Kunsill Pontifiċju
għall-Komunikazzjoni
Soċjali
L-Istruzzjoni
Pastorali
AETATIS NOVAE
dwar
il-komunikazzjoni soċjali
egħluq
l-għoxrin
sena
tal-promulgazzjoni
tal-istruzzjoni pastorali
Communio et Progressio
DAĦLA
Bidliet kbar fil-komunikazzjoni
soċjali
1.
Mal-wasla
ta’ era ġdida
l-komunikazzjonijiet soċjali
tkattru b’mod hekk tal-għaġeb li
kisbu importanza tassew kbira
fil-kulturi kollha tad-dinja.
Il-bidliet kbar li seħħu
fit-teknoloġija huma biss aspett
wieħed ta’ dan il-fenomenu Ma
hemmx post fejn mhux qiegħda
tinħass l-influwenza tal-mass
media fuq l-imġiba reliġjuża u
morali tan-nies, fuq is-sistemi
politiċi u soċjali, u fuq
l-edukazzjoni.
Kulħadd jaf
– biex insemmu eżempju –
x’effett kellhom il-mass media
(li ma setgħux jinżammu li ma
jmorrux ’l hemm mill-fruntieri
politiċi u ġijografiċi
tal-pajjiżi) fit-taqlib kollu li
seħħ fis-snin 1989 u 1990, snin
li l-Papa wera x’importanza
kellhom fl-istorja tad-dinja.
“L-ewwel
arjopagu taż-żmien ta’ llum huwa
d-dinja tal-mass media u qiegħed
igħaqqad il-familja kollha
tal-bnedmin ‘f’raħal dinji
wieħed’ kif jgħidu. Il-mezzi
tal-komunikazzjoni soċjali saru
hekk importanti li għal ħafna
saru strument ewlieni ta’
tagħrif u ta’ formazzjoni, ta’
tmexxija u ta’ ispirazzjoni
fl-imġiba tal-individwi,
tal-familji u tas-soċjetà”.
Ħamsa u
għoxrin sena wara
l-promulgazzjoni tad-digriet
tal-Konċilju Vatikan II dwar
il-mezzi ta’ komunikazzjoni
soċjali, Inter mirifica,
u għoxrin sena
mill-promulgazzjoni
tal-istruzzjoni pastorali
Communio et Progressio,
il-Kunsill Pontifiċju
għall-komunikazzjoni soċjali
jixtieq iqis x’inhuma l-effetti
pastorali ta’ din il-qagħda
ġdida. Dan il-Kunsill qiegħed
jagħmlu bl-ispirtu tal-aħħar
kliem tal-Communio et
Progressio: “Il-Poplu ta’
Alla, fil-mixi tiegħu tul
iż-żminijiet... ġa qiegħed
iħares...b’fiduċja kbira... lejn
l-iżviluppi kbar
fil-komunikazzjonijiet soċjali
li qiegħda twiegħed l-era
spazjali”.
Għax naħsbu li l-prinċipji u
l-fehmiet ta’ dawn id-dokumenti
tal-Konċilju u ta’ wara
l-Konċilju għandhom siwi li
jibqa’ għal dejjem, nixtiequ
napplikawhom għall-qagħda ta’
llum ma nippretendux li ngħidu
l-aħħar kelma f’qagħda hekk
komplessa, f’qagħda dejjem
tinbidel u tiċċaqlaq, imma rridu
biss ngħinu u nħeġġu l-irġiel u
n-nisa kollha li qegħdin iħabbtu
wiċċhom mal-konsegwenzi
pastorali ta’ dawn il-ħwejjeġ
ġodda.
2. Fis-snin li għaddew bejn l-Inter
mirifica u Communio et
Progressio drajna nismigħu
kliem bħalma huma “soċjetà ta’
informazzjoni”, “kultura
tal-mass media”, “ġenerazzjoni
tal-mass media”. Irridu nqisu
sewwa kliem bħal dan, għax
jurina kif jaħsbu n-nies ta’
llum dwar il-ħajja, influwenzati
kif inhuma mill-mass media;
l-esperjenza tal-bniedem saret
esperjenza li nkisbet permezz
tal-mass media.
F’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin
seħħu ħwejjeġ tassew tal-għaġeb
fil-qasam tat-teknoloġija
tal-mass media. Dan wasal kemm
għall-progress mgħaġġel
fit-teknoloġija li kien hemm, u
kemm fil-ħolqien tat-teknoloġiji
ġodda, bħalma huma s-satelliti,
il-“cable television”, il-“fiber
optics”, il-“video-cassettes”,
il-“compact discs”,
“computerized image making”, u
“computer and digital
technologies” u oħrajn. L-użu
ta’ dawn il-mezzi ġodda ta bidu
għal dak li nistgħu nsejħulhom
“ilsna ġodda”, li min-naħa
qegħdin joffru lill-Knisja
possibbiltajiet ġodda
għall-missjoni tagħha, u
min-naħa l-oħra qed joħolqulha
problemi pastorali ġodda.
3. F’qagħda bħal din, inħossu
li għandna nħeġġu lir-Ragħajja
tal-erwieħ u lil-Poplu ta’ Alla,
biex jippruvaw jifhmu aktar
fil-fond dak kollu li għandu
x’jaqsam mal-komunikazzjoni
soċjali u mal-mass media ħa
jfasslu proġetti li jistgħu
jsiru, u jagħmluhom bil-fatti.
“L-isqfijiet fil-Konċilju, huma
jħarsu lejn il-ġejjieni, u jaraw
f’liema qagħda l-Knisja se tkun
imsejħa biex taqdi l-missjoni
tagħha, raw b’mod l-aktar ċar li
l-progress tat-teknoloġija kien
qiegħed ibiddel ‘il-wiċċ
tal-art’ u kien wasal ukoll biex
jaħkem l-ispazju” (ara
Gaudium et Spes n. 5).
Għarfu li l-iżviluppi
fit-teknoloġija tal-mass media,
b’mod partikulari, kienu hekk
kbar li kienu se jqanqlu
reazzjonijiet waħda wara l-oħra,
b’konsegwenzi li ħadd ma kien
jistennihom”.
“L-isqfijiet fil-Konċilju, mhux
tali ma ridux li l-Knisja tibqa’
’l bogħod u tinqata’
mill-influwenza ta’ dawn
il-ġrajjiet, anzi riedu li
l-Knisja tkun fil-qalba ta’ dan
il-progress tal-bniedem, u
jkollha sehem fl-esperjenzi
tal-bqija tal-bniedem, biex
tipprova tifhimhom u tfissirhom
fid-dawl tal-fidi. Huma
l-fidili tal-Poplu ta’ Alla li
huma fid-dmir li jagħmlu użu
mill-aħjar tal-iskoperti u
tat-teknoloġiji ġodda għall-ġid
tal-familja kollha tal-bnedmin,
u biex iseħħ il-pjan ta’ Alla
għad-dinja... biex kulma qed
jagħti ‘żmien il-computers’
jintuża għas-servizz tas-sejħa
traxxendenti tal-bniedem bħala
bniedem, u hekk tingħata glorja
lill-Missier li minnu tiġina
kull ħaġa tajba”.
Nixtiequ nuru l-ħajr tagħna lil
dawk kollha li ħabirku biex
il-Knisja jkollha mezzi
mill-aħjar ta’ komunikazzjoni
soċjali. Minkejja
d-diffikultajiet li kien hemm –
riżorsi limitati; tfixkil li
l-Knisja xi drabi sabet meta
xtaqet tagħmel użu mill-mass
media; il-bidliet bla waqfien
fil-kulturi, fil-valuri u
fl-imġiba tan-nies, influwenzati
mill-mass media li qed jidħlu
kullimkien – sar u għadu jsir
progress kbir. L-isqfijiet,
il-kleru, ir-reliġjużi u
l-lajċi, li qegħdin jiddedikaw
ruħhom għal dan l-appostolat
fondamentali, jisħoqqilhom
il-ħajr ta’ kulħadd.
Nixtiequ
wkoll nuru s-sodisfazzjon tagħna
għall-isforzi li qegħdin isiru
biex ikun hemm kollaborazzjoni
ekumenika fil-qasam tal-mass
media, li fih huma impenjati
l-kattoliċi flimkien ma’ ħuthom
l-insara tal-knejjes u
tal-komunitajiet ekklesjali
l-oħra, u flimkien ukoll
mal-membri tar-reliġjonijiet
l-oħra tad-dinja. Hi mhux biss
ħaġa tajba, imma “hi wkoll ħaġa
meħtieġa li l-insara kollha
jingħaqdu dejjem aktar flimkien
fil-ħidma tagħhom
fil-komunikazzjoni soċjali u
jilħqu ftehim dirett
mar-reliġjonijiet l-oħra
tad-dinja biex ikollhom post
flimkien fil-mezzi
tal-komunikazzjoni soċjali”.
