Stampa t-test ta' dan id-diskors

Knisja Qaddejja tal-Ħajja

Fr Manuel Agius

Dekan, Fakultà tat-Teologija

 

 

Il-Knisja u l-Evanġelju tal-Ħajja

 

1.     L-Evanġelju tal-ħajja jinsab fil-qalba tal-evanġelizzazzjoni tal-Knisja li għandha l-missjoni li xxandar il-Kelma tal-Ħajja (Ġw.1:1). Il-Knisja tistieden lil kull bniedem ta’ rieda tajba biex b’responsabbiltà jiċċelebra, jipproklama u jkun ta’ servizz għar-rigal tal-ħajja. Il-Knisja għandha missjoni li tħabbar  b’kuraġġ u determinazzjoni (bil-kelma u bl-eżempju), il-valur li l-ħajja umana hija sagra u invjolabbli mill-bidunett tat-tnissil sal-mewt naturali tagħha. Din l-istqarrija titlob minna lkoll li nħabirku bla heda għall-promozzjoni, ir-restawr u d-difiża  tal-kultura  tal-ħajja.[1]

 

2.     B’fedeltà sħiħa għall-missjoni ta’ Ġesù li ġie fostna biex “jagħti l-ħajja u l-ħajja bil-bosta” (Ġw.10:10), il-Knisja hija msejħa tħabbar lill-bnedmin ta’ kull żmien dan l-“evanġelju”,li hu għajn ta’ tama dejjiema u hena vera għal kull perjodu tal-istorja. L-Evanġelju tal-imħabba ta’ Alla għall-bniedem, l-Evanġelju tad-dinjità tal-persuna, u l-Evanġelju tal-ħajja huma lkoll Evanġelju wieħed li jibqa’ dejjem sħiħ.[2] F’dan is-sens il-Knisja għandha missjoni profetika li twieġeb għall-kultura tal-mewt billi tippromovi mill-ġdid, b’mod ċar u sod, il-valur u l-invjolabbiltà tal-ħajja tal-bniedem. Dan filwaqt li tappella wkoll lil kulħadd f’isem Alla biex: [j]irrispetta, [j]iddefendi, [j]ħobb u [j]aqdi l-ħajja, kull ħajja umana! Minn din it-triq biss jista’ wieħed isib il-ġustizzja, l-iżvilupp, il-ħelsien veru, is-sliem u l-hena![3]

 

3.     Dan l-Evanġelju tal-Ħajja huwa miżrugħ fil-fond tal-qalb ta’ kull bniedem. Fil-fatt kull persuna hija miftuħa għall-verità u għat-tajjeb hekk kif mid-dawl tar-raġuni tista’ tilmaħ, fil-liġi naturali miktuba f’qalbha, id-dinjità u s-siwi tal-ħajja umana mill-bidu tagħha  sa tmiemha. Fil-fond ta’ qalbu kull bniedem jagħraf li dan id-dritt għall-ħajja għandu jkun rispettat u mħares għaliex fih innifsu jikkostitwixxi l-ġid ewlieni ta’ kull bniedem.  Fuq dan id-dritt hija mibnija l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, kif ukoll hija magħġuna flimkien il-komunità politika. Għaldaqstant il-Knisja, flimkien ma’ kull bniedem ta’ rieda tajba, għandha tibqa’ taħdem biex tara li dan id-dritt fundamentali jkompli jiġi ’l quddiem.

 

4.     Permezz tad-dokument tas-Sinodu Djoċesan Kultura-Soċjetà-Knisja, fl-2003 il-Knisja f’pajjżna ħadet deċiżjoni pastorali li tkun il-qaddejja tal-ħajja billi ssaħħaħ l-operat tagħha għad-difiża u l-ħarsien tad-dinjità tal-ħajja umana.[4]

 

 “Filwaqt li x-xjenza u t-teknoloġija stabbilew ruħhom bħala mezzi sabiex jiżdied l-għerf, il-qawwa u s-saħħa tal-bniedem, l-użu responsabbli ta’ dawn ir-riżorsi jitlob kriterji sodi ta’ etika. F’dan it-tlaqqigħ  bejn ix-xjenza u l-moralità rridu mmorru ’l hinn minn dak li hu ovvju biex inkunu tassew rilevanti u nirrispettaw il-valur tal-verità. L-iżvilupp tal-bijoetika introduċa l-aspetti kulturali, politiċi u legali fil-qasam tax-xjenza. Id-difiża tal-ħajja dejjem u f’kull forma tagħha hija l-valur ċentrali li jridu jħaddnu l-persuni li jaħdmu fl-oqsma tax-xjenza. Madwar dan tissawwar il-ħidma fejjieda ta’ dawn l-operaturi b’risq ħuthom fil-bżonn. Id-difiża tal-ħajja fid-dinja kollha titlob sagrifiċċji kbar minn dawk li jkunu lesti li jirrinunzjaw għall-promozzjonijiet u remunerazzjoni biex ma jissiħbux f’atti li jmorru kontra l-ħajja. Hu xieraq li lil dawn insellmulhom bħala martri siekta ta’ żmienna.”[5]

