QUDDIESA TAL-FTUĦ TAS-SENA TAL-FIDI
OMELIJA
TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA BENEDITTU XVI
Pjazza
San Pietru - Il-Ħamis 11 ta’ Ottubru 2012
Għeżież Ħuti fl-Episkopat,
Għeżiez ħuti,

Il-lum, ħamsin sena mill-ftuħ tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II,
b’ferħ kbir qed nibdew is-Sena tal-Fidi. Bil-ferħ kollu nsellem
lilkom ilkoll, b’mod partikulari lill-Qdusija Tiegħu Bartilmew I,
Patrijarka ta’ Kostantinopli, u lill-Eċċellenza Tiegħu Rowan
Williams, Arċisqof ta’ Canterbury. Tislima speċjali tmur
lill-Patrijarki u Arċisqfijiet tal-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant, u
lill-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali. Biex tevoka l-Konċilju,
li xi wħud minnkom hawn kellhom il-grazzja li jgħixuh huma stess – u
lil dawn insellmilhom b’affett partikulari – din iċ-ċelebrazzjoni
qed tiġi mogħnija b’bosta sinjali speċjali: il-purċissjoni tal-bidu,
maħsuba biex tfakkar f’dik memorabbli tal-Padri Konċiljari meta
daħlu f’din il-Bażilika; l-intronizzazzjoni tal-Ktieb tal-Vanġelu
bl-istess ktieb li ntuża fil-Konċilju; it-tqassim tas-seba’ Messaġġi
finali tal-Konċilju, u tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, li jien
sa nagħti qabel il-barka ta’ l-
aħħar.
Dawn is-sinjali mhux biss jgħinuna biex niftakru, imma joffrulna
wkoll il-possibbiltà
li mmorru lil hemm mit-tifkira. Huma jistednuna nidħlu
b’mod aktar profond fil-moviment spiritwali li kkaratterizza
lill-Konċilju Vatikan II, biex nagħmluh tagħna u niżviluppawh skond
is-sens veru tiegħu. U s-sens veru tiegħu kien u jibqa’ l-fidi fi
Kristu, il-fidi Appostolika, mixgħula bix-xewqa ġewwienija li
nikkomunikaw lil Kristu lill-individwi u lill-bnedmin kollha, tul
il-pellegrinaġġ tal-Knisja fil-bosta mogħdijiet ta’ l-istorja.
Is-Sena tal-Fidi li qed niftħu l-lum hi marbuta b’mod armonjuż
mal-mixja sħiħa tal-Knisja tul l-aħħar ħamsin sena: mill-Konċilju,
għal matul il-Maġisteru tal-Qaddej ta’ Alla Pawlu VI, li fl-1967
ipproklama Sena tal-Fidi, sal-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000, li bih
il-Beatu Ġwanni Pawlu II ippropona mill-ġdid lill-umanità
kollha l-persuna ta’
Ġesù
Kristu bħala
l-Feddej waħdieni, il-bieraħ, il-lum u dejjem. Bejn dawn iż-żewġ
Papiet, Pawlu VI u Ġwanni Pawlu II, kien hemm qbil profond u sħiħ,
preċiżament fuq Kristu bħala ċ-ċentru tal-kożmu u ta’ l-istorja, u
fuq il-ħeġġa appostolika li kellhom biex ixandruh lid-dinja. Ġesù
hu
ċ-ċentru tal-fidi Nisranija. L-Insara jemmnu f’Alla li l-wiċċ
tiegħu ġie rrivelat lilna minn Ġesù
Kristu. Fih tinsab il-milja ta’ l-Iskrittura u hu l-interpretu
definittiv tagħha. Ġesù Kristu m’hux biss l-oġġett tal-fidi, imma,
kif tgħid l-Ittra lil-Lhud, “minnu
tibda u fih tintemm il-fidi tagħna” (12:2).