I
IL-QAGĦDA LI FIHA SSEĦĦ
IL-KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI
A.
Qagħda
kulturali u soċjali
4. It-taqlib li qegħdin naraw
illum fil-komunikazzjoni
soċjali, l-aktar li ġej mhux
mill-bidliet kbar
fit-teknoloġija, imma mill-bidla
sħiħa li seħħet fil-mod kif
il-bnedmin jaraw id-dinja ta’
madwarhom, u jifhmuha. Il-fatt
li kontinwament u minnufih
jixxandru fehmiet u jidhru
ġrajjiet huma u qegħdin isiru, u
jitwasslu minn kontinent għal
ieħor, għandu effetti tajbin u
ħżiena fl-istess ħin fl-iżvilupp
psikoloġiku, morali u soċjali
tan-nies, fl-istruttura u
l-ħajja stess tas-soċjetajiet,
fir-relazzjonijiet bejn kultura
u oħra, fl-għarfien tal-valuri u
l-mod kif jaslu lil oħrajn,
fil-fehmiet tan-nies,
fl-ideoloġiji u
fil-konvinzjonijiet reliġjużi.
It-taqlib fil-mass media jista’
wkoll jolqot il-fehma li n-nies
ikollhom tal-Knisja u jaslu biex
ifasslu l-istrutturi tagħha u
l-mod kif jaħdmu.
Dan kollu għandu konsegwenzi
pastorali importanti ħafna.
Il-mezzi ta’ komunikazzjoni
soċjali jistgħu jintużaw
għax-xandir tal-Evanġelju, u
jistgħu jservu wkoll biex
ineħħuh minn qlub il-bnedmin.
L-indħil dejjem aktar jiżdied
tal-mass media fil-ħajja ta’
kuljum tan-nies jista’
jinfluwenza l-fehma li wieħed
ikollu ta’ x’inhi l-ħajja.
Il-mass media mhux biss jaslu
biex jgħidu kif wieħed għandu
jaħseb, imma jaslu wkoll biex
jgħidu x’għandu jaħseb.
Il-fehmiet ta’ ħafna nies huma
dawk li jiġuhom mill-mass media;
dawk il-fehmiet li l-mass media
ma jgħarfuhomx, għan-nies ma
jiswew xejn. Jistgħu bil-fatti
jiġu msikkta individwi u gruppi
li l-mass media jwarrbuhom
fil-ġenb: l-istess kelma
tal-Evanġelju tista’ tiġi
mxekkla, għalkemm qatt ma tista’
tiġi maħnuqa għal kollox.
Jaqbel ħafna għalhekk li
l-insara jkolhom il-ħila jwasslu
lill-mass media t-tagħrif kollu
li jkun meqjus li għandu “news
value”, u hekk jagħtu leħen lil
min m’għandux leħen.
Il-qawwa li
għandhom il-mezzi ta’
komunikazzjoni soċjali li jew
iwettqu jew jeqirdu l-valuri
tradizzjonali tar-reliġjon,
tal-kultura u tal-familja,
issemmiet b’mod l-aktar ċar
mill-Konċilju, meta ntqal li
“biex il-mezzi ta’
komunikazzjoni soċjali jintużaw
tajjeb jeħtieġ li dawk kollha li
jużawhom, ikunu jafu sewwa
l-prinċipji tal-ordni morali u
jħarsuhom bil-fedeltà kollha
f’dan il-qasam”.
B.
Il-qagħda
politika u ekonomika
5. L-istrutturi ekonomiċi ta’
kull nazzjoni jiddependu ħafna
mis-sistemi tal-komunikazzjoni
soċjali ta’ llum. Ġeneralment
illum jitqies bħala ħaġa
meħtieġa għall-iżvilupp
ekonomiku u politiku li l-Istat
ikollu infrastruttura effikaċi
ta’ komunikazzjoni. Iż-zjieda
fl-ispejjeż għall-investiment
bħal dan kien fattur importanti
ħafna li wassal il-gvernijiet
ta’ ħafna pajjiżi biex jaddottaw
politika li żiedet
il-konkorrenza. U proprju
minħabba dan, f’ħafna każi,
is-sistemi pubbliċi
tat-telekomunikazzjoni ġew
privatizzati.
Kif l-użu ħażin ta’ servizz
pubbliku għall-manipulazzjoni
ideoloġika u politika, hekk
il-kummerċjalizzazzjoni mhux
regolata u l-privatizzazzjoni
tax-xandir għandhom konsegwenzi
serji. Fil-prattika, u spiss
b’mod uffiċjali,
ir-responsabbilità pubblika
fix-xandir qed titwarrab.
Is-suċċess tax-xandir qiegħed
jitqies aktar mill-qligħ li jġib
milli mis-servizz li jagħti.
Il-profitti u l-interessi
tar-reklamar għandhom influwenza
kbira u żejda ħafna fuq dak li
jixxandar mill-mass media.
Tingħata preferenza lil dak li
l-aktar jogħġob u jkun aktar
popolari, milli għall-kwalità
ta’ dak li jixxandar; jintgħażel
dak li jkun jogħġob il-kotra
l-kbira tas-semmiegħa. Dawk li
jagħmlu r-reklami fuq il-mass
media qegħdin imorru ’l hemm min
dak li hu proprju d-dmir
tagħhom, jiġifieri li jaraw
x’inhuma l-ħtiġijiet veri
tan-nies, u jipprovdulhom
għalihom; minflok, bi ħsieb biss
ta’ negozju u ta’ qligħ, joħolqu
ħtiġiet qarrieqa u artifiċjali.
Pressjoni kummerċjali ssir ukoll
’l hemm mill-fruntieri
tan-nazzjonijiet, bi ħsara ta’
xi ġnus u tal-kulturi tagħhom.
Minħabba li żdiedet
il-konkorrenza u minħabba
l-ħtieġa li jinstabu swieq
ġodda, ħafna intrapriżi
tal-komunikazzjoni qegħdin
dejjem aktar jieħdu sura ta’
intrapriżi “multinazzjonali”; u
meta ma jkunx possibbli li
jinħolqu mezzi ta’ informazzjoni
fil-pajjiż stess, jiġri li xi
pajjiżi għall-informazzjoni
jkunu jiddependu biss
min-nazzjonijiet oħra,
mill-barranin. B’hekk jiġri li
l-egħmil ta’ xi mezzi ta’
komunikazzjoni soċjali, marbutin
ma’ xi kultura partikulari,
jixxandar ukoll fost kulturi
oħra, u dan ikun spiss ta’ ħsara
għall-mod kif dawn ifissru
lilhom fl-arti u
l-komunikazzjoni, u
għall-valuri li jkollhom.
Is-soluzzjoni tal-problemi li
jinħolqu
mill-kommerċjalizzazzjoni mhux
regolata u
mill-privatizzazzjoni, ma
jinħollux bil-kontroll tal-Istat
fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni,
imma permezz ta’ dixxiplina li
tkun taqbel mal-prinċipju
tas-servizz pubbliku, u b’sens
aqwa ta’ responsabbilità
pubblika. Dwar dan ta’ min
jgħid li, jekk f’xi pajjiżi
l-mass media llum dejjem qegħdin
jiġu regolati min-normi ġuridiċi
u politiċi dejjem itjeb, hemm
pajjiżi oħra fejn l-indħil
tal-gvern fil-mass media qiegħed
iwassal biex jopprimi u joħnoq
l-ilħna ta’ ħafna.
II
IL-ĦIDMA TAL-MEZZI TA’
KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI
6. Il-Communio
et progressio tqis il-mezzi
ta’ komunikazzjoni soċjali bħala
triq għax-xirka bejn
il-bnedmin. Dan tgħid:
“Tikkomunika jiġifieri mhux biss
tgħid xi ħaġa jew tfisser biss
x’taħseb jew xi tħoss.
Il-komunikazzjoni tkun sħiħa
meta wieħed jagħti lilu nnifsu
kollu kemm hu b’imħabba”.
F’din it-tifsira,
il-komunikazzjoni hi rifless
tax-xirka tal-Knisja, u tista’
tkun ta’ għajnuna għaliha.
Ix-xandir
jew komunikazzjoni tal-verità
jista’ jkollha qawwa ta’ fidwa,
li toħroġ mill-persuna ta’
Kristu, il-Verb ta’ Alla u
x-xbieħa ta’ Alla li ma
jidhirx. Fih u bih il-ħajja ta’
Alla tingħata lill-familja
kollha tal-bnedmin bil-ħidma
tal-Ispirtu s-Santu. “Il-kobor
tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri
s-setgħa tiegħu ta’ dejjem u
d-divinità tiegħu, huma setgħu
jagħarfuh sa mill-ħolqien
tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq”.
