L-EWWEL KTIEB TA’ SAMWEL

1. Il-ġenituri ta' Samwel

[1Sam:1:1] Kien hemm raġel minn Ramatajm-sofim mill-muntanji ta' Efrajm, u kien jismu Elkana bin Ġeroħam, bin Eliħu, bin Toħu, bin Suf minn Efrajm. [1Sam:1:2] U kellu żewġ nisa, waħda jisimha Anna u l-oħra Peninna. Peninna kellha wlied, imma Anna ma kellhiex ulied. [1Sam:1:3] Minn sena għal oħra dan ir-raġel kien jitla' Silo mill-belt tiegħu biex jadura lill-Mulej ta' l-eżerċti u joffrilu sagrifiċċju. Kien hemm iż-żewġ ulied ta' Għeli, Ħofni u Fineħas, qassisin tal-Mulej.

[1Sam:1:4] Ġara li f'jum minnhom, Elkana offra s-sagrifiċċju u ta ishma lil martu Peninna u lis-subjien u l-bniet tagħha lkoll; [1Sam:1:5] imma lil Anna, għalkemm kien iħobbha, taha sehem wieħed biss għax il-Mulej kien għalqilha ġufha. [1Sam:1:6] Il-mara l-oħra kienet tinkiha u tweġġagħha, għax il-Mulej kien għalqilha ġufha. [1Sam:1:7] Hekk kien jiġri kull sena, kull meta kienu jitilgħu f'dar il-Mulej; hekk kienet tħobb tinkiha, u Anna kienet taqbad tibki u ma tikolx.

[1Sam:1:8] Darba żewġha Elkana qalilha: “Anna! Għaliex qiegħda tibki u għaliex m'intix tiekol? Għala int qalbek sewda? M'iniex jien aħjar għalik minn għaxar ulied?”

[1Sam:1:9] U wara li kielu u xorbu f'Silo, Anna qamet u marret quddiem il-Mulej, u l-qassis Għeli kien bilqiegħda fuq is-siġġu ħdejn it-tarġa tal-bieb tat-tempju tal-Mulej. [1Sam:1:10] Anna kellha qalbha kollha mrar, u bdiet titlob lill-Mulej, u tibki ħafna. [1Sam:1:11] Għamlet wegħda u qalet: “Mulej ta' l-eżerċti, jekk inti tħares lejn l-hemm tal-qaddejja tiegħek u tiftakar fija, u ma twarrabx il-qaddejja tiegħek, u tagħtiha tifel, hija tagħtih lill-Mulej il-jiem kollha ta' ħajtu, u minn fuq rasu ma jgħaddix il-mus.”

[1Sam:1:12] Damet titlob ħafna quddiem il-Mulej, u Għeli kien qiegħed iħares lejn fommha. [1Sam:1:13] Anna kienet titkellem f'qalbha; xufftejha biss kienu jitħarrku, u leħinha ma jinstamax. Għalhekk Għeli ħasibha fis-sakra [1Sam:1:14] u qalilha: “Kemm se ddum fis-sakra? Eħles mill-inbid li għandek fuqek.” [1Sam:1:15] Anna wieġbet: “Le, sidi, jiena mara b'qalbha muġugħa, u ma xrobt la nbid u lanqas xorb ieħor li jsakkar, imma qiegħda niftaħ qalbi quddiem il-Mulej. [1Sam:1:16] La tqisx il-qaddejja tiegħek b'mara ħażina; s'issa tkellimt mill-kotra ta' hemmi u n-niket tiegħi.”

[1Sam:1:17] Għeli wieġeb: “Mur bis-sliem. Alla ta' Iżrael sama' t-talba tiegħek, u jagħtik kull ma tlabtu.” [1Sam:1:18] U hi wieġbet: “Jalla l-qaddejja tiegħek issib ħniena f'għajnejk.” [1Sam:1:19] L-għada fil-għodu bakkru u marru jaduraw il-Mulej, u telqu lura lejn darhom f'Rama.

It-twelid ta' Samwel

Mbagħad Elkana għaraf ‘il martu, u l-Mulej ftakar fiha. [1Sam:1:20] U tqalet, u meta wasal żmienha wildet iben u semmietu Samwel “għaliex”, kif qalet hi, “tlabtu lill-Mulej.”

[1Sam:1:21] Elkana bil-familja kollha tala' joffri s-sagrifiċċju ta' kull sena lill-Mulej u jtemm il-wegħda tiegħu. [1Sam:1:22] Imma Anna ma telgħetx, għaliex qalet lil żewġha: “Meta nkun ftamt it-tifel, mbagħad nieħdu biex jidher quddiem il-Mulej, u jibqa' hemm għal dejjem.” [1Sam:1:23] U Elkana żewġha qalilha: “Agħmel kif jogħġbok; oqgħod sakemm toftmu. Biss jalla l-Mulej iseddaq kelmtek!” U l-mara baqgħet hemm, u reddgħet it-tifel sa ma fatmitu. [1Sam:1:24] U meta fatmitu, Anna tellgħet 'il binha magħha fid-dar tal-Mulej f'Silo. Ħadet magħha gendus ta' tliet snin, efa dqiq u żaqq inbid, u marret bit-tfajjel magħha. [1Sam:1:25] Hemm qatlu l-gendus, u ressqu t-tifel quddiem Għeli, [1Sam:1:26] u qaltlu: “Nitolbok, sidi; daqskemm int ħaj, sidi, jien dik il-mara li kienet wieqfa hawn ħdejk titlob lill-Mulej. [1Sam:1:27] Għal dan it-tifel kont tlabt, u l-Mulej laqa' t-talba tiegħi, u tani li tlabtu. [1Sam:1:28] U issa jien se nagħtih lill-Mulej il-jiem kollha ta' ħajtu, u kemm idum ħaj ikun tal-Mulej.” U qiemu lill-Mulej hemmhekk.

2. Il-kantiku ta' Anna

[1Sam:2:1] U Anna bdiet titlob u tgħid:
“Ferħet qalbi bil-Mulej;
rtefgħet rasi fil-Mulej;
iddieħak fommi bl-għedewwa tiegħi,
għax fraħt bis-salvazzjoni tiegħek.

[1Sam:2:2] Ma hemm ħadd ħliefek,
ħadd qaddis bħall-Mulej,
m'hemmx Blata bħal Alla tagħna.
[1Sam:2:3] La tlissnux iżjed kliem il-kburija,
ma toħroġx aktar il-kburija minn fommkom;
għax il-Mulej Alla li jaf kollox,
u jiżen kull għemil.

[1Sam:2:4] Tkisser il-qaws tal-qawwijin,
u d-dgħajfin tħażżmu bil-ħila.
[1Sam:2:5] L-imxebbgħin bil-ħobż inkrew,
u ma baqgħux jitħabtu l-imġewwħin.
Il-mara bla tfal wildet sebgħa,
u dbielet il-mara b'ħafna tfal.
[1Sam:2:6] Il-Mulej jibgħat il-mewt u jagħti l-ħajja,
iniżżel fl-imwiet u jtalla'.
[1Sam:2:7] Il-Mulej ifaqqar u jagħti l-ġid,
ibaxxi u jgħolli wkoll.
[1Sam:2:8] Iqajjem mit-trab lill-imsejken
u l-fqajjar jerfgħu mill-miżbla,
u jqegħedhom mal-kbarat,
biex jirtu tron ta' ġieħ.
Għax il-pilastri ta' l-art huma tal-Mulej,
u fuqhom sejjes id-dinja;
[1Sam:2:9] Hu jħares il-passi tat-tajbin tiegħu;
u l-ħżiena fid-dlam jintemmu,
għax mhux bil-qawwa jirbaħ il-bniedem.

[1Sam:2:10] Il-Mulej iwerwer lil min jiqaflu,
Alla l-Għoli jriegħed mis-smewwiet.
Il-Mulej jagħmel ħaqq minn truf l-art,
u jagħti s-saħħa lis-sultan tiegħu,
u jarfa' ras il-midluk tiegħu.”

[1Sam:2:11] Elkana raġa’ lura lejn daru f'Rama. U t-tfajjel baqa' jaqdi l-Mulej taħt għajnejn Għeli, il-qassis.

L-imġiba ta' wlied Għeli

[1Sam:2:12] Ulied Għeli kienu nies mill-agħar: ma kinux iqisu lill-Mulej. [1Sam:2:13] U d-drawwa ta' dawn il-qassisin mal-poplu kienet, li meta xi ħadd kien joffri xi sagrifiċċju, kien jersaq il-qaddej tal-qassis b'furketta bi tlitt isnien f'idu, waqt li l-laħam ikun jagħli, [1Sam:2:14] u jdaħħalha ġol-kaldarun jew ġo l-inħasa, ġol-kitla jew ġol-borma, u kull ma kien italla' bil-furketta kien jieħdu għalih il-qassis. Hekk kienu jagħmlu ma' l-Iżraelin kollha li kienu jmorru f'Silo. [1Sam:2:15] Saħansitra qabel ma kienu jaħarqu x-xaħam, il-qaddej tal-qassis kien imur u jgħid lil min ikun joffri: “Agħtini l-laħam biex nixwih għall-qassis, għax ma jiħux laħam mgħolli mingħandek, imma nej.” [1Sam:2:16] U jekk dak li jkun kien jgħidlu: “L-ewwel jaħarqu x-xaħam, mbagħad hu kemm trid,” kien iwieġeb: “Le, issa trid tagħtihuli, inkella nieħdu bil-forza.”

[1Sam:2:17] Kbir ħafna kien id-dnub taż-żgħażagħ quddiem il-Mulej, għax in-nies kienu jistmellu l-offerti tal-Mulej.

Samwel iservi fit-tempju

[1Sam:2:18] U Samwel kien iservi quddiem il-Mulej; kien għadu żgħir, mħażżem b'efod ta' l-għażel. [1Sam:2:19] Kull sena ommu kienet tagħmillu mantar żgħir, u kienet ittellagħhulu minn sena għal oħra, meta l-mara kienet titla' toffri s-sagrifiċċju ta' kull sena.

[1Sam:2:20] Għeli kien ibierek lil Elkana u 'l martu u jgħidilhom: “Jagħtik il-Mulej ulied minn din il-mara flok il-wieħed li int tajt lill-Mulej.” U mbagħad kienu jerġgħu lura lejn darhom. [1Sam:2:21] U l-Mulej żar lil Anna, u tqalet u wildet tliet subjien u żewġt ibniet. U ż-żagħżugħ Samwel baqa' jikber quddiem il-Mulej.

Għeli u wliedu

[1Sam:2:22] Għeli kien xjieħ sewwa u sama' kif kienu jġibu ruħhom uliedu ma' l-Iżraelin kollha, u kif kienu jimteddu man-nisa li kienu jservu fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa. [1Sam:2:23] U qalilhom: “Għala qegħdin tagħmlu dawn il-ħwejjeġ? Għax jien qiegħed nisma' bl-għemil ħażin kollu tagħkom mingħand il-poplu kollu. [1Sam:2:24] Le, uliedi, m'hux sewwa x-xnigħat li qiegħed nisma' jxerrdu fuqkom il-poplu tal-Mulej. [1Sam:2:25] Jekk bniedem jidneb kontra ieħor jindaħal għalih Alla, iżda jekk jidneb bniedem kontra l-Mulej, min se jaqbeż għalih?” Imma huma ma semgħux minn kliem missierhom, għax il-Mulej ried jeqridhom. [1Sam:2:26] Imma ż-żagħżugħ Samwel kien dejjem jikber u jinġieb quddiem il-Mulej u quddiem il-bnedmin.

Il-kundanna ta' dar Għeli

[1Sam:2:27] Ġie għand Għeli bniedem ta' Alla u qallu: “Dan jgħid il-Mulej: 'Ma għarraftx jien lili nnifsi lil dar missierek meta kienu fl-Eġittu lsiera f'dar il-Fargħun? [1Sam:2:28] Meta għażiltu mit-tribujiet ta' Iżrael li jkunli qassis biex jitla' fuq l-artal tiegħi, biex jaħraq l-inċens u jġib l-efod quddiemi, u tajt lil dar missierek l-offerti kollha għall-ħruq ta' wlied Iżrael? [1Sam:2:29] Għala mela tħarsu b'għajn ħażina lejn is-sagrifiċċju u l-offerta tiegħi, li jien ordnajt, imma inti rrispettajt lil uliedek aktar minni, u xabbajthom bl-aħjar mill-offerti kollha tal-poplu tiegħi Iżrael?' [1Sam:2:30] Għalhekk din hi l-kelma tal-Mulej Alla ta' Iżrael: 'Jien kont wegħedt li darek u dar missierek isservi quddiemi għal dejjem, imma issa - il-kelma tal-Mulej - ma rridx naf. Nweġġaħ lil min iweġġaħni, u nistmerr lil min iżeblaħni. [1Sam:2:31] Ara, għad jiġi żmien, u jien inqaċċat driegħek u driegħ dar missierek, u qatt ma jkun hemm xiħ f'dar missierek. [1Sam:2:32] U int tħares b'għajn ħażina fuq il-ġid kollu li nagħmel lil Iżrael, u ma jkun hemm qatt xiħ f'darek. [1Sam:2:33] Jekk qatt inħalli lil xi ħadd minn darek, u ma naqtgħux mill-artal tiegħi, dan nagħmlu biex jinfnew għajnejh u tnin ħajtu, u l-kotra ta' darek imutu fl-aħjar tagħhom. [1Sam:2:34] U dak li se jiġri liż-żewġ uliedek Ħofni u Fineħas ikun sinjal għalik: f'jum wieħed imutu t-tnejn. [1Sam:2:35] U nqajjem għalija qassis fidil, li jagħmel kull ma tixtieq qalbi u għandi f'moħħi; u nibnilu dar li tibqa' għal dejjem, u jaqdi s-sultan midluk tiegħi għaż-żminijiet kollha. [1Sam:2:36] U jiġri li min jifdal mid-dar tiegħek imur imil quddiemu, jitolbu l-flus u l-ħobż, u jgħidlu: 'Qabbadni, iddew, qabbadni f'xi biċċa xogħol tal-qassisin, biex niekol loqma ħobż.’ ”

3. Is-sejħa ta' Samwel

[1Sam:3:1] Iż-żagħżugħ Samwel kien jaqdi l-Mulej ma' Għeli; imma l-kelma tal-Mulej kienet rari f'dak iż-żmien, ftit kien hemm dehriet. [1Sam:3:2] Ġara li, jum wieħed, Għeli kien mistrieħ f'postu, għax għajnejh kienu bdew jintfew, u ma kienx jista' jara. [1Sam:3:3] Il-musbieħ ta' Alla kien għadu ma ntefiex, u Samwel kien mindud fit-tempju tal-Mulej, fejn kien hemm l-arka ta' Alla. [1Sam:3:4] Il-Mulej sejjaħ: “Samwel!” U dan wieġeb: “Hawn jien!” [1Sam:3:5] U mar jiġri għand Għeli. “Hawn jien,” qallu, “għalfejn sejjaħtli?” “Ma sejjaħtlekx,” wieġeb, “erġa’ mur imtedd.” U raġa’ mar jorqod. [1Sam:3:6] U ssokta l-Mulej isejjaħ: “Samwel!” U Samwel qam u mar għand Għeli u qallu: “Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?” “Ma sejjaħtlekx, ibni,” wieġeb, “erġa’ mur orqod.” [1Sam:3:7] Samwel kien għadu ma għarafx il-Mulej, u anqas kienet għadha ma ttgħarrfitlu l-kelma tal-Mulej. [1Sam:3:8] U ssokta l-Mulej isejjaħ: “Samwel!” għat-tielet darba. U dan qam, u mar għand Għeli, u qallu: “Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?” U Għeli fehem li l-Mulej kien qiegħed isejjaħ iż-żagħżugħ. [1Sam:3:9] U qal lil Samwel: “Mur orqod. Jekk jerġa’ jsejjaħlek, wieġeb: Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.” U Samwel mar jorqod f'postu.

[1Sam:3:10] U l-Mulej ġie, waqaf ħdejh, u sejjaħ bħal drabi oħra: “Samwel! Samwel!” U Samwel wieġeb: “Tkellem, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.” [1Sam:3:11] U qal il-Mulej lil Samwel: “Ara, jien se nagħmel waħda f'Iżrael, li kull min jisma' biha jdamdmu widnejh it-tnejn. [1Sam:3:12] Dakinhar inġib fuq Għeli kull ma kont għedt kontra daru; nibda u ntemm. [1Sam:3:13] Ħabbartlu li jien għad nagħmel ħaqq minn daru għal dejjem, talli hu kien jaf li wliedu kienu qegħdin jagħmlu l-ħażen u jżebilħu 'l Alla, u hu ma ċanfarhomx. [1Sam:3:14] U għalhekk jien naħlef lil dar Għeli: Il-ħażen ta' dar Għeli ma jinħafirx, la bis-sagrifiċċji u lanqas bl-offerti, qatt u qatt!”

[1Sam:3:15] Samwel baqa' rieqed sa filgħodu, u mbagħad fetaħ bwieb dar il-Mulej; imma baża' jgħarraf lil Għeli bil-viżjoni li kellu. [1Sam:3:16] Għeli sejjaħ lil Samwel u qallu: “Samwel, ibni,” u hu wieġeb: “Hawn jien.” [1Sam:3:17] U staqsieh: “X'inhu li qallek? Taħbili xejn. Hekk u hekk jagħmillek Alla u iżjed jekk taħbili xi ħaġa minn kull ma qallek.” [1Sam:3:18] U Samwel għarrfu b'kollox bla ma ħbielu xejn. U Għeli qal: “Hu l-Mulej! - Jagħmel li jogħġbu!”

[1Sam:3:19] Samwel kiber, u l-Mulej kien miegħu, u ma ħalla ebda kelma milli qal tmur fix-xejn. [1Sam:3:20] U Iżrael kollu, minn Dan sa Birsaba, għaraf li Samwel kien tassew profeta tal-Mulej, [1Sam:3:21] u l-Mulej baqa' jidher f'Silo, għax hemm kien għarraf lilu nnifsu lil Samwel, f'Silo, permezz tal-kelma tal-Mulej.

4. Is-sejħa ta' Samwel

[1Sam:4:1] U kelmet Samwel kienet għall-poplu kollu.

Il-Filistin jirbħu lill-Iżraelin u joħdulhom l-arka

Iżrael ħareġ biex jitqabad mal-Filistin, u waqqfu l-kamp tagħhom f’Eben-għeżer, u l-Filistin waqqfuh f’Afek. [1Sam:4:2] Il-Filistin tqassmu quddiem Iżrael, u ħadet ġlieda sewwa. L-Iżraelin tħarbtu quddiem il-Filistin, u sfaw midruba fir-raba' xi erbat elef raġel.

[1Sam:4:3] Meta l-poplu raġa’ daħal fil-kamp, ix-xjuħ ta' Iżrael staqsew: “Għaliex il-Mulej ħarbatna llum quddiem il-Filistin? Ħa nġibu minn Silo l-arka tal-patt tal-Mulej, u tiġi f'nofsna u ssalvana mill-għedewwa tagħna.” [1Sam:4:4] Il-poplu bagħat iġib minn Silo l-arka tal-patt tal-Mulej ta' l-eżerċti li qiegħed fuq il-kerubini. Ma' l-arka tal-patt ta' Alla kien hemm iż-żewġ ulied ta' Għeli: Ħofni u Fineħas. [1Sam:4:5] Malli l-arka tal-patt tal-Mulej waslet fil-kamp, l-Iżraelin kollha għajjtu għajta kbira, hekk li theżhżet l-art.

[1Sam:4:6] Il-Filistin semgħuh il-ħoss ta' dik l-għajta, u qalu: “X'inhu dan il-ħoss ta' din l-għajta fil-kamp ta' l-Għebrej?” U saru jafu li l-arka tal-Mulej kienet waslet fil-kamp. [1Sam:4:7] U l-Filistin beżgħu għaliex, kif qalu, “Ġie Alla fil-kamp!” U qalu: “Jaħasra għalina! Qatt ma ġrat ħaġa bħal din s'issa. [1Sam:4:8] Jaħasra għalina! Min se jeħlisna minn id dawn l-allat qawwija? Dawn huma l-allat li ħarbtu lill-Eġizzjani b'kull xorta ta' kastigi fid-deżert. [1Sam:4:9] Agħmlu l-qalb u kunu rġiel, Filistin, ħalli ma taqgħux ilsiera ta' l-Għebrej, bħalma kienu huma lsiera tagħkom. Kunu rġiel u tqabdu!”

[1Sam:4:10] Il-Filistin tqabdu, u l-Iżraelin tħarbtu, u kulħadd ħarab lejn l-għarix tiegħu; kien hemm tħarbita sħiħa, u minn Iżrael waqgħu tletin elf raġel mill-fanterija. [1Sam:4:11] L-arka ta' Alla nqabdet, u mietu ż-żewġ ulied ta' Għeli: Ħofni u Fineħas.

Il-mewt ta' Għeli

[1Sam:4:12] Raġel mit-tribù ta' Benjamin telaq jiġri mit-taqbida, u wasal dakinhar stess f'Silo b'ilbiesu mċarrat u t-trab fuq rasu. [1Sam:4:13] Xħin wasal, Għeli kien bilqiegħda fuq is-siġġu tiegħu ħdejn it-triq ta' Misfa, b'qalbu ttaqtaq minħabba l-arka ta' Alla. U r-raġel daħal fil-belt jagħti l-aħbar u l-belt kollha bdiet tgħajjat. [1Sam:4:14] U Għeli sama' l-għagħa ta' dak l-għajat u qal: “X'inhu dan l-għajat u l-għagħa kollu?” U r-raġel mar jgħaġġel jagħti l-aħbar lil Għeli. [1Sam:4:15] Għeli kellu tmienja u disgħin sena, għajnejh ma kinux jitħarrku u ma kienx jista' jara. [1Sam:4:16] U r-raġel qal lil Għeli: “Jiena ġej mill-kamp, jien li ħrabt mill-kamp illum.” U Għeli staqsieh: “Kif marret il-biċċa, ibni?” [1Sam:4:17] U r-raġel li ġieb l-aħbar wieġeb: “Iżrael ħarab minn quddiem il-Filistin, u kien hemm ukoll ħerba kbira fost il-poplu; u ż-żewġ uliedek, Ħofni u Fineħas, mietu; u ħadulna l-arka ta' Alla.” [1Sam:4:18] U malli semmielu l-arka ta' Alla Għeli waqa' minn fuq is-siġġu għal waranijiet maġenb il-bieb, u kiser għonqu u miet - kien xiħ u raġel tqil. Kien ilu jaħkem lil Iżrael għal erbgħin sena.