 

Id-dokument tas-Sinodu jkompli jagħti ħjiel dwar kif il-Knisja f’Malta se sservi ta’ qaddejja tal-ħajja:

 

“Is-sehem tal-Kattoliċi fil-qasam tax-xjenza f’pajjiżna huwa fundamentali sabiex noħolqu djalogu serju fis-soċjetà li għandha kuxjenza soċjali u ħajja ċivili bbażata fuq kriterji etiċi sodi. Dan is-sehem irid jiġi sostnut b’azzjoni f’waqtha u li tista’ tittieħed f’livelli differenti. B’mod partikolari, fil-qasam tal-bioetika, li fih il-Knisja f’Malta tat sehem ewlieni, għandha tkompli tkun rappreżentata fl-entitajiet pubbliċi li għandhom responsabbità li jfasslu policies u liġijiet. Irridu nġibu flimkien l-aqwa mħuħ mill-qasam tax-xjenza, tal-filosofija u tat-teoloġija sabiex flimkien jistudjaw l-iżviluppi fix-xjenza u t-tekoloġija li għandhom impatt lokali u li jirrappreżentaw sfidi għat-taghlim tal-Evanġelju u tal-Knisja.”[6]

 

 

Il-Ħajja Umana bħala Valur Fundmentali u mhux assolut

 

5.     Alla biss huwa s-Sid tal-ħajja u l-mewt. Il-ħajja hija rigal mogħti lill-bniedem minn Alla. Hija għalhekk ir-responsabbiltà tiegħu li jgħożż dan ir-rigal tal-ħajja fdata f’idejh billi jieħu ħsieb saħħtu u ħajtu. Ħadd m’għandu dritt li jneħħi ħajtu b’idejh jew li jtemm il-ħajja ta’ ħaddiehor,  lanqas jekk dan jiġi mitlub biex jagħmel dan. Il-kmandament “La toqtolx” għandu l-għan li jħares id-dinjità ta’ kull persuna umana. Il-bniedem ma jistax jagħżel hu meta jtemm il-ħajja u taħt liema kundizzjoniet, iżda għandu d-dmir li jgħix skont is-sejħa ta’ Alla nnifsu.

 

Il-ħajja umana hija valur fundamentali u mhux assolut. Dan għaliex minna nnifisha l-ħajja bħala valur intrinsikament importanti tagħti lill-bniedem aċċess għal valuri oħra ogħla mill-istess ħajja bioloġika. B’mod partikolari l-ħajja fiżika tagħti lill-bniedem il-possibiltà li jibni relazzjoni ma’ Alla u mal-oħrajn. Fil-fatt l-għan ewlieni ta’ kull bniedem huwa li jagħraf, iħobb u jaqdi lil Alla biex wara din il-ħajja jmur igawdih fil-ħajja ta’ dejjem. Il-vokazzjoni sopranaturali turi l-kobor u s-siwi tal-ħajja tal-bniedem, anki f’kuntest ontoloġiku, jiġifieri meta jkun għadu taħt il-liġi taż-żmien fid-dinja. Dan il-proċess  tal-ħajja tal-bniedem jilħaq il-milja tiegħu fil-hajja ta’ dejjem. Dan it-twemmin juri l-karattru relattiv tal-hajja umana. Fil-fatt il-ħajja fid-dinja mhijiex ir-realtà “tal-aħħar”, imma hija realtà ta’ qabel tal-aħħar. Minkejja dan, il-ħajja umana tibqa’ realtà qaddisa li tiġi fdata lilna biex inħarsuha b’sens ta’ responsabbiltà ħalli nwassluha għall-perfezzjoni tagħha bl-imhabba u l-għotja tagħna nfusna lil Alla u lill-oħrajn.[7] Kien għalhekk li l-Knisja dejjem aċċettat li wieħed jista jagħti ħajtu għal kawża ikbar; ngħidu aħna bħala xhieda tal-imħabba tiegħu lejn Alla jew bħala att ta’ ġenerożità lejn l-oħrajn. Huwa wkoll moralament ġustifikat li wieħed iqiegħed ħajtu fil-periklu tal-mewt fis-servizz tiegħu lejn l-oħrajn.

 

 

Obligazzjoni Morali lejn il-Ħajja

 

6.     Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, it-tradizzjoni Nisranija dejjem żammet it-triq tan-nofs fit-tagħlim tagħha dwar l-obligazzjoni morali biex tiġi preservata l-ħajja umana. Il-Knisja qatt ma sostniet li l-ħajja umana għandha tiġi mtawla b’kull mezz possibbli akkost ta’ kollox għaliex wara l-mewt jispiċċa kollox. Din il-pożizzjoni hija forma ta’ utopija medika. Min-naħa l-oħra, fit-tradizzjoni tagħha l-Knisja qatt ma marret fl-estrem l-ieħor u ħaddnet il-pożizzjoni pessimista li ssostni li mhemmx skop li l-ħajja umama tiġi mtawla meta din tkun milquta mit-tbatija jew meta jkun hemm nuqqas ta’ funzjoni fiżika. Dawn iż-żewġ pożizzjonijiet estremi jwasslu għad-devalwazzjoni tal-ħajja umana minħabba li jneħħu l-ħajja umana minn dak il-kuntest li jagħtiha t-tifsira aħħarija tagħha.