Nistgħu niċċitaw ukoll dan:
“Il-Verb ta’ Alla sar bniedem u
għammar fostna, u aħna rajna
l-glorja tiegħu mimli
bil-grazzja u l-verità”.
Fil-Verb magħmul bniedem Alla ta
lilu nnifsu darba għal dejjem.
Bil-predikazzjoni u l-ħidma ta’
Ġesù l-Verb sar ħellies u feddej
tal-ġens kollu tal-bnedmin. Dan
l-egħmil ta’ mħabba, li bih Alla
wera lilu nnifsu, imsieħeb
mat-tweġiba bil-fidi
tal-bniedem, joħloq djalogu
mill-aqwa.
Il-ġrajja kollha tal-bniedem, u
r-relazzjonijiet kollha
tal-bnedmin bejniethom, jieħdu
t-tifsir tagħhom min dan l-għoti
ta’ Alla fi Kristu. Il-ġrajja
tal-bniedem hi msejħa biex b’xi
mod tkun il-kelma ta’ Alla, u
l-vokazzjoni tal-bniedem hi li
jagħti sehmu għal dan billi
jgħix, b’mod li jagħti frott
kotran, dan l-għoti dejjem
sejjer u bla qies tal-imħabba
ta’ Alla għall-ħbiberija
tal-bniedem. Aħna msejħin
infissru dan bi kliem mimli tama
u b’egħmil ta’ mħabba permezz
tal-ħajja li ngħixu. Dan
għalhekk irid iseħħ fi ħdan
ix-xirka tal-Knisja.
Kristu
mbagħad hu wkoll dak, u l-bidu
ta’ dak, li l-Knisja xxandar
meta tħabbar l-Evanġelju.
Il-Knisja m’hijiex ħlief
il-ġisem mistiku ta’ Kirstu,
“il-milja ta’ dak li jimla
kollox f’kollox”, “dak li niżel
huwa dak li tela’ fuq
is-smewwiet kollha biex jimla
kollox”.
Għalhekk aħna mexjin fil-Knisja,
permezz tal-Kelma u
s-sagramenti, lejn it-tama ta’
dik l-għaqda darba għal dejjem
ma’ Alla li “jkun kollox
f’kollox”.
A.
Il-mass
media għas-servizz tal-persuni u
tal-kulturi
7.
Il-mezzi ta’ komunikazzjoni
soċjali jistgħu jagħmlu l-ġid u
huma tajbin ħafna biex bihom
isir il-ġid, u jistgħu jkunu
“strumenti mill-aqwa
għall-għaqda u għall-ftehim
tal-bnedmin bejniethom, iżda
jistgħu wkoll ixandru dehra
qarrieqa tal-ħajja tal-familja,
tal-valuri reliġjużi u morali,
jiġifieri jistgħu jagħtu dehra
li bl-ebda mod ma tirrispetta
d-dinjità u d-destin
tal-bniedem”.
Hu dmir għalhekk tal-mass media
li jħarsu u jagħtu sehemhom
għall-progress sħiħ tal-bniedem,
progress “li jħaddan ukoll
id-dimensjoni kulturali,
traxxendenti u reliġjuża
tal-bniedem u tas-soċjetà.
Xi problemi tal-individwi u
tas-soċjetà jiġu wkoll mill-fatt
li l-mass media, minn jum
għall-ieħor, qegħdin jieħdu
l-post tar-relazzjonijiet
personali tal-bnedmin bejniethom
u mill-fatt wkoll li ħafna nies
qed iħossu ġibda kbira lejn
il-persunaġġi fittizji tal-mass
media. Dawn l-istrumenti
tal-komunikazzjoni soċjali ma
jistgħux jieħdu l-post
tal-kuntatti ta’ persuna ma’
oħra, u tar-relazzjonijiet li
għandu jkun hemm bejn il-membri
tal-istess familji u bejn
il-ħbieb. Iżda jistgħu jaslu
biex jegħelbu din id-diffikultà
billi, flok jieħdu l-post
tal-kuntatti tan-nies
bejniethom, iġibu dawn
il-kuntatti ’l quddiem permezz
ta’ diskuzzjonijiet fi gruppi u
stħarriġ flimkien ta’ films u
ta’ programmi radjofoniċi jew
televiżivi.
B.
Il-mass
media bħala servizz għad-djalogu
mad-dinja ta’ llum
8.
Il-Konċilju Vatikan II wera ċar
dan: “Il-Poplu ta’ Alla u
l-ġens kollu tal-bnedmin, li
minnu jagħmel il-Poplu ta’ Alla,
għandhom jaqdu ’l xulxin, biex
juru x’inhi n-natura reliġjuża
tal-missjoni tal-Knisja u hekk
din tkun tidher li hi tassew
missjoni li tixraq fuq li tixraq
lill-bniedem”.
Dawk li jħabbru l-Kelma ta’ Alla
huma fid-dmir li jqisu u
jippruvaw jifhmu l-“kliem”
tal-popli u tal-kulturi mhux
biss biex ikunu jafuhom, imma
wkoll biex igħinuhom jagħrfu u
jilqgħu l-Kelma ta’ Alla.
Jeħtieġ għalhekk li l-Knisja
tkun preżenti fid-dinja b’mod
attiv u attent biex tagħti ħajja
l-komunità u twettaq lil dawk
l-irġiel u n-nisa li qegħdin
ifittxu soluzzjonijiet tajba
għall-problemi personali u
soċjali.
Barra dan,
jekk il-Knisja trid twassal
il-Bxara t-Tajba tagħha b’mod
adatt għaż-żmien li jkun u
għall-kulturi ta’ kull nazzjon u
poplu, illum dan trid tagħmlu
fil-kultura u bil-kultura
tal-mezzi ġodda ta’
komunikazzjoni soċjali.
Din hi kundizzjoni fondamentali
biex tingħata tweġiba xierqa
għal dak li l-Konċilju Vatikan
II jqis bħala tassew essenzjali:
“ir-rabtiet soċjali, tekniċi u
kulturali” li qegħdin jinbtu u
qegħdin igħaqdu dejjem aktar
flimkien in-nies, joħolqu
‘problema urġenti’ għall-Knisja
biex tiġborhom kollha f’għaqda
sħiħa fi Kristu”.
Il-Knisja, hija u tqis x’sehem
importanti jista’ jkollhom dawn
il-mezzi fl-isforzi tagħha ħa
sseħħ din l-għaqda fi Kristu,
tqis dawn il-mezzi, bħala mezzi
“maħsubin minn Alla
fil-provvidenza tiegħu” biex
isseħħ ix-xirka fost il-popli,
fil-mixi tagħhom f’din id-dinja,
u tiġi dejjem aktar ’il quddiem.
Il-Knisja li qiegħda tfittex li
jkollha djalogu mad-dinja ta’
llum tixtieq li jkollha djalogu
onest u b’rispett sħiħ ma’ min
hu responsabbli tal-mass media.
Djalogu bħal dan jitlob li
l-Knisja tagħmel ħilitha biex
tifhem il-mass media –
l-għanijiet tagħhom, il-metodi
li jużaw, kif jaħdmu,
l-istrutturi interni tagħhom – u
trid tqawwi l-qalb u twettaq lil
dawk li jaħdmu fihom. Meta
l-Knisja tasal biex tifhem
x’inhuma l-mass media u twettaq
u tqawwi l-qalb ta’ dawk li
jaħdmu fihom, imbagħad tkun
tista’ tagħmel proposti li jkunu
jfissru ħafna, biex jiġi mwarrab
kull tfixkil li jkun hemm
għall-progress veru tal-bniedem
u għax-xandir tal-Evanġelju.
Biex iseħħ dan id-djalogu,
il-Knisja trid taħseb sewwa dwar
il-mezzi ta’ komunikazzjoni
soċjali profani u dwar
il-politika li jkun hemm
dwarhom. L-insara huma fid-dmir
li jsemmgħu leħinhom fil-mezzi
kollha tal-komunikazzjoni
soċjali. Dmirhom m’huwiex biss
dwar trasmissjonijiet
reliġjużi. Dan id-djalogu
jitlob ukoll li l-Knisja tqawwi
l-qalb tal-professjonisti
tal-mass media, tfassal
antropoloġija u teoloġija vera
tal-komunikazzjoni soċjali, biex
it-teoloġija stess tkun tista’
tixxandar b’mod eħfef u tkun
aktar effikaċi biex tgħarraf
x’inhuma l-valuri tal-Evanġelju
u tapplikahom għall-qagħda
tal-bnedmin ta’ llum. Jeħtieġ
ukoll li l-mexxejja tal-Knisja u
l-ministri pastorali jwieġbu
b’rieda tajba u bil-għaqal għal
dak li jitolbu l-mass media u
jfittxu li jkun hemm
relazzjonijiet ta’ fiduċja u ta’
rispett għal xulxin, bażati fuq
valuri aċċettati minn kulħadd,
ukoll minn dawk li ma jħaddnux
il-fidi tagħna.