[1Sam:4:19] Il-kunjata tiegħu, mart ibnu Fineħas, li kienet tqila u qorbot biex teħles, malli semgħet bl-aħbar li ħadulhom l-arka ta' Alla, u bil-mewt ta' żewġha u missieru, qabadha wġigħ il-ħlas, mielet u ħelset. [1Sam:4:20] Meta kienet qiegħda tmut dawk li kienu madwarha qalulha: “La tibżax, għax wilidt tifel,” imma ma weġbitx u anqas ma tat kas. [1Sam:4:21] U semmiet it-tarbija Ikabod u qalet: “Is-sebħ tbiegħed minn Iżrael,” għax kienu ħadulhom l-arka ta' Alla, u minħabba żewġha u missieru. [1Sam:4:22] U qalet: “Tbiegħed is-sebħ minn Iżrael, għaliex ħadulna l-arka ta' Alla.”

5. L-arka f'art il-Filistin

[1Sam:5:1] U l-Filistin qabdu l-arka ta' Alla, u ġibuha minn Eben-għeżer għal Asdod. [1Sam:5:2] Mbagħad ħadu l-arka ta' Alla u ġibuha fit-tempju ta' Dagon, u qegħduha ħdejn Dagon. [1Sam:5:3] Meta bakkru l-għada fil-għodu l-Asdodin u marru jaraw, isibu lil Dagon mixħut wiċċu fl-art quddiem l-arka tal-Mulej, u qabdu lil Dagon u reġgħu qegħduh f'postu. [1Sam:5:4] Kif qamu l-għada fil-għodu reġgħu sabu lil Dagon mixħut wiċċu fl-art quddiem l-arka tal-Mulej, u rasu u idejh it-tnejn maqtugħin fuq l-għatba; ġismu biss kien baqa' minn Dagon. [1Sam:5:5] Għalhekk għadhom sa llum il-qassisin ta' Dagon u kull min jidħol fit-tempju ta' Dagon, ma jirfsux fuq l-għatba ta' Dagon f'Asdod.

[1Sam:5:6] U id il-Mulej tqalet fuq l-Asdodin, u għamlet ħerba minnhom, u darabhom bil-morliti, 'l Asdod u l-inħawi tagħha. [1Sam:5:7] Meta n-nies ta' Asdod raw dan kollu qalu: “Ma għandhiex tibqa' magħna l-arka ta' Alla ta' Iżrael għaliex iebsa idu fuqna u fuq Dagon, alla tagħna.” [1Sam:5:8] U bagħtu jlaqqgħu għandhom il-prinċpijiet tal-Filistin u staqsewhom: “X'se nagħmlu bl-arka ta' Alla ta' Iżrael?”, u wieġbu: “Neħduha fil-belt ta' Gatt, l-arka ta' Alla ta' Iżrael.” U ġarrew l-arka ta' Alla ta' Iżrael.

[1Sam:5:9] Wara li ġarrewha waqgħet id il-Mulej fuq il-belt, u kien hemm taħbila sħiħa; u darab in-nies tal-belt, miż-żgħir sal-kbir, u ħarġulhom il-morliti. [1Sam:5:10] U bagħtu l-arka ta' Alla f'Għekron, u meta waslet l-arka ta' Alla f'Għekron, l-Għekronin bdew jgħajjtu u jgħidu: “Ġibulna l-arka ta' Alla ta' Iżrael għandna, biex joqtlu lilna u l-familji tagħna.” [1Sam:5:11] U bagħtu jlaqqgħu l-prinċpijiet kollha tal-Filistin u qalulhom: “Ibagħtu lura l-arka ta' Alla ta' Iżrael u terġa’ lejn postha, li ma toqtolniex, lilna u l-familji tagħna.” Għax kien hemm taħwida tal-mewt fil-belt kollha. Id il-Mulej kienet tqila wisq fuqha. [1Sam:5:12] In-nies li ma kinux mietu ntlaqtu bil-morliti. L-għajat tal-belt saħansitra wasal sas-smewwiet.

6. L-arka lura f'Iżrael

[1Sam:6:1] L-arka tal-Mulej kienet ilha seba' xhur f'art il-Filistin, [1Sam:6:2] meta l-Filistin sejjħu lill-qassisin u l-ħabbarin, u qalulhom: “X'se nagħmlu bl-arka tal-Mulej? Għidulna kif sejrin nibagħtuha lura f'postha.” [1Sam:6:3] U weġbuhom: “Jekk se tibagħtu lura l-arka ta' Alla ta' Iżrael, tibagħtuhiex b'xejn, imma roddulha offerta ta' riparazzjoni. Mbagħad jekk tfiqu, tagħrfu għaliex ma warrabx idu minn fuqkom.” [1Sam:6:4] U staqsewhom: “X'inhi l-offerta ta' riparazzjoni li għandna nroddulha?” U weġbuhom: “Ħames bżieżaq tad-deheb u ħames ġrieden tad-deheb, skond l-għadd tal-prinċpijiet tal-Filistin, għaliex marda waħda qabditkom, lilkom ilkoll u l-prinċpijiet tagħkom. [1Sam:6:5] Agħmlu mela xbihat tal-bżieżaq tagħkom u tal-ġrieden li ħarbtu l-art, u tagħtu ġieħ lil Alla ta' Iżrael; għandu mnejn ineħħi idu minn fuqkom, u minn fuq l-allat tagħkom, u minn fuq artkom. [1Sam:6:6] Għaliex twebbsu qalbkom bħalma webbsu qalbhom l-Eġizzjani u l-Fargħun? Forsi ma kellux jitlaqhom wara li kien lagħab bihom? [1Sam:6:7] Issa, mela, aqbdu u agħmlu karru ġdid b'żewġ baqriet ireddgħu, li ma refgħu qatt fuqhom madmad; orbtu l-baqriet mal-karru, u ħudu l-frieħ tagħhom minn warajhom fl-istalla. [1Sam:6:8] Ħudu mbagħad l-arka tal-Mulej u qegħduha fuq il-karru, u t-tagħmir tad-deheb li intom qegħdin troddulu b'offerta ta' riparazzjoni, qegħduhom f'senduq maġenbha, u ħalluha tmur. [1Sam:6:9] Mbagħad oqogħdu ħarsu, u jekk taqbad it-triq ta' artu u titla' lejn Bet-xemex, sinjal li hu jkun għamlilna din il-ħsara kbira, jekk le nagħrfu li m'hux idu kienet li laħqitna, imma għax ġiet hekk.”

[1Sam:6:10] Hekk għamlu dawk in-nies. Ħadu żewġ baqriet ireddgħu u rabtuhom ma' karru, u għalqu l-frieħ tagħhom fl-istalla. [1Sam:6:11] U qiegħdu l-arka tal-Mulej fuq il-karru, u s-senduq bil-ġrieden tad-deheb u x-xbihat tal-bżieżaq tagħhom. [1Sam:6:12] U l-baqar qabdu t-triq dritt għal Bet-xemex; u baqgħu mexjin fl-istess triq, jimxu u jgargru, bla ma jilwu lejn il-lemin jew lejn ix-xellug, u l-prinċpijiet tal-Filistin mexjin warajhom sa truf Bet-xemex.

[1Sam:6:13] In-nies ta' Bet-xemex kienu qegħdin jaħsdu l-qamħ fil-wied; u refgħu għajnejhom u raw l-arka, u ferħu malli rawha. [1Sam:6:14] U l-karru wasal sa l-għalqa ta' Ġozwè l-Bet-xemxi, u waqaf hemm. Kien hemm ġebla kbira, u qattgħu l-injam tal-karru u offrew il-baqriet b'sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej. [1Sam:6:15] Il-Leviti niżżlu l-arka tal-Mulej, u s-senduq li kien hemm magħha bl-oġġetti tad-deheb li kienu fih, u qegħduh fuq il-ġebla l-kbira, u dak in-nhar il-Betxemxin offrew sagrifiċċji tal-ħruq u vittmi lill-Mulej.

[1Sam:6:16] Dan kollu rawh il-ħames prinċpijiet tal-Filistin, u reġgħu lura lejn Għekron dakinhar stess. [1Sam:6:17] Dan hu l-għadd tax-xbihat tal-bżieżaq li taw il-Filistin b'offerta ta' riparazzjoni lill-Mulej; waħda għal Asdod, waħda għal Gaża, waħda għal Askalon, waħda għal Gatt, waħda għal Għekron. [1Sam:6:18] L-għadd imbagħad tal-ġrieden tad-deheb kien daqs l-għadd ta' l-ibliet Filistin kollha tal-ħames prinċpijiet, mill-belt bis-swar sar-raħal għall-beraħ. U l-ġebla l-kbira li fuqha serrħu l-arka tal-Mulej għadha hemm sa llum, fir-raba' ta' Ġozwè l-Betxemxi. [1Sam:6:19] U l-Mulej qatel lil xi wħud min-nies ta' Bet-xemex, għax ħarsu ġo l-arka tal-Mulej; qatel sebgħin minnhom, u l-poplu beka għaliex il-Mulej għamel ħerba mill-poplu.

[1Sam:6:20] U n-nies ta' Bet-xemex qalu: “Min jista' joqgħod wieqaf quddiem il-Mulej, dan Alla daqshekk qaddis? Għand min jista' jitla' u jitbiegħed minna?” [1Sam:6:21] U bagħtu messaġġiera għand in-nies ta' Kirjat-ġegħarim jgħidulhom: “Il-Filistin reġġgħu lura l-arka tal-Mulej. Inżlu u tellgħuha għandkom.”

7. L-arka lura f'Iżrael

[1Sam:7:1] U n-nies ta' Kirjat-ġegħarim ġew u tellgħu l-arka tal-Mulej, u daħħluha f'dar Abinadab, li kienet fuq għolja, u kkonsagraw lil ibnu Elgħażar biex iħares l-arka tal-Mulej.

Samwel imħallef f'Iżrael

[1Sam:7:2] Kien għadda ħafna żmien - għoxrin sena - mindu l-arka kienet waqfet f'Kirjat-ġegħarim, u d-dar kollha ta' Iżrael bkew u daru lejn il-Mulej. [1Sam:7:3] U Samwel kellem lid-dar kollha ta' Iżrael: “Jekk intom terġgħu lura b'qalbkom kollha għand il-Mulej, neħħu minn nofskom l-allat barranin u lil Għastarot, orbtu qalbkom mal-Mulej, u aqdu lilu biss, biex hu jeħliskom minn id il-Filistin.” [1Sam:7:4] U wlied Iżrael warrbu minn nofshom lill-allat Bagħlim u Għastarot, u bdew jaqdu l-Mulej waħdu.

[1Sam:7:5] Samwel qalilhom: “Ħa jinġabar Iżrael kollu f'Misfa, biex nitlob lill-Mulej għalikom.” [1Sam:7:6] U huma ltaqgħu f'Misfa, mlew l-ilma u sawwbuh quddiem il-Mulej; u dakinhar samu u qalu: “Dnibna quddiem il-Mulej.” U f'Misfa Samwel sar imħallef fuq Iżrael.

[1Sam:7:7] Il-Filistin semgħu li wlied Iżrael kienu nġemgħu f'Misfa; u l-kbarat tal-Filistin telgħu kontra Iżrael. Malli wlied Iżrael semgħu, beżgħu mill-Filistin. [1Sam:7:8] Ulied Iżrael qalu lil Samwel: “La tiqafx tgħajjat quddiem il-Mulej, Alla tagħna, għalina, ħalli jeħlisna minn idejn il-Filistin.” [1Sam:7:9] Samwel ħa ħaruf tal-ħalib u offrieh b'sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; u għajjat Samwel quddiem il-Mulej għal Iżrael, u l-Mulej semgħu.

[1Sam:7:10] Ġara li meta Samwel kien qiegħed joffri s-sagrifiċċju tal-ħruq, il-Filistin resqu biex jaħbtu għal Iżrael. Dakinhar il-Mulej riegħed ragħda kbira kontra l-Filistin u ħarbathom; u huma tfarrku quddiem Iżrael. [1Sam:7:11] U n-nies ta' Iżrael ħarġu minn Misfa, u ħabtu għall-Filistin u għamlu ħerba minnhom sa Bet-kar. [1Sam:7:12] U Samwel ħa ġebla u waqqafha bejn Misfa u bejn Sen u semmieha: Eben-għeżer, u qal: “Sa hawn għenna l-Mulej.”

[1Sam:7:13] U hekk trażżnu l-Filistin u ma baqgħux jidħlu f'art Iżrael, għax id il-Mulej kienet iżżomm il-Filistin il-jiem kollha ta' Samwel. [1Sam:7:14] U l-ibliet kollha li kienu ħatfu l-Filistin mingħand Iżrael, reġgħu għal għand Iżrael; u l-art minn Għekron sa Gatt bl-inħawi tagħhom ħadha Iżrael minn id il-Filistin; u kien hemm il-paċi bejn Iżrael u bejn l-Amurrin.

[1Sam:7:15] U Samwel kien imħallef ta' Iżrael il-jiem kollha ta' ħajtu; [1Sam:7:16] u minn sena għal sena kien imur u jdur Betel, Gilgal u Misfa u jagħmel il-ħaqq lil Iżrael f'dawn l-inħawi kollha. [1Sam:7:17] Mbagħad kien jerġa’ lura f'Rama, fejn kellu daru, u hemm kien jagħmel ħaqq lil Iżrael u hemm ukoll bena artal lill-Mulej.

8. L-Iżraelin jitolbu sultan

[1Sam:8:1] Ġara li, meta Samwel kien xjieħ, qiegħed lil uliedu mħallfin fuq Iżrael. [1Sam:8:2] Il-kbir kien jismu Ġoel u ta' warajh Abija. U kienu jagħmlu l-ħaqq f'Birsaba. [1Sam:8:3] Uliedu ma mxewx bħalu; ħsiebhom kien li jagħmlu kull xorta ta' qligħ, jieħdu r-rigali, u jgħawwġu l-ġustizzja.

[1Sam:8:4] Ix-xjuħ kollha ta' Iżrael inġemgħu u marru għand Samwel f'Rama, [1Sam:8:5] u qalulu: “Ara, inti xjeħt, u wliedek ma qabdux triqtek. Issa agħmlilna sultan biex imexxina bħall-ġnus kollha.” [1Sam:8:6] Dan li qalu: “Agħtina sultan biex imexxina,” ma għoġbux lil Samwel, u mar jitlob quddiem il-Mulej. [1Sam:8:7] Il-Mulej wieġeb lil Samwel: “Isma' minn leħen il-poplu f'kull ma jgħidulek. Għax mhux lilek warrbu, iżda lili warrbu, biex ma nsaltanx fuqhom. [1Sam:8:8] Kull ma għamlu lili minn meta tellajthom mill-Eġittu sa llum - telquni biex qabdu allat oħra - issa qegħdin jagħmluh lilek. [1Sam:8:9] Issa isma' minn kliemhom. Biss għidilhom u wrihom sewwa d-dritt tas-sultan li jsaltan fuqhom.”

[1Sam:8:10] Samwel qal kull ma qallu l-Mulej lill-poplu li kien talbu sultan. [1Sam:8:11] U qalilhom: “Dan hu d-dritt tas-sultan li għad isaltan fuqkom; jeħdilkom is-subjien tagħkom, u jqegħedhom mal-karrijiet u maż-żwiemel, u jiġru quddiem il-karru tiegħu. [1Sam:8:12] U jagħmel minnhom kaptani ta' elf u ta' ħamsin raġel, biex jaħartu l-ħrit tiegħu, u jaħsdu l-ħsad tiegħu, u jaħdmu l-għodod għall-gwerra u t-tagħmir għall-karrijiet tiegħu.

[1Sam:8:13] “U Jieħu l-bniet tagħkom biex jaħdmu l-fwieħa, isajjru u jagħġnu. [1Sam:8:14] U mir-raba' tagħkom, mill-oqsma tad-dwieli tagħkom, u taż-żebbuġ tagħkom jieħu l-aħjar, u jagħtihom lill-qaddejja tiegħu. [1Sam:8:15] Jieħu mill-għaxra waħda tal-miżirgħa u ta' l-oqsma tad-dwieli tagħkom, u jagħtihom lill-kortiġjani u 'l-uffiċjali tiegħu. [1Sam:8:16] U jeħdilkom l-aħjar minn fost l-ilsiera, rġiel u nisa, u l-aħjar mill-baqar u l-ħmir tagħkom, u jqabbadhom jaħdmu fix-xogħol tiegħu. [1Sam:8:17] Jieħu mill-għaxra waħda ta' l-imrieħel tagħkom u intom tkunu lsiera tiegħu. [1Sam:8:18] U dakinhar tgħajjtu minħabba s-sultan li tkunu ħtartu, imma l-Mulej dakinhar ma jismagħkomx.”

[1Sam:8:19] Imma l-poplu ma riedx jisma' minn kliem Samwel, u qalulu: “Le! ħa jkollna sultan fuqna, [1Sam:8:20] ħa nkunu aħna wkoll bħall-ġnus kollha; ħa jaħkem fuqna sultan tagħna, u jimxi quddiemna u jmexxi t-taqbid tagħna.” [1Sam:8:21] U Samwel sama' l-kliem kollu tal-poplu u tenniehom f'widnejn il-Mulej. [1Sam:8:22] U l-Mulej qal lil Samwel: “Isma' minn kliemhom, u agħmlilhom sultan.” U Samwel qal lill-irġiel ta' Iżrael: “Kulħadd imur lejn beltu.”

9. Samwel u Sawl

[1Sam:9:1] Kien hemm raġel mit-tribù ta' Benjamin li kien jismu Kis bin Abijel, bin Serur, bin Bekorat, bin Afijaħ, bin wieħed mit-tribù ta' Benjamin, bniedem qalbieni u għani. [1Sam:9:2] U kellu iben jismu Sawl, żagħżugħ sabiħ, fl-aħjar tiegħu, u ma kienx hemm ieħor fost ulied Iżrael aħjar minnu; kien jgħaddi lil kulħadd minn spallejh 'il fuq.

[1Sam:9:3] Darba waħda Kis, missier Sawl, ntilfulu xi ħmariet, u Kis qal lil Sawl ibnu: “Ħu miegħek wieħed mill-qaddejja, u aqbad u mur fittex il-ħmariet.” [1Sam:9:4] Daru l-muntanji ta' Efrajm u l-art ta' Salisa, u ma sabu xejn; għaddew mill-art ta' Sagħlim, xejn; u mill-art ta' Benjamin, u ma sabu xejn. [1Sam:9:5] Daħlu fl-art ta' Suf, u Sawl qal lill-qaddej li kellu miegħu: “Ejja nerġgħu lura; għandu mnejn missieri ma għadux jaħseb fil-ħmariet, u qiegħed jitħasseb fuqna.” [1Sam:9:6] U l-qaddej wieġbu: “Ara, f'din il-belt hawn raġel, bniedem ta' Alla, raġel stmat; kull ma jgħid, iseħħ. Issa mmorru hemm; għandu mnejn jgħidilna xi ħaġa fuq l-iskop li għalih qbadna t-triq.” [1Sam:9:7] U Sawl wieġeb lill-qaddej: “Immorru, imma x'neħdulu lil dan ir-raġel? Il-ħobż għab mill-ħoroġ tagħna, u ma għandniex x'noffrulu lir-raġel ta' Alla. X'nistgħu nagħtuh?” [1Sam:9:8] U l-qaddej raġa’ wieġeb lil Sawl u qallu: “Ara, għandi f'idi r-raba' waħda ta' xekel tal-fidda; int agħtiha lir-raġel ta' Alla u hu jurina triqtna.” - [1Sam:9:9] Dari f'Iżrael hekk kien jgħid xi ħadd meta kien imur jistaqsi lil Alla: “Ejja mmorru għand il-veġġent, dak li jara,” għax dak li llum isejjħulu profeta, dari kienu jsejjħulu veġġent. - [1Sam:9:10] U Sawl qal lill-qaddej tiegħu: “Sewwa qiegħed tgħid. Ejja mmorru.” U marru lejn il-belt fejn kien hemm ir-raġel ta' Alla.

[1Sam:9:11] Huma u telgħin it-telgħa tal-belt iltaqgħu ma' xi xbejbiet ħierġa jimlew l-ilma u qalulhom: “Hawn joqgħod il-veġġent, dak li jara.” [1Sam:9:12] U x-xbejbiet weġbuhom u qalulhom: “Hawn joqgħod. Hemm hu quddiemek, għadu kif daħal issa fil-belt, għaliex illum joffri s-sagrifiċċju tal-poplu fuq l-għolja. [1Sam:9:13] Kif tidħlu l-belt għandkom issibuh hemm, qabel ma jitla' fuq l-għolja jiekol, għaliex il-poplu ma jikolx qabel ma jasal hu; hu jbierek il-vittma, mbagħad jieklu l-mistednin. Itilgħu mela, għax bħalissa ssibuh.” [1Sam:9:14] U telgħu l-belt. Huma u deħlin mill-bieb jaraw lil Samwel ħiereġ u riesaq lejhom biex jitla' l-għolja.

[1Sam:9:15] Il-jum ta' qabel ma ġie Sawl, il-Mulej kien tarraf xi ħaġa f'widnejn Samwel, u qallu: [1Sam:9:16] “Għada bħalissa nibgħatlek raġel mill-art ta' Benjamin, u int idilku prinċep tal-poplu tiegħi Iżrael, u hu jeħles il-poplu tiegħi minn id il-Filistin, għax rajt l-hemm tal-poplu tiegħi, u l-għajta tagħhom waslet sa għandi.” [1Sam:9:17] Malli Samwel ra lil Sawl, il-Mulej qallu: “Hawn hu r-raġel li għedtlek: 'Dan jaħkem fuq il-poplu tiegħi.’ “

[1Sam:9:18] U Sawl resaq fuq Samwel f'nofs il-bieb u staqsieh: “Għidli, jekk jogħġbok, fejn hi d-dar tal-veġġent.” [1Sam:9:19] Samwel wieġbu: “Jiena hu l-veġġent. Itla' qabli fuq l-għolja. Illum tieklu miegħi. Nħallik tmur għada fil-għodu kmieni u nurik kull ma għandek f'qalbek. [1Sam:9:20] Għall-ħmariet imbagħad li ntilfulek tlitt ijiem ilu, tħabbilx rasek, għax sabuhom. U ta' min se jkun l-egħżeż ġid ta' Iżrael? M'hux tiegħek u tad-dar kollha ta' missierek?” [1Sam:9:21] U Sawl wieġeb u qallu: “M'iniex jien Benjamini mill-iżgħar fost it-tribù ta' Iżrael, u l-familja tiegħi m'hijiex l-iżgħar fost il-familji tat-tribù ta' Benjamin? Għaliex qiegħed tkellimni hekk?”