 

7.     Minħabba li l-ħajja umana mhix valur assolut iżda bażiku, hemm ċerti limiti fl-użu tal-mezzi tal-kura medika biex tiġi mtawla l-ħajja umana. Fit-tagħlim tagħha l-Knisja tagħmel distinzjoni bejn kura ordinarja/proporzjonata u kura straordinarja/sproporzjonata. Il-kura hija ordinarja meta tkun aċċessibbli għall-pazjent, meta ttejjeb il-kundizzjoni tas-saħħa u meta ma tikkaġunax tbatija insapportabbli. Il-kura hija straordinarja meta mhix aċċessibbli għall-pazjent, meta ma toffri l-ebda tama ta’ titjib fil-kundizzjoni tiegħu u meta tikkaġuna tbatija kbira.[8]

 

 

Ewropa ta’ Pluraliżmu dwar il-Bidu tal-Ħajja Umana

 

8.     It-tagħlim tal-Knisja li kull bniedem huwa mżejjen b’dinjità umana li hija inerenti minħabba l-fatt li huwa bniedem insibuh rifless, fost l-oħrajn, fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (1948), fil-Konvenzjoni Ewropea tal-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali (1950) u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2000). Fil-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u d-Dinjità Umana fl-Applikazzjoni tal-Bioloġija u l-Mediċina (Konvenzjoni ta’ Oviedo) tal-Kunsill tal-Ewropa (1997) insibu b’mod iżjed speċifiku li d-dinjità u l-integrità ta’ kull bniedem (human being) għandhom jiġu mħarsa u rispettati.

 

9.     Minkejja li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tistqarr f’artiklu 1 li “Id-Dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u mħarsa”, u f’artiklu 2 tkompli ssostni li “Kull persuna għandha d-dritt għall-ħajja”, fil-28 pajjiż membri tal-Unjoni Ewropea hemm leġislazzjoni kontrastanti u konflinġenti dwar il-protezzjoni tal-ħajja umana kemm fil-bidu kif ukoll fit-tmiem tagħha. Nistgħu nikklassifikaw dawn il-pożizzjonijiet fi tliet kategoriji: fl-Ewropa nsibu pajjiżi li l-qafas legali tagħhom jipproteġi l-ħajja umana mill-bidunett sat-tmiem tagħha. Hawn tajjeb wieħed jgħid li Malta hija l-uniku pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea  li l-abort u r-riċerka b’embrijuni mhumiex legalment aċċettabbli. Fit-tieni kategorija nsibu dawk il-pajjiżi li jippermettu l-abort, l-ewtanasja u r-riċerka b’embrijuni taħt ċerti kundizzjonijiet. F’din il-kategorija nsibu l-Italja, Franza u l-Ġermanja. Fit-tielet kategorija nsibu pajjiżi li għandhom liġijiet liberali. F’din il-kategorija nsibu l-Ingilterra, il-Belġju u l-Iżvezja. Il-pajjizi kollha Ewropej jemmnu fid-dinjità tal-persuna umana; madankollu l-kontroversja kollha hija dwar meta tibda l-ħajja umana u meta din għandha tiġi mħarsa mil-liġi. Diversi pajjiżi jħaddnu l-pożizzjoni gradwalista, it-twemmin li l-embrijun m’għandux jiġi rispettat bħala bniedem mill-bidunett tal-eżistenza tiegħu, iżda meta jasal f’ċertu żvilupp bijoloġiku.

 

10.              F’dinja ta’ pluraliżmu ta’ ideat dwar meta tibda l-ħajja umana, l-użu tal-lingwaġġ fir-rigward tal-ħajja umana għandu jingħata importanza sabiex ma jinħolqux ambigwità u konfuzjoni. Hemm bżonn li ssir  distinzjoni ċara bejn ‘persuna umana’, ‘ħajja umana’ u ‘l-bniedem’. Fid-dibattitu dwar ir-rispett lejn id-dinjità u l-ħarsien ta’ kull bniedem, jagħmel iżjed sens li wieħed jirreferi għall-ħajja umana mill-bidunett sat-tmiemha bħala  ħajja ta’ bniedem. L-embrijun huwa bniedem sa mill-bidunett tat-tnissil u jibqa’ bniedem sal-mewt klinika tiegħu (brain death). Il-terminu ‘persuna umana’ jqanqal dibattitu filosofiku dwar il-mument meta embrijun għandu jiġi stmat bħala bniedem. Il-Knisja ssostni li hemm persuna umana sa mill-bidunett tal-eżistenza għaliex ma jistax ikollok bniedem jekk mhux persuna umana. Il-terminoloġija ‘ħajja umana’ wkoll hija ambigwa għaliex kull ċellola meħuda mill-bniedem għandha ħajja umana. Għalhekk it-terminoloġija l-iżjed adegwata hija dik li tirreferi għall-ħajja umana f’kull fażi tagħha bħala ħajja ta’ bniedem bid-dinjità u d-drittijiet kollha tiegħu. Anke meta hemm diżabbiltà, jew il-pazjent jiġi fi stat ta’ dipendenza totali u mhemmx komunikazzjoni, xorta waħda għandu jitqies bħala bniedem. Il-vantaġġi ta’ din it-terminoloġija huwa li anke l-Konvenzjoni ta’ Oviedo tirreferi għall-ħajja umana bhala ħajja ta’ bniedem. 

