Laikos

 

         

Lejn Knisja sinodali: komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni

Dokument Preparatorju

Werrej

 

I. Is-sejħa biex nimxu flimkien

II. Knisja kostituttivament sinodali

III. Fis-smigħ tal-Iskrittura

               Ġesù, il-folla, l-Appostli

               Dinamika doppja ta’ konverżjoni: Pietru u Kornelju (Atti 10)

IV. Is-sinodalità fl-azzjoni: toroq għall-konsultazzjoni tal-poplu ta’ Alla

               Il-mistoqsija fundamentali

               Diversi artikulazzjonijiet tas-sinodalità

               Għaxar nuklei tematiċi biex ninżlu fil-fond tagħhom

Kontribut b’riżq il-konsultazzjoni

 

 

 

Taqsiriet

 

DV           Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum (18 ta’ Novembru 1965)

EC           Franġisku, Kostituzzjoni appostolika Episcopalis communio (15 ta’ Settembru 2018)

EG           Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013)

FT            Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020)

GS           Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes (7 ta’ Diċembru 1965)

KTI          Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali

LG           Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964)

LS            Franġisku, Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015)

UR           Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis redintegratio (21 ta’ Novembru 1964)

 

 

 

 

1. Il-Knisja ta’ Alla qed tiġi msejħa għal Sinodu. Il-mixja, bit-titlu “Lejn Knisja sinodali: komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni”, se tiftaħ solennement fid-9 u l-10 ta’ Ottubru 2021 f’Ruma, u fis-17 ta’ Ottubru ta’ wara f’kull Knisja partikulari. Tappa fundamentali sa tkun iċ-ċelebrazzjoni tas-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, f’Ottubru 2023,[1] segwita mill-fażi ta’ attwazzjoni, li mill-ġdid se tinvolvi fiha lill-Knejjes partikulari (ara EC, art. 19-21). B’din is-sejħa, il-Papa Franġisku qed jistieden lill-Knisja kollha biex tirrifletti fuq tema deċiżiva għall-ħajja u l-missjoni tagħha: “Il-mixja tas-sinodalità hi sewwasew il-mixja li Alla jistenna mill-Knisja tat-tielet millennju”.[2] Din il-mixja, fuq il-linja tal-“aġġornament” tal-Knisja proposta mill-Konċilju Vatikan II, hija don u missjoni fl-istess ħin: meta timxi flimkien, u flimkien tirrifletti fuq il-mixja li tkun għamlet, il-Knisja tista’ titgħallem minn dak stess li tkun qed tesperimenta liema proċessi jistgħu jgħinuha tgħix il-komunjoni, twettaq il-parteċipazzjoni, u tinfetaħ għall-missjoni. Fil-fatt, il-“mixja flimkien” tagħna hi dak li jwettaq u juri x’inhi n-natura tal-Knisja bħala Poplu ta’ Alla pellegrin u missjunarju.

 

2. Hemm mistoqsija profonda li timbuttana u tiggwidana: kif se nwettqu llum, fuq diversi livelli (minn dak lokali għal dak universali), dik il-“mixja flimkien” li tippermetti lill-Knisja xxandar il-Vanġelu, ħaġa waħda mal-missjoni li ġiet fdata lilha; u liema passi l-Ispirtu qed jistedinna mmiddu biex nikbru bħala Knisja sinodali?

 

Biex flimkien naffrontaw din il-mistoqsija hemm bżonn nagħtu widen għall-Ispirtu s-Santu, li bħar-riħ, “fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer” (Ġw 3:8), u nibqgħu miftuħa għas-sorpriżi li żgur mhux forsi se jaħsbilna għalihom tul il-mixja. Hekk jieħu l-ħajja dinamiżmu li jgħinna nibdew naħsdu xi ftit mill-frott ta’ konverżjoni sinodali, li jimmatura ftit ftit. Dawn huma miri ta’ rilevanza kbira għall-kwalità tal-ħajja ekkleżjali u l-iżvolġiment tal-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni, li lkoll għandna sehem fihom grazzi għall-Magħmudija u l-Konfirmazzjoni li rċivejna. Hawn se nindikaw dawk ewlenin, li jixhdu kif is-sinodalità hija l-forma, l-istil u l-binja tal-Knisja:

·       niftakru kif l-Ispirtu mexxa lill-Knisja fl-istorja u llum qed isejħilna biex flimkien inkunu xhieda tal-imħabba ta’ Alla;

·       ngħixu proċess ekkleżjali pparteċipat u inklużiv, li joffri lil kull wieħed u waħda – b’mod partikulari lil dawk li għal diversi raġunijiet isibu ruħhom fit-trufijiet – l-opportunità li jesprimu ruħhom u jkunu mismugħa biex jistgħu jagħtu kontribut b’riżq il-bini tal-Poplu ta’ Alla;