[1Sam:9:22] Samwel ħa lil Sawl u l-qaddej tiegħu, u daħħalhom fl-għorfa, u tahom post f'ras il-mistednin, li kienu xi tletin ruħ. [1Sam:9:23] U Samwel qal lill-kok: “Newwel is-sehem li tajtek u li għedtlek: żommu għandek.” [1Sam:9:24] U l-kok ħa l-koxxa u s-sieq, u qegħedhom quddiem Sawl, u Samwel qallu: “Ara, dak li rfajtlek qiegħed quddiemek. Kul, għaliex kien merfugħ għalik għal din il-festa li għaliha stedint il-poplu.” Dakinhar Sawl kiel ma' Samwel. [1Sam:9:25] Mbagħad niżlu mill-għolja lejn il-belt, firxu mitraħ lil Sawl fuq is-setaħ, u raqad hemm.

Sawl ikkonsagrat sultan

[1Sam:9:26] Malli beda jbexbex Samwel sejjaħ lil Sawl fuq is-setah u qallu: “Qum ħa nibagħtek lura.” U Sawl qam u ħarġu t-tnejn barra, hu u Samwel. [1Sam:9:27] Huma u neżlin f'tarf il-belt Samwel qal lil Sawl: “Għid lill-qaddej jgħaddi qabilna, u inti oqgħod hawn illum, biex insemmgħek il-kelma ta' Alla.”

10. Sawl ikkonsagrat sultan

[1Sam:10:1] Samwel ħa l-kus taż-żejt f'idejh u sawwabhulu fuq rasu, u mbagħad biesu u qallu: “M'huwiex il-Mulej li dilkek u għamlek prinċep fuq Iżrael, il-poplu tiegħu? Tkun int li tmexxi l-poplu tal-Mulej u teħilsu minn idejn l-għedewwa tiegħu, li għandu madwaru. U dan ikunlek is-sinjal li kien il-Mulej li dilkek u għamlek prinċep fuq il-wirt tiegħu: [1Sam:10:2] meta tkun tlaqt minn quddiemi, int issib żewġt irġiel ħdejn il-qabar ta' Rakel, f'Selsa fl-art ta' Benjamin, u jgħidulek: 'Nstabu l-ħmariet li int ħriġt tfittex. U ara, missierek neħħa l-ħsieb tal-ħmariet u qiegħed jitħasseb fuqkom u jgħid: X'se nagħmel b'ibni?' [1Sam:10:3] U minn hemm tibqa' sejjer sal-balluta tat-Tabor u hemm tiltaqa' ma' tlitt irġiel telgħin għand Alla f'Betel: wieħed iġorr tliet gidjien u wieħed iġorr tliet ħobżiet, u l-ieħor żaqq inbid. [1Sam:10:4] U huma jsellmulek u jagħtuk żewġ ħobżiet, u int teħodhom minn idejhom. [1Sam:10:5] Mbagħad tasal sa Gibgħat-eloħim fejn hemm l-għases tal-Filistin, u kif tasal hemm fi dħul il-belt, tiltaqa' ma' qatgħa profeti niżlin mill-għolja, b'arpa u tanbur, flawt u ċetra quddiemhom, u jintilfu f'estasi ta' profeti. [1Sam:10:6] Inti mbagħad jinżel fuqek u jaħtfek l-ispirtu tal-Mulej, u int ukoll tintilef magħhom f'estasi ta' profeta, u tinbidel fi bniedem ieħor. [1Sam:10:7] Meta jkunu seħħewlek dawn is-sinjali kollha, tista' tagħmel kull ma jiġi għal idejk, għax Alla jkun miegħek. [1Sam:10:8] Mbagħad inżel qabli f'Gilgal, u jien ninżel ħdejk biex noffri sagrifiċċju tal-ħruq u sagrifiċċju tas-sliem; iddum sebat ijiem tistenna sakemm niġi ħdejk, u ngħarrfek x'għandek tagħmel.”

[1Sam:10:9] U ġara li malli dawwar spallejh biex jitlaq minn ħdejn Samwel, Alla biddillu qalbu f'oħra, u seħħew dawn is-sinjali kollha dakinhar stess. [1Sam:10:10] Kif wasal minn hemm fuq l-għolja ltaqa' ma' qatgħa profeti, u niżel fuqu u ħatfu l-ispirtu ta' Alla, u ntilef f'estasi ta' profeta f'nofshom. [1Sam:10:11] Xħin dawk kollha li kienu jafuh qabel rawh f'estasi ta' profeta, bdew jgħidu lil xulxin: “X'ġara lil bin Kis? Sawl ukoll mal-profeti?” [1Sam:10:12] Wieħed minn hemm wieġeb u qal: “Min hu missierhom?” Għalhekk xtered il-qawl: “Huwa Sawl ukoll fost il-profeti?”

[1Sam:10:13] Meta spiċċa jipprofetizza mar fuq l-għolja. [1Sam:10:14] U z-ziju ta' Sawl qal lilu u lill-qaddej tiegħu: “Fejn mortu?” u wieġeb: “Nfittxu l-ħmariet; u xħin rajna li ma kienu mkien morna għand Samwel.” [1Sam:10:15] U z-ziju ta' Sawl staqsiehom: “Għidli x'qalilkom Samwel.” [1Sam:10:16] U Sawl wieġeb lil zijuh: “Għarrafna li l-ħmariet kienu nstabu.” U fuq il-biċċa tas-sultan ma qallu xejn x'kien qallu Samwel.

Sawl ipproklamat sultan

[1Sam:10:17] Samwel laqqa' l-poplu quddiem il-Mulej f'Misfa. [1Sam:10:18] U qal lil ulied Iżrael: “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Jien tellajt lil Iżrael mill-Eġittu, u ħlistkom minn id l-Eġizzjani, u minn id is-slaten kollha li ħaqrukom. [1Sam:10:19] Imma intom illum ċħadtu lil Alla tagħkom, is-salvatur tagħkom fl-hemm u d-dwejjaq kollha, u għedtulu: 'Le! agħmlilna sultan fuqna.' Issa mela ersqu lejn il-Mulej u tqassmu skond it-tribujiet u l-familji tagħkom.” [1Sam:10:20] Samwel imbagħad ressaq it-tribujiet kollha ta' Iżrael, u ntgħażel bix-xorti t-tribù ta' Benjamin.

[1Sam:10:21] U ressaq it-tribù ta' Benjamin skond il-familji tiegħu u telgħet bix-xorti l-familja ta' Matri; u mbagħad tala' bix-xorti Sawl bin Kis, u fittxewh u ma sabuhx. [1Sam:10:22] U reġgħu staqsew lill-Mulej: “Ġie hawn ir-raġel?” U l-Mulej wieġeb: “Hawn hu moħbi qalb il-provvisti!” [1Sam:10:23] Marru jiġru, u ħaduh minn hemm u qegħduh f'nofs il-poplu, u kien jgħaddi lil kulħadd minn spallejh 'il fuq.

[1Sam:10:24] U Samwel imbagħad fisser lill-poplu kollu: “Rajtu lil min ħatar il-Mulej? M'hawnx ieħor bħalu fil-poplu kollu.” U l-poplu għolla leħnu, għajjat għajta kbira, u qal: “Viva s-sultan!”

[1Sam:10:25] Samwel imbagħad fisser lill-poplu d-dritt tas-sultan u kitbu fi ktieb u qiegħdu quddiem il-Mulej, u Samwel bagħat il-poplu kollu, kulħadd lejn daru. [1Sam:10:26] Sawl ukoll mar id-dar f'Gibgħa, u marru miegħu wkoll irġiel qalbiena, li Alla messilhom qalbhom. [1Sam:10:27] Imma xi rġiel ħżiena qalu: “Biex se jsalvana dan?” Maqdruh u ma ġibulux offerti.

11. L-ewwel rebħa ta' Sawl

[1Sam:11:1] Xi xahar wara, Naħas l-Għammoni tala' u waqqaf il-kamp f'Ġabes-gilgħad, u n-nies kollha ta' Ġabes qalu lil Naħas: “Agħmel patt magħna u naqduk.” [1Sam:11:2] U Naħas l-Għammoni weġibhom: “B'din il-kondizzjoni nagħmel patt magħkom. Naqlgħalkom ilkoll għajnkom il-leminija, u dan nagħmlu biex inġib l-għajb fuq Iżrael kollu.” [1Sam:11:3] U x-xjuħ ta' Ġabes weġbuh: “Agħtina sebat ijiem żmien biex nibagħtu messaġġiera fl-inħawi kollha ta' Iżrael, u jekk ma jkun hemm ħadd li jsalvana, aħna nċedulek.”

[1Sam:11:4] U l-messaġġiera ġew f'Gibgħa ta' Sawl, u tennew dan il-kliem li jismagħhom il-poplu, u l-poplu kollu għollew leħinhom u bdew jibku. [1Sam:11:5] U ara, Sawl kien ġej lura bil-baqar mill-għalqa u staqsiehom: “X'għandu l-poplu biex qiegħed jibki?” U qalulu x'bagħtu jgħidulhom in-nies ta' Ġabes. [1Sam:11:6] U malli sama' dan il-kliem l-ispirtu ta' Alla ħataf lil Sawl, u dan saħan u inkorla bis-sħiħ. [1Sam:11:7] Qabad żewġ gniedes, qattagħhom bċejjeċ, u bagħathom fl-inħawi kollha ta' art Iżrael ma' messaġġiera u qal: “Min ma joħroġx wara Sawl u Samwel, hekk jiġrilu mill-gniedes tiegħu.” U waqa' l-biża' tal-Mulej fuq il-poplu kollu u nġabru bħal bniedem wieħed. [1Sam:11:8] Mbagħad għaddhom f'Beżek u kienu wlied Iżrael ilaħħqu tliet mitt elf ruħ u n-nies ta' Ġuda tletin elf. [1Sam:11:9] U qal lill-messaġġiera li kienu ġew: “Dan għidu lin-nies ta' Ġabes-gilgħad: 'Għada malli tisħon ix-xemx, ikollkom is-salvazzjoni.' ” U l-messaġġiera marru, u għarrfu b'dan lin-nies ta' Ġabes-gilgħad u dawn ferħu. [1Sam:11:10] U n-nies ta' Ġabes-gilgħad imbagħad qalu lil Naħas: “Għada niġu għandkom, u għamlulna kull ma jogħġobkom.”

[1Sam:11:11] L-għada Sawl qassam il-poplu fi tliet qtajja', u daħlu f'nofs il-kamp fis-sahra ta' filgħodu, u ħabtu għall-Għammonin sa ma saħnet ix-xemx. U dawk li ħelsu xterdu b'mod li ma baqax tnejn minnhom flimkien.

[1Sam:11:12] Mbagħad il-poplu qal lil Samwel: “Min qal: 'Huwa Sawl sa jsaltan fuqna?' Agħtina 'l dawn in-nies, ħa noqtluhom.” [1Sam:11:13] U Sawl qalilhom: “Ma jmut ebda bniedem illum, għax illum il-Mulej salva lil Iżrael.”

[1Sam:11:14] U Samwel qal lill-poplu: “Qumu, ħa mmorru f'Gilgal u hemm inwettqu s-saltna.” [1Sam:11:15] U marru l-poplu kollu f'Gilgal, u pproklamaw hemm lil Sawl sultan quddiem il-Mulej f'Gilgal; u offrew sagrifiċċji tas-sliem; u Sawl u l-poplu kollu ta' Iżrael ferħu u għamlu festa kbira.

12. Samwel jirtira

[1Sam:12:1] U Samwel kellem lill-poplu ta' Iżrael kollu: “Araw, jien smajt minn kliemkom f'kull ma għedtuli, u għamiltilkom sultan fuqkom. [1Sam:12:2] U issa, araw, għandkom sultan li jimxi quddiemkom; u jien xjaħt u xagħri bjad, u wliedi hawn fostkom. Jien għext taħt għajnejkom sa minn żgħoriti sa llum. [1Sam:12:3] Hawn jien: ixhdu għalija quddiem il-Mulej u s-sultan il-midluk tiegħu. Lil min jien qatt ħadt xi gendus, u l-ħmar ta' minn qatt ħadt? Lil min qatt sraqt? Lil min qatt ħraqt? Mingħand min qatt ħadt jien xi rigal biex għamieli għajnejja? Ixhdu għalija, u jien inroddhulkom.”

[1Sam:12:4] U huma wieġbu: “Int qatt ma sraqtna, u qatt ma ħqartna, u qatt ma ħadt xejn minn għandna.” [1Sam:12:5] U hu qalilhom: “Jixhed il-Mulej għalikom, u jixhed is-sultan il-midluk tiegħu li ma sibtu xejn f'idejja minn ħwejjiġkom.” U wieġbu: “Huwa xhud!”

[1Sam:12:6] U Samwel qal lill-poplu: “Iva, il-Mulej kien li qajjem lil Mosè u lil Aron, u li talla' 'l missirijietkom mill-art ta' l-Eġittu. [1Sam:12:7] Mela issa, ersqu 'l hawn ħalli nagħmel ġudizzju minnkom quddiem il-Mulej, u ngħidilkom il-ġid kollu li l-Mulej għamel magħkom, u ma' missirijietkom. [1Sam:12:8] Meta niżel Ġakobb l-Eġittu, u hemm ħaqruhom l-Eġizzjani, missirijietkom għajjtu lill-Mulej, u l-Mulej bagħat lil Mosè u lil Aron, u ħarġu lil missirijietkom mill-Eġittu u qegħduhom f'dan il-post. [1Sam:12:9] Imma huma nsew lill-Mulej, Alla tagħhom, u biegħhom f'idejn Sisera, il-kmandant ta' l-eżerċtu ta' Ħasor, u f'idejn il-Filistin, u f'idejn is-sultan ta' Mowab, u għamlulhom gwerra. [1Sam:12:10] U huma għajjtu lill-Mulej u qalu: 'Dnibna, għax tlaqna lill-Mulej u qdejna lill-Bagħlim u Għastarot. Issa eħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna, u naqduk.'

[1Sam:12:11] “U l-Mulej bagħat lil Ġerub-bagħal, u lil Barak, u 'l Ġeftaħ, u 'l Samwel. U ħeliskom minn idejn l-għedewwa ta' madwarkom, u għextu fis-sliem u fiż-żgur. [1Sam:12:12] Meta rajtu li Naħas, is-sultan ta' wlied Għammon, ġej għalikom, għedtuli: 'Le! Sultan għandu jsaltan fuqna,' filwaqt li l-Mulej, Alla tagħkom, hu s-sultan tagħkom. [1Sam:12:13] Araw issa s-sultan li intom ħtartu, li intom tlabtu. Araw, il-Mulej għamlilkom sultan fuqkom. [1Sam:12:14] Jekk intom tibżgħu mill-Mulej, u taqduh, u tisimgħu minn kliemu, u ma tmerux li jgħidilkom il-Mulej, jekk intom u s-sultan tagħkom, li jsaltan fuqkom, timxu wara l-Mulej, Alla tagħkom, intom tgħixu. [1Sam:12:15] Imma jekk ma tisimgħux minn kliem il-Mulej, u tmieru dak li jgħidilkom il-Mulej, id il-Mulej tkun fuqkom, u fuq is-sultan tagħkom.

[1Sam:12:16] ̋U issa oqogħdu, u araw dan l-għaġeb kbir, li se jagħmel il-Mulej quddiem għajnejkom. [1Sam:12:17] M'huwiex żmien il-ħsad illum? Jien insejjaħ il-Mulej u jibgħat ragħad u xita, u tkunu tafu u taraw x'ħażen kbir għamiltu f'għajnejn il-Mulej meta tlabtu sultan għalikom.” [1Sam:12:18] U Samwel sejjaħ il-Mulej, u l-Mulej bagħat ragħad u xita dakinhar, u l-poplu baża' ħafna mill-Mulej u minn Samwel. [1Sam:12:19] U l-poplu kollu qal lil Samwel: “Itlob għall-qaddejja tiegħek lill-Mulej, Alla tiegħek, li ma mmutux għax issuktajna nżidu ma' ħtijietna kollha billi tlabna sultan fuqna.” [1Sam:12:20] U Samwel wieġeb lill-poplu: “La tibżgħux! Intom għamiltu dan il-ħażen kollu; madankollu twarrbux mill-Mulej, imma aqdu lill-Mulej b'qalbkom kollha. [1Sam:12:21] La ddurux għal wara l-allat fiergħa, li ma jistgħux u la jgħinukom u lanqas isalvawkom, għax huma allat foloz. [1Sam:12:22] Żgur li l-Mulej ma jarmix il-poplu tiegħu minħabba l-kobor ta' ismu; għax il-Mulej għoġbu jagħmel minnkom il-poplu tiegħu. [1Sam:12:23] Min-naħa tiegħi, mbagħad ma jkun qatt li nidneb u ma nitlobx għalikom quddiem il-Mulej, u ma nurikomx it-triq it-tajba u s-sewwa. [1Sam:12:24] Biss ibżgħu mill-Mulej u aqduh minn qalbkom bis-sinċerità kollha. Qisu dejjem il-ħwejjeġ kbar li għamel magħkom. [1Sam:12:25] Imma jekk tagħmlu l-ħażin tinqerdu, intom u s-sultan tagħkom.”

13. L-ewwel dnub ta' Sawl

[1Sam:13:2] U Sawl għażel tlitt elef raġel minn Iżrael, elfejn minnhom kienu ma' Sawl f'Mikmas fuq l-għolja ta' Betel, u elf kienu ma' Ġonatan fuq Gibgħa ta' Benjamin, u l-bqija tan-nies bagħathom ilkoll, kulħadd fl-għarix tiegħu. [1Sam:13:3] Ġonatan ħabat għall-għassa tal-Filistin li kien hemm f'Geba; il-Filistin semgħu u Sawl daqq it-tromba fl-art kollha, u ħabbar: “Ħa jisimgħu l-Għebrej.” [1Sam:13:4] U Iżrael kollu semgħu u qalu: “Sawl ħabat għall-għassa tal-Filistin, u issa Iżrael mistmell fost il-Filistin.” U l-poplu nġama' wara Sawl f'Gilgal.

[1Sam:13:5] Il-Filistin inġabru biex jitqabdu kontra Iżrael bi tletin elf karru, u sitt elef ruħ fuq iż-żiemel, u poplu daqs ir-ramel ta' xatt il-baħar; u telgħu u waqqfu l-kamp f'Mikmas fuq il-lvant ta' Bet-awen. [1Sam:13:6] Malli n-nies ta' Iżrael raw li kienu marsusa u l-poplu megħlub, il-poplu staħba fl-għerien u l-ħofor, fil-blat, taħt l-art u fil-ġwiebi. [1Sam:13:7] U ħafna mill-poplu qasmu l-Ġordan lejn l-art ta' Gad u Gilgħad; imma Sawl baqa' f'Gilgal, u l-poplu kollu mriegħed warajh.

[1Sam:13:8] U stenna sebat ijiem daqs kemm kien ftiehem miegħu Samwel; imma Samwel ma ġiex f'Gilgal u l-poplu beda jitilqu. [1Sam:13:9] U Sawl qal: “Ġibuli l-vittma għas-sagrifiċċju tal-ħruq u għas-sagrifiċċju tas-sliem.” U offra s-sagrifiċċju tal-ħruq. [1Sam:13:10] U ġara li kif temm joffri s-sagrifiċċju, wasal Samwel, u Sawl ħareġ jilqgħu u jagħtih il-merħba. [1Sam:13:11] U Samwel qallu: “X'għamilt?” U Sawl wieġeb: “Rajt li l-poplu beda tielaq minn miegħi u int ma ġejtx fil-jum li ftehemna, u l-Filistin inġabru f'Mikmas [1Sam:13:12] u għedt: 'Issa l-Filistin jinżlu għalija f'Gilgal u jien ma nkunx tlabt lill-Mulej!' Għalhekk għamilt il-qalb u offrejt is-sagrifiċċju.” [1Sam:13:13] U Samwel wieġeb lil Sawl: “Tbellaht li ma smajtx mill-ordni li tak il-Mulej, Alla tiegħek; kieku l-Mulej ġa wettaq is-saltna tiegħek fuq Iżrael għal dejjem. [1Sam:13:14] Issa s-saltna tiegħek ma żżommx. Il-Mulej ifittex bniedem ieħor għal qalbu, u l-Mulej iqiegħdu prinċep fuq il-poplu tiegħu, għax int ma smajtx dak li ordnalek il-Mulej.”

[1Sam:13:15] U Samwel qam u tala' minn Gilgal għal Gibgħa ta' Benjamin; Sawl imbagħad għadd in-nies li kienu miegħu, li kienu jlaħħqu sitt mitt raġel. [1Sam:13:16] U Sawl u ibnu Ġonatan, u l-poplu li kien magħhom, kienu qegħdin f'Gibgħa ta' Benjamin u l-Filistin fil-kamp f'Mikmas.

[1Sam:13:17] Mill-kamp tal-Filistin ħarġu tliet qatet ta' nies għat-tħarbit, u tqassmu fi tliet toroq; waħda qabdet it-triq ta' Għofra lejn il-pajjiż ta' Sugħal; [1Sam:13:18] l-oħra, it-triq li tieħu għal Bet-ħoron; u t-tielet waħda t-triq ta' Geba, li tħares fuq il-wied ta' Sebogħim, in-naħa tad-deżert.

[1Sam:13:19] F'art Iżrael kollha ma kienx hemm ħaddied, għax il-Filistin kienu qalu: “Li ma jmorrux jagħmlu l-Għebrej xwabel u lanez!” [1Sam:13:20] U l-Iżraelin ilkoll kienu jinżlu għand il-Filistin isinnu kull wieħed is-sikka tiegħu u l-għatla tiegħu, u l-fies u l-minġel tiegħu. [1Sam:13:21] U t-tisnin tax-xifer tas-sikka u ta' l-għatla kien jitħallas bit-tielet waħda ta' xekel, u hekk ukoll if-fies u t-traqqiq ta' niggieża. [1Sam:13:22] U ġara li f'jum it-taqbida ma kinitx tinsab xabla jew lanza f'idejn il-poplu li kien ma' Sawl u ma' Ġonatan ibnu; kien hemm waħda biss għal Sawl, u oħra għal Ġonatan.

Ġonatan jaħbat għall-Filistin

[1Sam:13:23] L-għassa tal-Filistin ħarġet u ħadu f'idejhom il-mogħdija ta' Mikmas.