Il-Vanġelu tal-lum jgħidilna li Ġesù
Kristu, ikkonsagrat mill-Missier fl-Ispirtu s-Santu, hu s-suġġett
veru u dejjiemi ta’ l-evanġelizzazzjoni. “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani, bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin”
(Lq 4:18). Il-missjoni ta’ Kristu, dan il-moviment tiegħu, jissokta
fl-ispazju u ż-żmien, tul is-sekli u fil-kontinenti kollha. Hu
moviment li jibda mill-Missier u, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu, jixtered
biex iwassal l-aħbar it-tajba lill-foqra, kemm f’sens materjali u
kemm spiritwali. Il-Knisja hi l-ewwel strument neċessarju ta’ din
il-ħidma ta’ Kristu, għax hi magħquda miegħu bħalma hu l-ġisem
mar-ras tiegħu. “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat
lilkom” (Ġw 20:21), jgħid l-Irxoxt lid-dixxipli tiegħu, u waqt li
jonfoħ fuqhom, iżid jgħidilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu” (v. 22).
Fi Kristu, Alla hu s-suġġett prinċipali ta’ l-evanġelizzazzjoni
fid-dinja; imma Kristu nnifsu ried jgħaddi l-missjoni tiegħu
lill-Knisja; hekk għamel, u jissokta jagħmel, sat-temma taż-żmien, u
jxerred l-Ispirtu tiegħu fuq id-dixxipli, l-istess Spirtu li niżel
fuqu u baqa’ miegħu tul ħajtu fuq din l-art, u tah il-qawwa li
“inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin u nwassal id-dawl mill-ġdid
lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin” u “nxandar sena
tal-grazzja tal-Mulej” (Lq 4:18-19).
Il-Konċilju Vatikan II ma kellux
il-ħsieb
li jittratta t-tema tal-fidi f’dokument wieħed speċifiku. Imma kien
mixgħul b’xewqa li jinżel mill-ġdid fil-fond tal-misteru Kristjan
biex ikun jista’
jerġa’
jipproponih lill-bniedem tal-lum b’mod li jħalli l-frott fih.
Il-Qaddej ta’ Alla Pawlu VI, sentejn wara li ntemmet is-sessjoni
tal-Konċilju, esprimiha b’dan il-mod: “Anki jekk il-Konċilju ma
jittrattax espressivament it-tema tal-fidi, hu jitkellem dwarha
f’kull paġna, hu jagħraf il-karattru vitali u sopranaturali tagħha,
hu jassumi li hi sħiħa u qawwija, u jibni fuq it-tagħlim tagħha.
Biżżejjed niftakru f’xi wħud mill-istqarrijiet tal-Konċilju biex
nistgħu nifhmu l-importanza essenzjali li l-Konċilju, konsistenti
mat-tradizzjoni duttrinali
tal-Knisja, jattribwixxi lill-fidi, il-fidi vera, li għandha lil
Kristu bħala s-sors tagħha u l-Maġisteru tal-Knisja bħala l-kanal li
minnha tgħaddi” (Udjenza Ġenerali, 8 ta’ Marzu 1967). Hekk qal
Pawlu VI fl-1967.
Induru issa fuq dak li sejjaħ il-Konċilju Vatikan II u inawgurah:
il-Beatu Ġwanni XXIII. Fid-diskors tiegħu tal-ftuħ, hu ppreżenta l-għan
prinċipali tal-Konċilju b’dan il-mod:
“Dak li fuq kull ħaġa oħra jikkonċerna lill-Konċilju Ekumeniku hu
dan: li d-depożitu mqaddes tad-duttrina Nisranija jiġi mħares u
mgħallem b’mod iżjed effettiv
[…]
Għalhekk,
l-għan ewlieni ta’ dan il-Konċilju m’hux id-diskussjoni ta’ din jew
dik it-tema duttrinali… għal dan m’hemmx bżonn Konċilju…
[imma]
din
id-duttrina
żgura u li ma tinbidilx, li għandha tiġi rrispettata fedelment,
jeħtieġ nesplorawha u nippreżentawha b’mod li jwieġeb
għall-ħtiġijiet ta’ żmienna”
(AAS
54 [1962], 790,791-792). Hekk qal il-Papa Ġwanni fil-ftuħ solenni
tal-Konċilju.
