David missieru! [1Slat:11:7] Mbagħad Salamun bena fuq l-għolja biswit Ġerusalemm santwarju lil Kemos, l-għajb ta' Mowab, u lil Molok, l-għajb ta' l-Għammonin. [1Slat:11:8] U hekk għamel għan-nisa l-oħra kollha barranin, li kienu jaħarqu l-inċens u joffru s-sagrifiċċji lil allathom.

[1Slat:11:9] Il-Mulej kien issa nkurlat għal Salamun talli ħalla qalbu tinfired minn miegħu, wara li dan Alla ta' Iżrael kien ġa deherlu darbtejn, [1Slat:11:10] u wissieh biex ma jmurx wara allat oħra. Iżda Salamun ma qagħadx għat-twissijiet li l-Mulej kien għamillu. [1Slat:11:11] U għalhekk qal il-Mulej lil Salamun: “Ladarba ġibt ruħek hekk, u ma ħaristx il-patt tiegħi, u l-liġijiet li tajtek int ma ħaristhomx, jiena se naħtaf u nċarrat is-saltna minn fuqek u nagħtiha lil wieħed li hu qaddej tiegħek. [1Slat:11:12] Imma minħabba f'David missierek din il-ħaġa ma nagħmilhiex fi żmienek. Minn id ibnek naħtaf is-saltna. [1Slat:11:13] Iżda ma naħtafhilekx kollha kemm hi; ikun hemm tribù, wieħed biss, li lil ibnek inħallihulu, kemm minħabba l-qaddej tiegħi David, kemm minħabba Ġerusalemm li jien għażilt.”

Il-kastigi ta' Salamun

[1Slat:11:14] Il-Mulej qajjem bniedem għadu kontra Salamun: Ħadad, minn Edom, mill-familja tas-slaten ta' Edom. [1Slat:11:15] Ġara li meta David kien ħabat għal Edom, u Ġowab, il-kmandant ta' l-eżerċtu, kien tala' jidfen il-mejtin, dan qatel l-irġiel kollha f'Edom [1Slat:11:16] (għax Ġowab u Iżrael kollu baqgħu hemm għal sitt xhur sakemm qerdu l-irġiel kollha f'Edom). [1Slat:11:17] Imma Ħadad ħarab, hu u xi rġiel Edumin miegħu mill-qaddejja ta' missieru, u marru l-Eġittu; kien għadu daqsxejn ta' żagħżugħ.

[1Slat:11:18] Telqu minn Midjan u marru Paran, ħadu magħhom xi nies minn Paran, u ġew l-Eġittu għand il-Fargħun, sultan ta' l-Eġittu, u dan tah dar, ħasiblu għall-ikel u tah biċċa art. [1Slat:11:19] U l-Fargħun ħa grazzja ma' Ħadad, u tah lil oħt martu, oħt Taħfenes, ir-reġina-omm. [1Slat:11:20] U oħt Taħfenes wilditlu lil Genubat, iben, u Tahfenes rabbietu fid-dar tal-Fargħun, u Genubat baqa' f'dar il-Fargħun ma' wlied il-Fargħun. [1Slat:11:21] Meta fl-Eġittu sama' li David kien strieħ ma' missirijietu, u Ġowab, il-kmandant ta' l-eżerċtu, kien miet, Ħadad kellem lil Fargħun: “Ħallini mmur pajjiżi.” [1Slat:11:22] U l-Fargħun wieġbu: “X'jonqsok miegħi, biex trid tmur f'pajjiżek?” U dan qallu: “Xejn, imma ħallini mmur.”

[1Slat:11:23] U Alla qajjimlu għadu ieħor: Reżon bin Eljada, li kien ħarab mingħand sidu Ħadad-għeżer, is-sultan ta' Soba. [1Slat:11:24] Dan ġabar xi nies madwaru u sar il-kap ta' qatgħa nies, wara li David kien qatel lill-Aramin; mbagħad mar Damasku u baqa' hemm, u sar sultan ta' Damasku. [1Slat:11:25] U kien għadu ta' Iżrael iż-żmien kollu ta' Salamun; kien jagħmel il-ħsara bħalma kien jagħmel Ħadad; kien jobgħod lil Iżrael, u jsaltan fuq Aram.

Il-profezija ta' Aħija

[1Slat:11:26] Ġerobogħam bin Nebat, Efrati minn Sereda - ommu kien jisimha Serugħa, armla - qaddej ta' Salamun, rafa' wkoll idejh kontra s-sultan. [1Slat:11:27] U rafa' idejh kontra s-sultan għaliex Salamun kien bena l-Millu, u għalaq is-slieħi li kien hemm fil-ħitan tal-belt ta' David, missieru. [1Slat:11:28] Issa Ġerobogħam kien raġel ta' ħila u qawwa kbira, u meta Salamun ra li ż-żagħżugħ kien jirsisti fix-xogħol, għamlu suprentendent fuq il-ħaddiema miġbura bil-lieva mid-dar ta' Ġużeppi.

[1Slat:11:29] U ġara li darba minnhom Ġerobogħam ħareġ minn Ġerusalemm, u fit-triq iltaqa' miegħu Aħija, il-profeta minn Silo; dan kellu fuqu mantar ġdid, u kienu weħidhom fir-raba'. [1Slat:11:30] Mbagħad Aħija qabad il-mantar ġdid li kellu fuqu, u ċarrtu fi tnax-il biċċa. [1Slat:11:31] U qal lil Ġerobogħam: “Ħu għaxar biċċiet, għax dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: 'Arani, se naħtaf is-saltna minn idejn Salamun, u lilek nagħtik għaxra mit-tribujiet. [1Slat:11:32] Nħallilu tribù wieħed minħabba David, il-qaddej tiegħu, u minħabba Ġerusalemm, il-belt li għażilt minn fost it-tribujiet kollha ta' Iżrael. [1Slat:11:33] Għaliex hu telaqni u niżel jadura 'l Għastoret, alla tas-Sidonin, 'l Kemos, alla ta' Mowab, u lil Milkom, alla ta' l-Għammonin, u ma mxewx fit-triq tiegħi, u ma għamlux is-sewwa f'għajnejja, u ma ħarisx il-liġijiet u d-digrieti tiegħi, bħal David missieru. [1Slat:11:34] Lilu, imma, ma neħodlux is-saltna sħiħa minn idejh, imma nħallih prinċep il-jiem kollha ta' ħajtu minħabba David, il-qaddej tiegħi li jien għażiltu u li ħares l-ordnijiet u l-liġijiet tiegħi. [1Slat:11:35] Jiena naħtaf is-saltna minn idejn ibnu, u nagħtik għaxar tribujiet minnha. [1Slat:11:36] U lil ibnu nagħtih tribù wieħed, biex jibqa' xrara lil David il-qaddej tiegħi għal dejjem quddiemi f'Ġerusalemm, il-belt li jien għażilt għalija, biex fiha jkun hemm ismi. [1Slat:11:37] U lilek nieħdok u int issaltan fuq kull ma tixtieq qalbek, u tkun sultan fuq Iżrael. [1Slat:11:38] U jekk inti tisma' minn kull ma nordnalek, u timxi fi triqati u tagħmel dak li hu sew f'għajnejja billi tħares id-digrieti u l-ordnijiet tiegħi, bħalma għamel David il-qaddej tiegħi, jien inkun miegħek u nibnilek dar soda, bħalma bnejt lil David, u nerħi lil Iżrael f'idejk; [1Slat:11:39] u b’hekk ngħakkes lil nisel David minħabba f'hekk, imma mhux għal dejjem.”

[1Slat:11:40] U Salamun beda jfittex kif jeqred lil Ġerobogħam; u Ġerobogħam qabad u ħarab l-Eġittu għand Sisak, sultan ta' l-Eġittu, u baqa' l-Eġittu sa ma miet Salamun.

Il-mewt ta' Salamun

[1Slat:11:41] Il-bqija tal-ġrajja ta' Salamun u ta' kull ma għamel, u għerfu, dan kollu jinsab miktub fi Ktieb il-Ġrajja ta' Salamun. [1Slat:11:42] U ż-żmien li dam isaltan f'Ġerusalemm u fuq Iżrael kollu kien ta' erbgħin sena. [1Slat:11:43] U Salamun strieħ ma' missirijietu, u difnuh fil-belt ta' David missieru; u floku beda jsaltan Reħobogħam, ibnu.

12. Il-firda tas-sultan ( 930 QK )

[1Slat:12:1] Reħobogħam mar f'Sikem, għax f'Sikem kien iltaqa' Iżrael kollu biex jagħmluh sultan. [1Slat:12:2] Ġara li malli Ġerobogħam bin Nebat, li kien għadu l-Eġittu, fejn kien ħarab minn quddiem is-sultan Salamun, sama' b'dan raġa’ lura mill-Eġittu. [1Slat:12:3] U bagħtu jsejjħulu. Mbagħad Ġerobogħam u l-ġemgħa kollha ta' Iżrael ġew u qalu lil Reħobogħam: [1Slat:12:4] “Missierek qegħdilna madmad iebes fuqna, issa ħaffilna dan il-jasar ta' missierek, u dan it-toqol ta' madmad minn fuqna, u aħna nservuk.” [1Slat:12:5] U hu weġibhom: “Morru, ħallu tlitt ijiem jgħaddu, u erġgħu ejjew għandi.” U l-poplu mar.

[1Slat:12:6] Mbagħad is-sultan Reħobogħam ħa parir mingħand ix-xjuħ tal-kunsill, li missieru Salamun, kemm dam ħaj, kien iżommhom madwaru biex jgħinuh. U Reħobogħam staqsiehom: “Xi tweġiba jidhrilkom li għandi nagħti lil dan il-poplu?” [1Slat:12:7] U huma weġbuh: “Jekk int illum toqgħod għal dan il-poplu u taqdihom, tweġibhom u tfittex tkellimhom bit-tajjeb, huma jkunu l-qaddejja tiegħek għal dejjem.” [1Slat:12:8] Iżda hu warrab fil-ġenb dan il-parir li tawh ix-xjuħ tal-kunsill, u fittex il-parir taż-żgħażagħ li kienu trabbew miegħu, u li issa kienu madwaru, [1Slat:12:9] u staqsiehom: “Xi tweġiba jidhrilkom li għandi nagħti lil dan il-poplu, li kellmuni u qaluli: “Ħaffilna l-madmad li kien qegħdilna fuqna missierek?” [1Slat:12:10] U ż-żgħażagħ li kienu trabbew miegħu weġbuh, u qalulu: “Hekk għid lil dan il-poplu, li kellmuk u qalulek: 'Missierek taqqal il-madmad fuqna u issa ħaffifhulna int,' hekk għidilhom: 'Sebgħi ż-żgħir eħxen minn ġenbejn missieri. [1Slat:12:11] Missieri taqqlilkom il-madmad, u jien se nżid fuqu. Missieri sawwatkom bil-frosti, imma jiena nsawwatkom bl-iskorpjuni.'

[1Slat:12:12] Fit-tielet jum Ġerobogħam u l-poplu kollu ġew għand Reħobogħam, hekk kif kien ordnalhom is-sultan stess meta qalilhom: “Erġgħu ejjew għandi fit-tielet jum.” [1Slat:12:13] Iżda kiefra kienet it-tweġiba tas-sultan lill-poplu, għax warrab fil-ġenb il-parir li kienu tawh ix-xjuħ tal-kunsill. [1Slat:12:14] Qagħad għall-parir taż-żgħażagħ, u għalhekk qalilhom: “Missieri taqqlilkom il-madmad, u jien se nżid fuqu. Missieri kien isawwatkom bil-frosti, imma jien insawwatkom bl-iskorpjuni.” [1Slat:12:15] U hekk is-sultan baqa' biex ma tax widen lill-poplu, ladarba din il-ħaġa seħħet kif kien riedha l-Mulej, sewwasew biex il-Mulej isaħħaħ kelmtu li kien qal lil Ġerobogħam bin Nebat permezz ta' Aħija ta' Silo. [1Slat:12:16] Meta Iżrael kollu ra li s-sultan ma tahx widen, il-poplu wieġeb lis-sultan u qallu:

“Ebda sehem ma għandna ma’ David;
ebda wirt ma' bin Gesse!
Għat-tined tiegħek, Iżrael!
Issa aħseb int għal darek, David!”