14. Ġonatan jaħbat għall-Filistin

[1Sam:14:1] Jum minnhom Ġonatan bin Sawl qal lill-iskudier żagħżugħ tiegħu: “Ejja naqsmu għal kontra l-għassa tal-Filistin li qegħdin in-naħa l-oħra”; u 'l missieru ma qallux. [1Sam:14:2] Sawl kien taħt ir-rummiena ta' Migron fit-trufijiet ta' Gibgħa, u n-nies li kienu miegħu kienu jlaħħqu mas-sitt mitt ruħ. [1Sam:14:3] U Aħija bin Aħitub, hu Ikabod, bin Fineħas, bin Għeli, il-qassis tal-Mulej f'Silo, kellu fuqu l-efod, u l-poplu ma kienx jaf li Ġonatan kien telaq.

[1Sam:14:4] U bejn il-mogħdijiet, li kien qiegħed ifittex Ġonatan li jgħaddi minnhom lejn l-għassa tal-Filistin, kien hemm blata wieqfa fuq naħa, u blata oħra wieqfa fuq in-naħa l-oħra; u blata minnhom kien jisimha Buses, u isem l-oħra kien Seni. [1Sam:14:5] Il-blata l-waħda kienet in-naħa tat-tramuntana biswit Mikmas, u l-blata l-oħra n-naħa tan-nofsinhar biswit Gibgħa.

[1Sam:14:6] Ġonatan qal lill-iskudier żagħżugħ tiegħu: “Ejja naqsmu għal ħdejn l-għassa ta' dawn in-nies bla ħtin. Għandu mnejn il-Mulej jagħmel xi ħaġa għalina, għax m'hemmx xi jżomm il-Mulej, jekk irid, li jsalvana b'ħafna jew bi ftit nies.” [1Sam:14:7] U l-iskudier wieġbu: “Agħmel kull ma tixtieq qalbek. Hawn jien miegħek; qalbek qalbi.” [1Sam:14:8] U Ġonatan wieġeb: “Arana, aħna sejrin lejn dawn in-nies, u nuru ruħna lilhom. [1Sam:14:9] Issa jekk jgħidulna: 'Ieqfu hemm sakemm niġu ħdejkom,' nieqfu fejn inkunu, u ma nitilgħux għalihom. [1Sam:14:10] Imma jekk jgħidulna: 'Itilgħu ħdejna,' nitilgħu, għax il-Mulej ikun erħihomlna f'idejna. Dan hu s-sinjal għalina.”

[1Sam:14:11] It-tnejn dehru quddiem l-għases tal-Filistin, u l-Filistin qalu: “Araw l-Għebrej ħerġin mill-ħofor li nħbew fihom.” [1Sam:14:12] Mbagħad in-nies ta' l-għassa kellmu lil Ġonatan u 'l-iskudier tiegħu u qalulhom: “Itilgħu ħdejna, għax għandna ħaġa x'ngħidulkom.” U Ġonatan qal lill-iskudier tiegħu: “Itla' warajja, għax il-Mulej tahom f'idejn Iżrael.” [1Sam:14:13] U Ġonatan tala' fuq idejh u fuq riġlejh, u l-iskudier tiegħu warajh. U l-Filistin bdew jaqgħu fl-art quddiem Ġonatan, u l-iskudier joqtolhom warajh. [1Sam:14:14] Din l-ewwel qerda minn Ġonatan u l-iskudier tiegħu kienet ta' xi għoxrin raġel minnhom, f'tul ta' nofs radda ħrit f'nofs tomna raba'. [1Sam:14:15] U l-biża' xtered mal-kamp, fir-raba' u fil-poplu kollu. In-nies ta' l-għassa u l-qtajja' li ħarġu jħarbtu l-art, tkexkxu huma wkoll, u triegħdet l-art, u ntilfu f'biża' kbir.

It-tħarbit tal-Filistin

[1Sam:14:16] U l-għassiesa ta' Sawl li kienu f'Gibgħa ta' Benjamin raw dik il-kotra mxerrda sejra 'l hemm u 'l hawn. [1Sam:14:17] U Sawl qal lin-nies li kellu miegħu: “Għoddu n-nies u araw min naqas minn magħna.” U raw li kienu nieqsa Ġonatan u l-iskudier tiegħu. [1Sam:14:18] U Sawl qal lil Aħija: “Ġib l-efod” (għax dakinhar l-efod kien f'nofs ulied Iżrael). [1Sam:14:19] Waqt li Sawl kien qiegħed ikellem lill-qassis, l-għagħa fil-kamp tal-Filistin baqgħet sejra titqawwa, u Sawl qal lill-qassis: “Niżżel idek.” [1Sam:14:20] U Sawl u n-nies li kellu miegħu b'għajta kbira rħewlha għat-taqbida, u sabu taħwida kbira, kulħadd bix-xwabel wieħed kontra l-ieħor. [1Sam:14:21] U l-Għebrej, li qabel kienu mal-Filistin u li kienu magħhom fil-kamp, daru kontrihom u ma’ l-Iżraelin li kienu ma' Sawl u Ġonatan. [1Sam:14:22] U dawk l-Iżraelin li kienu moħbiija fil-muntanji ta' Efrajm, malli semgħu li l-Filistin kienu ħarbu, għamlu għal warajhom u rassew fuqhom huma wkoll.

[1Sam:14:23] Hekk il-Mulej dakinhar ħeles lil Iżrael.

Ġonatan jikser il-wegħda ta' Sawl

It-taqbida laħqet sa Bet-awen; [1Sam:14:24] u dakinhar l-Iżraelin infnew u Sawl ġagħal lill-poplu jaħlef u qallu: “Misħut il-bniedem li jiekol xi ikel qabel ma jidlam u nitħallas mill-għedewwa tiegħi.” U ħadd ma kiel xejn. [1Sam:14:25] U kien hemm ħafna għasel fir-raba'. [1Sam:14:26] Meta l-poplu wasal fil-foresta ra l-għasel iqattar, imma ħadd minnhom ma ressaq idu lejn ħalqu, għax il-poplu baża' mill-ħalfa.

[1Sam:14:27] Ġonatan ma kienx sama' bil-ħalfa li missieru ġagħal lill-poplu jagħmel, u medd it-tarf tal-ħatar li kellu f'idu, u deffsu f'xehda għasel, u ressaq idu lejn ħalqu, u għajnejh ħadu d-dawl. [1Sam:14:28] U wieħed mill-poplu kellmu u qallu: “Missierek ġagħal lill-poplu jaħlef u qallu: 'Misħut il-bniedem li jiekol xi ħaġa llum.' ” Issa l-poplu kien mifni. [1Sam:14:29] U Ġonatan qal: “Missieri għamel il-ħsara lill-pajjiż. Araw kif ħadu d-dawl għajnejja, għax doqt dan id-daqsxejn għasel. [1Sam:14:30] Kemm aktar kieku l-poplu kiel mill-priża li sab ta' l-għedewwa llum! Kemm kienet tkun akbar il-qerda tal-Filistin!”

[1Sam:14:31] Dakinhar huma kissru l-Filistin minn Mikmas sa Ajjalon, imma l-poplu għeja għall-aħħar. [1Sam:14:32] U nxteħtu fuq il-priża, u ħadu nagħaġ, u baqar, u għoġiela, u qatluhom fl-art, u l-poplu kiel il-laħam bid-demm.” [1Sam:14:33] U lil Sawl qalulu: “Ara, il-poplu dineb kontra l-Mulej għax kiel il-laħam bid-demm.” U Sawl wieġeb: “Għamiltu ħażin. Ġibuli ġebla kbira llum.” [1Sam:14:34] U raġa’ qal Sawl: “Morru fost il-poplu u għidulhom: 'Ġibu lejja kull wieħed il-gendus u kull wieħed in-nagħġa tiegħu, u oqtluhom hawn, u tiklux bid-demm biex ma tidinbux kontra l-Mulej.' ” U l-poplu ressaqlu kull wieħed kull ma ġie f'idejh dak il-lejl, u qatluhom hemm.

[1Sam:14:35] U Sawl bena artal lill-Mulej; l-ewwel artal li bena lill-Mulej.

[1Sam:14:36] U Sawl qal: “Ħalli ninżlu għal wara l-Filistin mal-lejl, u naħtfu priża kemm nifilħu sa ma jisbaħ għada, u ma nħallux bniedem wieħed ħaj minnhom.” U weġbuh: “Kull ma jogħġbok nagħmluh!” Imma l-qassis qallu: “Ħa nersqu quddiem Alla.” [1Sam:14:37] U Sawl staqsa lil Alla: “Ninżel jien għal wara l-Filistin? Titlaqhom int f'idejn l-Iżraelin?” U dakinhar Alla ma weġbux. [1Sam:14:38] U Sawl qal: “Ersqu 'l hawn intom ilkoll, il-kapijiet tal-poplu; u tkixxfu, u araw b'min saret din il-ħtija llum. [1Sam:14:39] Għax daqs kemm hu ħaj il-Mulej, is-salvatur ta' Iżrael, mqar jekk il-ħtija tkun f'ibni Ġonatan, żgur li noqtlu.” U ħadd mill-poplu ma wieġeb xejn. [1Sam:14:40] Mbagħad qal lil Iżrael kollu: “Intom oqogħdu f'naħa, u jien u ibni Ġonatan noqogħdu f'oħra.” U l-poplu wieġeb lil Sawl: “Agħmel li jogħġbok.” [1Sam:14:41] U Sawl qal lill-Mulej Alla ta' Iżrael: “Għaliex ma weġibtx lill-qaddej tiegħek illum, u ma għedtlix jekk din il-ħtija hijiex fija jew f'ibni Ġonatan? O Mulej, Alla ta' Iżrael, jekk inhi fija jew f'Ġonatan agħti t-Tummim.” U ntgħażlu Ġonatan u Sawl; u l-poplu ħareġ ħieles. [1Sam:14:42] Mbagħad Sawl qal: “Itfgħu x-xorti bejni u bejn Ġonatan.” U ntgħażel Ġonatan. [1Sam:14:43] U Sawl qal lil Ġonatan: “Għidli x'għamilt.” U Ġonatan għarrfu u qallu: “Doqt b'tarf il-ħatar li kelli f'idi daqsxejn għasel. Hawn jien lest għall-mewt.” [1Sam:14:44] U Sawl qal: “Dan jagħmilli u aktar il-Mulej; Ġonatan, tmut żgur.” [1Sam:14:45] U l-poplu wieġeb lil Sawl: “Sa jmut Ġonatan li ġieb din ir-rebħa kbira għal Iżrael? Ma jkun qatt. Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, ma taqax xagħra waħda minn rasu fl-art; għax il-Mulej kien miegħu biex għamel dan illum.” U l-poplu salva lil Ġonatan, u dan ma mietx. [1Sam:14:46] U Sawl ma baqax jiġri wara l-Filistin, għax dawn laħqu reġgħu lura lejn darhom.

Ir-rebħ ta' Sawl u daru

[1Sam:14:47] Sawl ħa s-saltna ta' Iżrael f'idejh u għamel gwerra lill-għedewwa tiegħu kollha ta' madwaru: lil Mowab, lil ulied Għammon, lil Edom, lis-slaten ta' Soba, lill-Filistin, u għal kull fejn kien idur kien jirbaħ. [1Sam:14:48] Wera ħila billi kisser lil Għamalek u ħeles lil Iżrael minn id dawk li kienu jisirquhom.

[1Sam:14:49] Ulied Sawl kienu: Ġonatan, Ġiswi, u Malkisugħa u żewġt ibniet li kien jisimhom: il-kbira, Merab, u ż-żgħira, Mikal. [1Sam:14:50] Mart Sawl kien jisimha Aħinogħam bint Aħimagħas; u l-kmandant ta' l-eżerċitu tiegħu kien jismu Abner bin Ner, iz-ziju ta' Sawl. [1Sam:14:51] Kis, missier Sawl, u Ner, missier Abner, kienu wlied Abijel.

[1Sam:14:52] Qalila kienet il-gwerra kontra l-Filistin iż-żmien kollu tas-saltna ta' Sawl; kull raġel qalbieni u kull raġel b'saħħtu li kien jara, Sawl kien iqabbdu miegħu.

15. Sawl ikisser lill-Għamalekin

[1Sam:15:1] Samwel qal lil Sawl: “Il-Mulej bagħatni nikkonsagrak sultan fuq il-poplu tiegħu Iżrael u issa isma' l-kelma tal-Mulej. [1Sam:15:2] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 'Qtajtha li nħallas lil Għamalek ta' kull ma għamel Għamalek lil Iżrael, meta għalaqlu t-triq hu u tiela' mill-Eġittu. [1Sam:15:3] Issa qum u aħbat għal Għamalek, u eqred lilu u kull ma għandu; la tħennx għalih, eqridlu rġiel u nisa, tfal u trabi, baqar u nagħaġ, iġmla u ħmir.’ ”

[1Sam:15:4] Mbagħad Sawl sejjaħ lill-poplu u għaddu f'Telam, u sab mitejn elf fanterija, u għaxart elef raġel minn Ġuda. [1Sam:15:5] Sawl wasal f'belt ta' Għamalek, u waqaf jissajja fil-wied. [1Sam:15:6] Sawl qal lill-Kenin: “Itilqu, warrbu, u oħorġu minn nofs Għamalek, li ma neqridkomx magħhom. Intom urejtu ħniena ma' wlied Iżrael kollha, huma u telgħin mill-Eġittu.” U l-Kenin warrbu minn nofs Għamalek.

[1Sam:15:7] Sawl kisser lil Għamalek minn Ħawila sa Sur, fil-lvant ta' l-Eġittu. [1Sam:15:8] U qabad ħaj lil Agag, sultan ta' Għamalek, u qered il-poplu kollu b'xifer ix-xabla. [1Sam:15:9] U Sawl u l-poplu ħafruha lil Agag, u lill-aħjar ta' l-imrieħel u l-baqar, l-ismen fosthom u l-ħrief, u kull ma kien tajjeb, u ma ridux jeqirduhom: imma qerdu kull ma kien ħażin u ma jiswiex.

Samwel iċanfar lil Sawl

[1Sam:15:10] U l-Mulej kellem lil Samwel u qallu: [1Sam:15:11] “Jisgħob bija li għamilt lil Sawl sultan, għaliex raġa’ lura minn warajja, u ma żammx kliemi.” Samwel inkorla, u beda jgħajjat quddiem il-Mulej il-lejl kollu. [1Sam:15:12] Fil-għodu qam kmieni u mar jiltaqa' ma' Sawl, u għarrfuh u qalulu: “Sawl mar lejn il-muntanja tal-Karmel, u hemm waqqaf plier b'tifkira għalih innifsu, u għadda u niżel Gilgal.” [1Sam:15:13] Samwel resaq lejn Sawl, u Sawl qallu: “Mbierek int mill-Mulej! Jien żammejt kelmet il-Mulej.” [1Sam:15:14] U Samwel wieġeb: “U x'inhu dan il-ħoss ta' l-imrieħel li wasal f'widnejja, u l-gargir tal-baqar li qiegħed nisma’?” [1Sam:15:15] U Sawl wieġeb: “Ġibuhom mingħand l-Għamalekin, għax il-poplu għoġbuh l-aħjar ta' l-imrieħel u l-baqar biex joffruhom b'sagrifiċċju lill-Mulej, Alla tiegħek, u l-bqija qridnieh.”

[1Sam:15:16] Samwel qal lil Sawl: “Biżżejjed! Ħalli nuri x'qalli l-Mulej dal-lejl.” “Tkellem!” qallu dak. [1Sam:15:17] U Samwel qal: “Jaqaw m'hux veru li, għalkemm int kont ċkejken f'għajnejk stess, int sirt prinċep fuq it-tribujiet ta' Iżrael, u l-Mulej dilkek sultan ta' Iżrael? [1Sam:15:18] U l-Mulej bagħtek fi triqtek u qallek: 'Mur u eqred dawk il-midinbin, l-Għamalekin; aħbat għalihom sakemm teqridhom għalkollox.' [1Sam:15:19] L-għala, mela, ma smajtx mill-kelma tal-Mulej, u nxtħett fuq il-priża u għamilt il-ħażin f'għajnejn il-Mulej?” [1Sam:15:20] U Sawl wieġeb lil Samwel: “Jien smajt mill-kelma tal-Mulej! U qbadt it-triq li fiha bagħatni l-Mulej, ġibt miegħi lil Agag, sultan ta' Għamalek, u qridt l-Għamalekin. [1Sam:15:21] Il-poplu ħa mill-priża nagħaġ u baqar, l-aħjar minn dawk li kienu mitluqa għall-qerda, biex joffrihom lill-Mulej, Alla tiegħek, f'Gilgal.” [1Sam:15:22] U Samwel wieġeb: “Jaqaw il-Mulej jogħġbuh il-vittmi tal-ħruq u s-sagrifiċċji aktar mis-smigħ tal-kelma tal-Mulej?

Ara, l-ubbidjenza hi aqwa mis-sagrifiċċji;
is-smigħ, aħjar mix-xaħam tal-muntun.
[1Sam:15:23] Ir-ribelljoni daqs id-dnub tas-seħer,
u li twebbes rasek daqs il-ħażen tal-qima tax-xbihat.
Għax int warrabt il-kelma tal-Mulej,
hu se jwarrab lilek minn sultan!”

[1Sam:15:24] U Sawl qal lil Samwel: “Dnibt għax ksirt il-kelma tal-Mulej u kelmtek, għax bżajt mill-poplu u smajt minn kliemhom. [1Sam:15:25] Issa aħfirli ħtijieti, u erġa’ ejja miegħi biex nagħti qima lill-Mulej.” [1Sam:15:26] U Samwel qal lil Sawl: “Ma nerġax niġi miegħek għax int warrabt il-kelma tal-Mulej, u l-Mulej warrab lilek, u ma tibqax iżjed sultan fuq Iżrael.”

[1Sam:15:27] Samwel dar biex jitlaq u Sawl qabadlu djul il-mantar u dan iċċarrat. [1Sam:15:28] U Samwel qallu: “Il-Mulej illum ċarrat is-saltna ta' Iżrael minn fuqek, u taha lil wieħed aħjar minnek. [1Sam:15:29] Il-Mulej, il-glorja ta' Iżrael, ma jigdibx u ma jbiddilx fehmtu, għax m'hux bniedem biex jindem.” [1Sam:15:30] U Sawl wieġeb: “Dnibt! Imma issa agħtini l-ġieħ quddiem ix-xjuħ tal-poplu tiegħi u quddiem Iżrael. Erġa’ ejja miegħi, ħa nagħti l-qima lill-Mulej, Alla tiegħek!” [1Sam:15:31] U Samwel raġa’ mar ma' Sawl, u Sawl ta qima lill-Mulej.

[1Sam:15:32] U Samwel qal lil Sawl: “Ressaqli quddiemi lil Agag, is-sultan ta' Għamalek.” U ġieblu quddiemu lil Agag is-sultan jitriegħed, u Agag qallu: “Tabilħaqq għadda l-imrar tal-mewt!” [1Sam:15:33] Imma Samwel wieġeb: “Bħalma int ċaħħadt b'idejk lil ħafna nisa minn uliedhom, hekk ommok tibqa' bla wlied.” U lil Agag għamlu bċejjeċ quddiem il-Mulej f'Gilgal. [1Sam:15:34] Mbagħad Samwel mar Rama, u Sawl raġa’ tala' d-dar tiegħu f'Gibgħa ta' Sawl. [1Sam:15:35] Qatt iżjed, sa ma miet, ma ra Samwel lil Sawl. Samwel beka lil Sawl; imma Alla nidem li kien għamel lil Sawl sultan ta' Iżrael.

16. Il-konsagrazzjoni ta' David

[1Sam:16:1] Il-Mulej kellem lil Samwel: “Kemm se ddum qalbek sewda għal Sawl, meta jien neħħejtu minn sultan fuq Iżrael? Imla l-qarn biż-żejt u itlaq. Jien se nibagħtek għand Ġesse l-Betlemita, għaliex minn fost uliedu jien għażilt għalija sultan.” [1Sam:16:2] Samwel wieġeb: “Kif nista' mmur? Jekk ikun jaf Sawl, joqtolni!” Il-Mulej wieġbu: “Ħu għoġla miegħek; għid li mort biex tagħmel sagrifiċċju lill-Mulej. [1Sam:16:3] Sejjaħ lil Ġesse għas-sagrifiċċju; jien imbagħad nurik x'tagħmel; u lil min ngħidlek, tidlikhuli sultan.”

[1Sam:16:4] U Samwel għamel kull ma qallu l-Mulej u mar Betlehem. Ix-xjuħ tal-belt marru jilqgħuh imriegħda, u staqsewh: “Ġejt hawn bis-sliem?” [1Sam:16:5] U hu wieġeb: “Bis-sliem. Ġejt biex noffri sagrifiċċju lill-Mulej. Tqaddsu u ejjew miegħi għas-sagrifiċċju.” U hu qaddes lil Ġesse u 'l uliedu u sejjħilhom għas-sagrifiċċju.

[1Sam:16:6] Ġara li, malli waslu, Samwel ra lil Elijab u qal: “Hawn quddiem il-Mulej il-midluk tiegħu?” [1Sam:16:7] U l-Mulej qal lil Samwel: “Tħarisx lejn is-sura tiegħu, jew it-tul ta' persuntu, għax jien diġà warrabtu. Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb.” [1Sam:16:8] Ġesse sejjaħ lil Abinadab u ressqu quddiem Samwel, u dan qal: “Anqas lil dan ma ħatar il-Mulej.” [1Sam:16:9] U Ġesse ressaq lil Samma. Samwel qal: “Anqas lil dan ma ħatar il-Mulej.” [1Sam:16:10] Ġesse ressaq quddiem Samwel sebgħa minn uliedu; imma Samwel qallu: “Il-Mulej ma ħatar lil ħadd minn dawn.” [1Sam:16:11] U ssokta jgħidlu: “Dawn huma t-tfal kollha?” “Għad fadal iż-żgħir,” wieġbu Ġesse, “qiegħed jirgħa n-nagħaġ.” U Samwel qal lil Ġesse: “Ibgħat għalih u ġibu, għax ma noqogħdux fuq il-mejda qabel ma jiġi hawn.” [1Sam:16:12] U bagħat għalih u ġiebu: kien żagħżugħ ruxxan, għajnejh ħelwin, u sabiħ fis-sura tiegħu. U l-Mulej qal lil Samwel: “Qum u idilku, għax dan hu.” [1Sam:16:13] U Samwel ħa f'idejh il-qarn biż-żejt, u dilku quddiem ħutu. Minn dakinhar 'il quddiem niżel fuq David u ħakmu l-ispirtu tal-Mulej.

U Samwel qam u mar Rama.