Fid-dawl ta’ dawn il-kelmiet, nistgħu nifhmu x’ħassejt jien stess
dak iż-żmien:
matul
il-Konċilju kien hemm tensjoni emozzjonali aħna u nħabbtu wiċċna
mal-missjoni komuni li nagħmlu l-verità
u l-ġmiel
tal-fidi jiddu iktar fi żmienna, mingħajr ma nissagrifikawha
għall-bżonnijiet tal-preżent jew inħalluha marbuta mal-passat.
Il-preżenza eterna ta’ Alla tidwi fil-fidi, tittraxxendi ż-żmien,
safrattant tista’ tintlaqa’ biss minna fl-“il-lum” irrepetibbli
tagħna. Għalhekk nemmen li l-aktar ħaġa importanti, speċjalment
f’okkażjoni hekk sinifikanti bħalma hi din, hi li ngħixu mill-ġdid
fil-Knisja kollha dik it-tensjoni pożittiva, dik ix-xenqa biex
inħabbru lil Kristu mill-ġdid lill-bniedem tal-lum. Imma biex din
il-ġibda ġo fina għall-evanġelizzazzjoni ġdida ma tibqax biss idea u
lanqas tintilef fil-konfużjoni, hemm bżonn li tkun mibnija fuq
pedament konkret u preċiż, u din il-bażi hi d-dokumenti tal-Konċilju
Vatikan II, il-post fejn sabet l-espressjoni tagħha. Hu għalhekk li
jien kemm-il darba insistejt fuq il-ħtieġa li nerġgħu lura, biex
ngħidu hekk, lejn l-“ittra” tal-Konċilju – jiġifieri għat-testi
tiegħu – biex nistgħu wkoll niksbu minnhom l-ispirtu awtentiku
tiegħu; u għalhekk ukoll li tennejt li l-wirt veru tal-Konċilju
Vatikan II għandna nsibuh fihom. Jekk nirriferu għal dawn
id-dokumenti, nevitaw l-estremitajiet ta’ nostalġija anakronistika
jew li niġru wisq ’il quddiem, u nagħtu spazju lill-ġdid biex jiġi
milqugħ f’kuntest ta’ kontinwità.
Il-Konċilju
ma fformula xejn ġdid f’materji ta’ fidi, lanqas ried jieħu post
il-qadim. Li għamel hu li ra li l-istess fidi tkun disponibbli
għalina biex inkomplu ngħixuha fil-ġurnata tal-lum, biex tibqa’ fidi
ħajja f’dinja li qed tinbidel.
Jekk nidħlu f’armonija ma’ l-impostazzjoni awtentika li l-Beatu
Ġwanni XXIII xtaq jagħti lill-Konċilju Vatikan II, inkunu kapaċi
nwettquha tul din is-Sena tal-Fidi, billi nimxu fl-istess triq
tal-Knisja hi u tkompli tipprova kontinwament tinżel iktar fil-fond
tad-depożitu tal-fidi fdat lilha minn Kristu. Il-Padri Konċiljari
riedu jippreżentaw il-fidi b’mod li jinftiehem; u jekk huma nfetħu
b’fiduċja għad-djalogu mad-dinja moderna, dan għamluh għax kienu
ċerti mill-fidi tagħhom, minn din il-blata soda li fuqha kienu
weqfin. Fis-snin li ġew wara, imma, ħafna waslu biex ħaddnu
mingħajr ebda sens ta’ kritika l-mentalità
dominanti, biex
poġġew fid-dubju l-istess fundamenti tad-depożitu tal-fidi, li
sfortunatament ma ħassewx li setgħu jibqgħu jaċċettawhom bħala
veritajiet.