[1Slat:12:17] Iżda Reħobogħam baqa' jsaltan fuq ulied Iżrael li kienu joqogħdu fl-ibliet ta' Ġuda. [1Slat:12:18] Meta mbagħad is-sultan Reħobogħam bagħat lil Adoram, dak li kien jieħu ħsieb ix-xogħol tal-lieva, Iżrael kollu ħaġġru u qatluh. Mbagħad is-sultan Reħobogħam fittex jirkeb il-karru biex jaħrab lejn Ġerusalemm. [1Slat:12:19] U hekk Iżrael inqata' minn dar David, u baqgħu mifruda minnha sa llum.

Ġerobogħam sultan ta' Iżrael ( 930 – 913 QK )

[1Slat:12:20] Malli Iżrael kollu semgħu li Ġerobogħam kien raġa’ lura, bagħtu jsejjħulu għal-laqgħa u għamluh sultan fuq Iżrael kollu. U ħadd minnhom ma mar wara d-dar ta' David ħlief it-tribù ta' Ġuda weħidha.

[1Slat:12:21] U Reħobogħam mar Ġerusalemm, u laqqa' d-dar kollha ta' Ġuda u t-tribù ta' Benjamin, mija u tmenin elf gwerrier magħżul, biex jaħbtu għal dar Iżrael, u jġibu s-saltna lil Reħobogħam bin Salamun. [1Slat:12:22] Imma Alla kellem lil Semajja, bniedem ta' Alla, u qallu: [1Slat:12:23] “Kellem lil Reħobogħam bin Salamun, sultan ta' Ġuda, u d-dar kollha ta' Ġuda u ta' Benjamin, u l-bqija tal-poplu, u għidilhom: [1Slat:12:24] 'Dan jgħid il-Mulej: la titilgħux u la titqabdux ma' ħutkom, ulied Iżrael. Kulħadd imur lejn daru, għax minni ġej dan kollu.' ” U huma semgħu l-kelma tal-Mulej u reġgħu lura bħalma qalilhom il-Mulej.

Il-qima ta' l-għoġol

[1Slat:12:25] Ġerobogħam bena 'l Sikem fil-muntanji ta' Efrajm u għammar fiha; u mbagħad ħareġ minn hemm u bena Penwel. [1Slat:12:26] Ġerobogħam qal bejnu u bejn ruħu: “Issa jista' jiġri li s-saltna terġa’ taqa' f'idejn id-dar ta' David. [1Slat:12:27] Jekk dan il-poplu jibqa' jmur joffri s-sagrifiċċji fit-tempju tal-Mulej f'Ġerusalemm, żgur li l-qalb ta' dawn in-nies iddur mill-ġdid lejn is-sid tagħhom Reħobogħam, sultan ta' Ġuda; u lili joqtluni, u jduru lejn Reħobogħam, sultan ta' Ġuda.” [1Slat:12:28] Għalhekk, wara li ħa parir, is-sultan Ġerobogħam għamel żewġ għoġiela tad-deheb, u lill-poplu qallu: “Ilkom tmorru biżżejjed Ġerusalemm! Iżrael, dawn huma l-allat tagħkom li tellgħukom mill-art ta' l-Eġittu. [1Slat:12:29] Huwa qiegħed wieħed mill-għoġiela f'Betel, u l-ieħor qiegħdu f'Dan; [1Slat:12:30] u din il-ħaġa waqqgħet lil Iżrael fid-dnub. Il-poplu kien imur sa Dan biex iqim l-għoġol. [1Slat:12:31] Ġerobogħam bena santwarji fuq l-għoljiet, u l-qassisin għażilhom minn fost il-poplu, li ma kinux min-nisel ta' Levi. [1Slat:12:32] U Ġerobogħam waqqaf festa biex, bħall-festa li kienet issir f'Ġuda, din ukoll issir nhar il-ħmistax tax-xahar, it-tmien xahar tas-sena; u dak in-nhar hu tala' quddiem l-artal. Hekk ukoll għamel f'Betel biex joffri sagrifiċċju lill-għoġiela li kien għamel; u f'Betel ukoll għażel xi qassisin għas-santwarji li bena fuq l-għoljiet. [1Slat:12:33] U nhar il-ħmistax tax-xahar, it-tmien wieħed tas-sena, xahar li għażlu hu minn rajh, tala' quddiem l-artal li kien għamel f'Betel; dakinhar waqqaf festa għal ulied Iżrael, u tala' quddiem l-artal biex joffri l-inċens.

13. Il-profezija kontra Ġerobogħam

[1Slat:13:1] U bniedem ta' Alla mar minn Ġuda b'messaġġ mingħand il-Mulej għal Betel; u Ġerobogħam kien fuq l-artal jaħraq l-inċens. [1Slat:13:2] U dan il-bniedem, b'ordni tal-Mulej, beda jgħajjat kontra l-artal: “Artal! Artal! Dan jgħid il-Mulej: 'Ara, għad jitwieled iben lid-dar ta' David, jismu Ġosija, u jaħraq b'sagrifiċċju fuqek il-qassisin tas-santwarju li qegħdin jaħarqu l-inċens fuqek, u fuqek għad jaħraq l-għadam tal-bnedmin.' ” [1Slat:13:3] Dak il-ħin stess ta sinjal u qal: “Din hi l-prova tal-Mulej: Araw, l-artal jinqasam u jittajjar l-irmied minn fuqu.” [1Slat:13:4] Malli s-sultan sama' l-kliem li l-bniedem ta' Alla kien qal kontra l-artal f'Betel, Ġerobogħam medd idu minn fuq l-artal u qal: “Aqbduh!” Imma idu, li kien medd kontrih, ibbieset, u ma setax jiġbidha lura lejh. [1Slat:13:5] U l-artal inqasam, u l-irmied ittajjar minn fuq l-artal, skond is-sinjal li kien ta l-bniedem ta' Alla bl-ordni tal-Mulej. [1Slat:13:6] U s-sultan wieġeb u qal lill-bniedem ta' Alla: “Aqlagħli l-grazzja tal-Mulej, Alla tiegħek, nitolbok, u itlob għalija biex tintraddli idi lura.” U l-bniedem ta' Alla qalagħlu l-grazzja tal-Mulej, u id is-sultan intradditlu lura, u saret bħal qabel.

[1Slat:13:7] U s-sultan kellem lill-bniedem ta' Alla: “Ejja d-dar miegħi, u hu xi ħaġa, u nagħtik rigal.” [1Slat:13:8] U l-bniedem ta' Alla wieġeb lis-sultan: “Tista' tagħtini nofs darek, għax ma niġix miegħek, u la niekol ħobż u lanqas nixrob ilma f'dan il-post. [1Slat:13:9] Għax dan hu l-ordni li l-Mulej tani u qalli: 'La tikolx ħobż, u la tixrobx ilma, u lanqas ma għandek terġa’ lura mill-istess triq li tkun għaddejt minnha.' ” [1Slat:13:10] U telaq minn triq oħra, u ma marx lura mit-triq li minnha kien mar Betel.

[1Slat:13:11] U kien hemm joqgħod f'Betel profeta xiħ, u ġew uliedu u ħabbrulu kull ma kien għamel il-bniedem ta' Alla f'Betel dakinhar, u l-kliem kollu li kien qal lis-sultan tennewh lil missierhom. [1Slat:13:12] U missierhom staqsiehom: “Liema triq qabad?” U wliedu wrewh it-triq li kien qabad il-bniedem ta' Alla li kien ġie minn Ġuda. [1Slat:13:13] U qal lil uliedu: “Xidduli l-ħmar.” U xiddewlu l-ħmar, u rikeb fuqu. [1Slat:13:14] U telaq għal wara l-bniedem ta' Alla, u sabu jistrieħ taħt il-balluta u staqsieh: “Int il-bniedem ta' Alla li ġie minn Ġuda?” U dak wieġbu: “Jien hu.” [1Slat:13:15] U qallu: “Ejja miegħi d-dar u kul biċċa ħobż.” [1Slat:13:16] U wieġbu: “Ma nistax indur lura u niġi miegħek, u la niekol ħobż u lanqas nixrob l-ilma miegħek f'dan il-post. [1Slat:13:17] Għax il-Mulej kellimni u ordnali: 'La tikolx ħobż u la tixrobx ilma f'dak il-post, u la terġax lura mit-triq li minnha għaddejt biex mort hemm.' ” [1Slat:13:18] U dak wieġbu: “Jiena wkoll profeta bħalek, u anġlu kellimni b'ordni tal-Mulej u qalli: 'Reġġgħu lura miegħek f'darek biex jiekol il-ħobż u jixrob l-ilma.” U hekk qarraq bih. [1Slat:13:19] U raġa’ lura miegħu, u kiel il-ħobż f'daru, u xorob l-ilma.

[1Slat:13:20] U ġara li, waqt li kienu fuq il-mejda, il-Mulej kellem lill-profeta li kien ġiebu lura; [1Slat:13:21] u dan sejjaħ lill-bniedem ta' Alla, li kien ġie minn Ġuda, u qallu: “Dan jgħid il-Mulej: 'La int qomt kontra l-kelma tal-Mulej u ma ħaristx l-ordni li tak il-Mulej, Alla tiegħek, [1Slat:13:22] u rġajt lura, u kilt il-ħobż u xrobt l-ilma fil-post fejn qallek li la għandek tiekol ħobż u lanqas tixrob ilma, il-katavru tiegħek ma jidħolx f'qabar missirijietek.' ”

[1Slat:13:23] U ġara li kiel il-ħobż u xorob l-ilma; mbagħad xiddewlu l-ħmar u raġa’ lura. [1Slat:13:24] Hu u sejjer iltaqa' miegħu ljun u qatlu. Il-katavru tiegħu baqa' mixħut fit-triq u l-ħmar wieqaf ħdejh; hekk ukoll l-iljun baqa' wieqaf ħdejn il-katavru.

[1Slat:13:25] U xi nies, li kienu għaddejjin mit-triq, raw il-katavru minxur fit-triq u l-iljun wieqaf ħdejn il-katavru; u marru u taw l-aħbar fil-belt fejn kien joqgħod il-profeta x-xiħ. [1Slat:13:26] U sama' l-profeta li kien ġiebu lura mit-triq u qal: “Dan hu l-bniedem ta' Alla li kiser il-kmand tal-Mulej, u l-Mulej telqu lill-iljun, u dan qattgħu u qatlu skond il-kelma li kien qallu l-Mulej.” [1Slat:13:27] U kellem lil uliedu u qalilhom: “Xidduli l-ħmar.” U xiddewhulu. [1Slat:13:28] U telaq u sab il-katavru tiegħu mixħut fit-triq, u l-ħmar u l-iljun wieqfa maġenb il-katavru. L-iljun ma kienx kiel il-katavru u lanqas ma qatta' bċejjeċ lill-ħmar. [1Slat:13:29] U l-profeta rafa' l-katavru tal-bniedem ta' Alla u għabbieh fuq il-ħmar, u raġa’ ħadu lura; u l-profeta x-xiħ daħal bih fil-belt biex jibkih u jidfnu.

[1Slat:13:30] U poġġa l-katavru fil-qabar tiegħu, u bkew fuqu u bdew jgħajjtu: “Jaħasra, ħija.” [1Slat:13:31] U ġara li, wara li difnu, kellem lil uliedu u qalilhom: “Meta mmut idfnuni fil-qabar fejn hemm midfun il-bniedem ta' Alla, ħdejn għadmu qiegħdu għadmi. [1Slat:13:32] Għax għad isseħħ il-kelma li hu għajjat, skond l-ordni tal-Mulej, fuq l-artal li hemm f'Betel u għas-santwarji kollha fuq l-għoljiet li hemm fl-ibliet ta' Samarija.”