C.
Il-mass
media għas-servizz tal-komunità
tal-bnedmin u għall-progress
soċjali
9. Il-komunikazzjoni li sseħħ
fil-Knisja u permezz tal-Knisja
hi t-tħabbira tal-Bxara t-Tajba
ta’ Ġesù Kristu. Hi t-tħabbira
tal-Evanġelju bħala kelma
profetika, bħala kelma li tagħti
ħelsien, kelma li tingħad
lill-irġiel u n-nisa ta’
żminijietna; hi xhieda dwar
il-verità ta’ Alla u
t-traxxendenza tal-persuna
tal-bniedem kontra
s-sekolarizzazzjoni radikali ta’
llum; hi għażla favur
il-ġustizzja, f’solidarjetà
sħiħa ma’ kull min jemmen,
għas-servizz tax-xirka bejn
il-popli, in-nazzjonijiet u
l-kulturi, kontra kull ġlied u
tilwim.
Dan il-mod kif taħseb il-Knisja
dwar il-mass media juri b’mod
ċar, b’mod eċċezzjonali, x’inhu
s-sehem li jridu jagħtu dawn
il-mezzi biex iġibu ’l quddiem
l-iżvilupp tal-bniedem u
tas-soċjetà skont il-pjan t’Alla
fil-provvidenza tiegħu.
D.
Il-mass
media għas-servizz tal-komunità
ekkleżjali
10. Barra
dak li għidna, irrdu nsemmu
wkoll id-dritt fundamentali li
hemm għad-djalogu u
l-informazzjoni fi ħdan
il-Knisja stess, kif ittenni l-Communio
et Progressio,
u l-ħtieġa li ma jieqaf qatt
it-tfittix ta’ modi effikaċi li
jġibu ’l quddiem u jħarsu dan
id-dritt, u dan l-aktar bl-użu
responsabbli tal-mezzi
tal-komunikazzjoni soċjali.
Fost ħwejjeg oħra, hawn irridu
nsemmu dak li jgħid il-Kodiċi
tad-Dritt Kanoniku; skont
il-Kodiċi, l-insara, għalkemm
fid-dmir li jobdu r-ragħajja
tal-Knisja, “għandhom id-dritt
juru x’inhuma l-ħtiġijiet
tagħhom, l-aktar dawk
spiritwali, u x’inhuma x-xewqat
tagħhom”,
u “għall-għerf, il-ħila u
l-prestiġju tagħhom għandhom
id-dritt, u xi kultant id-dmir
ukoll, li jfissru l-fehma
tagħhom lill-isqfijiet dwar dak
li għandu x’jaqsam mal-ġid
tal-Knisja”.
Dan hu mezz biex tinżamm u
tissaħħaħ il-kredibbilità u
l-effikaċja tal-Knisja; b’mod
aktar fondamentali, dan jista’
jkun mezz biex iseħħ bil-fatti
l-karattru ta’ “xirka”
fil-Knisja, li għandu l-pedament
tiegħu bix-xirka intima
tat-Tliet Persuni tat-Trinità
Qaddisa bejniethom, u
jfissruha. Il-membri ta’ din
ix-xirka, li hi l-Knisja, huma
indaqs fid-dinjità u l-missjoni
tagħhom, minħabba l-magħmudija
li għandhom; fuq dan il-pedament
hi mibnija l-istruttura
ġerarkika u d-diversità
tal-uffiċċji u tad-dmirijiet.
Din l-ugwaljanza turi ruħħa fi
bdil onest u bir-rispett kollu
ta’ opinjonijiet u ta’ tagħrif.
F’kaz ta’
nuqqas ta’ ftehim imbagħad,
tajjeb li wieħed ikun jaf “li
mhux billi wieħed jinfluwenza,
l-opinjoni pubblika, se jgħin
biex jiċċara xi problema ta’
duttrina u hekk jgħin ħa tinstab
il-verità.
Dan għaliex “il-fehmiet
tal-insara ma jistgħux jiġu
sempliċement identifikati mas-sensus
fidei”.
Għaliex mela l-Knisja tant
tinsisti dwar id-dritt li
għandhom in-nies li jkollhom
tagħrif korrett? Għaliex
tinsisti fuq id-dritt li għandha
li xxandar il-verità awtentika
tal-Evanġelju? Għaliex tinsisti
fuq ir-responsabbilità li
għandhom ir-ragħajja tagħha li
jxandru l-verità u jħarrġu
lill-insara biex jagħmlu
l-istess? Dan għaliex il-Knisja
tibbaża l-fehma sħiħa tagħha
tal-komunikazzjoni fuq il-fatt
li l-Verb ta’ Alla jikkomunika u
jgħarraf lili nnifsu.
E.
Il-mass
media għas-servizz ta’
evanġelizzazzjoni ġdida
11.
Minbarra l-ħafna mezzi
tradizzjonali li għandha
l-Knisja (bħalma huma x-xhieda
tal-ħajja, il-katekeżi,
ir-relazzjonijiet bejn persuna u
oħra, id-devozzjonijiet
popolari, il-liturġija u
ċelebrazzjonijiet reliġjużi
oħra) l-użu tal-mass media sar
mezz essenzjali
għall-evanġelizzazzjoni u
għall-katekeżi. “Il-Knisja
kieku tkun tidher ħatja quddiem
il-Mulej jekk ma tagħmilx użu
minn dawn il-mezzi hekk qawwija
li d-dehen tal-bneidem qiegħed
itejjeb minn jum għal ieħor.
L-istrumenti tal-mass media
jistgħu u għandhom ikunu
strumenti għall-qadi ta’
programm ta’ evanġelizzazzjoni
mill-ġdid u ta’
evanġelizzazzjoni ġdida
tad-dinja ta’ llum min-naħa
tal-Knisja. Dwar
l-evanġelizzazzjoni ġdida,
għandha tingħata attenzjoni
speċjali għall-influwenza li
jista’ jkollhom il-mezzi
awdjoviżivi tal-mass media,
skont il-prinċipju: “ara,
iġġudika, agħmel”.
Hi
importanti ħafna l-qagħda li
tieħu l-Knisja dwar il-mass
media u l-kultura li qegħdin
isawwru: trid iżżomm dejjem
quddiemha li “mhux biżżejjed li
tuża l-mass media biex ixxandar
il-bxara nisranija u l-maġisteru
tal-Knisja, iżda dan ix-xandir
irid idaħħal il-messaġġ nisrani
fl-istess “kultura ġdida” li
qegħdin joħolqu l-mass media
llum...bi kliem ġid, b’teknika
ġdida, u b’qagħdiet psikoloġiċi
ġodda.
L-evanġelizzazzjoni ta’ llum
trid isib triqat għall-Knisja
biex tkun preżenti b’mod attiv u
miftuħ fi ħdan id-dinja tal-mass
media.
III
L-ISFIDI TA’ LLUM
A.
Il-ħtieġa
li nqisuhom sewwa
12. Jekk il-Knisja trid li
l-qagħda tagħha quddiem il-mass
media tkun pożittiva u miftuħa,
hija u tipprova tidħol
fil-kultura ġdida li ħolqu
l-mass media biex
tevanġelizzaha, il-Knisja trid
ukoll tqis b’mod kritiku l-mass
media u l-influwenza li għandhom
fuq il-kultura.
Kif intqal kemm-il darba
t-teknoloġija tal-mass media hi
espressjoni tassew tal-għaġeb
tad-dehen tal-bniedem, u l-mass
media jgħinu ħafna lis-soċjetà.
Iżda, kif intqal ukoll, l-użu
tat-teknoloġija tal-mass media
ma kienx kollu kemm hu ta’ ġid;
l-użu tajjeb tal-mass media
jeħtieġ valuri veri u għażliet
bil-għaqal mill-individwi,
mill-privati, mill-gvernijiet,
mis-soċjetà kollha kemm hi.
Il-Knisja ma tippretendix li
timponi dawn il-fehmiet u dawn
l-għażliet iżda tħabrek biex
tgħin tassew billi turi liema
huma n-normi morali u etiċi
f’dan il-qasam, normi li jinsabu
fil-valuri tal-bniedem u
fil-valuri nsara.
B.
Solidarjetà
u zvilupp sħiħ
13. Illum
qiegħed jiġri li l-mass media
qegħdin ikattru t-tfixkil
għall-individwi u għas-soċjetà
għax mhux iħallu li jkun hemm
solidarjetà u żvilupp sħiħ
tal-persuna tal-bniedem. Dan
it-tfixkil ġej, b’mod
partikulari, mis-sekulariżmu,
mill-konsumiżmu,
mill-materjaliżmu, mit-telfien
ta’ umaniżmu veru u min-nuqqas
ta’ interess fil-foqra u
fl-imwarrbin.