David fil-palazz ta' Sawl

[1Sam:16:14] L-ispirtu tal-Mulej warrab minn Sawl; u l-Mulej bagħat fuqu spirtu ħażin biex iħabbtu. [1Sam:16:15] U l-qaddejja ta' Sawl qalulu: “ara, spirtu ħażin mingħand Alla qiegħed fuqek. [1Sam:16:16] Ħa jgħid kelma Sidna, u aħna l-qaddejja tiegħek hawn quddiemek, lesti biex infittxu raġel li jaf idoqq l-arpa, u kull meta jaħtfek l-ispirtu ħażin ta' Alla jdoqqlok b'idejh, u int tħossok aħjar.” [1Sam:16:17] U Sawl wieġeb lill-qaddejja tiegħu: “Sibuli raġel li jaf idoqq tajjeb, u ġibuhuli.” [1Sam:16:18] U wieħed miż-żgħażagħ wieġeb: “Araw! Jien rajt wieħed bin Ġesse, il-Betlemita, li jaf idoqq, bniedem qalbieni, jinqala' għall-gwerra, għaqli fi kliemu, u raġel sabiħ, u l-Mulej miegħu.”

[1Sam:16:19] U Sawl bagħat messaġġiera għand Ġesse jgħidulu: “Ibgħatli lil David, ibnek, li qiegħed mal-merħla.” [1Sam:16:20] U Ġesse ħa ħmar, għabbieh bil-ħobż, u żaqq inbid, u gidi u bagħathom ma' David, ibnu, lil Sawl. [1Sam:16:21] U David mar għand Sawl, u baqa' miegħu; u dan ħabbu ħafna, u għamlu l-iskudier tiegħu. [1Sam:16:22] U Sawl bagħat jgħid lil Ġesse: “Ħa jibqa' miegħi għax ħadt grazzja miegħu.” [1Sam:16:23] U kull meta l-ispirtu ta' Alla kien ikun fuq Sawl, David kien jaqbad l-arpa, u jdoqqha b'idu, u Sawl kien jieħu r-ruħ u jħossu tajjeb, u l-ispirtu ħażin kien iwarrab minnu.

17. David u Gulija

[1Sam:17:1] Il-Filistin inġemgħu bl-eżerċtu tagħhom għall-gwerra u ltaqgħu f'Xoku ta' Ġuda, u waqqfu l-kamp bejn Xoku u Għażeka, f'Efes-dammim. [1Sam:17:2] Sawl u n-nies ta' Iżrael inġabru u waqqfu l-kamp fil-wied ta' Ela, u tqassmu għall-ġlied kontra l-Filistin. [1Sam:17:3] U l-Filistin kienu fuq l-għolja minn naħa u l-Iżraelin fuq l-għolja min-naħa l-oħra, u l-wied bejniethom. [1Sam:17:4] U ħareġ jisfidahom raġel kampjun mill-kamp tal-Filistin, jismu Gulija, minn Gatt, twil sitt idriegħ u xiber. [1Sam:17:5] Kellu f'rasu elmu tal-bronż u kurazza maħduma qxur qxur, tiżen ħamest elef xekel bronż. [1Sam:17:6] F'riġlejh kellu xedd tal-bronż u alabarda tal-bronż fuq spallejh. [1Sam:17:7] L-għuda tal-lanza tiegħu kienet bħal motwa tan-nissieġa u l-ħadida tal-lanza kienet tiżen sitt mitt xekel ħadid; u quddiemu kien jimxi wieħed iġorrlu t-tarka. [1Sam:17:8] Waqaf u beda jgħajjat lill-qtajja' ta' Iżrael, u għidilhom: “Għalfejn ħriġtu mqassma għall-gwerra? M'iniex jien Filisti u intom l-ilsiera ta' Sawl? Agħżlu issa bniedem u jinżel għalija. [1Sam:17:9] Jekk għandu l-ħila jitqabad miegħi u joqtolni, aħna nsiru lsiera tagħkom, imma jekk negħlbu jien u noqtlu, intom tkunu lsiera tagħna u intom taqduna.” [1Sam:17:10] Mbagħad issokta jgħid il-Filisti: “Hawn jien illum nisfida l-qtajja' ta Iżrael! Agħtuni raġel u nitqabdu flimkien.”

[1Sam:17:11] Malli Sawl u Iżrael semgħu dan il-kliem tal-Filisti, triegħdu u beżgħu ħafna.

David jinżel fil-kamp

[1Sam:17:12] David kien bin raġel minn Efrata, minn Betlehem ta' Ġuda, li kien jismu Ġesse, u dan kellu tmint itfal. Dan ir-raġel fi żmien Sawl kien xiħ u mdaħħal fiż-żmien, [1Sam:17:13] u t-tlieta l-kbar minn ulied Ġesse marru għall-gwerra ma' Sawl, u t-tliet uliedu kien jisimhom: il-kbir Elijab, it-tieni Abinadab, u t-tielet Samma. [1Sam:17:14] David kien iż-żgħir; u t-tlieta l-kbar marru wara Sawl. [1Sam:17:15] David kien ġej u sejjer minn ħdejn Sawl u lura lejn Betlehem jirgħa n-nagħaġ ta' missieru.

[1Sam:17:16] Għal erbgħin jum sħaħ, fil-għodu u fil-għaxija, l-Filisti kien joħroġ wieqaf quddiemhom. [1Sam:17:17] U Ġesse qal lil ibnu David: “Ħu lil ħutek efa minn dan il-qamħ inkaljat, u dawn l-għaxar ħobżiet, u ħudhom lil ħutek fil-kamp. [1Sam:17:18] U dawn l-għaxar ġbejniet ħudhom lill-kmandant ta' l-elf, u ara ħutek humiex tajbin, u ħu ħbarhom.” [1Sam:17:19] U Sawl, u huma, u l-Iżraelin kollha kienu fil-wied ta' Ela jiġġieldu mal-Filistin.

[1Sam:17:20] David bakkar fil-għodu u ħalla l-merħla f'idejn għassies, għabba u telaq kif kien qallu Ġesse, u mar u wasal fil-kamp sewwasew meta l-qtajja' kienu ħierġa mqassma għall-ġlied, bl-għajta tal-gwerra fuq fommhom. [1Sam:17:21] U l-Iżraelin u l-Filistin tqassmu fi qtajja' kontra xulxin. [1Sam:17:22] U David ħalla l-ħwejjeġ li kellu fuqu f'idejn l-għassies, u mar jiġri lejn il-qtajja', u kif wasal staqsa jekk ħutu kinux tajbin. [1Sam:17:23] Kif kien jitkellem magħhom, il-kampjun Gulija, il-Filisti minn Gatt, ħareġ minn fost il-qtajja' tal-Filistin jgħid dak il-kliem, u semgħu David. [1Sam:17:24] U l-Iżraelin kollha malli raw dak il-bniedem, ħarbu minn quddiemu, kollhom beżgħana. [1Sam:17:25] Wieħed mill-Iżraelin qal: “Rajtuh dan ir-raġel ġej fin-nofs? Ġej jisfida lil Iżrael! Il-bniedem li joqtlu, is-sultan jagħnih bil-ġid, jagħtih lil bintu, u 'l dar missieru jeħlisha mill-ħaraġ f'Iżrael.”

[1Sam:17:26] U David kellem lin-nies li kien hemm miegħu u qalilhom: “X'jagħmlulu lir-raġel li joqtol lil dan il-Filisti, u jneħħi l-għajb minn fuq Iżrael? U min hu dan il-Filisti bla ħtin, biex jisfida lill-qtajja' ta' Alla l-ħaj?” [1Sam:17:27] U n-nies weġbuh u qalulu l-istess kliem: “Hekk jagħmlulu lir-raġel li joqtlu.” [1Sam:17:28] U Elijab, ħuh il-kbir, semgħu jitkellem man-nies, u Elijab għadab għal David u qallu: “Għalfejn ġejt hawn? U ma' min ħallejt dik id-daqsxejn ta' merħla fix-xagħri? Naf tajjeb il-kburija u l-ħażen li hemm f'qalbek! Int inżilt hawn biex tara t-taqbid.” [1Sam:17:29] U David wieġeb: “X'għamilt jien issa? M'hux kelma għedt?” [1Sam:17:30] U dar madwaru lejn wieħed ieħor u raġa’ staqsieh l-istess; u n-nies tennewlu l-istess kliem ta' qabel.

[1Sam:17:31] Il-kliem ta' David semgħuh in-nies, u wassluh lil Sawl, u dan bagħat għalih. [1Sam:17:32] U David qal lil Sawl: “Ħadd ma għandu jaqta' qalbu minn dan il-bniedem. Jien, il-qaddej tiegħek, immur niġġieled ma' dan il-Filisti.” [1Sam:17:33] U Sawl wieġeb lil David: “Int ma tistax tmur quddiem dan il-Filisti u tiġġieled miegħu, għax int għadek żagħżugħ, u hu raġel tal-ġlied sa minn żgħożitu.”

[1Sam:17:34] U David wieġeb lil Sawl: “Il-qaddej tiegħek kien għadu jirgħa n-nagħaġ ta' missieru, u meta kien jiġi xi ljun jew ors jaħtaf xi waħda mill-merħla, [1Sam:17:35] jien kont nagħmel għal warajh, nidorbu, u naħtafhielu minn ħalqu. U jekk kien idur għalija, kont naqbdu minn ilħitu, nidorbu u noqtlu. [1Sam:17:36] Il-qaddej tiegħek qatel l-iljun u l-ors; u dan il-Filisti bla ħtin ikun bħal wieħed minnhom, għaliex sfida l-eżerċti ta' Alla l-ħaj.” [1Sam:17:37] U David issokta jgħid: “Il-Mulej, li ħelisni minn ħalq l-iljun u l-ors, jeħlisni minn id dan il-Filisti.’ “Mur,” wieġeb Sawl, “u l-Mulej ikun miegħek.”

[1Sam:17:38] Sawl libbes lil David bl-armatura tiegħu, qegħedlu f'rasu elmu tal-bronż, u xiddlu l-kurazza. [1Sam:17:39] Mbagħad David tħażżem bix-xabla fuq l-armatura, u meta ġie biex jimxi, darba darbtejn, ma għamel xejn. Għalhekk qal lil Sawl: “Ma nistax nimxi b'dan kollu; m'iniex imdorri bihom.” U għalhekk neħħa kollox minn fuqu.

[1Sam:17:40] David ħa l-ħatar f'idu, għażel ħames ċagħqiet lixxi mill-wied, u qegħedhom fil-ħorġa ta' ragħaj li kellu; ħa wkoll l-iżbandola f'idu, u qarreb lejn il-Filisti. [1Sam:17:41] Il-Filisti resaq lejn David bil-mod, u raġel bit-tarka quddiemu. [1Sam:17:42] Malli lemaħ lil David, stmellu, għax rah żagħżugħ, ruxxan u sabiħ fis-sura tiegħu. [1Sam:17:43] U l-Filisti qal lil David: “Xi ħsibtni lili, xi kelb, biex ħriġt għalija bil-ħatar ?” U beda jisħet lil David bl-allat tiegħu. [1Sam:17:44] U ssokta jgħid lil David: “Ejja lejja, biex nagħti laħmek lit-tjur tas-smewwiet u lill-bhejjem ta' l-art.” [1Sam:17:45] David wieġeb lill-Filisti: “Inti ġejt lejja bix-xabla, bil-lanza u bil-vleġġa; iżda jien ġejt għalik b'isem il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' l-armata ta' Iżrael, li int sfidajt. [1Sam:17:46] Illum stess il-Mulej jagħtik f'idejja, u jien nidorbok, naqtagħlek rasek minn fuqek, u 'l ġismek u l-iġsma ta' l-armata tal-Filistin nagħtihom illum stess lit-tjur tas-smewwiet u lill-bhejjem ta' l-art. U kulħadd isir jaf li hemm Alla f'Iżrael. [1Sam:17:47] U din il-kotra tagħraf illi l-Mulej ma jsalvax bix-xabla jew bil-lanza; għax il-gwerra f'idejn il-Mulej, u llum se jitlaqkom f'idejna.”

[1Sam:17:48] Il-Filisti qam u resaq lejn David; malli dan, David mar jgħaġġel fil-post tal-ġlied jiltaqa' mal-Filisti. [1Sam:17:49] Daħħal idu fil-ħorġa, ħa minnha ċagħqa, waddabha bl-iżbandola, u laqat il-Filisti fi ġbinu: iċ-ċagħqa daħlet fi ġbinu u hu waqa' għal wiċċu fl-art. [1Sam:17:50] Hekk David rebaħ lill-Filisti bi żbandola u b'ċagħqa; laqtu u qatlu, bla xabla f'idu. [1Sam:17:51] David qabeż fuq il-Filisti, u waqaf fuqu, ħadlu x-xabla mill-għant, qatlu u qatagħlu rasu biha.

Malli l-Filistin raw li miet il-bniedem kampjun tagħhom, ħarbu.

[1Sam:17:52] U l-irġiel ta' Iżrael u Ġuda qamu u bdew jgħajjtu u ntefgħu għal fuq il-Filistin sa qrib Gatt u l-bibien ta' Għekron. U ħafna mill-Filistin baqgħu mejta fit-triq ta' Sagħrajm sa Gatt u sa Għekron. [1Sam:17:53] U malli reġgħu lura minn wara l-Filistin, l-Iżraelin ħatfu kull ma sabu fil-kamp tagħhom. [1Sam:17:54] U David ħa ras il-Filisti, u ħadha Ġerusalemm, u l-armi li kellu ħadhom fit-tinda tiegħu.

[1Sam:17:55] Meta ra lil David ħiereġ għall-Filisti, Sawl staqsa lil Abner, il-kmandant ta' l-eżerċitu: “Abner, bin min hu dan iż-żagħżugħ?” U Abner wieġeb: “Daqs kemm int ħaj, sultan, ma nafx.” [1Sam:17:56] U s-sultan qallu: “Mur u ara bin min hu ż-żagħżugħ.” [1Sam:17:57] U malli David raġa’ lura wara li kien qatel il-Filisti, mar jilqgħu Abner u ħadu quddiem Sawl, b'ras il-Filisti f'idu. [1Sam:17:58] U Sawl qallu: “Bin min int, żagħżugħ?” u David wieġbu: “Bin il-qaddej tiegħek Ġesse, il-Betlemita.”

18. Il-ħbiberija ta' David u Ġonatan

[1Sam:18:1] Malli David spiċċa jitkellem ma' Sawl, qalb Ġonatan intrabtet ma' qalb David, u Ġonatan ħabbu bħalu nnifsu. [1Sam:18:2] Dakinhar Sawl ħadu miegħu, u ma ħalliehx imur f'dar missieru. [1Sam:18:3] U Ġonatan u David għamlu patt bejniethom, għax kien iħobbu bħalu nnifsu. [1Sam:18:4] U Ġonatan neħħa l-mantar li kellu fuqu, u tah lil David, u tah ukoll l-armatura tiegħu, u saħansitra x-xabla u l-qaws u l-ħżiem li kellu.

[1Sam:18:5] U David kien joħroġ għall-ġlied, u kull fejn kien jibagħtu Sawl kien jirbaħ. U Sawl qiegħdu fuq in-nies tal-gwerra. U kien miġjub min-nies kollha u mill-qaddejja kollha ta' Sawl.

[1Sam:18:6] Ġara li, meta David raġa’ lura wara li kien qatel il-Filisti, [1Sam:18:7] ħarġu n-nisa mill-ibliet kollha ta' Iżrael bit-tnabar u bl-arpi, jgħajjtu bil-ferħ, jgħannu u jiżfnu madwar is-sultan Sawl, jaqbżu u jwieġbu 'l xulxin:

“L-eluf tiegħu qatel Sawl;
u David l-għaxriet ta' l-eluf tiegħu."

[1Sam:18:8] Dan deher ikrah f'għajnejn Sawl, u saħan bis-sħiħ: “Lil David tawh għaxriet l-eluf,” qal, “u lili tawni l-eluf; ma jonqoshomx jagħtuh ħlief is-saltna!” [1Sam:18:9] U minn dakinhar 'il quddiem beda jarah ikrah lil David.

[1Sam:18:10] L-għada, spirtu ħażin mibgħut minn Alla ħakem lil Sawl li ntilef f'dagħdigħa f'daru. David kien qiegħed idoqq l-arpa bħas-soltu, u Sawl kellu f'idejh il-lanza. [1Sam:18:11] U beda jxejjirha u jgħajjat: “Irrid noqtol lil David, u nwaħħlu mal-ħajt!” Imma David żgiċċa minn quddiemu darbtejn.

[1Sam:18:12] Sawl beda jibża' minn David, għax il-Mulej kien miegħu u tbiegħed minn Sawl. [1Sam:18:13] U dan warrbu minn quddiemu billi qiegħdu kap ta' elf ruħ; u David kien ħiereġ u dieħel quddiem il-poplu. [1Sam:18:14] David kien għaqli fl-imġiba tiegħu, għax il-Mulej kien miegħu. [1Sam:18:15] U meta Sawl kien jarah hekk għaqli, kien jibża' minnu, [1Sam:18:16] imma Iżrael u Ġuda kollha kienu jħobbu 'l David, għax kien imexxihom fit-taqbid.

[1Sam:18:17] Sawl qal lil David: “Ara għandi 'l binti l-kbira Merab. Jien nagħtihielek b'martek, biss kun gwerrier qalbieni u ġġieled il-battalji tal-Mulej.” Għax Sawl qal bejnu u bejn ruħu: “Ma nerfax idi fuqu jien, iżda jerfgħuha l-Filistin.” [1Sam:18:18] U David qal lil Sawl: “Min jien, u min hi l-familja ta' missieri fost Iżrael, biex inkun jien ħaten is-sultan ?” [1Sam:18:19] Imma ġara li meta Merab bint Sawl kienet waslet għaż-żwieġ ma' David, Sawl taha lil Għadrijel ta' Meħola b'martu.

[1Sam:18:20] Mikal, bint Sawl, kienet tħobb lil David. Sawl qalulu b'dan u din il-ħaġa għoġbitu. [1Sam:18:21] U Sawl qal: “Nagħtihielu, iżda se tkunlu xibka, għax taqa' fuqu id il-Filistin.” U Sawl qal lil David għat-tieni darba: “Illum int issir ħatni.” [1Sam:18:22] Sawl imbagħad ordna lill-qaddejja tiegħu jkellmu lil David bil-moħbi u jgħidulu: “Ara, is-sultan mgħaxxaq bik u l-qaddejja kollha tiegħu jħobbuk; għalhekk issa hu l-waqt li ssir ħaten is-sultan.” [1Sam:18:23] U l-qaddejja ta' Sawl wasslu dan il-kliem f'widnejn David, u David wieġeb: “Taħsbu intom li hi ħaġa żgħira li tkun ħaten is-sultan? Jien bniedem fqir u ma jien xejn.” [1Sam:18:24] U l-qaddejja ta' Sawl għarrfuh b'dan u qalulu: “Dan hu kliem David.”

[1Sam:18:25] U Sawl weġibhom: “Dan għidu lil David: 'Is-sultan ma jrid ebda rigal ieħor, ħlief mitt ħliefa tal-Filistin, biex jitħallas mill-għedewwa tas-sultan.’ ” Sawl kellu f'rasu li David jaqa' f'idejn il-Filistin. [1Sam:18:26] U l-qaddejja ta' Sawl wasslu dan il-kliem lil David. U din li jiżżewweġ lil bint is-sultan lil David għoġbitu.

Ma għaddiex ħafna żmien. [1Sam:18:27] David qam u ħareġ, hu u n-nies tiegħu, u qatel mitejn raġel mill-Filistin u ħa ħlifiethom, u mar jgħoddhom quddiem is-sultan biex jiżżewweġ lil bintu. U Sawl tah lil bintu Mikal b'martu.

[1Sam:18:28] Sawl ra li l-Mulej kien ma' David, u li Mikal bint Sawl kienet tħobbu. [1Sam:18:29] U baża' minn David aktar minn qabel, u sar għadu tiegħu għal ħajtu kollha.

[1Sam:18:30] U l-kapijiet tal-Filistin baqgħu joħorġu għall-ġlied, u kull darba li kienu joħorġu David kien joħroġ u juri ħila aktar mill-qaddejja kollha ta' Sawl, u ismu kien jissemma ma' kullimkien.

19. Ġonatan jaqbeż għal David

[1Sam:19:1] U Sawl qal lil Ġonatan, ibnu, u 'l-qaddejja tiegħu biex joqtlu lil David; imma Ġonatan bin Sawl kellu qalbu marbuta ma' David. [1Sam:19:2] Ġonatan għarraf lil David u qallu: “Sawl missieri qiegħed ifittex li joqtlok. Issa, mela, qis li tgħasses minn għada fil-għodu, u sib xi moħba, u żomm ruħek moħbi. [1Sam:19:3] Jien mbagħad noħroġ u noqgħod ħdejn missieri fir-raba' fejn tkun int; jien inkellem lil missieri fuqek, u jekk nara xi ħaġa ngħarrfek.” [1Sam:19:4] U Ġonatan tkellem tajjeb ma' Sawl missieru fuq David: “Ma għandux għalfejn is-sultan jagħmel dan lill-qaddej tiegħu David! Għax ma għamillek ebda tort, anzi għamillek ħafna ġid. [1Sam:19:5] Hu lagħab ħajtu f'idejh u qatel il-Filisti u l-Mulej ta rebħa kbira lil Iżrael kollu. Int rajt dan kollu u fraħt. Għaliex trid tkun ħati ta' demm innoċenti, u toqtol lil David għal xejn b'xejn?” [1Sam:19:6] Sawl sama' minn kliem Ġonatan, u ħalef u qal: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, ma jmutx żgur.” [1Sam:19:7] Ġonatan sejjaħ lil David u għarrfu b'dan kollu: mbagħad ressqu quddiem Sawl, u baqa' miegħu bħal qabel.

Mikal issalva lil David

[1Sam:19:8] U reġgħet qamet il-gwerra; u David ħareġ jitqabad mal-Filistin, u għamel ħerba sħiħa minnhom, u ħarbu minn quddiemu.

[1Sam:19:9] U l-Mulej bagħat spirtu ħażin fuq Sawl, hu u kien bilqiegħda b'lanza f'idu, u David kien qiegħed idoqq l-arpa b'idu. [1Sam:19:10] U Sawl ipprova jolqot lil David bil-lanza u jsammru mal-ħajt; imma David żgiċċa minn Sawl, u l-lanza baqgħet imwaħħla mal-ħajt; u David ħarab u ħeles.

[1Sam:19:11] Dak il-lejl Sawl bagħat l-għases jgħassulu biex joqtluh mas-sebħ. U Mikal, martu, għarrfet lil David u qaltlu: “Jekk il-lejla ma taħsibx għal rasek, għada fil-għodu tkun mejjet.” [1Sam:19:12] Mbagħad Mikal niżżlet lil David mit-tieqa, u dan qabad u telaq, u ħeles. [1Sam:19:13] U Mikal, qabdet it-terafim, għattietu u qegħditu fil-friex, ħadet biċċa xagħar tal-mogħoż, u qegħditha ħdejn rasu, u għattietu bil-ħwejjeġ.