[1Slat:13:33] Lanqas wara dan kollu ma raġa’ lura Ġerobogħam mit-triq il-ħażina li kien qabad; raġa’ għamel qassisin għas-santwarji ta' l-għoljiet minn fost il-poplu. Kull min kien irid kien jagħtih is-setgħa u jsir qassis tas-santwarji. [1Slat:13:34] U dan kien id-dnub tad-dar ta' Ġerobogħam, li wassalha għat-tiġrif u l-qerda tagħha minn fuq wiċċ l-art.

14. Aħija l-profeta jħabbar il-ħsara lil Ġerobogħam

[1Slat:14:1] F'dak iż-żmien Abija bin Ġerobogħam marad. [1Slat:14:2] U Ġerobogħam qal lil martu: “Qum u biddel ħwejġek, biex ma jagħrfux li int mart Ġerobogħam, u mur Silo. Hemm jinsab Aħija l-profeta, dak li kien ħabbarli li kelli nsir sultan fuq dan il-poplu. [1Slat:14:3] U ħu f'idejk għaxar ħobżiet, kagħak, u ġarra għasel; u mur għandu, u hu jgħidlek x'se jgħaddi mit-tifel.” [1Slat:14:4] U l-mara ta' Ġerobogħam għamlet hekk, qamet u marret f'Silo, u daħlet f'dar Aħija. Aħija ma kienx jista' jaraha għax bix-xjuħija kienu tgħammxulu għajnejh.

[1Slat:14:5] U l-Mulej ordna lil Aħija: “Ara, mart Ġerobogħam ġejja tistaqsik xi ħaġa dwar binha għax marid. Dan u dan għidilha.” U hi waslet liebsa lbies b'ieħor, [1Slat:14:6] imma malli Aħija sama' l-ħoss ta' riġlejha hi u dieħla l-bieb qalilha: “Idħol, mart Ġerobogħam. Għaliex int liebsa lbies b'ieħor? Aħbar iebsa għandi għalik. [1Slat:14:7] Mur għid li Ġerobogħam: 'Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Jiena rfajtek minn nofs il-poplu, u għamiltek prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael. [1Slat:14:8] Ħtaft is-saltna minn dar David u tajtha lilek. Imma int ma kontx bħall-qaddej tiegħi David, li kien iħares l-ordnijiet tiegħi, u li kien jimxi warajja b'qalbu kollha, u jagħmel biss dak li hu tajjeb f'għajnejja. [1Slat:14:9] Int għamilt agħar minn dawk kollha li kienu qablek, u mort għamilt allat oħra, u xbihat imdewwba biex tgħaddabni u lili xħettni wara dahrek. [1Slat:14:10] Għalhekk arani issa se nġib il-ħsara fuq dar Ġerobogħam, u neqred l-irġiel kollha ta' Ġerobogħam, lsiera u ħielsa f'Iżrael, u niknes dar Ġerobogħam, bħalma wieħed jiknes iż-żibel, sa ma ntemmu. [1Slat:14:11] Kull min imut fil-belt mill-familja ta' Ġerobogħam, jikluh il-klieb, u min imut fir-raba' jikluh it-tajr ta' l-ajru. Għax il-Mulej tkellem.'

[1Slat:14:12] “U int issa qum u mur f'darek, u malli tmidd riġlejk ġol-belt, it-tifel imut. [1Slat:14:13] U Iżrael kollu jibkih u jidfnuh: dan waħdu minn dar Ġerobogħam jidħol f'qabru, għax fih biss minn dar Ġerobogħam sab xi ħaġa tajba l-Mulej, Alla ta' Iżrael. [1Slat:14:14] U l-Mulej iqajjem floku sultan fuq Iżrael li jeqred id-dar ta' Ġerobogħam f'dak il-jum. X'jien ngħid? Issa stess! [1Slat:14:15] U l-Mulej iħabbat lil Iżrael bħalma r-riħ iħabbat qasba fl-ilma, u jqaċċat lil Iżrael minn fuq din l-art tajba li ta lil missirijiethom, u jxerridhom 'l hemm mix-xmara, talli għamlu x-xbihat tagħhom ta' l-Asera, allat foloz, u għaddbu lill-Mulej. [1Slat:14:16] U jitlaq lil Iżrael minħabba d-dnubiet li għamel Ġerobogħam, u d-dnubiet li dan ġagħal jagħmel lil Iżrael.”

[1Slat:14:17] U mart Ġerobogħam qamet, u telqet, u waslet Tirsa. Malli rifset l-għatba tad-dar, it-tifel miet. [1Slat:14:18] Difnuh u bkewh Iżrael kollu, skond il-kelma tal-Mulej li kien tkellem permezz tal-qaddej tiegħu Aħija, il-profeta.

[1Slat:14:19] Il-bqija tal-ġrajja ta' Ġerobogħam, kif tqabad u kif saltan, jinsabu miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael.

[1Slat:14:20] Ġerobogħam dam isaltan tnejn u għoxrin sena; u strieħ ma' missirijietu, u saltan floku Nadab ibnu.

Reħobogħam, sultan ta' Ġuda ( 930-913 QK )

[1Slat:14:21] Reħobogħam bin Salamun kien isaltan f'Ġuda; kellu wieħed u erbgħin sena meta beda jsaltan, u saltan sbatax-il sena f'Ġerusalemm, il-belt li l-Mulej għażel minn fost it-tribujiet kollha ta' Iżrael, biex fiha jqiegħed ismu. Ommu kien jisimha Nagħma l-Għammonija.

[1Slat:14:22] U Ġuda għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, u bi dnubiethom li dinbu xegħlu lill-Mulej bl-għira aktar milli kienu għamlu missirijiethom. [1Slat:14:23] U bnew huma wkoll is-santwarji, il-plieri tal-ġebel u x-xbihat ta' l-Asera fuq kull għolja u taħt kull siġra tħaddar. [1Slat:14:24] Kien hemm ukoll irġiel prostituti tas-santwarji fil-pajjiż. F'kelma waħda għamlu l-qżiżijiet kollha tal-ġnus, li Alla kien keċċa minn quddiem ulied Iżrael.

[1Slat:14:25] Fil-ħames sena tas-saltna ta' Reħobogħam, Sisak, sultan ta' l-Eġittu, tala' għal Ġerusalemm. [1Slat:14:26] U ħataf f'idejh it-teżori tat-tempju tal-Mulej, u t-teżori tal-palazz tas-sultan; kollox ħa. Ħa wkoll it-tarkiet kollha tad-deheb li kien għamel Salamun. [1Slat:14:27] Flokhom Reħobogħam għamel tarkiet tal-bronż u ħalliehom fi ħsieb il-kmandant tal-gwardji li kienu jgħassu f'bieb il-palazz tas-sultan. [1Slat:14:28] U kull meta s-sultan kien imur fit-tempju tal-Mulej, il-gwardji kienu jġorruhom, u mbagħad jerġgħu jqegħduhom fil-kamra tal-gwardji.

[1Slat:14:29] U l-bqija tal-ġrajja tas-sultan Reħobogħam u ta' kull ma għamel, huma miktubin fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda. [1Slat:14:30] U kien hemm dejjem il-gwerra bejn Reħobogħam u bejn Ġerobogħam. [1Slat:14:31] U Reħobogħam strieħ ma' missirijietu, u difnuh ma' missirijietu fil-belt ta' David. Ommu kien jisimha Nagħma l-Għammonija; u Abijam, ibnu, beda jsaltan floku.

15. Abijam, sultan ta' Ġuda ( 913-911 QK )

[1Slat:15:1] Fis-sena tmintax tas-sultan Ġerobogħam bin Nebat, beda jsaltan Abijam fuq Ġuda. [1Slat:15:2] Tliet snin dam isaltan f'Ġerusalemm; u ommu kien jisimha Magħka bint Absalom.

[1Slat:15:3] U għamel id-dnubiet kollha li kien għamel missieru qablu: qalbu ma kinitx sħiħa mal-Mulej, Alla tiegħu, bħalma kienet qalb David missieru. [1Slat:15:4] Madankollu, il-Mulej, Alla tiegħu, ħallielu minħabba David xrara f'Ġerusalemm billi qajjimlu lil ibnu warajh, u żamm wieqfa Ġerusalemm. [1Slat:15:5] Għax David kien għamel is-sewwa f'għajnejn il-Mulej, u qatt f'għomru kollu ma warrab minn dak kollu li kien ordnalu l-Mulej ħlief fil-każ ta' Urija l-Ħitti. [1Slat:15:6] U kien hemm il-gwerra tul ħajtu kollha bejn Reħobogħam u bejn Ġerobogħam.

[1Slat:15:7] U l-bqija tal-ġrajja ta' Abijam, u kull ma għamel, kollha miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda; u kien hemm dejjem il-gwerra bejn Abijam u bejn Ġerobogħam. [1Slat:15:8] U Abijam strieħ ma' missirijietu u difnuh fil-belt ta' David; u daħal isaltan floku ibnu Asa.

Asa, sultan ta' Ġuda (911-870 QK )

[1Slat:15:9] Fl-għoxrin sena ta' Ġerobogħam, sultan ta' Iżrael, beda jsaltan Asa, sultan ta' Ġuda. [1Slat:15:10] U saltan wieħed u erbgħin sena f'Ġerusalemm, u ommu kien jisimha Magħka bint Absalom. [1Slat:15:11] U Asa għamel is-sewwa f'għajnejn il-Mulej bħalma kien għamel David missieru. [1Slat:15:12] U warrab l-irġiel prostituti tas-santwarji mill-pajjiż, u neħħa l-idoli kollha li kienu għamlu missirijietu. [1Slat:15:13] Warrab saħansitra lil ommu Magħka u neħħieha minn reġina-omm, għax kienet għamlet idolu moqżież lil Asera; u Asa kisser dan l-idolu u ħarqu fil-wied ta' Kedron. [1Slat:15:14] Imma s-santwarji ma tneħħewx; biss qalb Asa kienet sħiħa mal-Mulej għomru kollu. [1Slat:15:15] U daħħal f'dar il-Mulej l-offerti mqaddsa ta' missieru u l-offerti tiegħu, fidda, deheb u ħwejjeġ oħra.

[1Slat:15:16] U kien hemm il-gwerra bejn Asa u bejn Bagħsa, sultan ta' Iżrael, għomorhom kollu. [1Slat:15:17] U Bagħsa, sultan ta' Iżrael, tala' kontra Ġuda, u bena Rama, biex ma jħallix lil Asa, sultan ta' Ġuda, la jidħol u la joħroġ. [1Slat:15:18] U Asa ħa l-fidda u d-deheb kollu li kien baqa' fit-teżor ta' dar il-Mulej, u fit-teżor tal-palazz tas-sultan, u tahom f'idejn il-qaddejja tiegħu, u bagħathom għand Ben-Ħadad bin Tabrimmon, bin Ħeżjon, sultan ta' Aram, li kien joqgħod Damasku, u qallu: [1Slat:15:19] “Ħa jkun hemm patt bejni u bejnek, bħalma kien hemm bejn missieri u bejn missierek. Hawn qiegħed nibgħatlek ir-rigali tal-fidda u d-deheb. Ħoll il-patt li għandek ma' Bagħsa, sultan ta' Iżrael, sabiex iwarrab minni.”

[1Slat:15:20] U Ben-Ħadad sama' mis-sultan Asa, u bagħat il-kmandanti ta' l-eżerċtu li kellu, biex jaħbtu għall-ibliet ta' Iżrael; u ħarbtu lil Għijon, lil Dan, lil Abel-bet-magħka, u lil Kinneret kollha bl-art kollha ta' Naftali.

[1Slat:15:21] Malli Bagħsa sama' b'dan kollu, waqqaf il-bini ta' Rama u raġa’ lura f'Tirsa. [1Slat:15:22] Mbagħad is-sultan Asa laqqa' lil Ġuda kollha bla ma ħalla 'l ħadd, u ħa l-ġebel u l-injam ta' Rama, li bihom kien bnieha Bagħsa; u s-sultan Asa bena bihom Geba ta' Benjamin u Misfa.