 

 

Etika Konsistenti dwar il-Ħajja Umana

 

11.              Illum qed ngħixu f’kultura li saret izjed konxja ta’ dawk il-persuni li huma żvantaġġjati fis-soċjetà. Filwaqt li fil-passat persuni b’diżabbiltà u l-ġenerazzjonijiet futuri kienu minsija minn kulħadd, illum qamet kuxjenxa soċjali favur kull min għal xi raġuni jew oħra ma jistax isemma’ leħnu. Kulħadd iħares lejn din is-sensibbiltà morali bħala  żvilupp pożittiv fl-istorja tal-umanità. Fi żmienna wkoll qed kulma jmur dejjem jikber iżjed is-sens ta’ responsabbiltà ekoloġika, filwaqt li f’diversi pajjiżi madwar id-dinja tisma’ b’diversi protesti kontra l-piena kapitali  u l-armamenti nukleari. L-ironija kbira tal-kultura tal-lum hi  li filwaqt li qed jissawru u jissaħħu dawn id-dimensjonijiet ġodda ta’ sensibbiltà etika dwar il-ħajja in ġenerali u iżjed lejn il-ħajja umana, fl-istess waqt qed ninsew għal kollox id-dritt fundamentali ta’ tant bnedmin li qed jiġu maqtula innoċentement fl-ewwel sigħat jew ġimgħat tal-eżistenza tagħhom. Filwaqt li d-dinja qed issir iżjed ħanina ma’ kull min hu żvantaġġjat fis-soċjetà, fl-istess waqt qed issir izjed kiefra ma’ tant miljuni ta’ trabi u embrijuni li qed jisfaw maqtula minħabba  li jinsabu f’pożizzjoni dgħajfa.

 

Bħalma kiteb il-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Evangelii Gaudium:

“Fost dawn id-dgħajfin, li l-Knisja b’għożża kbira tixtieq tieħu ħsieb tagħhom, hemm anki t-trabi li għadhom fil-ġuf, li huma l-aktar innoċenti u ma jistgħux jiddefendu ruħhom, li llum il-ġurnata hemm min jixtieq iċaħħadhom mid-dinjità umana biex jista’ jagħmel bihom dak li jogħġbu, jisirqilhom ħajjithom u jirsisti li jsiru liġijiet biex ħadd ma jista’ jwaqqfu.  Spiss, biex iwaqqa’ għaċ-ċajt id-difiża tal-Knisja favur il-ħajja tat-trabi fil-ġuf, jipprova jippreżenta l-pożizzjoni tagħha bħala ideoloġika, mudlama u konservattiva.  Imma dan il-ħarsien tal-ħajja fil-ġuf hu marbut mill-qrib mal-ħarsien ta’ kull jedd uman ieħor.  Jinbena fuq il-konvinzjoni li kull ħajja umana hi dejjem sagra u invjolabbli, f’kull sitwazzjoni u f’kull fażi tal-iżvilupp tagħha.  Hu għan fih innifsu u qatt mhu mezz biex jissolvew diffikultajiet oħrajn.  Jekk titmermer din il-konvinzjoni, ma jifdalx pedamenti sodi u permanenti għall-ħarsien tad-drittijiet umani, li jispiċċaw dejjem suġġetti għall-konvenjenzi li jinbidlu skont il-bżonn ta’ min ikun fil-poter.  Ir-raġuni waħidha hi biżżejjed biex tgħinna nagħrfu l-valur invjolabbli ta’ kull ħajja umana, imma jekk inħarsu lejha mill-għajnejn tal-fidi, “kull tkasbir tad-dinjità tal-persuna tal-bniedem jitlob vendetta quddiem Alla, u għandu jitqies bħala offiża magħmula lil Alla li ħalaq il-bniedem”.[9]

 

 

Suriet Ġodda ta’ Theddid għall-Ħajja Umana

 

12.              Mal-problemi tal-faqar, guħ u gwerer, f’isem il-progress qed naraw ukoll thedidiet ġodda għall-qdusija u l-integrità tal-ħajja umana. L-umanità illum qed issir iżjed insensittiva lejn il-ħarsien tal-ħajja umana. Dan qed jintwera b’mod partikolari fil-kunsens wiesgħa tas-soċjetà, mill-għarfien legali li qed jiżdied, u mis-sehem li qed ikollhom f’dan kollu l-operaturi sanitarji nfushom. Bħalma qal il-Papa Ġwanni Pawlu II f’Denver, fl-okkażjoni tat-Tmien Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