F’qagħda
bhal din, il-Knisja, li tqis
il-mass media bħala triq
ewlenija u privileġġjata
għall-ħolqien u xandir
tal-kultura,
tħoss id-dmir li tissuġġerixxi
lill-professjonisti tal-mass
media u lill-pubbliku kollu kemm
hu, formazzjoni li twassalhom
biex iqisu l-mass media b’sens
kritiku, imqanqlin minn ħerqa
għall-verità; il-Knisja tqis
ukoll li huwa dmir tagħha
“tindaħal biex tiddefendi
l-verità, biex ikun hemm rispett
għad-dinjità tal-persuna
tal-bniedem, u biex iġġib ’il
quddiem il-kultura vera
tal-ġnus, billi teħodha
bil-qawwa kollha u b’kuraġġ kbir
kontra kull xorta ta’ monopolji
u ta’ manipolazzjoni”.
Ċ.
Imġiba
u strutturi
14. Hi ħaga ċara li xi problemi
dwar dan huma frott ta’ ċerta
mġiba u ta’ xi strutturi
tal-mass media; insemmu bħala
eżempju l-fatt li xi gruppi u xi
klassijiet huma mċaħħdin
mill-użu tal-mass media; f’xi
postijiet ftit ftit qiegħed
jitnaqqas id-dritt fondamentali
għall-informazzjoni; qiegħed
jiżdied il-kontroll tal-mass
media minn xi gruppi ekonomiċi,
soċjali u politiċi. Dan kollu
jmur kontra l-għan fondamentali
u n-natura stess tal-mass media,
li bħala għan speċifiku u
meħtieġ tagħhom għandhom li
jgħinu biex jiġi mħares id-dritt
tal-bniedem għall-informazzjoni;
iġibu ’l quddiem il-ġustizzja ħa
jinkiseb il-ġid ta’ kulħadd;
jgħinu lill-individwi, il-gruppi
u l-popli fit-tħabrik tagħhom ha
jkunu jafu l-verità. Il-mass
media jaqdu dawn id-dmirijiet
ewlenin tagħhom billi jgħinu
fid-bdil tal-fehmiet u
tat-tagħrif u l-informazzjoni
bejn il-klassijiet kollha u
l-oqsma kollha tas-soċjetà u
jħallu tissemma’ kull opinjoni
responsabbli li jkun hemm.
D.
Ħarsien tad-dritt
għall-informazzjoni u
għall-komunikazzjoni
15. Ma nistgħux nammettu li
wieħed hu ħieles li jikkomunika
għax hu tat-tajjeb, jew għax
kiseb ċerta edukazzjoni jew għax
għandu xi poter politku.
Id-dritt tal-komunikazzjoni hu
dritt ta’ kulħadd.
Dan jitlob sforzi speċifiċi fuq
livell nazzjonali u
internazzjonali mhux hiss biex
dawk li huma inqas għonja u
inqas setgħana jkunu jistgħu
jiksbu l-informazzjoni kollha li
jeħtieġu għall-iżvilupp
personali u soċjali tagħhom,
imma wkoll biex ikollhom sehem
effettiv u responsabbli
fid-deċiżjonijiet li ttieħdu
dwar il-kontenut tal-mass media
u dwar l-istrutturi u l-imġiba
tal-mass media tal-pajjiżi
tagħhom.
Fejn l-istrutturi ġuridiċi u
politiċi jgħinu biex il-mass
media jiġu maħkuma minn
“pressure groups”, il-Knisja
għandha tinsisti fuq il-ħarsien
tad-dritt għall-komunikazzjoni
u, b’mod speċjali, fuq id-dritt
tagħha li tagħmel użu mill-mass
media waqt il fl-istess ħin
tfittex suriet oħra ta’
komunikazzjoni għall-membri
tagħha u għall-popolazzjoni
kollha kemm hi. Madankollu
d-dritt għall-komunikazzjoni hu
parti mid-dritt għal-libertà
tal-kult.
IV
GĦANJIET PASTORALI EWLENIN U
MEZZI TA’ TWEĠIB GĦALIHOM
A.
Ħarsien
tal-kulturi tal-bniedem
16. Il-qagħda ta’ ħafna pajjiżi
u l-ħerqa għad-drittijiet u
għall-interessi tal-individwi
spiss jistgħu jwasslu l-Knisja
biex iġġib ’l quddiem mezzi oħra
ta’ komunikazzjoni soċjali.
Fl-oqsma tal-evanġelizzazzjoni u
tal-katekeżi, il-Knisja trid
spiss tara x’tagħmel biex tħares
u tgħin il-“mezzi popolari” ta’
komunikazzjoni socjali u forom
oħra tradizzjonali ta’
espressjoni, għax tħoss li dawn
f’ċerti ambjenti jistgħu jkunu
aktar ta’ siwi għax-xandir
tal-Evanġelju milli l-mezzi
moderni tal-komunikazzjoni
soċjali. Dan għaliex, bil-mezzi
tradizzjonali, parteċipazzjoni
personali aqwa tkun aktar
possibbli u tista’ titqanqal
aktar fil-fond is-sensibbilità
ta’ dak li jkun u jagħtuh raġuni
aktar biex jaġixxi.
Il-mass media mxerrda ma’
kullimkien fi-dinja ta’ llum,
bl-ebda mod ma naqsu
l-importanza tal-mezzi l-oħra
tal-komunikazzjoni, li permezz
tagħhom wieħed jimpenja ruħu u
jkollu sehem fil-produzzjoni u
l-proċess
tal-komunikazzjonijiet.
Il-mezzi ta’ komunikazzjoni
popolari u tradizzjonali mhux
biss huma importanti ħafna biex
juri x’inhi l-kultura tal-post
li jkun, imma jgħinu wkoll biex
jiżviluppaw il-ħila ta’ dak li
jkun ħa joħloq u juża dawn
il-mezzi ta’ komunikazzjoni
soċjali.
Hekk ukoll nappruvaw ix-xewqa
ta’ ħafna popli u gruppi ta’
nies li jkollhom sistemi ta’
komunikazzjoni u ta’
informazzjoni aktar ġusti u
meqjusa, biex ikunu mħarsin minn
kull ħakma u minn kull
manipolazzjoni minn barranin jew
minn nies ta’ pajjiżhom stess.
Il-pajjiżi li qegħdin
jiżviluppaw jibżgħu minn din
il-ħakma u manipolazzjoni li
tista’ tiġihom mill-pajjiżi
għonja tad-dinja; l-istess biża’
għandhom il-minoranzi f’xi
nazzjonijiet żvilippati jew li
qegħdin jiżviluppaw. Hi x’inhi
l-qagħda, iċ-ċittadini kollha
għandu jkollhom sehem attiv,
awtonomu u responsabbli
fil-proċess kollu
tal-komunikazzjoni, għaliex dan
il-proċess jinfluwenza b’ħafna
manjieri l-qagħda ta’ ħajjithom.
B.
L-iżvilupp
u l-progress tal-mass media
tal-Knisja
17. Il-Knisja hi mpenjata
b’ħafna manijieri fl-oqsma
tal-komunikazzjoni u tal-mass
media, minkeja l-ħafna
diffikultajiet li magħhom
tiltaqa’, iżda għandha tkompli
tiżviluppa, tħares u tgħin
il-mezzi tagħha u l-programmi
kattoliċi tal-komunikazzjoni
soċjali. Dawn il-mezzi huma
l-istampa u l-pubblikazzjonijiet
kattoliċi, ir-radju u
t-televiżjoni kattolika,
l-uffiċċji tal-informazzjoni u
tar-relazzjonijiet pubbliċi,
l-istituti u l-programmi dwar
it-tħaddim u l-problemi tal-mass
media, ir-riċerka dwar dawn
il-mezzi, l-organizzazzjonijiet
tal-professjonisti tal-mass
media marbutin mal-Knisja, b’mod
partikulari
l-organizzazzjonijiet kattoliċi
internazzjonali
tal-komunikazzjoni li qegħdin
ikollhom membri li jistgħu jiġu
imsejħin bħala esperti biex
ikunu ta’ għajnuna bl-esperjenzi
tagħhom għall-Konferenzi
Episkopali u wkoll għal xi
isqfijiet individwali.
Ix-xogħol tal-mass media
kattoliċi m’huwiex biss xi ħidma
żejda, li tiġi msieħba
mal-ħidmiet l-oħra kollha
tal-Knisja; il-mass media
għandhom sehem x’jagħtu fl-oqsma
kollha tal-missjoni tal-Knisja.
Għalhekk mhux biżżejjed li jkun
hemm biss pjan pastorali
għall-mass media, imma jeħtieġ
li l-mass media jkunu parti
integranti ta’ kull pjan
pastorali, għax fil-fatt
għandhom kontribut x’jagħtu
f’kull appostolat, ministeru u
programm ieħor.
Ċ.