[1Slat:15:23] Il-bqija tal-ġrajja kollha ta' Asa u r-rebħiet tiegħu, u l-opri tiegħu, u l-ibliet li bena, kollox hu miktub fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda. Imma fi xjuħitu marad b'riġlejh. [1Slat:15:24] U Asa strieħ ma' missirijietu, u difnuh ma' missirijietu fil-belt ta' David missieru; u daħal isaltan floku Ġosofat ibnu.

Nadab, sultan ta' Iżrael (910-909 QK)

[1Slat:15:25] Nadab bin Ġerobogħam laħaq sultan fuq Iżrael fit-tieni sena ta' Asa, sultan ta' Ġuda; u saltan fuq Iżrael għal sentejn. [1Slat:15:26] U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, u mexa fit-triq ta' missieru; u għamel id-dnubiet tiegħu, li fihom kien waqqa' lil Iżrael.

[1Slat:15:27] Bagħsa bin Aħija, mit-tribù ta' Issakar, għamel konfoffa kontrih; u Bagħsa qatlu f'Gibbeton, belt tal-Filistin, meta Nadab u l-Iżraelin kollha kienu dawwru lil Gibbeton. [1Slat:15:28] Bagħsa qatlu fit-tielet sena ta' Asa, sultan ta' Ġuda, u sar sultan floku. [1Slat:15:29] Malli beda jsaltan qered id-dar kollha ta' Ġerobogħam; ma kienx hemm ruħ ħajja mid-dar ta' Ġerobogħam li ma qeridhiex skond il-kelma tal-Mulej, li kien tkellem il-Mulej permezz tal-qaddej tiegħu Aħija, is-Siloni, [1Slat:15:30] minħabba d-dnubiet ta' Ġerobogħam, li dineb hu u ġagħal lil Iżrael jidinbu, u b'hekk għaddab il-Mulej, Alla ta' Iżrael.

[1Slat:15:31] Il-bqija tal-ġrajja ta' Nadab u kull ma għamel huma miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael. [1Slat:15:32] U kien hemm il-gwerra bejn Asa u bejn Bagħsa, sultan ta' Iżrael, għomorhom kollu.

Bagħsa, sultan ta' Iżrael ( 909-886 QK )

[1Slat:15:33] Fit-tielet sena ta' Asa, sultan ta' Ġuda, beda jsaltan Bagħsa bin Aħija, fuq Iżrael kollu, f'Tirsa; u dam isaltan għal erbgħa u għoxrin sena. [1Slat:15:34] Għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, u qabad it-triq ta' Ġerobogħam, u waqa' fi dnubietu, u ġagħal lil Iżrael jidneb.

16. Bagħsa, sultan ta' Iżrael

[1Slat:16:1] U waslet il-kelma tal-Mulej lil Ġeħu bin Ħanani, kontra Bagħsa, u qallu: [1Slat:16:2] “Billi int, għalkemm jien erfajtek mit-trab u qegħedtek prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael, qbadt it-triq ta' Ġerobogħam, u waqqajt fid-dnub il-poplu tiegħi Iżrael, u qanqalt l-għadab tiegħi minħabba dnubiethom, [1Slat:16:3] arani, se niknes lil Bagħsa u daru; u nagħmel lil darek bħad-dar ta' Ġerobogħam bin Nebat. [1Slat:16:4] Min imut mid-dar ta' Bagħsa fil-belt jikluh il-klieb, u min imutlu fir-raba' jikluh it-tajr ta' l-ajru.”

[1Slat:16:5] U l-bqija tal-ġrajja ta' Bagħsa, u kull ma għamel, u r-rebħiet tiegħu huma miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael. [1Slat:16:6] U Bagħsa strieħ ma' missirijietu, u difnuh f'Tirsa; u floku beda jsaltan Ela, ibnu.

[1Slat:16:7] U l-kelma tal-Mulej waslet kontra Bagħsa u daru permezz tal-profeta Ġeħu bin Ħanani, mhux biss għall-ħażen li kien għamel f'għajnejn il-Mulej, u għaddbu b'għemil idejh, u sar bħad-dar ta' Ġerobogħam, imma wkoll għax kien qered lil din id-dar għalkollox.

Ela, sultan ta' Iżrael ( 886-885 QK )

[1Slat:16:8] Fis-sitta u għoxrin sena tas-saltna ta' Asa, sultan ta' Ġuda, beda jsaltan Ela bin Bagħsa fuq Iżrael f'Tirsa; u dam sentejn. [1Slat:16:9] U Żimri, qaddej tiegħu u kaptan ta' nofs il-karrijiet, ikkonfoffa kontrieh. Waqt li Ela kien f'Tirsa, jiekol u jixrob fid-dar ta' Arsa, li kien il-maġġordom tal-palazz f'Tirsa, [1Slat:16:10] Żimri daħal, ħabat għalih, u qatlu fis-sena sebgħa u għoxrin ta' Asa, sultan ta' Ġuda, u beda jsaltan floku. [1Slat:16:11] U ġara li malli beda jsaltan, u qagħad fuq it-tron, ħabat għad-dar kollha ta' Bagħsa u ma ħalla minnha ebda raġel, la mill-qraba bid-dritt tal-vendetta u lanqas minn ħbiebu. [1Slat:16:12] Żimri qered id-dar kollha ta' Bagħsa skond il-kelma tal-Mulej, li kien qal fuq Bagħsa permezz tal-profeta Ġeħu, [1Slat:16:13] minħabba d-dnubiet ta' Bagħsa, u d-dnubiet ta' ibnu Ela, li għamlu huma u ġagħlu lil Iżrael jagħmlu, b'mod li jqanqlu l-għadab tal-Mulej Alla ta' Iżrael bl-allat fiergħa tagħhom.

[1Slat:16:14] U l-bqija tal-ġrajja ta' Ela u kull ma għamel, huma miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael.

Żimri, sultan ta' Iżrael ( 885 QK )

[1Slat:16:15] Fis-sena sebgħa u għoxrin tas-saltna ta' Asa, sultan ta' Ġuda, Żimri saltan għal sebat ijiem f'Tirsa. Il-poplu kien fil-kamp quddiem Gibbeton tal-Filistin. [1Slat:16:16] U malli l-poplu, li kien fil-kamp, sama' min jgħid: “Żimri kkonfoffa kontra s-sultan u qatlu,” dak in-nhar stess fil-kamp għamlu lil Għomri, kmandant ta' l-eżerċtu, sultan fuq Iżrael kollu.

[1Slat:16:17] U Għomri u Iżrael kollu miegħu telqu minn Gibbeton, u dawwru 'l Tirsa. [1Slat:16:18] Malli Żimri ra li l-belt inqabdet, mar fit-torri tal-palazz tas-sultan u tah in-nar, u ħaraq fuqu nnifsu l-palazz tas-sultan, u miet; [1Slat:16:19] dan seħħ minħabba dnubietu li dineb billi għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej meta qabad it-triq ta' Ġerobogħam - id-dnubiet li ġagħal lil Iżrael jagħmlu.

[1Slat:16:20] U l-bqija tal-ġrajja ta' Żimri, u l-konfoffa li għamel, huma kollha miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael.

[1Slat:16:21] Mbagħad inqasam il-poplu ta' Iżrael, nofs u nofs. Nofs il-poplu mar wara Tibni bin Ginat, biex jagħmluh sultan; u n-nofs l-ieħor mar wara Għomri. [1Slat:16:22] Imma l-poplu li kien wara Għomri għeleb lil dak li mar wara Tibni bin Ginat; u Tibni miet, u saltan floku Għomri.

Għomri, sultan ta' Iżrael ( 882-874QK )

[1Slat:16:23] Fis-sena wieħed u tletin ta' Asa, sultan ta' Ġuda, Għomri sar sultan fuq Iżrael, u dam isaltan tnax-il sena: sitta minnhom għamilhom isaltan f'Tirsa. [1Slat:16:24] Mbagħad xtara l-għolja ta' Samarija mingħand Semer b'żewġ talenti tal-fidda, u bnieha. U l-belt li bena fuqha semmieha għal Semer li kien sid l-għolja. [1Slat:16:25] Iżda l-għemil ħażin ta' Għomri xejn ma għoġbu lill-Mulej; għamel agħar minn dawk kollha li kien hemm qablu. [1Slat:16:26] U mexa fit-triq ta' Ġerobogħam bin Nebat, u għamel dnubietu li ġagħal lil Iżrael jagħmlu biex xegħlu l-korla tal-Mulej, Alla ta' Iżrael, bl-allat fiergħa tagħhom.

[1Slat:16:27] U l-bqija tal-ġrajja ta' Għomri, u ta' kull ma għamel u wettaq, huma miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael. [1Slat:16:28] Għomri strieħ ma' missirijietu, u difnuh f'Samarija; u daħal isaltan floku ibnu Aħab.

Aħab, sultan ta' Iżrael ( 874-852 QK )

[1Slat:16:29] Aħab bin Għomri sar sultan ta' Iżrael fis-sena tmienja u tletin ta' Asa, sultan ta' Ġuda; u dan Aħab bin Għomri, dam isaltan fuq Iżrael f'Samarija tnejn u għoxrin sena. [1Slat:16:30] Iżda l-għemil ħażin ta' Aħab bin Għomri lill-Mulej xejn ma għoġbu: għamel agħar minn dawk kollha li kien hemm qablu. [1Slat:16:31] Xejn ma kien iqisha bi kbira li jagħmel huwa wkoll id-dnubiet li kien waqa' fihom Ġerobogħam bin Nebat; iżżewweġ lil Ġeżabel, bint Etbagħal, sultan tal-poplu ta' Sidon, u wasal biex ta qima lil Bagħal u adurah. [1Slat:16:32] Lil dan għamillu wkoll artal fit-tempju li bnielu f'Samarija. [1Slat:16:33] Aħab waqqaf ukoll ix-xbieha ta' l-Asera, u żied jagħmel ħwejjeġ oħra ħżiena, hekk li għaddab għalih lill-Mulej, Alla ta' Iżrael, iżjed milli għas-slaten kollha ta' Iżrael, li kien hemm qablu.

[1Slat:16:34] Fi żmienu wkoll Ħijel, minn Betel, bena Ġeriko. Il-pedament tagħha swielu l-mewt ta' ibnu l-kbir Abiram, u l-bwieb tagħha lil ibnu ż-żgħir Segub, skond il-kelma tal-Mulej, li kien qal permezz ta' Ġożwè bin Nun.

17. Il-profeta Elija ( 858 – 850 QK )

[1Slat:17:1] Elija minn Tisbi ta' Gilgħad, qal lil Aħab: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, Alla ta' Iżrael, li jien inservi quddiemu, ma jkunx hemm dawn is-snin la nida u lanqas xita, jekk mhux meta nitkellem jien.”

[1Slat:17:2] Il-Mulej kellem lil Elija u qallu: [1Slat:17:3] “Itlaq minn hawn, iġbed lejn il-lvant, u mur inħeba fil-wied ta' Kerit, biswit il-Ġordan. [1Slat:17:4] Inti tixrob mill-wied, u jien ikkmandajt liċ-ċawl jitimgħek hemmhekk.” [1Slat:17:5] Elija telaq u għamel kif qallu l-Mulej, u qagħad ħdejn il-wied ta' Kerit biswit il-Ġordan. [1Slat:17:6] U ċ-ċawl kienu jġibulu ħobż u laħam mas-sebħ u ħobż u laħam fil-għaxija. U kien jixrob mill-wied. [1Slat:17:7] Imma wara ftit taż-żmien il-wied nixef, għax ma kinitx għamlet xita fil-pajjiż.