[1Sam:19:14] Sawl bagħat messaġġiera biex jaqbdu lil David, u Mikal qaltilhom: “Marid!” [1Sam:19:15] U Sawl raġa’ bagħat il-messaġġiera jaraw lil David u qalilhom: “Ġibuhuli bil-friex b'kollox, biex noqtlu.” [1Sam:19:16] Il-messaġġiera daħlu u sabu t-terafim fil-friex bix-xagħar tal-mogħoż ħdejn rasu. [1Sam:19:17] U Sawl qal lil Mikal: “Għaliex dħaqt bija b'dan il-mod? Għaliex ħallejt l-għadu tiegħi jaħrab u jeħles minni?” U Mikal weġbitu: “Għax hu qalli: 'Ħallini mmur, inkella noqtlok.’ ”

David u Sawl f'Najot

[1Sam:19:18] U David ħarab u ħeles. U mar għand Samwel f'Rama u għarrfu b'kull ma kien għamillu Sawl. Mbagħad telqu t-tnejn, hu u Samwel, u marru joqogħdu f'Najot.

[1Sam:19:19] U għarrfu lil Sawl u qalulu: “Ara, David qiegħed f'Najot, ħdejn Rama.” [1Sam:19:20] U Sawl bagħat messaġġiera biex jaqbdu lil David, u raw qatgħa profeti mitlufa f'estasi ta' profeti, u Samwel wieqaf f'nofshom; u niżel l-ispirtu ta' Alla fuqhom u ntilfu f'estasi huma wkoll. [1Sam:19:21] Malli sar jaf, Sawl bagħat messaġġiera oħra, u dawn ukoll intilfu f'estasi; u Sawl raġa’ bagħat messaġġiera oħra għat-tielet darba, u dawn ukoll intilfu f'estasi. [1Sam:19:22] Mbagħad mar hu stess f'Rama, u malli wasal ħdejn il-ġibjun ta' Xeku staqsa u qal: “Fejn huma Samwel u David?” U weġbuh: “F'Najot ħdejn Rama.” [1Sam:19:23] U telaq minn hemm lejn Najot ħdejn Rama, u fuqu wkoll niżel l-ispirtu ta' Alla, u ntilef f'estasi, u baqa' sejjer hu u jipprofetizza sakemm wasal f'Najot ħdejn Rama. [1Sam:19:24] U hu wkoll naża' ħwejġu u ntilef f'estasi ta' profeta quddiem Samwel, u baqa' mixħut fl-art għarwien il-jum u l-lejl kollu. Għalhekk bdew jgħidu: “Sawl ukoll fost il-profeti?”

20. Il-ħbiberija ta' David u Ġonatan

[1Sam:20:1] David ħarab minn Najot ħdejn Rama u sab lil Ġonatan u staqsieh: “X'għamilt jien? X'deni għamiltlu? Fiex offendejtu 'l missierek, biex qiegħed ifittxli ħajti?” [1Sam:20:2] U wieġbu: “Ma jkun qatt! Ma tmut qatt! Ara, missieri ma jagħmel xejn, la kbir u la żgħir, mingħajr ma jgħidli; u għala għandu missieri jaħbili din il-biċċa? Ma hemm xejn.” [1Sam:20:3] U David ħalef u qal: “Missierek jaf żgur li int tħobbni, u qal: 'Ma ngħidlux b'dan lil Ġonatan, inkella jsewwed qalbu.' Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, u daqs kemm int ħaj int, pass wieħed hemm bejni u bejn il-mewt.”

[1Sam:20:4] U Ġonatan wieġeb lil David: “Għidli x'tixtieq u nagħmilhulek.” [1Sam:20:5] U David wieġeb lil Ġonatan: “Ara, għada qamar ġdid, u jien għandi noqgħod niekol mas-sultan. Ħallini mmur u ninħeba fir-raba' sat-tielet jum fil-għaxija. [1Sam:20:6] Jekk missierek jintebaħ u jistaqsi għalija, għidlu: 'David talabni fuq li talabni biex jaqbeż qabża sa daru f'Betlehem, il-belt tiegħu, għaliex hemm kellhom joffru s-sagrifiċċju ta' kull sena għal niesu kollha.' [1Sam:20:7] U jekk iwieġeb: 'Tajjeb,' il-qaddej tiegħek salv; imma jekk jinkorla, kun af li hu qatagħha li jagħmilli d-deni. [1Sam:20:8] Agħmel ħniena mal-qaddej tiegħek, għax int daħħalt il-qaddej tiegħek f'patt miegħek quddiem il-Mulej. Jekk hemm xi ħtija fija, oqtolni int; għaliex teħodni għand missierek?”

[1Sam:20:9] U Ġonatan wieġeb: “Ma jkun qatt dan minnek! Jekk inkun naf żgur li missieri jkun qatagħha li jagħmillek id-deni, int taħseb li ma ngħidlekx?” [1Sam:20:10] U David qal lil Ġonatan: “Min se jgħidli, jekk missierek iwieġbek bl-aħrax?” [1Sam:20:11] U Ġonatan wieġbu: “Ejja noħorġu fir-raba’.” U ħarġu t-tnejn fir-raba'. [1Sam:20:12] U Ġonatan qal lil David: “Xhud il-Mulej, Alla ta' Iżrael! Għada bħalissa nistħarreġ lil missieri għat-tielet darba, u jekk ikun tajjeb miegħek jew le, nibgħat ngħidlek. [1Sam:20:13] Dan jagħmel il-Mulej lil Ġonatan u aktar; anke jekk stess missieri jkun irid jagħmillek id-deni, jien ngħarrfek u nħallik tmur bis-sliem, u l-Mulej ikun miegħek bħalma kien ma' missieri. [1Sam:20:14] U jekk jien inkun għadni ħaj, jien żgur li int turi t-tjieba tal-Mulej miegħi. U jekk jien immut, [1Sam:20:15] int ma twarrab qatt it-tjieba tiegħek minn ma' dari, lanqas meta l-Mulej ikun qaċċat kull għadu ta' David minn wiċċ l-art.” [1Sam:20:16] U Ġonatan għamel patt mad-dar ta' David: “Jalla l-Mulej jitħallas mill-għedewwa ta' David.” [1Sam:20:17] U Ġonatan ħalef lil David għall-imħabba li kellu għalih, għax kien iħobbu daqs kemm kien iħobb lilu nnifsu.

[1Sam:20:18] U Ġonatan issokta jgħidlu: “Għada qamar ġdid, u jindunaw li postok vojt. [1Sam:20:19] Għalhekk inżel malajr għat-tielet darba fil-għaxija u mur fil-post fejn kont inħbejt nhar il-festa fil-għaxija, u oqgħod hemmhekk ħdejn il-borġ tal-ġebel. [1Sam:20:20] Jiena mbagħad inwaddab tliet vleġeġ għal ħdejh, bħallikieku qiegħed nieħu l-mira. [1Sam:20:21] Mbagħad nibgħat il-qaddej ifittex il-vleġeġ. Jekk ngħidlu: 'Ara, l-vleġeġ qegħdin 'l hawn minnek, ġibhom,' inti tkun tista' tiġi, għax ikun kollox sewwa miegħek, u ma jkun hemm xejn kontrik, daqs kemm hu ħaj Alla. [1Sam:20:22] Imma jekk jien ngħidlu: 'Ara, il-vleġeġ qegħdin aktar 'l hemm minnek,' int warrab, għax il-Mulej ikun qiegħed jibagħtek. [1Sam:20:23] U ta' kull ma għedna, jien u int, il-Mulej xhud tiegħu bejni u bejnek għal dejjem.”

Ġonatan jerġa’ jaqbeż għal David

[1Sam:20:24] David mar jinħeba fir-raba'. U kien il-qamar ġdid, u s-sultan kien fuq il-mejda jiekol, [1Sam:20:25] bilqiegħda f'postu bħas-soltu n-naħa tal-ħajt; biswitu kien hemm Ġonatan; u Abner kien maġenb Sawl, imma post David kien vojt. [1Sam:20:26] Sawl dakinhar ma qal xejn għax ħaseb: “Ġralu xi ħaġa, jew għandu mnejn imniġġes, għax ma tnaddafx.”

[1Sam:20:27] L-għada tal-qamar ġdid, il-post ta' David baqa' vojt, u Sawl qal lil Ġonatan ibnu: “Għala bin Ġesse ma ġiex jiekol, la lbieraħ u lanqas illum?” [1Sam:20:28] U Ġonatan wieġeb lil Sawl: “David talabni fuq li talabni biex jasal wasla sa Betlehem. [1Sam:20:29] Qalli: 'Ibagħtuni għax għandna s-sagrifiċċju tal-familja fil-belt; u ħija stess ordnali. Mela jekk jien sibt ħniena f'għajnejk, ħallini mmur, jekk jogħġbok, nara lil ħuti.' Għalhekk ma ġiex għall-mejda tas-sultan.”

[1Sam:20:30] U Sawl xegħel bl-għadab għal Ġonatan u qallu: “Ja biċċa ta' bin mara qarrieqa, ma nafx jien li int ħabib ta' bin Ġesse b'għajb tiegħek u b'għajb ta' l-għera ta' ommok? [1Sam:20:31] Sakemm idum ħaj fuq l-art bin Ġesse, la int u lanqas saltnatek ma tkunu fis-sod. Issa ibgħat u ġibu hawn quddiemi, għax ħaqqu l-mewt.” [1Sam:20:32] U Ġonatan wieġeb lil missieru u qallu: “Għala għandu jmut? X'għamel?” [1Sam:20:33] U Sawl qabad u xejjer il-lanza biex jidorbu; u Ġonatan sar jaf li missieru qatagħha li joqtol lil David. [1Sam:20:34] U Ġonatan qam minn fuq il-mejda tas-sultan mgħaddab bis-sħiħ, u ma kielx ħobż fit-tieni jum tax-xahar, għax kien mgħolli għal David, u għax missieru avvelieh.

Ġonatan iwissi lil David

[1Sam:20:35] Fil-għodu kmieni Ġonatan ħareġ fir-raba' kif kien ftiehem ma' David, u kellu tfajjel miegħu. [1Sam:20:36] U qal lit-tfajjel: “Iġri u ġibli l-vleġeġ li se nwaddab,” u waddab il-vleġeġ 'l hemm minnu. [1Sam:20:37] Malli t-tfajjel wasal fejn waqgħu l-vleġeġ li Ġonatan kien waddab, dan qabad jgħajjat lit-tifel u qal: “M'humiex il-vleġeġ 'l hemm minnek?” [1Sam:20:38] U Ġonatan reġa’ għajjat lit-tifel: “Għaġġel, isa, u la tiqafx.” U t-tfajjel ġabar il-vleġeġ ta' Ġonatan u raġa’ lura lejn sidu. [1Sam:20:39] U t-tfajjel ma ntebaħ b'xejn. Ġonatan u David biss kienu jafu x'inhi l-biċċa. [1Sam:20:40] U Ġonatan ta l-armi lit-tfajjel li kellu miegħu u qallu: “Mur, ħudhom il-belt.” [1Sam:20:41] Xħin telaq it-tfajjel, David qam minn ħdejn il-borġ ġebel u nxteħet wiċċu fl-art, u baxxa rasu għal tliet darbiet; mbagħad biesu lil xulxin, u bkew lil xulxin sewwa, imma l-aktar David. [1Sam:20:42] U Ġonatan qal lil David: “Mur bis-sliem. Aħna ħlifna lil xulxin b'isem il-Mulej u għedna: 'Il-Mulej xhud għal dejjem, bejni u bejnek, bejn in-nisel tiegħi u bejn in-nisel tiegħek.’ ”

21. David imur Nob

[1Sam:21:1] Qam u telaq, Ġonatan, mar fil-belt [1Sam:21:2] u David mar għand il-qassis Aħimelek f'Nob. U Aħimelek ħareġ qalbu ttaqtaq jilqa' lil David u qallu: “Għala inti waħdek, u ma għandek lil ħadd miegħek?” [1Sam:21:3] U David wieġeb lil Aħimelek il-qassis: “Is-sultan ordnali u qalli: 'Ħadd ma għandu jkun jaf xejn minn dak li għalih bgħattek u lanqas x'ordnajtlek.' Għalhekk ftehemt mal-qaddejja li niltaqgħu x'imkien.
[1Sam:21:4] U issa, x'għandek f'idejk? Ħames ħobżiet? Agħtini minnhom, jew minn dak li ssib.” [1Sam:21:5] U l-qassis wieġeb lil David u qallu: “Ma għandix f'idejja ħobż li jista' jieklu kulħadd; m'hawnx ħlief ħobż ikkonsagrat. U l-qaddejja tiegħek żammew ruħhom għall-anqas 'il bogħod min-nisa?” [1Sam:21:6] U David wieġeb lill-qassis u qallu: “Iva! Kull meta noħorġu għall-ġlied dejjem niċċaħħdu min-nisa, u l-irġiel dejjem ikollhom ġisimhom safi mit-tinġis, għalkemm il-vjaġġ ma jkunx xi ħaġa qaddisa. Kemm aktar huma safja llum f'ġisimhom!” [1Sam:21:7] U l-qassis tah mill-ħobż ikkonsagrat, għax ma kellux ħlief il-ħobż tal-preżenza. Dan jitneħħa minn quddiem il-Mulej, biex floku jitqiegħed ħobż frisk, dak in-nhar stess li jitneħħa l-qadim. [1Sam:21:8] Dak in-nhar kien hemm wieħed mill-qaddejja ta' Sawl miżmum quddiem il-Mulej li kien jismu Duweg l-Idumi, l-aqwa fost ir-rgħajja ta' Sawl.

[1Sam:21:9] U David qal lil Aħimelek: “Għandek xi xabla jew xi lanza f'idejk? Għax lanqas xabla jew lanza ma ħadt miegħi, għax l-ordni tas-sultan kien mgħaġġel.” [1Sam:21:10] U l-qassis wieġeb: “Ix-xabla ta' Gulija l-Filisti, li int qtilt fil-wied ta' Ela; hawn hi mkebba f'mantar wara l-efod. Jekk tridha ħudha, ma hawnx oħra ħliefha.” U David qallu: “Ma hawnx bħalha, agħtihieli.”

David imur Gatt

[1Sam:21:11] David qam dak in-nhar u ħarab minn quddiem Sawl u mar għand Akis, sultan ta' Gatt, [1Sam:21:12] u l-qaddejja ta' Akis qalulu: “Dan m'hux David, sultan tal-pajjiż? M'hux għal dan żifnu u għannew u qalu:

'L-eluf tiegħu qatel Sawl,
u David l-għaxriet ta' l-eluf tiegħu?’ ”

[1Sam:21:13] U David żamm dan il-kliem f'qalbu, u baża' ħafna minn Akis, sultan ta' Gatt. [1Sam:21:14] U beda jagħmilha ta' l-iblah u jagħmel ħwejjeġ tal-ġenn quddiemhom; u jħażżeż fuq il-battenti ta' bieb il-belt bil-lagħab nieżel ma' lħitu. [1Sam:21:15] U Akis qal lill-qaddejja tiegħu: “Araw, dan bniedem miġnun! Għalfejn ġibtuhuli quddiemi? [1Sam:21:16] Jaqaw għandi bżonn l-imġienen biex ġibtuli 'l dan jitbellah quddiemi? Dan se jidħol f'dari?”

22. David imur Gatt

[1Sam:22:1] David qam u telaq minn hemm, u ħarab lejn l-għar ta' Għadullam; u semgħu ħutu u d-dar kollha ta' missieru, u niżlu ħdejh hemmhekk. [1Sam:22:2] U ngħaqad miegħu kull min kien magħkus, kull min kellu d-dejn, u kull min kien imdejjaq, u hu sar il-kap tagħhom; kellu miegħu daqs erba' mitt raġel.

[1Sam:22:3] Minn hemm David mar Misfa f'Mowab, u qal lis-sultan ta' Mowab: “Ħalli joqogħdu missieri u ommi hawnhekk magħkom, sakemm inkun naf x'se jagħmel Alla għalija.” [1Sam:22:4] U ħalliehom għand is-sultan ta' Mowab, u baqgħu miegħu ż-żmien kollu li David dam f'dak il-post fortizza. [1Sam:22:5] Imma l-profeta Gad qallu: “Toqgħodx f'din il-fortizza, itlaq u mur lejn art Ġuda.” U David telaq u mar fil-masġar ta' Ħeret.

Sawl jivvendika ruħu mill-qassisin u l-poplu ta' Nob

[1Sam:22:6] Sawl sama' li n-nies kienu jafu fejn kien David bin-nies tiegħu. Sawl kien f'Gibgħa taħt is-siġra tat-tamarisk fuq l-għolja bil-lanza f'idu, u bin-nies tiegħu wieqfa madwaru. [1Sam:22:7] U Sawl qal lill-qaddejja tiegħu ta' madwaru: “Isimgħu, nies ta' Benjamin. Taħsbu intom li bin Ġesse se jagħtikom ilkoll oqsma u dwieli? Se jagħmilkom ilkoll kapijiet ta' l-eluf u kapijiet tal-mijiet? [1Sam:22:8] Għaliex ilkoll kemm intom tiftiehmu kontrija, u ħadd ma jgħarrafni bil-ftehim bejn ibni u bin Ġesse? Ħadd minnkom ma jħoss għalija u lanqas ma jgħarrafni li ibni xewwex lill-qaddej tiegħi; u li bħalissa qiegħed jonsobli?” [1Sam:22:9] U wieġeb Duweg l-Idumi, wieqaf f'nofs il-qaddejja ta' Sawl, u qal: “Jiena rajt lil bin Ġesse sejjer Nob, għand Aħimelek bin Aħitub; [1Sam:22:10] u dan staqsielu l-Mulej, u tah l-ikel, u x-xabla ta' Gulija l-Filisti.”

[1Sam:22:11] Mbagħad is-sultan bagħat isejjaħ lil Aħimelek bin Aħitub, il-qassis, lid-dar ta' missieru, lill-qassisin kollha li kienu f'Nob; u dawn ġew ilkoll għand is-sultan. [1Sam:22:12] U qallu Sawl: “Isma', jekk jogħġbok, bin Aħitub.” U dak wieġeb: “Hawn jien, Sidi.” [1Sam:22:13] U Sawl qallu: “Għaliex ftehemtu kontrija, inti u bin Ġesse, u int tajtu ikel u xabla, u staqsejtlu lil Alla biex iqum kontra tiegħi, u jissajjali, bħalma qiegħed jagħmel illum?” [1Sam:22:14] U Aħimelek wieġeb lis-sultan u qallu: “U min hu mill-qaddejja tiegħek kollha bħal David, fidil u ħaten is-sultan, kap ta' l-għassa tiegħek, u stmat f'darek? [1Sam:22:15] Kien illum li bdejt nistaqsilu lil Alla? Żgur li le. Ma jkun qatt li s-sultan iwaħħal fil-qaddej tiegħu, u f'dar missieri kollha! Il-qaddej tiegħek ma jaf xejn, la wisq u la ftit, b'din il-biċċa.” [1Sam:22:16] U s-sultan qallu: “Int tmut żgur, Aħimelek, int u dar missierek kollha.” [1Sam:22:17] U s-sultan qal lill-gwardji ta' madwaru: “Duru u oqtlu lill-qassisin tal-Mulej, għax huma wkoll newwlu idejhom lil David, u kienu jafu li ħarab minni, u ma qaluli xejn.” Imma l-qaddejja ma ridux jerfgħu idejhom fuq il-qassisin tal-Mulej u joqtluhom. [1Sam:22:18] Is-sultan, għalhekk, qal lil Duweg: “Dur int, u oqtol il-qassisin.” U Duweg l-Idumi dar u qabad hu fil-qassisin; u dak in-nhar qatel ħamsa u tmenin raġel li kienu jġibu l-efod ta' l-għażel. [1Sam:22:19] U 'l Nob, il-belt tal-qassisin, għaddieha minn xifer ix-xabla, rġiel u nisa, tfal u trabi, gniedes, ħmir u nagħaġ. [1Sam:22:20] Ħelisha tifel wieħed, bin Aħimelek bin Aħitub, li kien jismu Abjatar, u ħarab wara David. [1Sam:22:21] U Abjatar għarraf lil David li Sawl kien qatel il-qassisin tal-Mulej. [1Sam:22:22] U David qal lil Abjatar: “Ħsibtu jien dak in-nhar, la kien hemm Duweg l-Idumi, li żgur imur jgħid lil Sawl. Lgħabt bil-ħajja ta' dar missierek. [1Sam:22:23] Oqgħod miegħi. La tibżax, għax min ifittixlek ħajtek ikun ifittex lil ħajti; ħdejja tkun fiż-żgur.”

23. David jiġġerra 'l hawn u 'l hinn

[1Sam:23:1] U ħabbru lil David u qalulu: “Ara, il-Filistin ħabtu għal Kegħila u qegħdin jisirqu l-andrijiet.” [1Sam:23:2] U David stħarreġ lill-Mulej u staqsieh: “Immur u naħbat għal dawn il-Filistin?” U l-Mulej wieġeb lil David: “Mur u aħbat għall-Filistin, u eħles lil Kegħila.” [1Sam:23:3] U n-nies ta' David qalulu: “Ara, aħna beżgħana hawn f'Ġuda; kemm aktar ikollna għax nibżgħu jekk immorru f'Kegħila kontra l-qtajja' tal-Filistin?” [1Sam:23:4] U David raġa’ staqsa lill-Mulej; u l-Mulej wieġeb u qallu: “Qum, u inżel Kegħila, għax jien se nagħtik il-Filistin f'idejk.” [1Sam:23:5] U David mar Kegħila, hu u n-nies tiegħu, u ħabat għall-Filistin, u ħadilhom l-imrieħel tagħhom, u tahom xebgħa kbira. U David ħeles lin-nies ta' Kegħila. [1Sam:23:6] Meta Abjatar bin Aħimelek ħarab għal għand David f'Kegħila, kellu l-efod f'idu.