Il-formazzjoni
tal-insara responsabbli tal-mass
media
18.
L-edukazzjoni u l-informazzjoni
dwar il-mass media għandhom
ikunu parti integranti
mill-formazzjoni tal-operaturi
pastorali u tas-saċerdoti.
Ħafna huma l-elementi u
l-aspetti speċifiċi li jridu
jitqiesu f’din l-edukazzjoni u
f’din il-formazzjoni.
Dinja ta’ llum, influwenzata kif
inhi mill-mass media, teħtieġ,
biex insemmu eżempju, li n-nies
tal-Knisja jkollhom tagħrif
ġenerali tajjeb dwar
l-influwenza li t-teknoloġiji
ġodda tal-informazzjoni u l-mass
media għandhom fuq l-individwi u
s-soċjetà. Iridu jkunu wkoll
dejjem lesti biex jagħtu
s-servizz tagħhom kemm lil dawk
ukoll li ma għandhomx jew
għandhom ftit tagħrif. Jeħtieġ
ikunu jafu kif iħajru
għad-djalogu, jevitaw dik
is-sura ta’ komunikazzjoni li
toħloq suspetti ta’ ħakma,
manipolazzjoni, jew profitti
personali. Dawk imbagħad li
huma impenjati attivament
fil-ħidma tal-mass media
għall-Knisja, jeħtieġ li jkunu
professjonisti tal-mass media u
jkollhom formazzjoni dottrinali
u spiritwali soda.
D.
Il-ħidma
pastorali mal-operaturi tal-mass
media
19. Ix-xogħol fil-mass media
jġib miegħu pressjonijiet
psikologiċi u problemi morali
partikulari. Meta titqies
x’importanza għandhom il-mass
media ħa jsawru l-kultura
taż-żmien ta’ llum u ħa
jirregolaw il-ħajja ta’ tant u
tant nies u tas-soċjetà, jidher
ċar li hi ħaġa tassew essenzjali
li dawk li huma impenjati bħala
professjonisti fil-mass media
profani u fl-industriji
tal-komunikazzjoni, iqisu sewwa
r-responsabbilitajiet tagħhom u
jkunu mqanqlin minn ħsieb tassew
għoli u mir-rieda li jkunu ta’
servizz għall-ġens kollu
tal-bnedmin.
Il-Knisja wkoll irid ikollha
responsabbilità bħal din: trid
tkun impenjata fit-tħejjija u
l-promozzjoni ta’ programmi
pastorali li jkunu jwieġbu b’mod
preċiż għall-qagħda partikolari
tax-xogħol tal-professjonisti
tal-mass media u għall-isfidi
morali li jista’ jkollhom;
programmi pastorali tajbin
kapaċi jagħtu formazzjoni
dejjiema li tkun ta’ għajnuna
għall-irġiel u n-nisa – ħafna
minnhom sinċerament ħerqana li
jkunu jafu x’inhi s-sewwa
fil-qasam morali u etiku ħa
jagħmluh – ħa jkunu dejjem aktar
ispirati minn kriterji morali
kemm fix-xogħol li jagħmlu u
kemm fil-ħajja privata tagħhom.
V
IL-ĦTIEĠA LI JITĦEJJEW PROGRAMMI
PASTORALI
A.
Ir-responabbilità
tal-Isqfijiet
20. Huma u jagħarfu
l-importanza tal-mass media u
l-ħtiġijiet li qegħdin joħolqu,
l-isqfijiet u dawk kollha li
huma fid-dmir li jiddeċiedu kif
għandhom jitqassmu r-riżorsi
tal-Knisja, li jiddependu kemm
min-nies u kemm mill-fondi li
jkollha, iridu jħabirku biex
b’xi mod jagħtu preferenza
xierqa għal dan il-qasam, waqt
li jqisu sewwa l-qagħda
partikolari ta’ pajjiżhom,
tar-reġjun tagħhom, tad-djoċesi.
Jista’
jagħti l-każ li din il-ħtieġa
qiegħda tinħass illum aktar
milli kienet tinħass
fl-imgħoddi, għaliex, sa ċertu
punt, dan l-“Arjopagu” kbir
tal-media fi żmiena kien ftit
jew wisq traskurat mill-Knisja.
Kif jgħid sewwa l-Papa: “Qegħdin
jiġu aktarx preferuti mezzi oħra
għax-xandir tal-Evanġelju u
għall-formazzjoni, waqt il-
l-mass media qegħdin jitħallew
għal-iniżjattiva ta’ xi
individwi jew ta’ gruppi zgħar,
jew għandhom biss parti
sekondarja fil-programmi
pastorali”.
Jeħtieġ li din il-qagħda
tissewwa.
B.
Il-ħtieġa
ta’ pjan pastorali għall-mass
media
21. Għalhekk inħajru b’mod
partikulari lid-djoċesjiet u
l-Konferenzi Episkopali u
l-Laqgħat tal-Isqfijiet biex
jaraw li l-problema tal-mass
media jkollu postu f’kull pjan
pastorali. Dmirhom ukoll hu li
jħejju pjanijiet pastorali
partikulari dwar il-mass media,
jew jirrivedu u jaġġornaw
il-pjanijiet li hemm b’mod li
din ir-reviżjoni u dan
l-aġġornament isiru minn żmien
għal żmien. Biex dan jagħmluh,
l-isqfijiet għandhom ifittxu
l-għajnuna tal-professjonisti
tal-mass media, kemm ta’ dawk li
jaħdmu fil-mass media profani u
kemm ta’ dawk li jaħdmu fil-mass
media tal-Knisja, u b’mod
speċjali ta’ dawk li huma membri
ta’ organizzazzjonijiet
nazzjonali u internazzjonali
taċ-ċinema, tar-radju,
tat-televiżjoni u tal-istampa.
Xi Konferenzi Episkopali ġa
kisbu ġid minn pjanijiet
pastorali tajbin, pjanijiet li
wrew bil-fatti x’kienu l-ħtiġiet
li kien hemm, fissru l-għanjiet
li riedu jintlaħqu, u ħeġġu biex
l-isforzi ta’ kulħadd jingħaqdu
ħa jaħdmu flimkien mingħajr ma
jfixklu ’l xulxin. Ir-riżultat
tal-istudji li saru, il-ġudizzji
u l-konsulazzjonijiet li wasslu
għat-tħejjija ta’ dawn
id-dokument, jistgħu u għandhom
jiġu mwasslin fil-livelli kollha
tal-Knsija, għaliex jistgħu
jkunu jiġi adattati
għall-ħtiġiet ta’ kull knisja
lokali. Għandhom ukoll, minn
żmien għal żmien, jiġu riveduti
u adattati skont kif jitbiddlu
l-ħtiġijiet.
F’appendiċi għal dan id-dokument
qegħdin nissuġġerixxu xi
elementi li jistgħu jidħlu f’xi
pjan pastorali, u xi argumenti
li jistgħu jiġu trattati f’xi
ittra pastorali jew f’xi
dikjazzjoni episkopali, kemm fuq
livell nazzjonali u kemm fuq
livell djoċesan. Huma elementi
li ttieħdu minn proposti ta’ xi
Konferenzi Episkopali jew ta’
professjonisti tal-mass media.
KONKLUŻJONIJIET
22.
Nagħalqu din l-istruzzjoni
pastorali billi ntennu li
l-Knisja “tqis il-mass media
bħala don ta’ Alla,
għaliex, fil-pjan
tal-Provvidenza ta’ Alla,
għandhom il-għan li jgħaqdu
l-bnedmin bejniethom b’rabtiet
ta’ aħwa, ħalli b’hekk jagħtu
sehemhom fil-pjan
tas-salvazzjoni”.
L-Ispirtu s-Santu, kif
fl-imgħoddi għen lill-profeti ħa
jifhmu l-pjan ta’ Alla permezz
tas-sinjali ta’ żminijiethom,
hekk illum qed jgħin il-Knisja
tfisser is-sinjali ta’
żminijietna, u taqdi l-missjoni
profetika tagħha bl-istudju,
il-valutazzjoni u l-użu tajjeb –
ħaġa llum meħtieġa
fondamentalment –
tat-teknoloġija u tal-mass
media.
APPRENDIĊI
Elementi għal
pjan pastorali tal-mass media
23. Il-qagħda tal-mass media u
l-opportunitajiet li għandha
l-Knisja fil-qasam tal-mass
media jinbidlu minn pajjiż
għall-ieħor, u minn djoċesi
għall-oħra fl-istess pajjiż.
Minħabba f’dan, il-qagħda
tal-Knisja dwar il-media u dwar
l-ambjent li joħolqu, tinbidel
minn post għall-ehor, u għalhekk
il-pjanijiet u l-parteċipazzjoni
tal-Knisja jridu jiġu addatati
għall-qagħda ta’ kull post li
jkun.