[1Slat:17:8] Il-Mulej kellem lil Elija u qallu: [1Slat:17:9] “Qum u mur f'Sarefta ta' Sidon, u oqgħod hemm. Jien ikkmandajt lil waħda armla minn hemm biex titimgħek.” [1Slat:17:10] Qam u rħielha lejn Sarefta. Kif wasal ħdejn bieb il-belt, kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab. Elija sejjħilha u qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli f'bieqja belgħa ilma x'nixrob.” [1Slat:17:11] Hi u sejra, Elija raġa’ sejjħilha u qalilha: “Ġibli wkoll, jekk jogħġbok, kisra ħobż f'idek.” [1Slat:17:12] Hija wieġbet: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek, ma għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f'ġarra u ftit żejt fil-kus kull ma baqagħli. Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nħejji xi ħaġa għalija u għal ibni; u mbagħad nikluha u mmutu.” [1Slat:17:13] Elija wieġeb: “La tibżax, mur u agħmel kif għedtli: imma qabel agħmel ftira żgħira għalija, u ġibhieli. Mbagħad agħmel għalik u għal ibnek. [1Slat:17:14] Għax din hi l-kelma tal-Mulej, Alla ta' Iżrael:

Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt,
u l-kus taż-żejt ma jitbattalx,
sa dak in-nhar li l-Mulej jibgħat
ix-xita fil-pajjiż.”

[1Slat:17:15] U dik marret u għamlet kif qalilha Elija. Damu jieklu għal żmien, hi u hu, u darha kollha. [1Slat:17:16] U l-ġarra tad-dqiq ma ntemmitx, u l-kus taż-żejt ma tbattalx, kif kien qal il-Mulej permezz ta' Elija.

[1Slat:17:17] Wara dawn il-ġrajja marad it-tifel ta' dik il-mara li kienet sidt id-dar. U ġara li l-marda tqawwiet tant li ma kienx baqagħlu iżjed nifs. [1Slat:17:18] U hi qalet lil Elija: “X'hemm bejni u bejnek, bniedem ta' Alla? Jaqaw ġejt hawn biex tfakkarni fi ħżuniti u toqtolli 'l ibni?” [1Slat:17:19] U hu wieġeb: “Agħtini lil ibnek.” U ħadu minn ħoġorha, u tellgħu fl-għorfa fejn kien jgħammar hu, u meddu fuq il-mitraħ tiegħu. [1Slat:17:20] U sejjaħ lill-Mulej u qal: “Mulej, Alla tiegħi, fuq din l-armla wkoll, li qiegħed magħha, ridt iġġib il-ħsara u toqtlilha lil binha?” [1Slat:17:21] U mtedd tliet darbiet fuq it-tifel, u sejjaħ lill-Mulej u qal: 'Mulej, Alla tiegħi, ħalli ruħ it-tifel tarġa' lura fih!' [1Slat:17:22] U l-Mulej sama' leħen Elija, u ruħ it-tifel reġgħet lura fih, u ħa l-ħajja. [1Slat:17:23] U Elija qabad it-tifel u niżżlu d-dar mill-għorfa, u tah lil ommu; u Elija qalilha: “Ara, ibnek ħaj.” [1Slat:17:24] U l-mara qalet lil Elija: “Issa naf li int bniedem ta' Alla, u l-kelma tal-Mulej fuq fommok hi s-sewwa.”

18. Elija u Aħab

[1Slat:18:1] U għadda ħafna żmien u l-kelma tal-Mulej waslet lil Elija fit-tielet sena u qallu: “Mur, u ppreżenta ruħek quddiem Aħab, u jien nibgħat ix-xita fuq wiċċ l-art.”

[1Slat:18:2] U Elija mar biex jidher quddiem Aħab. Il-ġuħ kien għafas sewwa fuq is-Samarija, [1Slat:18:3] u Aħab sejjaħ lil Għobadija, li kien jieħu ħsieb il-palazz. Issa Għobadija kien jibża' ħafna mill-Mulej. [1Slat:18:4] Meta Ġeżabel kienet qiegħda teqred il-profeti tal-Mulej, Għobadija qabad mitt profeta u ħbiehom, ħamsin ħamsin, fl-għerien, u kien jipprovdilhom ħobż u ilma.

[1Slat:18:5] Aħab qal lil Għobadija: “Ejja, mur u ara kull għajn ta' l-ilma u kull wied fil-pajjiż; għandna mnejn insibu xi ftit tal-ħdura biex inżommu ħajja ż-żwiemel u l-bgħula, u ma nħallux il-bhejjem imutu.” [1Slat:18:6] U qassmu l-pajjiż bejniethom biex iduruh. Aħab qabad triq għalih waħdu, u Għobadija triq oħra għalih waħdu.

[1Slat:18:7] Ġara li meta Għobadija kien fit-triq, ltaqa' miegħu Elija għal għarrieda. Għarfu, u niżel wiċċu fl-art quddiemu, u qallu: “Int jaqaw sidi Elija?” [1Slat:18:8] U qallu: “Jien hu. Mur għid lil sidek: 'Hawn hu Elija' ”. [1Slat:18:9] U wieġbu: “Xi ħtija għandi biex titlaqni f'idejn Aħab biex joqtolni? [1Slat:18:10] Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek, ma hawnx ġens jew saltna li sidi ma bagħatx għandhom ifittxuk, u lkoll qalulu: 'M'hux hawn'. U kien iġiegħel lil dik is-saltna jew ġens jaħlef, li ma kinux sabuk. [1Slat:18:11] U issa int tigi tgħidli: 'Mur għand sidek u għidlu: 'Hawn hu Elija'. [1Slat:18:12] U mbagħad jiġri li jien nitlaq minn ħdejk, u l-ispirtu tal-Mulej iġorrok lejn ma nafx fejn; u jien immur ngħarraf lil Aħab, u ma jsibekx, u joqtolni. Kun af li l-qaddej tiegħek dejjem kien jibża' mill-Mulej sa minn żgħożiti. [1Slat:18:13] Jaqaw ma għarrfux lil sidi x'kont għamilt meta Ġeżabel kienet toqtol il-profeti tal-Mulej? Kemm ħbejt mill-profeti tal-Mulej, mitt ruħ, ħamsin ħamsin, fl-għerien, u kont nipprovdilhom ħobż u ilma! [1Slat:18:14] U issa int qiegħed tgħidli: 'Mur għid lil sidek: Hawn hu Elija', biex imbagħad joqtolni.”

[1Slat:18:15] U Elija wieġbu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej ta' l-eżerċti, li jien qiegħed inservi quddiemu, li llum stess nidher quddiemu.”

[1Slat:18:16] U Għobadija mar jiltaqa' ma' Aħab u tah l-aħbar. U Aħab mar jiltaqa' ma' Elija. [1Slat:18:17] U ġara li malli Aħab ra lil Elija, Aħab qallu: “Int hawn, int li qiegħed taqleb lil Iżrael ta' taħt fuq?” [1Slat:18:18] U hu wieġbu: “Le, m'hux jien li qiegħed naqleb lil Iżrael ta' taħt fuq, imma int u dar missierek, għax intom tlaqtu l-kmandamenti tal-Mulej u mortu wara l-Bagħlim. [1Slat:18:19] U issa ibgħat u iġborli lil Iżrael kollu fuq il-muntanja tal-Karmel u l-erba' mija u ħamsin profeta ta' Bagħal u l-erba' mija ta' l-Asera, li jieklu mill-mejda ta' Ġeżabel.” [1Slat:18:20] U Aħab bagħat messaġġiera ma' Iżrael kollu, u ġabar il-profeti fuq il-Karmel.

[1Slat:18:21] Elija resaq lejn il-poplu kollu, u qalilhom: “Kemm se ddumu titlajjaw minn naħa għal oħra? Jekk il-Mulej hu Alla, morru warajh; inkella morru wara Bagħal, jekk inhu hu.” Il-poplu ma għarafx iwieġeb. [1Slat:18:22] Elija qal lill-poplu: “Mill-profeti tal-Mulej bqajt jiena waħdi; u l-profeti ta' Bagħal ilaħħqu ma' l-erba' mija u ħamsin wieħed. [1Slat:18:23] Agħtuna żewġ gniedes; ħallu 'l dawn jagħżlu gendus għalihom u jqattgħuh bċejjeċ, u jqegħduh fuq il-ħatab bla ma jkebbsu n-nar. U jiena nħejji l-gendus l-ieħor u nqiegħdu fuq il-ħatab bla ma nkebbes in-nar. [1Slat:18:24] Intom sejjħu l-alla tagħkom, u jiena nsejjaħ isem il-Mulej. Dak l-alla li jwieġeb permezz tan-nar, dan ikun hu Alla.” “Sewwa!” wieġeb il-poplu kollu. [1Slat:18:25] Mbagħad Elija qal lill-profeti ta' Bagħal: “Agħżlu l-gendus, u ibdew intom, għaliex intom l-iktar fil-għadd. Intom sejjħu isem l-allat tagħkom bla ma tqabbdu n-nar.” [1Slat:18:26] Huma ħadu l-gendus li tawhom, ħejjewh, u bdew mis-sbiħ sa nofsinhar isejjħu isem Bagħal u jgħajjtu: “Bagħal, weġibna!” Iżda ebda kelma ma kien hemm, u ebda tweġiba; u baqgħu jaqbżu quddiem l-artal li kienu għamlu. [1Slat:18:27] F'nofsinhar Elija beda jiddieħak bihom u jgħidilhom: “Għajjtu b'leħen ogħla, għax tassew hu alla: għandu mnejn jinsab imħasseb, jew imħabbat, jew imsiefer; inkella rieqed, ħa jistenbaħ.” [1Slat:18:28] U bdew jgħajjtu b'leħen ogħla, u jqattgħu ġisimhom, skond id-drawwa tagħhom, bi sjuf u skieken, sa ma beda jċarċar id-demm fuqhom. [1Slat:18:29] Għadda nofsinhar, u baqgħu mitlufa sa ma wasal il-ħin ta' l-offerta tal-vittma, iżda ma kien hemm ebda kelma, ebda tweġiba, ebda widen.

[1Slat:18:30] Elija qal lill-poplu kollu: “Ersqu lejja.” U l-poplu kollu resaq lejh. U hu raġa’ waqqaf l-artal tal-Mulej li kien iġġarraf. [1Slat:18:31] Elija ħa tnax-il ġebla, skond l-għadd tat-tribujiet ta' wlied Ġakobb, li lilu l-Mulej kien qallu: “Iżrael ikun ismek.” [1Slat:18:32] U b'dan il-ġebel bena artal għal isem il-Mulej, ħaffer madwaru gandott jesa' daqs żewġ sigħan żerriegħa, [1Slat:18:33] qiegħed sewwa l-ħatab, qatta' l-gendus, u qiegħdu fuq il-ħatab. Mbagħad qalilhom: “Imlew erba' ġarar ilma, u ferrgħuhom fuq il-vittma u fuq il-ħatab.” [1Slat:18:34] “Erġgħu għat-tieni darba,” qalilhom; u reġgħu għat-tieni darba. “Erġgħu għat-tielet darba,” raġa’ qalilhom; u reġgħu għat-tielet darba. [1Slat:18:35] L-ilma tferrex madwar l-artal, u l-gandott ta' madwaru mtela bl-ilma. [1Slat:18:36] Fil-ħin li joffru s-sagrifiċċju, il-profeta Elija ħareġ fin-nofs u għajjat: “Mulej, Alla ta' Abraham, ta' Iżakk u ta' Iżrael, uri llum li inti Alla fost Iżrael, u li jiena l-qaddej tiegħek, u li dan kollu għamiltu għall-kelma tiegħek. [1Slat:18:37] Weġibni, Mulej, weġibni, ħalli jkun jaf dan il-poplu li int, Mulej, int Alla, u li int dawwartilhom qalbhom lura!” [1Slat:18:38] U niżel nar mingħand il-Mulej, u ħaraq il-vittma, u l-ħatab, u l-ġebel, u t-trab, sa ma xorob l-ilma fil-gandott. [1Slat:18:39] U dan rah il-poplu kollu, u nxteħtu wiċċhom fl-art jistqarru: “Jahweh, Alla hu! Jahweh, Alla hu!” [1Slat:18:40] U Elija qalilhom: “Aqbdu l-profeti ta' Bagħal, tħallu 'l ħadd minnhom jeħles.” U qabduhom, u Elija niżżilhom fil-wied ta' Kison, u qatilhom hemm.

