L-EĊĊELLENZA
TIEGĦU MONSINJUR CHARLES J.
SCICLUNA,
iben Emanuel u Maria Carmela née
Falzon, twieled f’Toronto,
il-Kanada, fil-15 ta’ Mejju
1959. Il-familja Scicluna waslet
Malta fl-1960 u għal diversi
snin kienet toqgħod Ħal Qormi
sakemm marret toqgħod Ħal Lija
fl-1976. Mons. Scicluna irċieva
l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola
Primarja San Sebastjan, Ħal
Qormi, fl-Iskola Teknika San
Ġużepp, Raħal Gdid u fil-Kulleġġ
Saint Edward’s, Cottonera. Daħal
għal kors tal-liġi fl-Università
ta’ Malta fl-1976 u iggradwa
avukat fl-1984. Wara l-formazzjoni
meħtieġa fis-Seminarju Maġġuri u
l-Liċenzjat fit-Teoloġija
Pastorali mill-Fakultà tat-Teoloġija,
Tal-Virtù, ġie ordnat saċerdot
mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons.
Ġużeppi Mercieca, fil-11 ta’
Lulju 1986. Fl-istess sena Mons.
Scicluna ġie mibgħut jistudja
id-Dritt Kanoniku ġewwa l-Pontificia
Università Gregoriana, f’Ruma u
kiseb id-Dottorat fid-Dritt
Kanoniku bi speċjalizazzjoni
fil-Ġurisprudenza fl-1991.
Wara l-istudji
f’Ruma Mons. Scicluna ħadem fuq
it-Tribunal Metropolitan ta’
Malta bhala Difensur taż-Żwieġ u
kien ukoll lecturer fit-Teoloġija
Pastorali u fid-Dritt Kanoniku
fl-Università ta’ Malta. Wettaq
ħidma pastorali fil-parroċċi ta’
Ħ’Attard, San Girgor, Tas-Sliema,
u fl-Iklin, Lija. Kien
Viċi-Rettur tas-Seminarju
Maġġuri bejn l-1994 u l-1995.
Fl-1995 ġie msejjaħ biex jaħdem
fil-Vatikan fit-Tribunal Suprem
tas-Senjatura Appostolika bħala
Sostitut Promotur tal-Ġustizzja.
Fl-1996 ġie nominat Postulatur
fil-kawża tal-beatifikazzjoni u
tal-kanonizzazjoni ta’ Dun Ġorġ
Preca. F’Ottubru 2002 Mons.
Scicluna inħatar Promotur
tal-Ġustizzja fil-Kongregazzjoni
tad-Duttrina tal-Fidi bil-mandat
li jinvestiga u jkun prosekutur
fil-każi l-iżjed gravi riservati
għall-Kongregazzjoni.
Ivvjaġġa ħafna
biex jagħti seminars dwar
il-protezzjoni tal-minuri
f’diversi komunitajiet lokali
fl-Ewropa, fl-Asja, fl-Afrika,
fl-Amerika u fl-Awstralja.
Sakemm dam Ruma Mons. Scicluna
kien jgħin bħala kappillan
tas-Sorijiet ta’ Santa Briġida
(Piazza Farenese) u bħala
konfessur fil-Venerabbli Kulleġġ
Ingliż. Huwa visiting lecturer
fil-proċedura penali
fil-Pontificia Università
Gregoriana. Fis-6 ta’ Ottubru
2012, il-Papa Benedittu XVI
innomina lil Mons. Scicluna
bħala Isqof Awżiljarju ta’ Malta
bit-titlu ta’ San Leone. Hu kien
ikkonsagrat Isqof fl-24 ta’
Novembru 2012. Fit-28 ta’
Novembru 2012, tħabbret il-ħatra
tiegħu bħala membru
tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina
tal-Fidi fil-Vatikan.
Fit-18 ta’
Ottubru 2014, wara r-riżenja ta’
Mons. Pawlu Cremona O.P. minn
Arċisqof ta’ Malta, il-Papa
Franġisku innomina lil Mons.
Scicluna bħala Amministratur
Appostoliku sede vacante,
bis-setgħa li jmexxi l-Arċidjocesi
ta’ Malta sakemm l-Arċisqof
il-ġdid ta’ Malta jieħu l-pussess
kanoniku tal-Arċidjoċesi. Fil-21
ta’ Jannar 2015, il-Papa
Franġisku innomina lil Mons.
Scicluna bħala President ta’
Kulleġġ Speċjali fi ħdan
il-Kongregazzjoni tad-Duttrina
tal-Fidi, biex jiddeċiedi l-appelli
fil-proċessi dwar offiżi serji
stabbiliti fil-Motu Proprio
Sacramentorum Sanctitatis
Tutela.
Il-Ġimgħa, 27 ta’ Frar 2015, in-Nuzju
Appostoliku għall-Malta,
Monsinjur Aldo Cavalli ħabbar
li l-Papa Franġisku ħatar
lill-Isqof Charles J Scicluna
bħala Arċisqof ta’ Malta.
[Mis-sit tal-Arċidjoċesi ta’
Malta]
|