Kull Konferenza Episkopali u
kull djoċesi trid iħejji pjan
pastorali sħiħ għall-mass medja:
tajjeb li dan isir
b’konsultazzjoni
mar-rapprezentanti
tal-organizzazzjonijiet
kattoliċi, nazzjonali u
internazzjonali, tal-mass media,
u mal-professjonisti tal-mass
media tal-pajjiż. Il-problema
tal-mass media jrid ukoll
jitqies kull darba li jkun se
jitħejja xi pjan pastorali
ieħor, ikun liema jkun, ukoll
pjan pastorali dwar serviżżi
soċjali, dwar edukazzjoni, dwar
evanġelizzazzjoni. Xi
Konferenzi Episkopali u xi
djoċesijiet ġa għandhom
pjanijiet pastorali ta’ din
is-sura, li juru x’qegħdin
jitolbu l-mass media, igħidu
x’inhuma l-għanijiet li jridu
jintlaħqu, u jagħtu direttivi
prattiċi dwar kif jinstabu
l-finanzi meħtieġa u dwar
koordinament bejn l-impenji
kollha li jitlob il-qasam
tal-mass media.
Nissuġġerixxu dawn id-direttivi
biex ikunu ta’ għajnuna għal
dawk li qegħdin iħejju xi pjan
pastorali dwar il-mass media,
jew qegħdin jaġġornaw
il-pjanijiet li hemm.
Direttivi għat-tħejjija ta’ pjan
pastorali fi djoċesi jew minn
Konferenza Episkopali jew Sinodu
patrijarkali
24. Pjan pastorali dwar il-mass
media għandu jkollu dawn
l-elementi:
a) preżentazzjoni ġenerali
tal-pjan, magħmulha permezz ta’
konsultazzjoni wiesgħa li turi
lill-ministeri kollha tal-Knisja
kif għandhom jużaw il-mass media
skont il-problemi u l-ħtiġijiet
taż-żmien ta’ llum;
b) inventarju jew aċċertament li
juri x’inhi l-qagħda tal-mass
media fil-pajjiż li jkun:
jitqies il-pubbliku li jagħmel
użu mill-mass media,
il-produtturi u d-diretturi
tal-mass media pubbliċi u
privati; ir-riżorsi ta’ finanzi
u ta’ teknika; is-sistemi
tax-xandir; ir-riżorsi ekumeniċi
u edukattivi; x’nies hemm
fl-organizzazzjonijiet kattoliċi
tal-komunikazzjoni, dawk ukoll
li huma membri tal-komunitajiet
reliġjużi;
ċ) proposta ta’ strutturi
għall-mass media tal-Knisja,
strutturi li jridu jgħinu
l-evanġelizzazzjoni,
il-katekeżi, l-edukazzjoni,
is-servizz soċjali,
il-kollaborazzjoni ekumenika;
strutturi li sa fejn jista’ jkun
iħaddnu wkoll ir-relazzjonijiet
pubbliċi, l-istampa, ir-radju,
it-televiżjoni, iċ-ċinema,
il-videocassettes, il-“computer
net-works”, il-telefax u sistemi
oħra ta’ telekomunikazzjoni;
d) edukazzjoni dwar il-mass
media b’enfasi fuq ir-relazzjoni
bejn il-mass media u l-valuri;
e) djalogu pastorali
mal-professjonisti tal-mass
media, b’mod partikulari
bil-għan li jkollhom għajnuna ħa
jiżviluppaw il-fidi tagħhom u
l-kobor spiritwali tagħhom;
f) suġġerimenti kif jistgħu
jinkisbu r-riżorsi finanzjarji
meħtieġa, u kif dan
il-finanzjament jista’ jiġi
żgurat.
Il-proċess għat-tħejjija ta’
pjan pastorali għall-mass media
25. Il-pjan irid jagħmel
suġġeriment u jagħti direttivi
lil dawk li si jkunu impenjati
fil-komunikazzjoni għall-Knisja
biex ikunu jafu bil-fatti l-għan
tal-ħidma tagħhom u x’għandu
jiġi l-ewwel f’din il-ħidma.
Tkun ħaġa tajba li grupp ta’
ħidma, magħmul minn
rappreżentanti tal-kleru u
tal-professjonisti tal-mass
media, ikun imsieħeb f’dan
il-proċess, li għandu jkollu
żewġ fażi: riċerka u
proġettazzjoni.
Il-fażi tar-riċerka
26. L-elementi ewlenin ta’ din
il-fażi huma l-għarfien u siwi
ta’ dak li jkun meħtieġ, il-ġbir
ta’ informazzjoni, il-ksib ta’
tagħrif dwar pjanijiet pastorali
oħra. Dan jitlob li ssir
analiżi tal-ambjent fejn se ssir
il-komunikazzjoni, u b’mod
partikulari eżami ta’ x’qawwa
għandhom jew kemm huma dgħajfin
il-programmi reliġjużi fil-mass
media li ġa jeżistu, u eżami
wkoll ta’ dak li jistgħu joffru
dawn il-programmi u
x’diffikulatjiet jiltaqgħu
magħhom.
Hemm tliet suriet ta’ eżami li
jistgħu jgħinu fil-ġbir
tal-informazzjonijiet meħtieġ:
eżami biex wieħed ikun żgur
mill-ħtiġijiet li jkun hemm;
eżami dwar il-mass media; eżami
dwar ir-riżorsi li jista’ wieħed
ikollu. L-ewwel eżami jkun dwar
l-oqsma pastorali li jkunu
jeħtieġu attenżjoni partikulari
mill-Konferenza Episkopali jew
mid-djocesi. It-tieni eżami hu
dwar il-metodi li qegħdin
jintużaw ħalli wiehed jara
x’siwi qed ikollhom il-media, u
hekk tkun tista’ tidher il-qawwa
jew id-dgħufija tal-istrutturi u
l-proċeduri li jkun hemm.
It-tielet eżami jservi biex
isiru magħrufa r-riżorsi,
it-teknoloġija, u n-nies li
l-Knisja għandha fil-qasam
tal-komunikazzjoni, mingħajr ma
tieqaf biss fuq ir-riżorsi
proprji tal-Knisja, imma tqis
ukoll dawk ir-riżorsi l-oħra li
jistgħu jiġu mid-dinja
tal-kummerċ, mill-industriji
tal-mass media u
mill-organizzazzjonijiet
ekumeniċi.
Il-fażi tal-proġettazzjoni
27. Wara li jinġabar dan
it-tagħrif kollu, dawk li jkun
qegħdin iħejju l-pjan pastorali
għall-mass media, iridu jqisu
x’inhuma l-għanijiet
tal-Konferenza Episkopali jew
tad-djoċesi dwar il-mass media u
x’irid jiġi l-ewwel. Dan huwa
l-bidu tal-fażi
tal-proġettazzjoni. Il-grupp li
jkun iħejji l-pjan, waqt li jqis
il-qagħda lokali jrid jistħarreġ
dawn l-problemi:
28. L-edukazzjoni.
Il-problemi tal-komunikazzjoni u
tal-mass media jinteressaw
il-livelli kollha tal-ministeru
pastorali, dak kollu
tal-edukazzjoni. Għalhekk
il-pjan pastorali dwar
il-komunikazzjoni għandu
jfittex:
a) li jgħid x’edukazzjoni tista’
tingħata fil-qasam tal-mass
media bħala parti essenzjali
tal-edukazzjoni ta’ dawk kollha
li jkunu impenjati fil-missjoni
tal-Knisja, kemm jekk huma
seminaristi, jew saċerdoti, jew
reliġjużi rġiel u nisa, u kemm
jekk huma animaturi lajċi;
b) li jħajjar l-iskejjel u
l-universitajiet kattoliċi biex
iħejju programmi u korsijiet
dwar il-mass media skont
il-ħtiġijiet tal-Knisja u
tas-soċjetà;
ċ) li jissuġerixxi li jsiru minn
żmien għal żmien korsijiet,
“workshops” u seminars dwar
it-teknoloġija,
l-amministrazzjoni, il-moralità
tal-mass media, għal dawk li
fil-Knisja huma responsabbli
tal-mass media,
għas-seminaristi, għar-reliġjużi
u għall-kleru;
d) li jfassal u jwettaq
programmi ta’ edukazzjoni u ta’
informazzjjoni dwar il-mass
media għall-għalliema,
għall-ġenituri u
għall-istudenti;
e) li jħeġġeġ l-artisti u
l-kittieba biex ixandru l-valuri
tal-Evanġelju, huma u jużaw
it-talenti tagħhom fl-istampa,
fit-tijatru, fir-radju,
fit-televiżjoni u fil-films,
kemm edukattivi u kemm
rikreattivi;
f) li jfittex għall-Knisja
triqat ġodda
għall-evanġelizzazzjoni u
l-katekeżi permezz
tat-teknoloġija
tal-komunikazzjoni u tal-mass
media.