[1Slat:18:41] Mbagħad Elija qal lil Aħab: “Itla', kul u ixrob, għaliex qiegħed jinstema' ħoss kbir ta' xita.” [1Slat:18:42] Aħab tala' jiekol u jixrob. U Elija tala' fuq il-quċċata tal-Karmel, nxteħet fl-art, u qiegħed wiċċu bejn irkubbtejh. [1Slat:18:43] U qal lill-qaddej tiegħu: “Itla', u ħares lejn in-naħa tal-baħar.” Dak tala', ħares, u qal: “Ma hemm xejn.” Qallu: “Erġa’ mur seba' darbiet.” [1Slat:18:44] U l-qaddej tala' seba' darbiet. Mas-seba' darba qabad jgħajjat: “Ara, hemm sħaba daqs keffa ta' id ta' raġel, tielgħa mill-baħar.” Qallu Elija: “Mur għidlu lil Aħab: 'Arma l-karru u inżel, qabel ma tilħqek ix-xita'.” [1Slat:18:45] Malli dan, is-sema swied, qam ir-riħ, u bdiet nieżla xita kbira. Aħab rikeb u telaq lejn Ġeżragħel. [1Slat:18:46] U id il-Mulej niżlet fuq Elija, u dan ħażżem qaddu, u mar jiġri jilħaq lil Aħab sa fejn jibda Ġeżragħel.

19. Elija jaħrab lejn il-Ħoreb

[1Slat:19:1] Aħab għarraf lil Ġeżabel b'kull ma kien għamel Elija, u kif qatel lill-profeti kollha bix-xabla. [1Slat:19:2] U Ġeżabel bagħtet messaġġier lil Elija jgħidlu: “Dan jagħmluli l-allat u iżjed minn hekk, jekk għada bħalissa ma nkunx għamilt minn ħajtek kull ma sar mill-ħajja ta' kull wieħed minnhom.” [1Slat:19:3] U baża', u qabad u telaq biex isalva ħajtu, u mar Birsaba li hemm f'Ġuda, u ħalla l-qaddej tiegħu hemm. [1Slat:19:4] Il-profeta rħielha lejn id-deżert. Wara jum mixi waqaf, nxteħet taħt siġra tal-ġummar, talab li jmut, u qal: “Issa biżżejjed, Mulej; ħudli 'l ħajti, għax m'iniex aħjar minn missirijieti!” [1Slat:19:5] U mtedd għad-dell tal-ġummara, u raqad. Kif kien rieqed messu anġlu, u qallu: “Qum u kul!” [1Slat:19:6] Elija dawwar wiċċu, u lemaħ ħdejn rasu ftira moħmija u ġarra ilma; kiel u xorob, u raġa’ mtedd. [1Slat:19:7] Għat-tieni darba ġie l-anġlu tal-Mulej, u raġa’ messu u qallu: “Qum u kul, inkella ma tkunx tiflaħ għall-mixja li fadallek.” [1Slat:19:8] Elija qam, kiel u xorob, u bis-saħħa ta' dak l-ikel baqa' miexi għal erbgħin jum u erbgħin lejl sa ma wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej. [1Slat:19:9] Hemmhekk daħal fl-għar u għadda l-lejl ġo fih. U waslitlu l-kelma tal-Mulej u qallu: “Hawn x'inti tagħmel, Elija?” [1Slat:19:10] U hu wieġeb: “Għandi qalbi tħeġġeġ għall-aħħar għall-Mulej, Alla ta' l-eżerċti, għaliex ulied Iżrael ħallew il-patt tiegħek, farrku l-artali tiegħek, u 'l-profeti tiegħek qatluhom bix-xabla. Jien waħdi bqajt, u qegħdin ifittxu jneħħuli ħajti.” [1Slat:19:11] U Alla wieġbu: “Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej.” U hemm hu, jgħaddi l-Mulej; riħ qawwi, b'saħħa li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej; imma l-Mulej ma kienx f'dan ir-riħ. U wara dan ir-riħ theżhżet l-art imma l-Mulej ma kienx f'din it-theżhiża. [1Slat:19:12] U wara t-theżhiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħasset żiffa ħelwa. [1Slat:19:13] Elija, kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra, u waqaf f'bieb il-għar. U fil-ħin jisma' leħen jgħidlu: “X'inti tagħmel hawn, Elija?” [1Slat:19:14] U hu wieġeb: “Għandi qalbi tħeġġeġ għall-aħħar għall-Mulej, Alla ta' l-eżerċti, għaliex ulied Iżrael ħallew il-patt tiegħek, farrku l-artali tiegħek, u 'l-profeti tiegħek qatluhom bix-xabla. Jien waħdi bqajt, u qegħdin ifittxu jneħħuli ħajti.” [1Slat:19:15] Il-Mulej qal lil Elija: “Itlaq u erġa’ aqbad triqtek lejn id-deżert ta' Damasku. U malli tasal, idlek lil Ħażajel bħala sultan ta' Aram; [1Slat:19:16] hekk ukoll lil Ġeħu bin Nimsi, idilku sultan ta' Iżrael; u lil Eliżew bin Safat, ta' Abel-meħola, idilku profeta flokok. [1Slat:19:17] Jekk xi ħadd jeħles mix-xabla ta' Ħażajel, joqtlu Ġeħu; u jekk xi ħadd jeħles mix-xabla ta' Ġeħu, joqtlu Eliżew. [1Slat:19:18] Jiena nħalli f'Iżrael sebat elef, jiġifieri dawk kollha li ma niżlux għarkubbtejhom quddiem Bagħal, u dawk kollha li ma bisuhx b'xufftejhom.”

[1Slat:19:19] Elija telaq minn hemm u sab lil Eliżew bin Safat, waqt li kien qiegħed jaħrat bi tnax-il żewġ gniedes quddiemu; u hu kien qiegħed imexxi t-tnax-il wieħed. Resaq lejh Elija, u xeħet fuqu l-mantell tiegħu. [1Slat:19:20] Dan ħalla l-gniedes u mar jiġri wara Elija jgħidlu: “Ħallini mmur insellem lil missieri u 'l ommi, mbagħad niġi warajk.” “Mur,” qallu Elija, “u erġa’ ejja; għaliex x'għamiltlek jiena?” [1Slat:19:21] Eliżew tbiegħed minnu, qabad żewġ gniedes, qatilhom u offriehom sagrifiċċju. U bl-għodda tal-ħrit sajjar il-laħam, qassmu lin-nies, u kielu. U hu mar wara Elija, u beda jservih.

20. Aħab u Benħadad ( 857 – 856 QK )

[1Slat:20:1] Benħadad, sultan ta' Aram, ġabar l-eżerċtu kollu tiegħu; kellu miegħu tnejn u tletin sultan, u żwiemel u karrijiet, u tala', u dawwar Samarija, u ħabat għaliha. [1Slat:20:2] U bagħat messaġġiera fil-belt għand Aħab, sultan ta' Iżrael, [1Slat:20:3] u qallu: “Dan jgħid Benħadad: 'Il-fidda u d-deheb tiegħek tiegħi huma, u hekk ukoll in-nisa tiegħek u l-aħjar fost uliedek huma tiegħi.' [1Slat:20:4] U s-sultan ta' Iżrael wieġeb u qallu: “Iva, kif tgħid int, sultan sidi; tiegħek jien, u kull ma għandi.” [1Slat:20:5] Imma l-messaġġiera reġgħu ġew u qalulu: “Dan jgħid Benħadad: 'Jien bgħatt ngħidlek: il-fidda u d-deheb tiegħek, u wliedek u n-nisa tiegħek, tagħtihom lili. [1Slat:20:6] Mela għada bħalissa nibgħat il-qaddejja tiegħi għandek, u jfittxulek darek u djar il-qaddejja tiegħek, u kull ma jogħġobhom, jaqbduh f'idejhom u jeħduh.' ”

[1Slat:20:7] U s-sultan ta' Iżrael sejjaħ l-anzjani kollha tal-pajjiż u qalilhom: “Kunu afu u araw li dan qiegħed ifittxilna l-ħsara. Bagħat għandi għan-nisa tiegħi u għal uliedi, għall-fidda u d-deheb tiegħi, u jien ma ċaħħadtux minnhom.” [1Slat:20:8] U x-xjuħ u l-poplu qalulu lkoll: “La tismax minnu, u toqgħodx għalih.”

[1Slat:20:9] U qal lill-messaġġiera ta' Benħadad: “Għidlu lis-sultan sidi: 'Kull ma bgħatt titlob lill-qaddej tiegħek qabel, nagħmlu; imma dan ma nistax nagħmlu.' ” U l-messaġġiera marru, u tawh ir-risposta.

[1Slat:20:10] U Benħadad bagħat jgħidlu: “Dan jagħmluli l-allat u iżjed, jekk it-trab tas-Samarija jkun biżżejjed biex kull wieħed mill-kotra li għandi warajja jieħu qabda ta' id.” [1Slat:20:11] U s-sultan ta' Iżrael wieġeb u qallu: “Għidulu: 'Qis li min ixidd l-armi, ma jiftaħarx bħal min ineħħihom minn fuqu.’ ”

[1Slat:20:12] Ġara li malli Benħadad sama' dan il-kliem kif kien qiegħed jixrob, hu u s-slaten, fl-għerejjex, ordna lill-qaddejja tiegħu: “Tqassmu.” U tqassmu madwar il-belt.

[1Slat:20:13] U ara, wieħed profeta resaq lejn Aħab, is-sultan ta' Iżrael, u qallu: “Dan jgħid il-Mulej: 'Qiegħed tara int din il-kotra kbira? Arani llum se nerħihielek f'idejk, u tkun taf li jien il-Mulej.” [1Slat:20:14] U Aħab staqsieh: “Permezz ta' min?” U hu wieġbu: “Dan jgħid il-Mulej; permezz taż-żgħażagħ tal-kapijiet tal-provinċji.” Aħab issokta jistaqsi: “Min jibda t-taqbida?” U dak wieġeb: “Inti.”

[1Slat:20:15] U Aħab, mbagħad, għadd iż-żgħażagħ tal-kapijiet tal-provinċji, u kien hemm mitejn u tnejn u tletin; mbagħad għadd il-kotra kollha ta' wlied Iżrael li kienu sebat elef. [1Slat:20:16] U ħarġu f'nofsinhar meta Benħadad kien qiegħed jixrob u jisker fl-għarix flimkien mat-tnejn u tletin sultan li kienu marru jgħinuh. [1Slat:20:17] Ħarġu l-ewwel iż-żgħażagħ tal-kapijiet tal-provinċji; u Benħadad bagħat jitkixxef, u għarrfuh u qalulu: “Ħarġu xi nies mis-Samarija.”

[1Slat:20:18] U hu wieġeb: “Jekk ħarġu għall-paċi aqbduhom ħajjin; u jekk ħarġu għall-ġlied aqbduhom ħajjin l-istess.” [1Slat:20:19] U dawk ħarġu mill-belt - iż-żgħażagħ tal-kapijiet tal-provinċji bl-eżerċtu warajhom. [1Slat:20:20] U kull wieħed minnhom darab lil ta' quddiemu; u l-Aramin ħarbu u l-Iżraelin għamlu għal warajhom; u Benħadad, is-sultan ta' Aram, ħarab fuq iż-żiemel flimkien mar-rikkieba. [1Slat:20:21] U ħareġ is-sultan ta' Iżrael u ħabat għaż-żwiemel u l-karrijiet, u ta xebgħa kbira lill-Aramin.