[1Sam:23:7] U 'l Sawl għarrfuh li David mar Kegħila, u Sawl qal: “Alla rħieh f'idejja, għax daħal u ngħalaq f'belt bil-bibien u l-istaneg.” [1Sam:23:8] U Sawl sejjaħ il-poplu kollu għall-gwerra biex jinżel Kegħila u jdawwar 'il David u n-nies tiegħu. [1Sam:23:9] U David sar jaf li Sawl kien qiegħed iħejji li jagħmillu d-deni, u qal lil Abjatar, il-qassis: “Newwel l-efod.” [1Sam:23:10] U David qal: “Mulej, Alla ta' Iżrael, il-qaddej tiegħek sama' li Sawl qiegħed ifittex li jiġi għal Kegħila biex jeqridha minħabba fija. [1Sam:23:11] U issa tgħid in-nies ta' Kegħila jerħuni f'idejh? Jinżel Sawl bħalma sama' l-qaddej tiegħek? Mulej, Alla ta' Iżrael, jekk jogħġbok, għarraf lill-qaddej tiegħek.” U l-Mulej wieġeb: “Iva, jinżel!” [1Sam:23:12] U ssokta David: “Jerħu n-nies ta' Kegħila lili u 'l niesi f'idejn Sawl?” U l-Mulej wieġeb: “Iva, jerħuk.” [1Sam:23:13] Għalhekk David qam, u hu u n-nies tiegħu, xi sitt mitt raġel, ħarġu minn Kegħila jiġġerrew 'l hawn u 'l hinn. Malli Sawl sar jaf li David ħarab minn Kegħila, ma baqax sejjer.

David fid-deżert ta' Żif

[1Sam:23:14] David imbagħad mar jistkenn fix-xagħri u jgħix fl-irdumijiet tad-deżert ta' Żif. Sawl baqa' dejjem ifittxu, iżda Alla ma rħiehx f'idejh. [1Sam:23:15] David kien jibża', għax Sawl kien ħareġ ifittixlu ħajtu, u David qagħad fix-xagħri ta' Żif f'Ħores.

[1Sam:23:16] U Ġonatan bin Sawl qabad u mar ħdejn David f'Ħores u qawwielu qalbu f'Alla. [1Sam:23:17] U qallu: “La tibżax, għax Sawl missieri ma jaqbdikx f'idejh. Int għad issaltan fuq Iżrael, u jien inkun niġi warajk. U wkoll missieri jafu dan.” [1Sam:23:18] U t-tnejn għamlu patt quddiem il-Mulej. U David baqa' jgħammar f'Ħores, u Ġonatan mar f'daru.

[1Sam:23:19] In-nies ta' Żif telgħu f'Gibgħa għand Sawl u qalulu: “Ma tafx li David jinsab mistoħbi għandna fl-irdumijiet ħdejn Ħores, fuq l-għolja ta' Ħakila, fuq in-naħa tan-nofsinhar ta' Ġesimon? [1Sam:23:20] Issa, mela, sultan, la int tixtieq minn qalbek li tinżel, inżel, u mbagħad ħalli għalina li nerħuh f'idejk.” [1Sam:23:21] U Sawl wieġeb: “Mbierka intom mill-Mulej, għax tħassartuni. [1Sam:23:22] Morru issa, u ħejju sewwa, tkixxfu, u araw fejn midd riġlu, u min rah hemm. Għax qaluli li moħħu jilħaqlu għall-aħħar. [1Sam:23:23] Araw u tkixxfu l-moħbiet kollha li jista' jinħeba fihom, mbagħad ejjew għandi b'tagħrif sewwa u jien niġi magħkom. Jekk tassew jinsab fil-pajjiż, jien infittxu fil-familji ta' Ġuda, waħda waħda.”

[1Sam:23:24] U huma qamu u telqu lejn Żif qabel Sawl; u David bin-nies tiegħu kien fix-xagħri ta' Magħon, fil-wita lejn in-nofsinhar tax-xagħri ta' Ġesimon. [1Sam:23:25] U Sawl bin-nies tiegħu telaq ifittxu; u 'l David għarrfuh u niżel f'Sela, u baqa' fid-deżert ta' Magħon; u Sawl sama' u mar għal wara David fid-deżert ta' Magħon. [1Sam:23:26] U Sawl u n-nies tiegħu kienu miexja min-naħa l-waħda ta' l-għolja, u David u n-nies tiegħu min-naħa l-oħra. David kien qiegħed iħaffef biex jeħles minn Sawl, u Sawl u n-nies tiegħu kienu qegħdin idawwru lil David u n-nies tiegħu biex jaqbduhom. [1Sam:23:27] Imma wasal messagġier għand Sawl u qallu: “Fittex għaġġel u itlaq, għax il-Filistin daħlu fil-pajjiż.” [1Sam:23:28] U Sawl waqaf mill-ġiri wara David u mar jilqa' l-Filistin. Għalhekk bdew isejjħu dak il-post: Sela-ħammaħlekot.

24. David fid-deżert ta' Żif

[1Sam:24:1] U David tala' minn hemm u mar fl-irdumijiet ta' Għajn-geddi.

David fl-għar ta' Għajn-geddi

[1Sam:24:2] U ġara li meta Sawl raġa’ lura minn wara l-Filistin għarrfuh u qalulu: “Ara, David qiegħed fix-xagħri ta' Għajn-geddi.” [1Sam:24:3] Sawl ħa tlitt elef raġel magħżula minn fost Iżrael kollu, u mar ifittex lil David u n-nies tiegħu fuq in-naħa tal-lvant ta' Blat il-Mogħoż Selvaġġi. [1Sam:24:4] U wasal ħdejn l-imqawel ta' l-imrieħel fuq it-triq; kien hemm għar, u Sawl daħal fih biex jaqdi l-bżonnijiet tiegħu; u David u n-nies tiegħu kienu qegħdin 'il ġewwanett ta' l-għar. [1Sam:24:5] U n-nies ta' David qalulu: “Ara, dan hu l-jum li għalih il-Mulej qallek: Ara, jien se nagħtik l-għadu tiegħek f'idejk, u tagħmel minnu kif jogħġbok.”

U David qam, u ċarrat bis-serqa l-keffa tal-mantar ta’ Sawl. [1Sam:24:6] U ġara li David stess ħass il-kuxjenza tniggżu għax qata' l-keffa tal-mantar ta' Sawl. [1Sam:24:7] U qal lin-nies tiegħu: “Iħarisni l-Mulej! Ma jkun qatt li nagħmel dan lil sidi, il-midluk tal-Mulej, li mmidd idi fuqu, għax hu l-midluk tal-Mulej.” [1Sam:24:8] U David ipperswada lin-nies tiegħu bi kliemu, u ma ħallihomx iqumu għal Sawl. U Sawl qam u ħareġ mill-għar għal triqtu.

[1Sam:24:9] Mbagħad wara dan David ħareġ mill-għar u beda jgħajjat wara Sawl u jgħidlu: “Sidi s-sultan!” U Sawl ħares lura, u David niżżel wiċċu sa l-art quddiemu u sellimlu.

[1Sam:24:10] U David qal lil Sawl: “Għaliex tisma' milli jgħidulek in-nies: 'Ara, David qiegħed ifittex jagħmillek id-deni.' [1Sam:24:11] Ara, illum rajt b'għajnejk li l-Mulej illum erħiek f'idi fl-għar, imma jien ma ridtx noqtlok, għax għedt: 'Ma mmiddx idi fuq sidi, għax hu l-midluk tal-Mulej.' [1Sam:24:12] Ara, missieri, il-keffa tal-libsa tiegħek f'idejja. Jien qtajt il-keffa ta' mantarek, u ma qtiltekx. Ara, u kun af li ma hemm ebda ħażen jew qerq f'idejja, u ma offendejtek b'xejn, u b'dan kollu int tistadli ħajti biex tneħħihieli. [1Sam:24:13] Jagħmel ħaqq il-Mulej bejni u bejnek, u jitħallas minnek għalija l-Mulej. Imma idi ma tintrefax fuqek! [1Sam:24:14] Kif jgħid il-proverbju mill-qedem: 'Mill-ħżiena joħroġ il-ħażen'; idi ma tintrafa' qatt fuqek. [1Sam:24:15] Wara min ħareġ is-sultan ta' Iżrael? Wara min qiegħed tiġri int? Wara kelb mejjet, wara bergħud! [1Sam:24:16] Ħa jkun imħallef il-Mulej, u jagħmel ħaqq bejni u bejnek, ħa jara u jqis il-kawża tiegħi, u jeħlisni minn idejk.”

[1Sam:24:17] Meta David temm dan il-kliem, Sawl wieġeb: “Dan huwa leħnek, David, ibni?” U Sawl għolla leħnu u beka. [1Sam:24:18] U ssokta jgħid lil David: “Int bniedem sewwa aktar minni, għax int għamilt il-ġid miegħi u jien għamiltlek id-deni. [1Sam:24:19] Imma llum int għamilt ġid akbar miegħi, għaliex il-Mulej erħieni f'idejk u int ma qtiltnix. [1Sam:24:20] Kif jista' jkun li wieħed ifittex l-għadu tiegħu, u mbagħad iħallih għaddej għal triqtu bis-sliem? Il-Mulej jimliek bil-ġid u r-riżq għal li għamilt miegħi llum. [1Sam:24:21] Illum għaraft li inti żgur issaltan, u f'idejk is-saltna ta' Iżrael tkun fis-sod. [1Sam:24:22] Għalhekk aħlifli bil-Mulej li ma tqaċċatx lil nisli li jiġi warajja, u li ma teqridx ismi minn dar missieri.” [1Sam:24:23] U David ħalef lil Sawl. U Sawl telaq lejn daru; u David bin-nies tiegħu telqu lejn il-fortizza.

25. David u Abigajl

[1Sam:25:1] U Samwel miet, u l-Iżraelin inġabru kollha u bkewh u difnuh f'daru, f'Rama. U David qam u niżel fid-deżert ta' Faran.

[1Sam:25:2] Kien hemm raġel f'Magħon u x-xogħol tiegħu kien fil-Karmel; kien raġel għani ħafna; kellu tlitt elef nagħġa u elf mogħża. Kien fil-Karmel iġiżż in-nagħaġ tiegħu. [1Sam:25:3] Ir-raġel kien jismu Nabal, u martu Abigajl. Il-mara kienet ta' għaqal kbir u sabiħa fl-għajn; imma r-raġel, li kien min-nisel ta' Kaleb, kien bniedem goff u ħażin f'għemilu.

[1Sam:25:4] U David sama' fid-deżert li Nabal kien qiegħed iġiżż in-nagħaġ tiegħu. [1Sam:25:5] U David bagħat għaxar żgħażagħ u qalilhom: “Itilgħu l-Karmel, u morru għand Nabal, u sellu għalih f'ismi, agħtuh is-sliem, [1Sam:25:6] u għidulu: 'Sliem għalik, sliem lil darek u lil kull min għandek. [1Sam:25:7] Jien smajt li int qiegħed iġġiżż in-nagħaġ; issa meta r-rgħajja tiegħek kienu magħna, aħna qatt ma ħabbatniehom, u qatt ma naqashom xejn kemm damu l-Karmel. [1Sam:25:8] Saqsi l-qaddejja tiegħek u jgħidulek. Għalhekk jalla dawn iż-żgħażagħ isibu ħniena f'għajnejk għax ġejna f'jum tajjeb. Agħti mela dak li jiġi għal idejk lill-qaddejja tiegħek, u lil ibnek David.’ ”

[1Sam:25:9] U ż-żgħażagħ ta' David marru, u kellmu lil Nabal skond dan il-kliem kollu f'isem David, u qagħdu jistennew. [1Sam:25:10] U Nabal wieġeb lill-qaddejja ta' David, u qalilhom: “Min hu David u min hu bin Ġesse? Ħafna huma l-qaddejja llum li ħarbu mingħand sidhom. [1Sam:25:11] Għandi nieħu l-ħobż, u l-ilma tiegħi, u l-laħam li jien ħejjejt għall-ġeżżieża tiegħi, biex nagħtih lil nies li ma nafx mnejn huma?” [1Sam:25:12] U l-qaddejja ta' David qabdu triqthom u reġgħu lura; kif waslu għarrfuh b'dan kollu. [1Sam:25:13] U David qal lin-nies tiegħu: “Ħa jitħażżem kulħadd bix-xabla tiegħu.” U kulħadd tħażżem bix-xabla, u David ukoll tħażżem bix-xabla tiegħu. U telgħu wara David xi erba' mitt ruħ; u mitejn oħra baqgħu mat-tagħmir.

[1Sam:25:14] U wieħed mill-qaddejja ħabbar lil Abigajl, mart Nabal, u qalilha: “Ara, David bagħat mid-deżert messaġġiera biex isellmu lil sidna u hu għamel għalihom. [1Sam:25:15] Dawn in-nies kienu twajbin ħafna magħna, u qatt ma ħabbtuna, u qatt ma naqasna xejn sakemm konna niġġerrew magħhom meta konna fir-raba'. [1Sam:25:16] Huma kienu sur għalina billejl u binhar, iż-żmien kollu li konna nirgħu n-nagħaġ magħhom. [1Sam:25:17] U issa kun af, u ara x'se tagħmel, għax ħsara hemm lesta għal sidna u għal daru kollha, għax hu bniedem mill-agħar u ħadd ma jista' jkellmu.”

[1Sam:25:18] U Abigajl fittxet tieħu mitejn ħobża, u żewġ żquq inbid, u ħames nagħġiet imsajjrin u ħames kejliet qamħ inkaljat, u mitt għanqud żbib, u mitejn ċappa tin imqadded; u għabbiet kollox fuq il-ħmir. [1Sam:25:19] Mbagħad qalet lill-qaddejja tagħha: “Itilqu qabli u, araw, jien ġejja warajkom.” U ma qalet xejn lil żewġha Nabal. [1Sam:25:20] U ġara li hi u nieżla riekba fuq il-ħmar, minn taħt ir-riħ ta' l-għolja, tfaċċaw David u n-nies tiegħu niżlin u resqin lejha, u hi ltaqgħet magħhom.

[1Sam:25:21] U David kien qal: “Qisni għal xejn għassist ma' kull ma kellu dan il-bniedem fid-deżert, u ma naqaslu xejn minn ħwejġu, biex issa raddli l-ġid bid-deni. [1Sam:25:22] Dan u agħar jagħmilli Alla, jekk sa għada fil-għodu jibqa' raġel wieħed biss minn niesu.”

[1Sam:25:23] U malli Abigajl lemħet lil David, fittxet tinżel minnufih minn fuq il-ħmar, mielet u ntefgħet wiċċha fl-art, [1Sam:25:24] u nxteħtet f'riġlejn David, u qaltlu: “Ħa nieħu l-ħtija fuqi waħdi, sidi; ħalli titkellem il-qaddejja tiegħek f'widnejk, u isma' kliem il-qaddejja tiegħek. [1Sam:25:25] La tagħtix kas, sidi, ta' Nabal, dan raġel mill-agħar: ismu miegħu, Nabal, bla moħħ, u bluha waħdu. U jiena, il-qaddejja tiegħek, ma rajtx iż-żgħażagħ ta' sidi, li int bgħatt. [1Sam:25:26] U issa, sidi, daqs kemm hu ħaj il-Mulej u daqs kemm int ħaj int, il-Mulej ma ħalliekx ixxerred id-demm u titħallas b'idejk; u ħa jkunu bħal Nabal l-għedewwa tiegħek u kull min ifittex jagħmel id-deni lil sidi. [1Sam:25:27] U hawn dan il-ġid li ġiebet il-qaddejja tiegħek lil sidi, qassmu liż-żgħażagħ, li qegħdin jimxu wara sidi. [1Sam:25:28] Aħfer dnub il-qaddejja tiegħek, għax il-Mulej għad jibni dar soda għal dejjem lil sidi; għax qiegħed jiġġieled il-gwerer tal-Mulej, u l-għawġ ma jilħqekx għal kemm iddum ħaj. [1Sam:25:29] U jekk iqum xi ħadd biex jagħmel għal warajk u jfittixlek ħajtek, il-Mulej, Alla tiegħek, jerfa' l-ħajja ta' sidi fis-sorra tal-ħajja, u l-ħajja ta' l-għedewwa tiegħek jarmiha bħallikieku ċagħka mill-keffa ta' l-iżbandola. [1Sam:25:30] Meta l-Mulej ikun għamel ma' sidi l-ġid kollu li wiegħdu, u jkun qiegħdek prinċep fuq Iżrael, [1Sam:25:31] ma jkun qatt dan għalik ta' għali u xewka f'qalb sidi, li tkun xerridt id-demm għal xejn u tħallast b'idejk. Mbagħad meta l-Mulej ikun tak ir-riżq, ftakar fil-qaddejja tiegħek.”

[1Sam:25:32] U David qal lil Abigajl: “Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, li bagħtek illum tiltaqa' miegħi. [1Sam:25:33] Mbierek l-għaqal tiegħek, u mbierka int li ma ħallejtnix illum inxerred id-demm u nitħallas b'idejja. [1Sam:25:34] Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, Alla ta' Iżrael, li ma ħallinix nagħmillek deni, żgur li sa filgħodu ma kienx jibqa' raġel wieħed ħaj lil Nabal, kieku int ma ġejtx tgħaġġel tiltaqa' miegħi.”

[1Sam:25:35] U David ħa minn idha kull ma kienet ġibitlu, u qalilha: “Erġa’ itla' bis-sliem lejn darek. Arani, smajt minn kliemek, u tajtek li tlabtni.”

[1Sam:25:36] U Abigajl reġgħet lura għand Nabal; u dan kellu ikla f'daru, ikla ta' sultan, u qalb Nabal kienet ferħana, u kien f'sakra kbira. Hi ma għarrfitu b'xejn minn dan, u la ftit u la wisq, sa ma sebaħ l-għada. [1Sam:25:37] Fil-għodu, Xħin Nabal għaddielu l-inbid, martu għarrfitu b'kollox, u qalbu kesħet u sar qisu ġebla. [1Sam:25:38] U ġara li wara għaxart ijiem il-Mulej laqat lil Nabal, u dan miet. [1Sam:25:39] U David sama' li miet Nabal u qal: “Mbierek il-Mulej, li għamel ħaqq minn Nabal talli għajjarni, u li żamm il-qaddej tiegħu milli jagħmel id-deni; u d-deni ta' Nabal il-Mulej dawwru għal fuq rasu.” U David imbagħad bagħat jgħid lil Abigajl biex jeħodha b'martu. [1Sam:25:40] U l-qaddejja ta' David marru għand Abigajl fil-Karmel, u kellmuha, u qalulha: “David bagħatna għandek biex jieħdok b'martu.” [1Sam:25:41] U qamet u mielet b'wiċċha sa l-art u qalet: “Hawn hi l-qaddejja tiegħek lesta biex taħsel riġlejn il-qaddejjiet ta' sidi.” [1Sam:25:42] U Abigajl għaġġlet u qamet, u rikbet fuq ħmar b'ħamsa mill-qaddejjiet tagħha mexjin warajha, u marret wara l-messaġġiera ta' David, u saret martu.

[1Sam:25:43] David kien iżżewweġ ukoll lil Aħinogħam minn Ġeżragħel, u t-tnejn kienu n-nisa tiegħu. [1Sam:25:44] U Sawl kien ta lil bintu Mikal, il-mara ta' David, lil Palti bin Lajs, minn Gallim.

26. David jerġa’ jiltaqa' ma' Sawl

[1Sam:26:1] U n-nies ta' Żif marru għand Sawl f'Gibgħa u qalulu: “Ara, David moħbi fl-għolja ta' Ħakila, biswit Ġesimon.” [1Sam:26:2] U Sawl qam u niżel lejn id-deżert ta' Żif, u miegħu ħa tlitt elef raġel magħżula minn Iżrael, ifittex lil David fid-deżert ta' Żif. [1Sam:26:3] U Sawl waqqaf il-kamp fuq l-għolja ta' Ħakila, biswit Ġesimon, fuq in-naħa tat-triq, u David kien qiegħed fid-deżert, u ra li Sawl ġie għal warajh fid-deżert. [1Sam:26:4] U David bagħat nies jitkixxfu, u sar jaf fejn kien wasal sewwa Sawl. [1Sam:26:5] U qam David u ġie fil-post fejn kien waqqaf il-kamp u ra wkoll David fejn kienu jorqdu Sawl u Abner bin Ner, il-kap ta' l-eżerċtu tiegħu. U Sawl kien rieqed fin-nofs u n-nies tiegħu madwaru. [1Sam:26:6] U David qabad u qal lil Aħimelek il-Ħitti u 'l Abisaj bin Seruja, ħu Ġowab, u qallu: “Min se jinżel miegħi ħdejn Sawl fil-kamp?” U Abisaj wieġeb u qal: “Ninżel miegħek jien.” [1Sam:26:7] U ġie David u Abisaj ħdejn l-eżerċtu billejl, u Sawl kien mimdud u rieqed f'nofs il-kamp, u l-lanza tiegħu kienet imwaħħla fl-art in-naħa ta' rasu; u Abner u n-nies tiegħu mimdudin madwaru.

[1Sam:26:8] U Abisaj qal lil David: “Illum il-Mulej reħa l-għadu tiegħu f'idejk, ħa nsammru ma' l-art b'daqqa waħda bil-lanza tiegħu stess, bla ma nagħtih oħra.” [1Sam:26:9] Imma David wieġeb lil Abisaj: “La toqtlux, għax min qatt medd idu fuq il-midluk tal-Mulej, u ħelisha?” [1Sam:26:10] U ssokta jgħid: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, il-Mulej biss jilħqu, jew jasal il-jum tiegħu u jmut, jew jinżel għall-gwerra u jinqered. [1Sam:26:11] Iħarisni l-Mulej milli mmidd idi fuq il-midluk tal-Mulej! U issa aqbad il-lanza u l-ġarra ta' l-ilma minn ħdejn rasu, u ejja mmorru.” [1Sam:26:12] U David ħa l-lanza u l-ġarra ta' l-ilma minn ħdejn ras Sawl u telqu, bla ma ħadd rahom jew intebaħ, u bla ma ħadd stenbaħ, għax kollha kienu reqdin, u ngħas tqil waqa' fuqhom mingħand il-Mulej.

[1Sam:26:13] David imbagħad qasam għan-naħa l-oħra u qagħad fuq il-quċċata ta' l-għolja fil-bogħod, b'wisa' kbir bejniethom. [1Sam:26:14] U David beda jgħajjat lill-poplu, u lil Abner bin Ner, u jgħidilhom: “Ma tweġibx Abner?” U Abner wieġeb u qal: “Min int biex tgħajjat lis-sultan?” [1Sam:26:15] U David qal lil Abner: “Intix raġel int? Min hu bħalek f'Iżrael? Għaliex mela ma ħaristx lil sidek, is-sultan? Ma tafx li ġie wieħed min-nies biex joqtol is-sultan sidek? [1Sam:26:16] M'hux sewwa dan li għamiltlu. Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, żgur ħaqqkom il-mewt, intom li ma għassistux sewwa 'l sidkom, il-midluk tal-Mulej. U issa, ara fejn huma l-lanza tas-sultan u l-ġarra ta' l-ilma, li kienu ħdejn rasu?” [1Sam:26:17] U Sawl għaraf leħen David u qal: “Dan m'hux leħen ibni David?” U David wieġeb: “Leħni, ja sidi s-sultan.” [1Sam:26:18] U ssokta jgħid: “X'inhu dan li sidi qiegħed jiġri wara l-qaddej tiegħu? Għax x'għamilt jien u x'deni nista' nagħmel? [1Sam:26:19] Ħa jisma', is-sultan sidi, kliem il-qaddej tiegħu. Jekk il-Mulej qiegħed ixewwxek kontra tiegħi, ħa jogħġbu s-sagrifiċċju; imma jekk inhuma bnedmin, misħuta huma quddiem il-Mulej, għax huma llum keċċewni u qatgħuni minn wirt il-Mulej u qaluli: 'Mur aqdi allat barranin.' [1Sam:26:20] U issa tħallix li demmi jixtered fl-art, 'il bogħod minn wiċċ il-Mulej, għax is-sultan ta' Iżrael ħareġ ifittex bergħud bħalma jduru għal perniċa qalb il-muntanji.”