“Maż-żmien it-theddid kontra l-ħajja mhux qed jonqos. Anzi, għall-kuntrarju qed jieħu sura ta’ kobor bla qjies. M’huwiex biss theddid li ġej minn barra, mill-forzi tan-natura jew, tal-“Kajini” li joqtlu lil “Abeli” iżda huwa theddid programmat b’mod  xjentifiku u sistematiku. Is-seklu għoxrin għad jitqies bħala żmien li fih saru attakki qawwija kontra l-ħajja b’għadd ma jieqaf qatt ta’ gwerer u massakru dejjem sejjer tal-ħajja ta’ tant innoċenti. Il-profeti foloz u l-għalliema qarrieqa kellhom l-aqwa suċċess li qatt seta’ jkollhom”[10].

 

Il-Papa Ġwanni Pawu II isejjaħ din is-sitwazzjoni bħala konġura oġġettiva kontra l-ħajja, li fiha huma mdaħħlin istituzzjonijiet internazzjonali.[11] Għalhekk kull theddida għad-dinjità u għall-ħajja tal-bniedem ma tistax ma tinħassx fil-qalb stess tal-Knisja li għandha l-missjoni li tħabbar l-Evanġelju tal-ħajja fid-dinja kollha u lill-ħolqien kollu                  (ara Mk. 16:15).[12] Din it-tħabbira llum hi tassew urġenti minħabba l-fatt li qed jitkattar b’mod tassew tal-biżà u jsir dejjem aktar serju t-theddid għall-ħajja tal-persuni u tal-popli, l-aktar meta dawn huma l-aktar dgħajfa u bla difiża.

 

Dak li hu traġiku huwa l-fatt li qed nitilfu s-sensibbiltà morali għar-rispett u d-difiża tal-ħajja umana. Kif inhi kważi mdallma minn tant kundizzjonamenti, il-kuxjenza qed issibha dejjem iżjed diffiċli tagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin f’dak li jolqot l-istess valur fundamentali tal-ħajja tal-bniedem. Il-Papa Ġwanni Pawlu II isejjaħ din is-sitwazzjoni bħala “eklissi” tas-sens ta’ Alla u tas-sens tal-bniedem, minkejja li anki hawn il-kuxjenza ma tieqaf qatt turi lil bniedem li wara kollox fin-nofs jibqa’ d-dritt għall-ħajja ta’ persuna umana konkreta.[13]

 

 

L-Isfidi ta’ Pajjiżna

 

13.              F’pajjiżna l-isfida li għandha l-Knisja quddiemha biex tassew tkun il-qaddejja tal-ħajja jeħtieġ li qabel xejn narawha f’kuntest wiesgħa. Flimkien mat-theddidiet  tal-abort u l-ewtanasja, il-Knisja trid  tkun il-vuċi ta’ tant bnedmin li qed jitilfu ħajjithom fil-baħar Mediterran fil-vjaġġ tagħhom bit-tama li jtejbu l-kundizzjoni tagħhom umana. Il-ħarsien tal-hajja ambjentali wkoll għandu jkun fuq l-agenda tal-Knisja. Fil-passat il-Knisja tkellmet diversi drabi u ħadet diversi azzjonijiet dwar dawn il-problemi. F’din il-parti se niffoka biss dwar kwistjonijiet ta’ bioetika li qed jitqanqlu f’pajjiżna.

 

a)     L-abort huma meqjus bħala att kriminali f’Kapitlu 5 tal-Kodiċi Kriminali (art 241- 243A).

 

o   Fl-imgħoddi Malta ħadet diversi inizjattivi  fil-Kunsill tal-Ewropa u f’fora internazzjonali konta mozzjonijiet li kellhom l-għan li joħolqu  pressjoni fuq pajjiżi fejn l-abort mhux dekriminalizzat sabiex tiġi introdotta liġi favur l-abort jew biex liġijiet eżistenti  jsiru iżjed liberali.

o   Il-President tar-Repubblika ta’ Malta stqarret pubblikament li mhix lesta li tiffirma liġi li tippermetti l-abort.

o   Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin riċentement stqarr  li jħossu skomdu bil-pożizzjoni ta’ Malta dwar l-abort meta jkun qed jipparteċipa f’fora Ewropej jew internazzjonali.Madankollu tenna wkoll li hu ma jaqbilx u mhux lest jivvota favur leġislazzjoni favur l-abort.

o   Iż-żewġ Partiti Politiċi l-kbar s’issa jaqblu li l-abort m’għandux jiġi dekriminalizzat f’pajjiżna.

o   F’pajjiżna hawn faċilitajiet ta’ dijanjożi prenatali matul it-tqala. Jekk id-dijanjożi tirriżulta li l-fetu għandu xi forma ta’ diżabbiltà, xorta waħda l-abort mhux permess.

o   Il-morning after pill mhix importata f’pajjiżna .

o   Il-pillola abortiva RU486 mhix liċenzjata li tiġi importata f’pajjiżna.