[1Slat:20:22] U resaq lejn is-sultan ta' Iżrael il-profeta, u qallu: “Mur u arma ruħek; fittex u ara x'għandek tagħmel, għaliex la tasal sena oħra, is-sultan ta' Aram jerġa’ jitla' għalik.”

Rebħa oħra fuq Benħadad

[1Slat:20:23] Il-qaddejja tas-sultan ta' Aram qalulu: “L-allat tagħhom huma allat tal-muntanji, għalhekk huma għelbuna. Jekk aħna naħbtu għalihom fil-wita, negħlbuhom żgur. [1Slat:20:24] Issa agħmel hekk: neħħi s-slaten kull wieħed minn postu, u qiegħed flokhom fizzjali. [1Slat:20:25] U rawwem eżerċtu daqs l-eżerċtu li tlift, żiemel b'żiemel, u karru b'karru, mbagħad naħbtu għalihom fil-wita, u negħlbuhom żgur.” U sama' minn kliemhom, u għamel hekk.

[1Slat:20:26] Ġara li malli għaddiet sena Benħadad għadd l-Aramin u tala' Afek biex jaħbat għal Iżrael. [1Slat:20:27] U wlied Iżrael kienu magħduda u armati u ħarġu għalihom; u waqqfu l-kamp quddiemhom bħal żewġ imrieħel mogħoż, imma l-Aramin kienu jimlew l-art.

[1Slat:20:28] U bniedem ta' Alla resaq u qal lis-sultan ta' Iżrael: “Dan jgħid il-Mulej: 'Talli l-Aramin qalu: Alla tal-muntanji hu l-Mulej, u mhux alla tal-widien, jien nerħi f'idejk din il-kotra kbira kollha, u tkunu tafu li jien il-Mulej.' ”

[1Slat:20:29] U huma baqgħu fil-kamp quddiem xulxin għal sebat ijiem, u fis-seba' jum qabdet it-taqtigħa; u wlied Iżrael darbu f'jum wieħed mill-Aramin mitt elf raġel mill-fanterija.

[1Slat:20:30] Il-bqija ħarbu lejn Afek fil-belt, u s-sur waqa' fuq is-sebgħa u għoxrin elf ruħ li kien għad fadal. Benħadad ukoll ħarab, u daħal il-belt ifittex jinħeba minn kamra għal oħra. [1Slat:20:31] U l-qaddejja tiegħu qalulu: “Smajna li s-slaten ta' dar Iżrael, slaten ħanina. Ħalli, mela, nxiddu xkejjer ma' ġenbejna, u ħbula ma' għonqna, u noħorġu lejn is-sultan ta' Iżrael; għandu mnejn iħallik tgħix.” [1Slat:20:32] U xiddew xkejjer ma' ġenbejhom, u ħbula ma' għonqhom, u marru għand is-sultan ta' Iżrael u qalulu: “Il-qaddej tiegħek Benħadad jgħid: 'Iddew! Ħallini ngħix!’ ” U hu wieġeb: “Għadu ħaj? Huwa ħija.” [1Slat:20:33] Dawn in-nies ħaduha b'sinjal tajjeb, u fittxew ħatfuh fil-kelma u qalulu: “Benħadad ħuk?” U Aħab qalilhom: “Morru ġibuh.” Mbagħad Benħadad ħareġ jiltaqa' miegħu; Aħab tellgħu fuq il-karru. [1Slat:20:34] U Benħadad qallu: “Jien inroddlok lura l-ibliet li missieri kien ħa lil missierek, u int tiftaħ swieq f'Damasku, bħalma kien fetaħ missieri f'Samarija.” U Aħab wieġbu: “U jien inħallik tmur b'dan il-patt.” U għamel patt miegħu u ħallieh imur.

[1Slat:20:35] U wieħed minn ulied il-profeti, b'ordni tal-Mulej, qal lil wieħed minn sħabu: “Idrobni, nitolbok.” Imma dak ma riedx jidorbu. [1Slat:20:36] U qallu: “Talli int ma smajtx il-kelma tal-Mulej, ara, int u titbiegħed minni jidorbok l-iljun.” U warrab minn ħdejh, u sabu l-iljun, u dan ħabat għalih u qatlu.

[1Slat:20:37] U sab raġel ieħor u qallu: “Idrobni.” U r-raġel darbu u ferieh. [1Slat:20:38] U l-profeta mar jistenna s-sultan fit-triq, bla ma wera ruħu min hu billi għatta għajnejh b'faxxa. [1Slat:20:39] U kif kien għaddej is-sultan, hu beda jgħajjat lis-sultan, u jgħid: “Il-qaddej tiegħek ħareġ f'nofs it-taqbida, u, ara, wieħed raġel warrab u ġiebli wieħed, u qalli: “Ħu ħsieb dan ir-raġel. Jekk jirnexxilu jaħrab, ikollok tħallas ħajtu b'ħajtek, jew b'talent tal-fidda. [1Slat:20:40] U kif kien il-qaddej tiegħek ħsiebu 'l hemm u 'l hawn, dak ħarab.” U s-sultan ta' Iżrael qallu: “Din hi s-sentenza! Int stess qtajtha.” [1Slat:20:41] U l-profeta malajr neħħa l-faxxa minn fuq għajnejh, u s-sultan ta' Iżrael induna li kien wieħed mill-profeti. [1Slat:20:42] U dan qallu: “Dan jgħid il-Mulej: 'Talli int ħallejt jitlaq minn idejk bniedem li jien kont sħett, ħajtek se tagħmel tajjeb għalih, u l-poplu tiegħek għall-poplu tiegħu.' ”

[1Slat:20:43] U s-sultan ta' Iżrael telaq lejn daru qalbu sewda u inkurlat, u daħal f'Samarija.

21. Aħab u Nabot

[1Slat:21:1] Wara dan ġara li Nabot, raġel minn Ġeżragħel, kellu għalqa tad-dwieli f'Ġeżragħel ħdejn il-palazz ta' Aħab, sultan ta' Samarija. [1Slat:21:2] U Aħab qal lil Nabot: “Agħtini l-għalqa tiegħek tad-dwieli biex nagħmel minnha ġnien tal-ħxejjex billi qiegħda maġenb dari. Flokha nagħtik għalqa oħra tad-dwieli aħjar minnha; jew, jekk jidhirlek li jkun aħjar, nagħtik flus b'kemm tiswa.” [1Slat:21:3] Iżda Nabot wieġeb lil Aħab: “Iħarisni l-Mulej milli qatt nagħtik wirt missirijieti!”

[1Slat:21:4] Aħab mar id-dar bil-buli u b'dagħdigħa fuqu minħabba fil-kliem li Nabot, il-Ġeżragħeli, kien qallu: “Ma nagħtikx wirt missirijieti.” Mar jimtedd f'soddtu, dawwar wiċċu u ma kiel xejn. [1Slat:21:5] Resqet lejh martu Ġeżabel, u staqsietu: “Għala inti bil-buli, u ma trid tiekol xejn?” [1Slat:21:6] U hu wieġeb: “Jien kellimt lil Nabot, il-Ġeżragħeli, u għedtlu: 'Agħtini l-għalqa tiegħek tad-dwieli bil-flus kemm tiswa; jew, jekk jidhirlek li jkun aħjar, nagħtik għalqa oħra tad-dwieli flokha.” U hu wieġeb: “Ma nagħtikx l-għalqa tiegħi tad-dwieli.” [1Slat:21:7] U martu Ġeżabel qaltlu: “Issa int tridha ta' sultan fuq Iżrael? Qum, hu xi ħaġa ta' l-ikel, u tieħu r-ruħ. Jiena nagħtihielek l-għalqa tad-dwieli ta' Nabot, il-Ġeżragħeli.”

[1Slat:21:8] U kitbet ittra f'isem Aħab, u ssiġillatha bis-siġill tiegħu; u l-ittra bagħtitha lix-xjuħ u lill-kbarat li kienu jgħammru ma' Nabot fil-belt tiegħu. [1Slat:21:9] U fl-ittra kitbet, u qalet: “Niedu sawma, u qiegħdu lil Nabot f'ras il-kotra. [1Slat:21:10] U qiegħdu tnejn min-nies ta' qattagħni biswitu biex jixhdu kontrieh, u jgħidulu: 'Dgħajt b'Alla u bis-sultan,' u mbagħad oħorġuh, u ħaġġruh sa ma jmut.”

[1Slat:21:11] In-nies tal-belt tiegħu, ix-xjuħ u l-kbarat li kienu jgħammru fil-belt tiegħu, għamlu kif bagħtet tgħidilhom fl-ittra Ġeżabel. [1Slat:21:12] Nidew sawma, u qiegħdu 'l Nabot f'ras il-poplu. [1Slat:21:13] U ġew tnejn min-nies mill-agħar, u poġġew quddiemu; mbagħad dawn in-nies mill-agħar xlew lil Nabot quddiem il-poplu b'dan il-kliem: “Nabot seħet lil Alla u lis-sultan.” Ħarġuh barra mill-belt, ħaġġruh, u miet. [1Slat:21:14] Malli dan, bagħtu jgħidu lil Ġeżabel: “Nabot ġie mħaġġar u miet.” [1Slat:21:15] Meta Ġeżabel semgħet li Nabot ħaġġruh u miet, marret tgħid lil Aħab: “Qum u ħu l-għalqa tad-dwieli ta' Nabot, il-Ġeżragħeli, li ma riedx jagħtihielek bil-flus! Nabot ma għadux ħaj: miet!” [1Slat:21:16] Malli Aħab sama' li Nabot miet, qam u niżel jieħu f'idejh l-għalqa tad-dwieli ta' Nabot il-Ġeżragħeli.

[1Slat:21:17] Il-Mulej kellem lil Elija, it-Tisbi, u qallu: [1Slat:21:18] “Qum, inżel għand Aħab, is-sultan ta' Iżrael, li jgħammar f'Samarija. Issibu fl-għalqa tad-dwieli ta' Nabot, fejn niżel biex jeħodha f'idejh. [1Slat:21:19] U għidlu dan: 'Hekk jgħid il-Mulej: L-ewwel qtilt, u issa tisraq! U żid għidlu: 'Hekk jgħid il-Mulej: Fejn il-klieb lagħqu demm Nabot, hemm il-klieb jilagħqu demmek ukoll.” [1Slat:21:20] U wieġeb Aħab lil Elija: “Qbadtni, ja għadu tiegħi?” “Qbadtek,” qallu, “u la darba int begħt ruħek biex tagħmel il-ħażin quddiem il-Mulej, [1Slat:21:21] arani jien issa se nġib fuqek il-ħsara; jien neqred nislek warajk, nqaċċat mid-dar ta' Aħab l-irġiel kollha, hielsa jew ilsiera, f'Iżrael. [1Slat:21:22] U nagħmel mill-familja tiegħek bħall-familja ta' Ġerobogħam bin Nebat, u bħall-familja ta' Bagħsa bin Aħija, għax inti għaddabtni u waqqajt lil Iżrael fid-dnub.’ [1Slat:21:23] Il-Mulej tkellem ukoll għal Ġeżabel u qal: 'Fuq is-swar ta' Ġeżragħel lil Ġeżabel għad jikluha l-klieb.' [1Slat:21:24] Kull min mill-familja ta' Aħab imut fil-belt, jikluh il-klieb; u min imut fir-raba' jikluh it-tajr ta' l-ajru.”

[1Slat:21:25] U tassew, qatt ħadd bħal Aħab ma nbiegħ biex jagħmel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, billi martu Ġeżabel kienet issus warajh. [1Slat:21:26] U l-qżież kollu li għamel billi mar wara l-idoli, bħalma għamlu l-Amurrin, li Alla kien keċċa minn quddiem ulied Iżrael.

[1Slat:21:27] Aħab, malli sama' dan il-kliem, ċarrat ħwejġu, libes xkora fuq il-laħam, sam, beda jorqod bl-ixkora fuqu, u kien jgħaddi ħiemed ħiemed. [1Slat:21:28] U Alla kellem lil Elija, it-Tisbi, u qallu: [1Slat:21:29] “Rajt kif Aħab iċċekken quddiemi? Għax iċċekken quddiemi, ma nġibx fuqu l-ħsara fi żmienu; imma fi żmien ibnu nġibha l-ħsara fuq il-familja tiegħu.”