[1Sam:26:21] U Sawl qal: “Ħtija tiegħi! Ejja lura, ibni David, m'iniex se nagħmillek iżjed deni, għax int illum għożżejt lil ħajti. Ara, jien tbellaħt u żbaljajt bil-bosta.” [1Sam:26:22] U David wieġeb: “Hawn hi l-lanza tas-sultan, ħa jiġi 'l hawn wieħed mill-qaddejja u jeħodha. [1Sam:26:23] Il-Mulej irodd lil kull wieħed skond il-ġustizzja tiegħu u l-lealtà tiegħu. Il-Mulej telqek f'idejja llum, imma jien ma ridtx immidd idejja fuq il-midluk tal-Mulej. [1Sam:26:24] Ara! bħalma llum jien għożżejt lil ħajtek, hekk il-Mulej jgħożż lil ħajti u jeħlisni minn kull għawġ.” [1Sam:26:25] U Sawl wieġeb lil David: “Mbierek int ibni David, int għad tirnexxi f'kull ma tagħmel, u jkollok setgħa kbira.”

U David telaq għal triqtu, u Sawl raġa’ lura lejn postu.

27. David għand il-Filistin

[1Sam:27:1] U David qal f'qalbu: “Għad jasal jum meta ninqered b'idejn Sawl. M'hemmx aħjar milli naħrab f'art il-Filistin, u Sawl jaqta' qalbu minni, u ma jfittixnix iżjed f'art Iżrael, u hekk neħles minn idejh.” [1Sam:27:2] U David qam u għadda, hu u s-sitt mitt raġel li kellu miegħu, għal għand Akis bin Magħok, sultan ta' Gatt. [1Sam:27:3] U David qagħad għand Akis f'Gatt, hu u n-nies tiegħu, kull wieħed bil-familja tiegħu; David u ż-żewġ nisa tiegħu, Aħinogħam il-Ġeżragħelija, u Abigajl, il-mara ta' Nabal mill-Karmel. [1Sam:27:4] U lil Sawl ħabbrulu li David ħarab lejn Gatt; u ma baqax ifittxu aktar.

[1Sam:27:5] U David qal lil Akis: “Jekk jien sibt ħniena f'għajnejk, agħtini post f'waħda mill-ibliet fir-raba' u ngħammar hemm. Għaliex għandu l-qaddej tiegħek jgħammar f'belt is-sultan miegħek?” [1Sam:27:6] U Akis tah dakinhar Siklag. Għalhekk Siklag saret ta' David u baqgħet tas-slaten ta' Ġuda sa llum. [1Sam:27:7] Iż-żmien li David għadda f'art il-Filistin laħaq sena u erba' xhur. [1Sam:27:8] David u n-nies tiegħu kienu jitilgħu u jaħbtu għall-Gesurin, għall-Girżin u għall-Għamalekin, għax dawn in-nies kienu jgħammru minn dejjem fl-art int u sejjer Sur, sa l-art ta' l-Eġittu. [1Sam:27:9] U David kien jaħbat għalihom u ma kienx iħalli ħaj raġel jew mara; u kien jieħu u jaqbad f'idejh imrieħel u baqar, ħmir u iġmla u lbies, u kien jerġa’ lura għand Akis. [1Sam:27:10] U Akis kien jistaqsih: “Fejn mortu taħbtu llum?” U David kien iwieġeb: “Lejn in-Negeb ta' Ġuda, lejn in-Negeb ta' Ġeraħmelin, u lejn in-Negeb tal-Kenin.” [1Sam:27:11] U David ma kien iħalli 'l ħadd ħaj, la raġel u anqas mara, biex iġibhom f'Gatt għax kien jgħid: “Li ma jmorrux jixluna u jgħidu: 'Hekk kien jagħmlilna David.’ ” U din kienet id-drawwa tiegħu sakemm dam jgħammar fir-raba' tal-Filistin. [1Sam:27:12] U Akis kien jemmen f'David u jgħid: “Niesu umbrawh f'Iżrael; u issa jibqa' qaddej tiegħi għal dejjem.”

28. David għand il-Filistin

[1Sam:28:1] U ġara li f'dak iż-żmien il-Filistin ġemgħu l-eżerċtu tagħhom biex jaħbtu għall-Iżraelin. U Akis qal lil David: “Kun af li int tiġi miegħi fil-kamp, int u n-nies tiegħek.” [1Sam:28:2] U David wieġeb lil Akis: “Tajjeb, issa tkun taf x'jista' jagħmel il-qaddej tiegħek.” U Akis qallu: “U jien nagħmlek għassies tiegħi għal dejjem.”

Sawl u s-saħħara ta' Għajn-dor

[1Sam:28:3] Samwel kien miet, u kien bkieh Iżrael kollu, u difnuh fil-belt tiegħu ta' Rama. U Sawl kien keċċa 'l barra mill-pajjiż lil dawk kollha li kienu jsejjħu l-erwieħ u jeħbru, u s-saħħara. [1Sam:28:4] U l-Filistin inġabru u marru jwaqqfu l-kamp f'Sunem; u Sawl ġabar lil Iżrael kollu u waqqfu l-kamp f'Gilbogħa. [1Sam:28:5] U Sawl ra l-kamp tal-Filistin u baża' u qalbu bdiet tħabbat bil-qawwi. [1Sam:28:6] U Sawl stħarreġ lill-Mulej, imma l-Mulej ma weġbux, la bil-ħolm, la bl-Urim u anqas bil-profeti. [1Sam:28:7] U Sawl qal lill-qaddejja tiegħu: “Fittxuli mara li tqajjem l-erwieħ, u mmur għandha, u nistħarriġha.” Il-qaddejja tiegħu weġbuh: “Ara, hemm mara li tqajjem l-erwieħ f'Għajn-dor.” [1Sam:28:8] U Sawl biddel ħwejġu u libes ilbies ieħor, u mar flimkien ma' żewġt irġiel oħra, u ġie għand il-mara billejl u qalilha: “Staqsi l-erwieħ u għidli xortija, u sejjaħ lil min se ngħidlek.” [1Sam:28:9] U l-mara weġbitu: “Ara, inti taf x'għamel Sawl, li qaċċat mill-pajjiż lil dawk kollha li jeħbru bl-erwieħ u s-saħħara; għaliex trid issa tonsobli ħajti? Biex joqtluni?” [1Sam:28:10] U Sawl ħalfilha bil-Mulej u qalilha: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, ma tiġrilek ebda ħsara minħabba dan.” [1Sam:28:11] U l-mara qaltlu: “Lil min se nqajjimlek?” U hu weġibha: “Qajjimli lil Samwel.” [1Sam:28:12] Malli l-mara lemħet lil Samwel infexxet f'għajta kbira u qalet lil Sawl: “Għax qarraqt bija? Int Sawl.” [1Sam:28:13] U s-sultan qalilha: “La tibżax, imma għidli x'rajt.” U l-mara qalet lil Sawl: “Rajt alla tiela' mill-art.” [1Sam:28:14] U staqsieha: “X'sura għandu?” U hi wieġbet: “Raġel xiħ tiela', mkebbeb f'mantar.” Sawl għaraf li kien Samwel, u niżżel wiċċu sa l-art, u tah qima.

[1Sam:28:15] U Samwel qal lil Sawl: “Għalfejn qgħadt taqlagħni u tellajtni hawn?” U Sawl wieġeb: “Għandi dwejjaq kbar; il-Filistin għamluli gwerra, u Alla tbiegħed minni, u ma jweġibnix, la bil-profeti u lanqas bil-ħolm. Għalhekk jien sejjaħtlek, biex tgħarrafni x'għandi nagħmel.” [1Sam:28:16] U Samwel wieġeb: “Għalfejn tistaqsini, la darba l-Mulej tbiegħed minnek, u sar l-għadu tiegħek? [1Sam:28:17] Il-Mulej għamel miegħek kif kien tkellem permezz tiegħi, u ħataflek minn idek is-saltna, u taha lil David sieħbek. [1Sam:28:18] Għaliex int ma smajtx mill-kelma tal-Mulej, u ma għamiltx lil Għamalek skond ma ried hu fil-qilla tiegħu. Għalhekk għamillek dan il-Mulej illum. [1Sam:28:19] U l-Mulej jerħi wkoll lil Iżrael miegħek f'idejn il-Filistin, u għada int u wliedek tkunu miegħi; u l-kamp ukoll ta' Iżrael jerħih il-Mulej f'idejn il-Filistin.” [1Sam:28:20] Minnufih Sawl waqa' minn tulu fl-art u qabdu biża' kbir minħabba kliem Samwel; ma baqgħetlu ebda saħħa, għax ma kienx daq ħobż dak in-nhar u dak il-lejl kollu.

[1Sam:28:21] U l-mara ġriet għal ħdejn Sawl u malli ratu daqshekk imħawwad qaltlu: “Ara, il-qaddejja tiegħek semgħet minn kliemek u lagħbet ħajjitha f'idha; smajt mill-kliem li int għedtli. [1Sam:28:22] Mela, isma' issa int minn kliem il-qaddejja tiegħek, ħa nqegħedlek quddiemek kisra ħobż, kul biex tieħu saħħtek u tkun tiflaħ taqbad triqtek.” [1Sam:28:23] Iżda hu ma riedx, u qalilha: “Ma nikolx.” Imma l-qaddejja tiegħu u l-mara bdew isusu warajh sakemm sama' minnhom; u qam mill-art u nxteħet fuq sodda. [1Sam:28:24] U l-mara kellha għoġol imsemmen u qatlitu malajr, ħadet id-dqiq, għaġnitu, u għamlitu ftajjar, u ħmietu bla ħmira. [1Sam:28:25] U ġiebet kollox quddiem Sawl u l-qaddejja tiegħu, u kielu. U qamu u telqu dak il-lejl stess.

29. Il-Filistin iwarrbu lil David

[1Sam:29:1] U l-Filistin ġemgħu l-eżerċtu kollu f'Afek; u Iżrael waqqfu l-kamp ħdejn għajn f'Ġeżragħel. [1Sam:29:2] Il-kbarat tal-Filistin kienu miexja f'ras ta' mijiet u eluf; u David u n-nies tiegħu kienu miexja warajhom ma' Akis. [1Sam:29:3] U l-kbarat tal-Filistin qalu: “X'ġew jagħmlu hawn dawn l-Għebrej ?” U Akis wieġeb lill-kbarat tal-Filistin: “Dan hu David il-qaddej ta' Sawl, is-sultan ta' Iżrael, li ilu miegħi xi sena jew tnejn, u sa llum m'għandi xejn x'ingħid fih minn mindu sab ruħu għandi.” [1Sam:29:4] Imma l-kbarat tal-Filistin inkurlaw għalih u qalulu: “Ibgħat lura lil dan il-bniedem ħa jmur joqgħod f'postu, fejn tajtu joqgħod int. Ma għandux jinżel magħna għall-gwerra, li ma jdurx kontrina fit-taqbida; u biex jingħoġob ma' sidu, jekk mhux bl-irjus ta' dawn in-nies? [1Sam:29:5] Dan m'hux David li kienu jiżfnulu u jgħannulu:

'L-eluf tiegħu qatel Sawl,
u David l-għaxriet ta' l-eluf tiegħu.' ?”

[1Sam:29:6] Għalhekk Akis sejjaħ lil David u qallu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej: Int raġel sewwa u togħġobni dieħel u ħiereġ miegħi fil-kamp tiegħi, u qatt ma sibt xejn ħażin fik minn mindu ġejt għandi sa llum. Imma l-kbarat tal-Filistin ma jġibukx, u m'humiex jarawk sabiħ. [1Sam:29:7] Għalhekk erġa’ lura bis-sliem, biex ma toffendix il-kbarat tal-Filistin.”

[1Sam:29:8] U David wieġeb lil Akis: “Imma x'għamilt jien? U int x'sibt ħażin fil-qaddej tiegħek minn mindu ġejt miegħek sa llum, biex ma niġix nitqabad ma' l-għedewwa ta' sidi s-sultan ?” [1Sam:29:9] Akis wieġbu u qallu: “Naf li int raġel sewwa u togħġobni daqs anġlu ta' Alla. Imma l-kbarat tal-Filistin qalu: 'Ma jitlax magħna għall-ġlied.' [1Sam:29:10] Għalhekk bakkar għada fil-għodu, int u l-qaddejja ta' sidek, li ġew miegħek, mbagħad morru lejn il-post li tajtkom tgħammru fih.”

[1Sam:29:11] U David bakkar fil-għodu kmieni, hu u n-nies tiegħu, biex jitilqu u jerġgħu lura lejn art il-Filistin. U l-Filistin telgħu Ġeżragħel.

30. David u l-Għamalekin

[1Sam:30:1] Meta David u n-nies tiegħu waslu f' Siklag fit-tielet jum, Għamalek kienu daħlu fin-Negeb u f'Siklag, u ħabtu għal Siklag u tawha n-nar. [1Sam:30:2] U ħadu lsiera n-nisa li kienu fiha, kbar u żgħar, bla ma qatlu lil ħadd minnhom; ġarrewhom magħhom u baqgħu sejrin għal triqthom. [1Sam:30:3] U David u n-nies tiegħu waslu l-belt u sabuha ħuġġieġa nar, u n-nisa tagħhom u wliedhom, subjien u bniet, meħuda lsiera.

[1Sam:30:4] U David u n-nies tiegħu għollew leħenhom u bkew, sakemm ma felħux jibku aktar. [1Sam:30:5] Iż-żewġ nisa ta' David - Aħinogħam il-Ġiżragħelija u Abigajl mart Nabal, il-Karmeli - kienu waqgħu lsiera. [1Sam:30:6] David sab ruħu f'diqa kbira għax il-poplu qal li jrid iħaġġru; għax ilkoll kellhom qalbhom sewda bl-imrar, kull wieħed għas-subjien u għall-bniet tiegħu. Imma David qawwa qalbu fil-Mulej, Alla tiegħu. [1Sam:30:7] U David qal lil Abjatar, il-qassis, bin Aħimelek: “Ġibli l-efod.” U Abjatar ġieb l-efod lil David. [1Sam:30:8] U David staqsa lill-Mulej u qal: “Nitlaq għal wara din il-qatgħa ħallelin? Nilħaqhom ?” U wieġbu: “Itlaq għal warajhom, għax tilħaqhom żgur, u teħles lil kulħadd.” [1Sam:30:9] U David telaq, hu u sitt mitt raġel li kienu miegħu, u waslu sal-wied ta' Besor, u waqfu hemm għax kienu għajjenin. [1Sam:30:10] U David baqa' sejjer b'erba' mitt raġel; u l-mitejn l-oħra, li kienu għajjenin u ma setgħux jaqsmu l-wied ta' Besor, baqgħu hemm.

[1Sam:30:11] U sabu raġel Eġizzjan fir-raba', u ħaduh quddiem David, u tawh ħobż x'jiekol u kiel, u ilma x'jixrob. [1Sam:30:12] Tawh ukoll ċappa tin imqadded u żewġ għenieqed żbib; kiel u ħa r-ruħ; għax kien ilu ma jiekol ħobż u jixrob ilma tlitt ijiem u tlitt iljieli. [1Sam:30:13] U David qallu: Ta' min int? Mnejn ġej ?” U dak wieġbu: “Jien żagħżugħ Eġizzjan, lsir ta' wieħed minn Għamalek, abbandunat minn sidi għax imradt tlitt ijiem ilu. [1Sam:30:14] Aħna dħalna fin-Negeb tal-Keretin u ta' art Ġuda, u n-Negeb ta' Kaleb, u 'l Siklag tajnieha n-nar.” [1Sam:30:15] U David qallu: “Tista' twassalni ħdejn din il-qabda nies ?” U dak wieġbu: “Aħlifli b'Alla li ma toqtolnix, u li ma terħinix f'idejn sidi, u nwasslek sa ħdejn din il-qabda nies.” [1Sam:30:16] U wasslu u raw lill-Għamalekin imxerrda ma' wiċċ l-art, jieklu u jixorbu u jagħmlu festa b'dik il-priża kbira li kienu qabdu mill-art tal-Filistin u mill-art ta' Ġuda. [1Sam:30:17] U David qabeż fuqhom u tahom xebgħa minn tbexbix il-jum sa l-għada fil-għaxija, u ma ħelisha ebda wieħed minnhom, ħlief erba' mitt żgħażagħ li rikbu l-iġmla u ħarbu. [1Sam:30:18] B'hekk David ħadilhom lura kull ma kienu qabdu l-Għamalekin, u ħeles ukoll iż-żewġ nisa tiegħu. [1Sam:30:19] U ma ħallielhom xejn, mill-kbir saż-żgħir, bniet u subjien, il-priża u kull ma kienu ħadu għalihom: kollox ħadilhom lura David. [1Sam:30:20] Ħadu l-imrieħel u l-baqar kollha u saquhom quddiem u qalu: “Din hi l-priża ta' David.”

[1Sam:30:21] Mbagħad David mar ħdejn dawk il-mitejn raġel li ma kinux felħu jmorru warajh, u li kien ħalliehom fil-wied ta' Besor. Huma ħarġu jilqgħu lil David u n-nies li kellu miegħu. David resaq lejhom u sellmilhom.

[1Sam:30:22] Imma xi wħud minn dawk li marru ma' David, nies ħżiena u mill-agħar, qabżu u qalu: “La darba dawn ma ġewx magħna, ma nagħtuhom xejn mill-priża li ħadna lura; kull wieħed Jieħu 'l martu u lil uliedu, u jitilqu.” [1Sam:30:23] Imma David wieġeb: “Dan ma tagħmluh qatt, ħuti, meta tqisu x'tana l-Mulej, li ħarisna u tana f'idejna dik il-qabda ħallelin li ġew għalina. [1Sam:30:24] U min se jisma' minnkom f'ħaġa bħal din? Sehem wieħed jieħdu, sew dawk li niżlu għall-ġlied u sew dawk li qagħdu jgħassu ma' ħwejjiġna.” [1Sam:30:25] U minn dakinhar 'il quddiem din għamilha liġi u drawwa għal Iżrael sa llum. [1Sam:30:26] U David ġie f'Siklag u bagħat sehem mill-priża lix-xjuħ ta' Ġuda u lil ħbiebu u qalilhom: “Dan hu r-rigal għalikom mill-priża ta' l-għedewwa tal-Mulej.”

[1Sam:30:27] U bagħat lil dawk ta' Betel, lil dawk ta' Ramot-negeb, lil dawk ta' Ġattir, [1Sam:30:28] lil dawk ta' Għarogħer, lil dawk ta' Xifmot, lil dawk ta' Estemugħa, [1Sam:30:29] lil dawk ta' Rakal, u lil dawk ta' l-ibliet tal-Ġeraħmelin, u lil dawk ta' l-ibliet tal-Kenin, [1Sam:30:30] lil dawk ta' Ħorma, lil dawk ta' Bur-għasan, u lil dawk ta' Għatak, [1Sam:30:31] u lil dawk ta' Ħebron, u lil dawk l-imkejjen kollha li David kien għadda minnhom, hu u n-nies tiegħu.

31. Il-mewt ta' Sawl

[1Sam:31:1] U l-Filistin ħabtu għal Iżrael u n-nies ta' Iżrael ħarbu minn quddiem il-Filistin, u waqgħu mejta fuq il-muntanja ta' Gilbogħa. [1Sam:31:2] Mbagħad il-Filistin għamlu għal wara Sawl u wliedu u qatlu lil Ġonatan, lil Abinadab, u lil Malkisugħa, ulied Sawl. [1Sam:31:3] Mbagħad it-taqbida ħraxet madwar Sawl, u laħquh l-arċieri u darbuh kemm-il darba. [1Sam:31:4] U Sawl qal lill-iskudier tiegħu: “Islet ix-xabla u infidni biha, li ma jiġux dawn in-nies bla ħtin u jinfduni huma u jiddieħku bija.” L-iskudier ma ssugrax għax beża' ħafna. U Sawl qabad ix-xabla u nxteħet fuqha. [1Sam:31:5] Malli l-iskudier ra 'l Sawl mejjet, nxteħet hu wkoll fuq ix-xabla tiegħu, u miet miegħu.

[1Sam:31:6] Hekk miet Sawl u t-tliet uliedu u l-iskudier tiegħu, u n-nies kollha li kienu miegħu dak in-nhar.

[1Sam:31:7] U n-nies ta' Iżrael li kienu jgħammru n-naħa l-oħra tal-wied u 'l hemm mill-Ġordan, malli raw li ħarbu l-Iżraelin u li mietu Sawl u wliedu, telqu l-ibliet tagħhom u ħarbu, u ġew jgħammru fihom il-Filistin.

[1Sam:31:8] U ġara li l-għada ġew il-Filistin ineżżgħu l-maqtulin. U sabu lil Sawl u lit-tliet uliedu mixħutin mejtin fuq il-muntanja ta' Gilbogħa. [1Sam:31:9] Qatgħulu rasu u neżżgħuh mill-armi, u bagħtu messaġġiera f'art il-Filistin ta' l-inħawi biex jagħtu l-aħbar lid-dar ta' l-allat tagħhom u lill-poplu. [1Sam:31:10] L-armi li kellu qegħduhom fit-tempju ta' Għastarot, u l-katavru tiegħu dendluh mal-ħitan ta' Betsan.

[1Sam:31:11] Meta semgħu n-nies ta' Ġabes-gilgħad b'dak li kienu għamlu lil Sawl il-Filistin, [1Sam:31:12] qamu rġiel ta' ħila, mxew il-lejl kollu, ħadu l-katavru ta' Sawl u t-tliet uliedu minn mal-ħajt ta' Betsan; mbagħad marru Ġabes u ħarquhom hemm. [1Sam:31:13] U mbagħad ħadu għadamhom u difnuh f'Ġabes taħt it-tamarisk, u samu għal sebat ijiem.