 

b)    Il-Ligi dwar il-Protezzjoni ta’ l-Embriju (Diċembru 2013) tagħti ħarsien u protezzjoni massima lill-embrijuni sa mill-bidunett tal-fertilizzazzjoni.

 

o   Fil-process tal-IVF jistgħu jiġu fertilizzati tnejn jew tliet embrijuni li għandhom jiġu kollha implantati fil-ġuf tal-omm.

o   Huwa projbit il-kreazzjoni ta’ embrijuni għal skopijiet ta’ riċerka.

 

c)     Minkejja li l-abort huwa illegali, numru ta’ nisa Maltin qed imorru f’pajjiżi oħra sabiex jagħmlu l-abort.

 

o   Statistika tad-Dipartiment tas-Saħħa tar-Renju Unit tindika li fl-2011, 63 mara Maltija għamlu  l-abort f’waħda mill-kliniċi tar-Renju Unit. Fl-2009 in-numru tela għal 78 abort minn nisa Maltin.

o   Din iċ-ċifra ma tinkludix dawk li jmorru f’pajjiżi oħra Ewropej.

 

d)    Pressjoni mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO)

 

o   Rapporti li jeżerċitaw pressjoni fuq pajjiżi fejn l-abort mhux dekriminalizzat sabiex jiġu introdotti liġijiet li jirrispettaw is-saħħa sesswali u riproduttiva tal-mara.

o   L-argument ewlieni huwa l-awtonomija u s-saħħa tal-omm.

 

e)     Każijiet li se jitqanqlu fid-dibattitu dwar l-abort

 

o   Fid-diskussjoni dwar l-abort diġà bdew jitqanqlu argumenti bbażati fuq l-emozzjoni, il-ħniena u l-mogħdrija. Dawn huma każijiet rari,  imma reali.  Il-kelma “jaħasra” diġà bdiet tiddomina l-argumenti favur l-abort. F’dan il-kuntest ta’ ragunar żbaljat, il-Knisja donnha tidher insensittiva għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Argument ieħor huwa dwar l-awtonomja tal-omm.

§  X’jiġri jekk l-omm u t-tarbija se jmutu t-tnejn jekk titkompla t-tqala?

§  Il-Prinċipju tal-Effett Doppju japplika f’każijiet bħal dawn?

§  Każijiet ta’ stupru

§  Każijiet ta’ infedeltà fiż-żwieġ

 

f)      Ewtanasja

 

F’pajjiżna l-opinjoni pubblika favur l-ewtanasja qed tiżdied. Argumenti dwar id-dritt li wieħed jippjana l-mument tal-mewt tiegħu qed jieħdu forma strutturali li għandhom jiġi indirizzati.

o   Gwida ċara għal sitwazzjonijiet kliniċi meta huwa moralment aċċettabbli li ma jinbediex jew jitwaqqaf l-ikel u x-xorb mogħti artifiċjalment.

o   Distinzjoni bejn pazjent f’koma, pazjent fi stat vegitattiv irriversibbli u permanenti u pazjent dikjarat klinikament mejjet.

 

g)     Malta fl-Ewropa

 

o   Malta ilha membru tal-Kunsill tal-Ewropa ghal dawn l-aħħar 50 sena.

§  Riżoluzzjonijiet favur l-abort

·        Fl-2008 - Riżoluzzjoni 1607 (Gisela Wurm – Awstrija).

·        Dritt tal-mara għas-saħħa sesswali u riproduttiva taghha.

·        L-għan biex ma jibqgħux isiru aborti klandestini li jistgħu jipperikolaw is-saħħa  tal-omm.

·        Turiżmu mediku.

 

o   L-Unjoni Ewropea

§  Regolament 724/2004 – Prodotti Mediċinali għal Terapija Avvanzata (Advanced Therapy Medical Products).

§  Fl-2010  ta’ Christine McCafferty  (deputata tal-Partit Soċjalista Ingliż)  – riżoluzzjoni fil-Parlament Ewropew biex jiġi abolit id-dritt tal-objezzjoni tal-kuxjenza fil-professjoni tal-operaturi sanitarji.

§  F’Ottubu ta’ 2013 – fil-Parlament Ewropew tressqet riżoluzzjoni mill- Kumitat tad-Drittijiet tal-Mara u l-Ugwaljanza tas-Sessi biex jiġi approvat li l-abort huwa dritt. Ir-riżoluzzjoni għaddiet mill-Parlament, iżda ma ġietx approvata mill-Kunsill tal-Ministri. Il-Kummissjoni Ewropea dejjem sostniet li din hija deċiżjoni ta’ kull Stat Membru (principju tas-sussidjarjetà).

§  Inizjattiva taċ-ċitttadini Ewropej - One of us – petizzjoni ffirmata minn żewġ miljuni ċittadin Ewrpopew sabiex l-Unjoni Ewrpeja ma tibqax tagħti fondi għar-riċerka (Horizon 2020) li fihom jiġu wżati ċelloli stamminali meħuda minn embrjuni.