·       nagħrfu u napprezzaw l-għana u l-firxa wiesgħa tad-doni u tal-kariżmi li l-Ispirtu minn jeddu jsawwab fuqna, għall-ġid tal-komunità u tal-familja kollha tal-bnedmin;

·       induqu modi ta’ parteċipazzjoni fejn inħaddmu r-responsabbiltà tagħna fix-xandir tal-Vanġelu u fl-impenn biex nibnu dinja isbaħ u li wieħed jista’ aktar jgħix fiha;

·       ngħarblu kif fil-Knisja għandna ngħixu r-responsabbiltà u l-poter, u l-istrutturi li jħaddmuhom, waqt li nikxfu u nipprovaw nibdlu dawk il-preġudizzji u prassi mgħawġa li għeruqhom mhumiex fil-Vanġelu;

·       nagħrfu fil-komunità Nisranija suġġett kredibbli u sieħba affidabbli f’mixjiet ta’ djalogu soċjali, fejqan, rikonċiljazzjoni, inklużjoni u parteċipazzjoni, il-bini mill-ġdid tad-demokrazija, il-promozzjoni tal-fraternità u tal-ħbiberija soċjali;

·       nagħtu ħajja ġdida lir-relazzjonijiet bejn il-membri tal-komunitajiet Insara kif ukoll bejn il-komunitajiet u l-gruppi soċjali l-oħra, ngħidu aħna komunitajiet ta’ twemmin minn konfessjonijiet u reliġjonijiet oħra, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, movimenti popolari, u l-bqija;

·       ngħinu biex jingħaraf il-valur veru u nagħmlu tagħna wkoll il-frott tal-esperjenzi sinodali riċenti fuq livell universali, reġjonali, nazzjonali u lokali.

 

3. Dan id-Dokument Preparatorju hu mqiegħed għas-servizz tal-mixja sinodali, b’mod partikulari bħala strument ta’ għajnuna għall-ewwel fażi ta’ smigħ u konsultazzjoni tal-Poplu ta’ Alla fil-Knejjes partikulari (Ottubru 2021 – April 2022), bit-tama li jgħin biex jiċċaqilqu l-ideat, l-enerġiji u l-kreattività ta’ dawk kollha li sa jieħdu sehem fil-mixja, u biex jiffaċilita l-qsim tal-frott tal-impenn tagħhom. Għal dan il-għan: 1) jibda billi jagħti xi karatteristiċi importanti tal-kuntest ta’ żmienna; 2) juri b’mod konċiż ir-riferimenti teoloġiċi fundamentali għal għarfien u tħaddim korrett tas-sinodalità; 3) joffri xi spunti bibliċi li jistgħu jgħinu għall-meditazzjoni u r-riflessjoni fi spirtu ta’ talb matul il-mixja; 4) juri xi perspettivi li bihom wieħed jista’ jaqra b’mod ġdid l-esperjenzi ta’ sinodalità li diġà għexna; 5) jesponi xi toroq biex jartikula din il-ħidma ta’ qari mill-ġdid fi spirtu ta’ talb u ta’ qsim flimkien. Bħala akkumpanjament konkret għall-organizzazzjoni tax-xogħlijiet qed nipproponu Vademecum metodoloġiku, mehmuż ma’ dan id-Dokument Preparatorju u disponibbli fuq is-sit iddedikat għal hekk.[3] Is-sit joffri xi riżorsi għall-approfondiment tat-tema tas-sinodalità, bħala sapport għal dan id-Dokument Preparatorju; fost dawn insemmu tnejn, li hawn huma kkwotati kemm-il darba: id-Diskors għat-Tifkira tal-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li ta l-Papa Franġisku fis-17 ta’ Ottubru 2015, u d-dokument Is-sinodalità fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja, elaborat mill-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali u ppubblikat fl-2018.

 

I. Is-sejħa biex nimxu flimkien

 

4. Il-mixja sinodali qed tinfetaħ fi ħdan kuntest storiku mmarkat minn bidliet epokali tas-soċjetà u minn passaġġ kruċjali tal-ħajja tal-Knisja, li ma jistax jiġi injorat: huwa fid-direzzjoni tal-kumplessità ta’ dan il-kuntest, fit-tensjonijiet u l-kintradizzjonijiet tiegħu, li l-Knisja hi msejħa “teżamina s-sinjali taż-żminijiet u tinterpretahom fid-dawl tal-Vanġelu” (GS, n. 4). Hawn se nsemmu xi elementi mix-xenarju globali li huma iktar strettament marbuta mat-tema tas-Sinodu, imma l-qafas għandu jiġi mogħni u mwettaq b’mod sħiħ fuq livell lokali.