Jekk
il-lum il-Knisja qed tipproponi Sena ġdida tal-Fidi u
evanġelizzazzjoni ġdida, dan mhux biex tfakkar anniversarju, imma
għax hemm bżonn tagħha, anki iżjed milli kien hemm bżonnha ħamsin
sena ilu! U t-tweġiba li għandha tingħata lil dan il-bżonn hi dik
mixtieqa mill-Papiet, mill-Padri Konċiljari u miġbura fid-dokumenti
tagħha. Anki l-inizjattiva li jinħoloq Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni
ta’ l-Evanġelizzazzjoni
Ġdida,
li jien irrid nirringrazzjah għall-impenn speċjali tiegħu b’riżq is-Sena
tal-Fidi, għandha tinftiehem f’dan il-kuntest. Fl-aħħar għexieren
ta’ snin rajna l-avvanz ta’ “deżertifikazzjoni” spiritwali. Fi
żmien il-Konċilju kien diġà
possibbli minn ftit paġni traġiċi ta’ l-istorja li wieħed isir jaf
kif tkun ħajja jew dinja mingħajr Alla, imma issa din narawha kuljum
madwarna. Dan il-vojt xtered. Imma rridu nibdew billi nġarrbu dan
id-deżert, dan il-vojt, biex nistgħu niskopru mill-ġdid il-ferħ li
nemmnu u l-importanza vitali li għandha għalina l-fidi. Fid-deżert
nerġgħu niskopru l-valur ta’ x’inhu essenzjali għall-ħajja; għalhekk
fid-dinja tal-lum għandna għadd kbir ta’ sinjali, spiss espressi
impliċitament jew negattivament, ta’ l-għatx għal Alla, għat-tifsira
aħħarija tal-ħajja. U fid-deżert hemm bżonn ta’ nies ta’ fidi li
b’ħajjithom stess juru liema hija t-triq lejn l-Art Imwiegħda u
jżommu ħajja t-tama. Il-fidi ħajja tiftaħ lill-qalb għall-grazzja
ta’ Alla li teħlisna mill-pessimiżmu. Il-lum, iktar minn qatt qabel,
li tevanġelizza jfisser tagħti xhieda għall-ħajja l-ġdida,
ittrasformata minn Alla, u għalhekk li turi t-triq. L-ewwel qari
kellimna dwar l-għerf tal-bniedem li jivvjaġġa (ara Sir 34:9-13):
il-vjaġġ hu metafora tal-ħajja, u l-bniedem għaref li jinsab
fil-vjaġġ hu dak li tgħallem l-arti tal-ħajja, u jaf jaqsamha ma’
ħutu – kif jagħmlu l-pellegrini tul it-Triq ta’ San Ġakbu jew rotot
simili li, mhux b’kumbinazzjoni, reġgħu saru popolari f’dawn l-aħħar
snin. Għaliex tant nies il-lum iħossu l-ħtieġa li jagħmlu dawn
il-vjaġġi? Mhux forsi għax fihom isibu, jew ta’ l-inqas jintuwixxu,
it-tifsira ta’ l-eżistenza tagħna fid-dinja? Għalhekk, dan hu l-mod
kif nistgħu npinġu s-Sena tal-Fidi: bħala pellegrinaġġ fid-deżerti
tad-dinja tal-lum, li fih nieħdu biss magħna dak li hu meħtieġ: la
ħatar u lanqas ħorġa, la ħobż u lanqas flus, lanqas żewġt ilbiesi –
kif qal il-Mulej lil dawk li kien qed jibgħat bħala missjunarji (ara
Lq 9:3) –, imma l-Vanġelu u l-fidi tal-Knisja, li tagħhom id-dokumenti
tal-Konċilju huma espressjoni ħajja, kif hu wkoll il-Katekiżmu
tal-Knisja Kattollika, imxandar għoxrin sena ilu.
Ħuti
għeżież, il-11 ta’ Ottubru 1962 kien
jum
il-Festa tal-Verġni Mqaddsa Marija, Omm Alla. Ejjew nafdaw
f’idejha
din is-Sena tal-Fidi, kif għamilt il-ġimgħa l-oħra meta mort
f’pellegrinaġġ lejn Loreto. Jalla l-Verġni Marija tiddi dejjem
bħala kewkba tul il-mixja ta’ l-evanġelizzazzjoni
ġdida. Ħa tgħinna hi biex inqiegħdu fil-prattika l-eżortazzjoni ta’
l-Appostlu Pawlu: “Ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom;
għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin… Kull ma tagħmlu jew
tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier
permezz tiegħu” (Kol 3:16-17). Amen.
miġjuba mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard
|