29. Formazzjoni spiritwali u
għajnuna pastorali.
Il-professjonisti kattoliċi
lajċi tal-mass media u l-persuni
l-oħra li jaħdmu fil-mass media
kemm bħala ħidma jistennew li
l-Knisja tagħtihom formazzjoni
spiritwali u għajnuna
pastorali. Għalhekk il-pjan
pastorali dwar il-mass media
jrid ifittex:
a) li joffri lill-professjonisti
tal-mass media okkażjonijiet
biex l-esperjenza professjonali
tagħhom tistagħna permezz ta’
ġranet ta’ meditazzjoni, ta’
rtiri, ta’ seminars u ta’ gruppi
ta’ għajnuna professjonali:
b) li jagħti għajnuna pastorali
li ssaħħaħ il-fidi ta’ dawk li
jaħdmu fil-mezzi
tal-komunikazzjoni u jsostni
l-impenn iebes tagħhom li
jwasslu l-valuri tal-Evanġelju u
l-valuri veri tal-bniedem
lid-dinja.
30. Kollaborazzjoni.
Il-kollaborazzjoni tikkonsisti
filli jkun hemm tqassim xieraq
tar-riżorsi bejn il-Konferenzi
Episkopali u d-djoċesijiet, u
kemm ukoll bejn id-djoċesi u
istituzzjonijiet oħra bħalma
huma l-komunitajiet reliġjużi,
l-universitajiet u
l-istituzzjonijiet sanitarji.
Għalhekk il-pjan pastorali
għall-komunikazzjoni għandu
jfittex:
a) li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet
u jħajjar għal
konsultazzjonijiet bejniethom
tar-rappreżentanti tal-Knisja u
tal-professjonisti
tal-komunikazzjoni, li jistgħu
jgħinu ħafna ’l Knisja fl-użu
tal-mass media;
b) li jgħin ħa jinstabu mezzi
għall-pubblikazzjoni ta’
xogħolijiet f’kollaborazzjoni
ma’ ċentri reġjonali jew
nazzjonali, u li jgħin
fl-iżvilupp tas-sistemi ta’
promozzjoni,
kummerċjalizzazzjoni u
distribuzzjoni ħa jinqeda ’l
kulħadd;
ċ) li jġib ’il quddiem
il-kollaborazzjoni bejn
il-Kongregazzjonijiet reliġjużi
impenjati fil-komunikazzjoni
soċjali;
d) li jkun
hemm kollaborazzjoni ma’
organizzazzjonijiet ekumeniċi u
ma’ Knejjes u gruppi reliġjużi
oħra dwar dak li jista’ jsir, u
jkun hemm garanżija li
r-reliġjon ikollha postha
fil-mass media, kif ukoll
fil-qasam tal-mezzi ġodda ta’
komunikazzjoni, u b’mod
partikulari dwar l-użu minn
kulħadd tas-satelliti, tad-“data
banks”, tal-“cable networks”,
tal-“informatiċa” in ġenerali
ibda mis-“system compatibility”.
e) li jkun hemm kollaborazzjoni
mal-mass media profani, b’mod
partikulari dwar kwistjonijiet
reliġjużi, morali, etiċi,
kulturali, edukattivi u soċjali,
li jħassbu ’l kulħadd.
31. Relazzjonijiet
pubbliċi. Ir-relazzjonijiet
pubbliċi min-naħa tal-Knisja
jitolbu li jkun komunikazzjoni
attiva mal-komunità kollha
permezz tal-mass media, kemm
profani u kemm reliġjużi. Dawn
ir-relazzjonijiet jitolbu li
l-Knisja tkun dejjem lesta li
twassal lill-komunità l-valuri
tal-Evanġelju u tgħarraf
x’inhuma l-ministeri u
l-programmi tagħha; jitolbu li
l-Knisja tagħmel kulma tista’
biex tara li hi tassew xbieha
vera ta’ Kristu. Għalhekk
il-pjan pastorali għall-mass
media jrid ifittex:
a) li jkun hemm uffiċċju
għar-relazzjonijiet pubbliċi
mgħammar sewwa b’nies u materjal
b’mod li jkun hemm verament
komunikazzjoni xierqa bejn
il-Knisja u l-komunità kollha
kemm hi;
b) li jitħejjew
pubblikazzjonijiet, programmi
radju u televiżivi u videos ta’
kwalità mill-aħjar b’mod li juru
tassew ċar x’inhu l-messaġġ
tal-Evanġelju u x’inhi
l-missjoni tal-Knisja;
c) li joħloq premji u mezzi oħra
ta’ ħajr bħala inkoraġġiment
għall-professjonisti tal-mass
media;
d) li jiċċelebra Jum il-Mezzi
ta’ Komunikazzjoni Soċjali bħala
mezz biex tingħaraf dejjem aktar
l-importanza tal-komunikazzjoni
u biex tgħin l-iniżjattiva
tal-Knisja fil-qasam tal-mass
media.
32. Riċerka.
Il-pjanijiet tal-Knisja
fil-qasam tal-mass media
għandhom jitħejjew fuq bażi ta’
riċerka serja f’dan il-qasam,
riċerka li tissupponi analiżi u
evalwazzjoni sura ta’ nies għax
il-ħaġa saret sewwa. Fl-istudju
tal-komunikazzjoni jeħtieġ li
jkun hemm post għall-problemi
ewlenin li l-missjoni tal-Knisja
jista’ jkollha fi ħdan il-pajjiż
jew reġjun li jkun. Għalhekk
il-pjan pastorali dwar
il-komunikazzjoni jrid ifittex:
a) iħeġġeġ l-istituti ta’ studji
superjuri, iċ-ċentri ta’ riċerki
u l-universitatjiet biex
flimkien jidħlu għal riċerki
fondamentali dwar il-ħtiġijiet u
t-tħassib tal-Knisja u
tas-soċjetà f’dak li għandu
x’jaqsam mal-mass media;
b) li juri kif għandha tiġi
mfissra fil-prattika r-riċerka
li tkun saret dwar il-mass media
u kif din tista’ tiġi applikata
għall-Knisja;
ċ) li jġib ’il quddiem
riflessjoni teoloġika dejjem
sejra dwar il-proċessi u
l-istrumenti tal-mass media u
x’sehem dawn għandhom fil-Knisja
u fis-soċjetà.
33. Il-mass media u
l-progress tal-popli.
Il-komunikazzjonijiet u l-mass
media, milħuqin tassew minn
kulħadd, jistgħu jwasslu biex
ħafna nies ikunu jistgħu
jkollhom sehem fl-ekonomija
tad-dinja ta’ llum, jiksbu
esperjenza kif ifissru
fehmiethom b’mod ħieles, u
jagħtu sehemhom għat-tkattir
tal-paċi u l-ġustizzja
fid-dinja. Għalhekk il-pjan
pastorali għall-komunikazzjoni
jrid ifittex:
a) li l-valuri tal-Evanġelju
jkollhom influwenza kbira fuq
l-attivitajiet kollha tal-mass
media llum –
mill-pubblikazzjonijiet sa
l-informazzjoni bis-satelliti –
b’mod li jgħinu ħa tikber
is-solidarjetà fid-dinja;
b) li jiddefendu l-ġid ta’
kulħadd u jħarsu d-dritt
tar-reliġjonijiet li jkunu
jistgħu jagħmlu użu mill-mass
media, billi jieħdu qagħda
responsabbli u dokumentata dwar
problemi ta’ leġislazzjoni u ta’
politika għall-mass media u dwar
l-iżvilupp tas-sistemi
tal-komunikazzjoni;
ċ) li jeżaminaw sewwa
l-influwenza soċjali
tat-teknoloġija
tal-komunikazzjoni l-aktar
avanzati biex jiġu evitati
firdiet soċjali u taqlib
kulturali bla bżonn;
d) li jgħin il-professjonisti
tal-komunikazzjoni ħa jgħidu
sewwa x’inhuma u jħarsu n-normi
morali li fuqhom iridu jimxu,
speċjalment dawk li għandhom
x’jaqsmu mal-qies f’kollox,
mal-verità, mal-ġustizzja,
mad-diċenza u mar-rispett
tal-ħajja;
e) li jħejji pjanijiet li jħajru
aktar nies jersqu lejn il-mass
media, u hekk dawn ikunu aktar
rappreżentati u aktar
responsabbli;
f) li jaqdi missjoni profetika
billi jitkellem f’waqtu meta
jkun hemm il-ħtieġa li jiġu
mħarsin il-fehmiet tal-Evanġelju
dwar in-natura etika u morali
ta’ kwistjonijiet importanti li
jolqtu ’l kulħadd.
Mill-Vatikan, it-22
ta’ Frar 1992, festa
tal-Katedra ta’ San Pietru
Appostlu.
† John P. Foley
President
Mons. Pierfranco Pastore
Segretarju
|