 

5. Traġedja globali bħalma hi l-pandemija tal-Covid-19 “effettivament qajmet għal ċertu żmien l-għarfien li aħna komunità dinjija li qed tbaħħar fuq l-istess dgħajsa, fejn id-deni ta’ wieħed jagħmel ħsara li kulħadd. Ftakarna li ħadd ma jsalva waħdu, li nistgħu nsalvaw biss flimkien” (FT, n. 32). Fl-istess waqt bil-pandemija kompla sploda ’l fuq in-nuqqas ta’ ugwaljanza li diġà kien jeżisti: l-umanità dejjem donnha iżjed mheżża minn proċessi ta’ massifikazzjoni u ta’ frammentazzjoni; il-qagħda traġika li l-migranti qed jgħixu fir-reġjuni kollha tad-dinja tixhed kemm għadhom għoljin u b’saħħithom il-ħitan li jaqsmu l-familja waħda tal-bnedmin. L-Enċikliċi Laudato si’ u Fratelli tutti jiddokumentaw il-profondità tal-qasmiet li għandha l-umanità, u nistgħu nirriferu għal dawk l-analiżi biex nagħtu widen għall-karba tal-foqra u tal-art u nagħrfu ż-żerriegħa tat-tama u tal-futur li l-Ispirtu jissokta jnibbet ukoll fi żmienna: “Il-Ħallieq ma jitlaqniex waħidna, qatt ma jerġa’ lura minn kelmtu fil-pjan ta’ mħabbtu, ma jiddispjaċihx li ħalaqna. Aħna l-bnedmin għad għandna fina dik il-ħila li nikkollaboraw biex nibnu d-dar komuni tagħna” (LS, n. 13).

 

6. Din il-qagħda, li, imqar qalb differenzi kbar, tagħmel komuni l-familja sħiħa tal-bedmin, tisfida lill-Knisja nfisha biex ikollha l-ħila ssieħeb il-persuni u l-komunitajiet biex jaqraw mill-ġdid l-esperjenzi ta’ niket u ta’ tbatija, li kixfu l-maskri ta’ ħafna sigurtajiet foloz, u biex jikkultivaw it-tama u l-fidi fit-tjieba tal-Ħallieq u tal-ħolqien tiegħu. Imma ma nistgħux naħbu l-fatt li l-Knisja nfisha jeħtieġ taffronta n-nuqqas ta’ fidi u l-korruzzjoni anki fi ħdanha stess. B’mod partikulari ma nistgħux ninsew it-tbatija li jgħixu l-minuri u persuni vulnerabbli “minħabba l-abbużi sesswali, tal-poter u tal-kuxjenza mwettqin minn għadd imdaqqas ta’ kjeriċi u persuni kkonsagrati”.[4] Inħossuna kontinwament sfidati “bħala Poplu ta’ Alla biex nieħdu fuq spallejna t-tbatija ta’ ħutna miġruħin fil-ġisem u fl-ispirtu”:[5] għal wisq tul ta’ żmien dik tal-vittmi kienet karba li l-Knisja ma għarfitx tisma’ biżżejjed. Huma ġrieħi profondi, li mhux lakemm jagħlqu, u li għalihom qatt ma nistgħu nitolbu biżżejjed maħfra u huma għalina xkiel, xi kultant qawwi ħafna, biex nistgħu nibqgħu fid-direzzjoni li “nimxu flimkien”. Il-Knisja kollha hi msejħa taffaċċja l-piż ta’ kultura mgħaddsa fil-klerikaliżmu, li wirtet mill-istorja tagħha, u f’xejriet ta’ tħaddim tal-awtorità li minnhom jitlaqqmu d-diversi tipi ta’ abbuż (ta’ poter, ekonomiċi, ta’ kuxjenza, sesswali). Ma nistgħux nimmaġinaw “konverżjoni tal-imġiba ekkleżjali mingħajr il-parteċipazzjoni attiva ta’ kull min jifforma parti mill-Poplu ta’ Alla”:[6] nitolbu flimkien lill-Mulej “il-grazzja tal-konverżjoni u d-dilka interjuri biex quddiem dawn il-krimini tal-abbuż, inkunu nistgħu nesprimu s-sogħba tagħna u r-rieda soda tagħna li nitqabdu bil-kuraġġ”.[7]

 