 

o   Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani (Strasburgu)

 

§  Qatt ma ġie rikonoxxut li l-abort huwa dritt. Fid-deċiżjonijiet li ttieħdu ġie sostnut li għandu jinstab bilanċ bejn l-interessi konċernati – il-fetu, l-omm u s-soċjetà.

 

o   il-Qorti tal-Ġustizzja (Lussemburgu)

 

§  Il-Każ Brusstle (2013) – l-embrijun għandu jingħata l-protezzjoni għad-dinjità tal-ħajja umana sa mill-bidunett tal-eżistenza tiegħu.

 

Każijiet Reali

 

14.              Dawn huma ftit esperjenzi pastorali dwar il-valur tal-ħajja umana li ltqajt magħhom fil-ħajja pastorali tiegħi.

 

a)     Esperjenzi negattivi

 

                   i.            Koppja b’żewgt itfal iddeċidew li jisseparaw wara ħames snin żwieg minħabba konflitti u ġlied bejniethom. Wara ftit xhur il-mara ltaqgħet ma’ raġel separat missier ta’ tifel.  Ftit xhur wara li saru jafu lil xulxin, il-mara ddeċidiet li tmur toqgħod mas-sieħeb ġdid tagħha biex ma tibqax tħallas il-kera tad-dar li kienet toqgħod fiha. Ma għaddewx wisq xhur minn mindu marru joqogħdu flimkien li l-mara ħarget tqila bit-tielet tarbija tagħha. Meta marret tagħti l-aħbar lil ommha, din dlonk qalet lil bintha “Mur iġri neħħi kollox! Ma tarax li ma tistax trabbi tarbija oħra! Jien diġà nħossni għajjiena neħodlok ħsieb iż-żewġt itfal li għandek meta tmur taħdem! Tarbija oħra jonqsok issa!”

 

                 ii.            Jane li għandha sbatax-il sena għadha l-iskola. Kien ilha sena toħroġ ma’ Twanny  li jaħdem fil-kostruzzjoni. Għodwa waħda Jane kienet qed tieħu l-kolazzjon qabel ma’ tmur l-iskola. F’daqqa waħda nfaqgħet tibki quddiem ommha. Wara l-insistenza tal-omm, Jane stqarret ma’ ommha  li kienet tqila. Ommha nħasdet bil-kbir tant li bdiet tagħti b’idejha ġo rasha waqt li tgħid, “X’għamiltilna binti! Kif se tħammrilna wiċċna mar-raħal kollu.” Wara nofsinhar l-omm ħadet lil bintha Jane għand it-tabib tal-familja biex jagħtiha xi ħaġa biex tneħħi kollox.

 

              iii.            Rita u George ilhom miżżewġin seba’ snin u għandhom żewġt itfal. Mat-tielet tqala tfaċċat problema serja li ħasdithom bil-kbir. Meta marru għand l-ispeċjalista qalilhom li minħabba l-kundizzjoni serja li għandha Rita, jekk tkompli t-tqala se tipperikola kemm ħajjitha,kif ukoll dik tat-tarbija tagħha. Il-konsulent tahom il-parir biex imorru fi sptar l-Ingilterra biex jieħdu opinjoni oħra dwar il-kundizzjoni tal-omm u fil-każ li r-riżultat ikun pożittiv bħalma kellhom Malta, jiddeċiedu huma jekk jagħmlux abort biex isalvaw il-ħajja tal-omm.

 

              iv.            Cristina u Felix kien ilu ħames snin miżżewġin. Kien ilhom jippruvaw biex ikollhom tarbija għal dawn l-aħħar tliet snin. Sa fl-aħħar Cristina inqabdet tqila. Meta l-koppja marret għall-vista tat-tqala għand il-konsulent tagħhom  biex jagħmlu  id-dijanjosi prenatali, ħadu x-xokk ta’ ħajjithom għaliex saru jafu li t-tarbija tagħhom se titwieled dizabbiltà severa. Critstina qabditha depressjoni qawwija li ma setgħetx toħroġ minnha minkejja s-sapport li sabet minn Felix u l-familja tagħha. Iddeċidew li jmorru l-Ingilterra biex jagħmlu abort.

 

                 v.            Rose u Peter, fuq il-parir tal-konsulent taghhom, iddeċidew li jagħmlu l-IVF wara li kien ilhom erba’ snin jippruvaw li jkollhom it-tfal u ma rnexxilhomx. Il-parir tal-konsulent kien li jmorru fi klinika l-Ingilterra. Minkejja dan it-tentattiv, Rose ma nqabiltx tqila u għalhekk b’diżappunt kbir iddeċidew li jiġu lura Malta. Kienu ħallew tliet embrijuni ffriżati bit-tama li wara ftit xhur jerġgħu mmorru l-Ingilterra biex jerġgħu jippruvaw. B’sorpriża kbira Rose ħarget tqila b’mod naturali. Kienu ferħanin se jtiru b’din l-aħbar u ddeċidew li issa jħallu l-embrijuni ffriżati l-Ingilterra.