22. Ftehim bejn Aħab u Ġosafat

[1Slat:22:1] Għaddew tliet snin u ma kien hemm ebda gwerra bejn Iżrael u Aram. [1Slat:22:2] Fit-tielet sena Ġosafat, sultan ta' Ġuda, niżel għand is-sultan ta' Iżrael. [1Slat:22:3] U s-sultan ta' Iżrael qal lill-qaddejja tiegħu: “Ma tafux li Ramot-gilgħad hi tagħna, u aħna bi kwietna, għax ma naqbdux u neħduha minn idejn is-sultan ta' Aram?” [1Slat:22:4] U qal lil Ġosafat: “Tigi miegħi u naħbtu għal Ramot-gilgħad?” Ġosafat wieġeb lis-sultan ta' Iżrael: “Lili qisni int; lill-poplu tiegħi qisu l-poplu tiegħek, iż-żwiemel tiegħi qishom iż-żwiemel tiegħek.” [1Slat:22:5] U Ġosafat qal lis-sultan ta' Iżrael: “Ħa nistħarrġu issa l-kelma tal-Mulej.”

[1Slat:22:6] U s-sultan ta' Iżrael ġabar il-profeti, erba' mitt wieħed, u staqsiehom: “Immur naħbat għal Ramot-gilgħad jew nibqa' hawn?” U huma wieġbu: “Itla', u jerħiha s-Sid f'idejn is-sultan.”

[1Slat:22:7] U Ġosafat qal: “Ma għadx baqa' xi profeta tal-Mulej, biex nistaqsu lilu.” [1Slat:22:8] U s-sultan ta' Iżrael wieġeb lil Ġosafat: “Għad fadal ieħor biex nistaqsu lill-Mulej permezz tiegħu. Imma jien nobogħdu għax qatt ma jħabbarli r-riżq, imma dejjem id-deni. Dan hu Mikajja bin Imla.” U Ġosafat wieġeb: “Ma għandux jgħid hekk is-sultan.”

[1Slat:22:9] U s-sultan ta' Iżrael sejjaħ lil wieħed mill-uffiċjali u qallu: “Ġib malajr lil Mikajja bin Imla.”

[1Slat:22:10] Is-sultan ta' Iżrael u Ġosafat, sultan ta' Ġuda, kienu qegħdin bilqiegħda kull wieħed fuq it-tron tiegħu, it-tnejn libsin gala, fil-misraħ quddiem id-daħla tal-bieb ta' Samarija, u l-profeti kollha kienu jħabbru quddiemhom.

[1Slat:22:11] U Sedekija bin Kengħana għamel qrun tal-ħadid u qal: “Dan jgħid il-Mulej: 'B'dawn tidrob lil Aram sa ma ġġibhom fix-xejn.' ” [1Slat:22:12] U l-profeti lkoll bdew iħabbru l-istess u jgħidu: “Itla' għal Ramot-gilgħad, u r-riżq miegħek; għax il-Mulej jerħiha f'idejn is-sultan.”

[1Slat:22:13] Il-messaġġier, li mar isejjaħ lil Mikajja, kellmu u qallu: “Ara, il-profeti lkoll kelma waħda jħabbru r-riżq tas-sultan. Tkun mela l-kelma tiegħek bħall-kelma ta' kull wieħed minnhom, u ħabbar ir-riżq.” [1Slat:22:14] U Mikajja wieġeb: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, dak li jgħidli l-Mulej ngħidħulu.”

[1Slat:22:15] U wasal għand is-sultan u s-sultan qallu: “Mikajja, immur naħbat għal Ramot-gilgħad, jew nibqgħu hawn?” U hu wieġbu: “Itla', u r-riżq miegħek, il-Mulej jerħiha f'idejn is-sultan.” [1Slat:22:16] U s-sultan qallu: “Kemm-il darba għandi nġagħlek taħlef jien, biex ma tgħidlix ħlief is-sewwa f'isem il-Mulej?” [1Slat:22:17] U l-profeta wieġeb: “Rajt lil Iżrael kollu mxerred fuq il-muntanji bħan-nagħaġ bla ragħaj, u l-Mulej qal: 'Ma għandhomx sidien dawn: ħa jerġgħu bis-sliem kulħadd għal daru!”

[1Slat:22:18] U s-sultan ta' Iżrael qal lil Ġosafat: “Ma għedtlikx jien, li m'hux se jħabbarli r-riżq imma d-deni?”

[1Slat:22:19] Imma l-profeta qal: “Mela isma' l-kelma tal-Mulej: 'Jien rajt lill-Mulej bilqiegħda fuq it-tron tiegħu, u l-eżerċti kollha tas-sema qegħdin fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħu. [1Slat:22:20] U l-Mulej qal: 'Min se jqarraq b'Aħab biex jitla', u jibqa' mejjet f'Ramot-gilgħad?' U min wieġeb ħaġa, u min oħra. [1Slat:22:21] Mbagħad ħareġ spirtu u ppreżenta ruħu quddiem il-Mulej, u qallu: 'Jiena nqarraq bih.' U l-Mulej staqsieh: 'Biex?' [1Slat:22:22] U dak wieġeb: 'Jien noħroġ u nkun l-ispirtu tal-gideb fuq fomm il-profeti tiegħu kollha.' U wieġbu: 'Int tqarraq bih u tirbaħ żgur, mur u agħmel hekk.' [1Slat:22:23] U issa, ara, il-Mulej qiegħed l-ispirtu tal-gideb fuq fomm dawn il-profeti kollha tiegħek, u l-Mulej qatagħha li jibgħatlek id-deni.”

[1Slat:22:24] U resaq Sedekija bin Kengħana, u ta daqqa ta' ħarta lil Mikajja u qallu: “Kif inhi din li l-ispirtu tal-Mulej għadda mingħandi biex ikellem lilek?” [1Slat:22:25] “U wieġbu Mikajja: “Għad tarah int stess dak in-nhar li tibda tiġri minn kamra għal oħra tfittex tistaħba.” [1Slat:22:26] U s-sultan ta' Iżrael qal: “Aqbad lil Mikajja, u ħudu għand Amon, prinċep tal-belt, u Ġowas, bin is-sultan, [1Slat:22:27] u għidilhom: 'Dan jordna s-sultan: Ixħtu lil dan fil-ħabs, u itimgħuh bi ftit ħobż u ilma, sakemm nerġa’ lura bis-sliem.' ” [1Slat:22:28] U Mikajja qal: “Jekk int terġa’ lura bis-sliem, ma jkunx tkellem il-Mulej bija.” U ssokta: “Isimgħu, lkoll kemm intom, ġnus!”

[1Slat:22:29] U s-sultan ta' Iżrael u Ġosafat, sultan ta' Ġuda, telgħu għal Ramot-gilgħad. [1Slat:22:30] U s-sultan ta' Iżrael qal lil Ġosafat: “Se nbiddel ħwejġi qabel ma niġi għall-battalja; iżda inti ibqa' bi ħwejġek.” U s-sultan ta' Iżrael biddel ħwejġu, u mar għall-battalja.

[1Slat:22:31] U s-sultan ta' Aram ordna lit-tnejn u tletin fizzjal tal-karrijiet tiegħu, u qalilhom: “Titqabdux maż-żgħir u l-kbir, imma fittxu lis-sultan ta' Iżrael biss.” [1Slat:22:32] U ġara li malli l-fizzjali tal-karrijiet lemħu lil Ġosafat qalu: “Dak hu s-sultan ta' Iżrael.” U daru biex jaħbtu għalih; imma Ġosafat beda jgħajjat. [1Slat:22:33] Xħin il-fizzjali tal-karrijiet raw li ma kienx is-sultan ta' Iżrael, reġgħu lura minnu.

[1Slat:22:34] U wieħed ġibed il-qaws bl-addoċċ, u laqat is-sultan ta' Iżrael bejn il-malji u l-kurazza. U dan qal lis-sewwieq tal-karru: “Dawwar idejk u oħroġni 'l barra mill-kamp għax qiegħed inħossni ħażin.” [1Slat:22:35] U dakinhar il-battalja ħraxet, u s-sultan żammewh wieqaf fuq il-karru tiegħu biswit Aram il-jum kollu, u miet fil-għaxija, u d-demm tal-ferita baqa' jċarċar mal-karru. [1Slat:22:36] Hi u nieżla x-xemx, ġriet għajta mal-kamp kollu: “Kulħadd lejn beltu, u kulħadd għal pajjiżu.”

[1Slat:22:37] U s-sultan miet. Mbagħad marru s-Samarija, u difnu lis-sultan f'Samarija. [1Slat:22:38] Ħaslu l-karru fl-għadira tas-Samarija, u l-klieb lagħqu demmu; u nħaslu fiha n-nisa żienja, skond ma kien tkellem il-Mulej.

[1Slat:22:39] U l-bqija tal-ġrajja ta' Aħab u kull ma kien għamel, il-palazz ta' l-avorju li kien tella', u l-bliet kollha li kien bena, kollha huma miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael. [1Slat:22:40] U Aħab strieħ ma' missirijietu, u beda jsaltan floku ibnu Aħażija.

Ġosafat, sultan ta' Ġuda (870-849 QK )

[1Slat:22:41] U Ġosafat bin Asa beda jsaltan fuq Ġuda fir-raba' sena ta' Aħab, sultan ta' Iżrael. [1Slat:22:42] U Ġosafat kellu ħamsa u tletin sena meta beda jsaltan, u saltan f'Ġerusalemm għal ħamsa u għoxrin sena. Ommu kien jisimha Għażuba, bint Silħi. [1Slat:22:43] U mexa għalkollox fit-triq ta' Asa missieru, bla ma tbiegħed xejn minnha; u għamel dak li kien jogħġob lill-Mulej. [1Slat:22:44] Imma ma qeridx is-santwarji, u l-poplu baqa' joffri s-sagrifiċċji u l-inċens fis-santwarji. [1Slat:22:45] Ġosafat kien dejjem fil-paċi mas-sultan ta' Iżrael.

[1Slat:22:46] U l-bqija tal-ġrajja ta' Ġosafat, u r-rebħiet li għamel u l-gwerer li ġġieled, jinsabu miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda. [1Slat:22:47] Qered ukoll mill-pajjiż l-irġiel prostituti tas-santwarji, li kien għad fadal fi żmien Asa, missieru.

[1Slat:22:48] Ma kienx hemm sultan f'Edom, imma kien isaltan reġġent: [1Slat:22:49] għalhekk Ġosafat bena iġfna ta' Tarsis biex imorru f'Ofir ifittxu d-deheb, iżda ma marrux għax l-iġfna tfarrku f'Għeżjon-geber.

[1Slat:22:50] Mbagħad Aħażija bin Aħab qal lil Ġosafat: “Ħa jmorru l-qaddejja tiegħi mal-qaddejja tiegħek fl-iġfien.” Imma Ġosafat ma riedx.

[1Slat:22:51] U Ġosafat strieħ ma' missirijietu, u difnuh ma' missirijietu fil-belt ta' David missieru, u daħal isaltan floku Ġeħoram, ibnu.

Aħażija, sultan ta' Iżrael ( 852-851 QK )

[1Slat:22:52] Aħażija bin Aħab beda jsaltan fuq Iżrael f'Samarija fis-sbatax-il sena ta' Ġosafat, sultan ta' Ġuda, u dam isaltan fuq Iżrael sentejn. [1Slat:22:53] U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, u qabad it-triq ta' missieru, u t-triq ta' ommu, u t-triq ta' Ġerobogħam bin Nebat, li waqqa' lil Iżrael fid-dnub. [1Slat:22:54] U kien jaqdi lil Bagħal u jinżel quddiemu wiċċu fl-art, u għaddab lill-Mulej, Alla ta' Iżrael, bħalma kien jagħmel missieru.