 

              vi.            John għandu 78 sena. Kien jaħdem fiċ-ċivil u wara li rtira baqa’ attiv bix-xogħol li jinqala’ għalih fid-dar tiegħu u ta’ wliedu u fil-volontarjat. Tatu puplesija severa u spiċċa f’qiegħ ta’ sodda jiddependi għal kollox mill-oħrajn. Uliedu Peter u Henry u l-familji tagħhom kienu jmorru jarawh kuljum. Il-konsulent qalilhom li ma kienx hemm tama li l-kundizzjoni tiegħu titjieb. Missierhom John kien stqarr diversi drabi ma’ wliedu li jekk jispiċċa f’xi stat li jiddependi kompletament mill-oħrajn, jippreferijagħmel l-ewtanasja. Meta kienu jitkellmu bejniethom, mhux l-ewwel darba stqarrew li hija tassew ħasra li f’pajjiżna m’għandniex liġi li tippermetti l-ewtanasja.

 

            vii.            Mary taħdem bhala infermiera fis-sala tal-mediċina. Mhux l-ewwel darba ġiet mitluba minn  pazjenti li kienu qed ibatu biex tagħtihom xi ħaġa biex imutu malajr.

 

         viii.            Jessica marret għand it-tabib tal-poliklinika titolbu jagħtiha xi ħaġa biex tneħħi kollox għaliex ħarget tqila wara li marret btala ma’ sħabha fi Sqallija.

 

b)    Esperjenzi Pożittivi

 

                     i.            Tessie u Albert kellhom żewġ subien. Xtaqu ħafna li jkollhom tifla. Meta Tessie reġgħet ħarġet tqila saru jafu li x-xewqa tagħhom kienet saret realtà. Dan il-ferħ tagħhom malajr inbidel f’diżappunt kbir meta marru għand il-konsulent tagħhom għall-vista tat-tqala u saru jafu li binthom għandha diżabilità severa. Kien l-ikbar xokk ta‘ ħajjithom! Talbu flimkien u ddeċidew li jfittxu  l-għajnuna ta’ counsellor biex jippreparaw ruħhom għal din l-esperjanza ġdida. It-tarbija, minkejja d-diżabiltà li kellha, ġabet ferħ kbir minkejja li dan id-diżappunt qatt ma għeb għal kollox minn qalbhom. Rebecca għexet għal tlettax-il sena u l-ġenituri tagħha kienu ddedikaw ħajjithom għaliha.

 

                   ii.            Il-koppja Mary u Laurence inħasdu bil-kbir meta binthom ta’ sittax-il sena qaltilhom li ħarġet tqila mill-guvni li kien gie Malta fis-sajf biex jitgħallem l-Ingliż. Huma xtaqu ħafna  li kieku dan ma seħħx, izda ddeċidew li issa li hemm ħajja umana għandhom jagħtu kull sapport lil binthom.

 

                iii.            Anton u Sephora kienu qed jistennew it-tieni tarbija tagħhom meta kienu qed jgħixu fil-Ġermanja minħabba li Anton kien ingħata borża ta’ studju biex ikompli jistudja u jingħata promozzjoni fil-kumpanija. Meta marru ghad-djanjosi prenatali ġew mgħarrfa li binhom kien se jitwieled b’diżabiltà. Qatt ma għaddielhom minn moħħhom li jagħmlu abort għaliex kienu jemmnu li l-ħajja hija sagra u għalhekk baqgħu jittamaw li d-djanjosi kienet żbaljata. It-tarbija tagħhom twieldet b’saħħitha.

 

                iv.            Debora kienet ġiet stuprata minn ġuvni barrani li ġie Malta biex jistudja l-Ingliż. Minkejja il-prekawzjonijiet kollha li ħadet immedjatemant wara li seħħ l-istupru, xorta wahda ħarġet tqila. Kien mument diffiċli ħafna għall-familja kollha. Il-ġenituri ġew bejn ħaltejn jekk iħajrux lil binthom tagħmel abort u jħallsulha kollox biex tmur fi klinika fi Sqallija. Però wara li ħadu parir mis-sacerdot li kien qrib tal-familja tagħhom, bidlu fehemthom. It-tarbija ġabet ferħ kbir fil-familja.

 

 


 

[1]Evangelium vitae (EV), 1

[2]EV, 2

[3]EV 11

[4] Sinodu Djoċesan,  Kultura-Soċjetà-Knisja, 2003, par 46-7.

[5]par. 46

[6]par. 47

[7]EV 2

[8] Kongregazzjoni tal-Fidi, Dikjarazzjoni dwar l-Ewtanasija, 1980, par.  IV

[9] G 213

[10] Diskors waqt is-Sahra ta’ talb għat-Tmien Jum Dinji taż-Żgħażagħ (14 t’Awissu 1994), II,3.

[11]EV 16

[12]EV 3

[13]EV 11