7. Minkejja l-infedeltajiet tagħna, l-Ispirtu jissokta jaħdem fl-istorja u juri l-qawwa tiegħu li tagħti l-ħajja. Proprju fil-gandotti mħaffra mit-tbatijiet ta’ kull xorta li jġarrbu l-familja tal-bnedmin u l-Poplu ta’ Alla qed iwarrdu lingwaġġi ġodda tal-fidi u toroq ġodda li għandhom il-ħila li mhux biss jinterpretaw il-ġrajjiet minn perspettiva teologali, imma li jsibu fil-mument tal-prova r-raġunijiet biex jerġgħu jniedu l-mixja tal-ħajja Nisranija u ekkleżjali. Hu motiv ta’ tama kbira li mhux waħda u tnejn huma l-Knejjes li bdew laqgħat u proċessi ta’ konsultazzjoni tal-Poplu ta’ Alla, ftit jew wisq strutturati. Hemm fejn fittxew li japplikaw stil sinodali, is-sens ta’ Knisja reġa’ warrad u s-sehem ta’ kulħadd ta imbuttatura ġdida lill-ħajja ekkleżjali. Hawn isibu wkoll konferma x-xewqa ta’ protagoniżmu fi ħdan il-Knisja min-naħa taż-żgħażagħ, u t-talba għal valorizzazzjoni ikbar tan-nisa u ta’ spazji ta’ parteċipazzjoni fil-missjoni tal-Knisja, kif diġà indikaw l-Assemblej Sinodali tal-2018 u l-2019. F’din il-linja wkoll għandna t-twaqqif dan l-aħħar tal-ministeru lajkali tal-katekstika u l-aċċess lin-nisa għal dawk tal-lettorat u tal-akkolitat.

 

8. Ma nistgħux ninjoraw il-firxa wiesgħa tal-kundizzjonijiet li fihom jgħixu l-komunitajiet Insara fid-diversi reġjuni tad-dinja. Flimkien mal-pajjiżi li fihom il-Knisja tilqa’ l-parti l-kbira tal-popolazzjoni u tirrappreżenta riferiment kulturali għas-soċjetà kollha, hemm oħrajn fejn il-Kattoliċi huma minoranza; f’xi wħud minn dawn, il-Kattoliċi, flimkien mal-Insara l-oħra, iġarrbu kull xorta ta’ persekuzzjoni anki vjolenti ħafna, u mhux darba u tnejn il-martirju. Jekk minn naħa tiddomina mentalità sekularizzata li qed tipprova tkeċċi r-reliġjon mill-ispazju pubbliku, min-naħa l-oħra hemm integraliżmu reliġjuż li ma jirrispettax il-libertà tal-oħrajn u qed jiffometa xejriet ta’ intolleranza u ta’ vjolenza li jidhru anki fil-komunità Nisranija u fir-relazzjonijiet tagħha mas-soċjetà. Spiss l-Insara jassumu l-istess atteġġjamenti, u hekk irewħu l-firdiet u t-tilwim anki fil-Knisja. Bl-istess mod irridu nżommu quddiem għajnejna l-mod kif fi ħdan il-komunità Nisranija u r-relazzjonijiet tagħha mas-soċjetà jidwu l-firdiet li bihom hi maqsuma din tal-aħħar, għal raġunijiet etniċi, razzjali, ta’ klassi jew minħabba xejriet oħra ta’ stratifikazzjoni soċjali jew ta’ vjolenza kulturali u strutturali. Dawn is-sitwazzjonijiet għandhom impatt qawwi fuq it-tifsira tal-espressjoni “nimxu flimkien” u fuq il-possibbiltajiet konkreti li nwettquha fil-prattika.

 

9. Fi ħdan dan il-kuntest, is-sinodalità tirrappreżenta t-triq għalliema għall-Knisja, imsejħa biex tiġġedded taħt l-azzjoni tal-Ispirtu u grazzi għas-smigħ tal-Kelma. Il-ħila li nimmaġinaw għall-Knisja u għall-istituzzjonijiet tagħha futur differenti li jkun iwieġeb għall-missjoni li hija rċiviet tiddependi fil-parti l-kbira mill-għażla li nibdew proċessi ta’ smigħ, djalogu u dixxerniment komunitarju, fejn kulħadd jista’ jieħu sehem u jikkontribwixxi. Fl-istess waqt, l-għażla li “nimxu flimkien” hija sinjal profetiku għall-familja umana li għandha bżonn ta’ proġett li fih jieħu sehem kulħadd, li kapaċi jfittex il-ġid ta’ kulħadd. Knisja li għandha l-ħila ta’ komunjoni u ta’ fraternità, ta’ parteċipazzjoni u ta’ sussidjarjetà, fil-fedeltà lejn dak li tħabbar, tista’ tkun qrib tal-foqra u tal-imwarrbin u tnewlilhom il-leħen tagħha. Biex “nimxu flimkien” hemm bżonn li nħallu lill-Ispirtu jedukana lejn mentalità tassew sinodali, billi nidħlu b’kuraġġ u libertà tal-qalb għal proċess ta’ konverżjoni li mingħajru ma jkunx possibbli dak “it-tiġdid kontinwu tagħha nnifisha, tiġdid li l-Knisja, għax hija istituzzjoni umana, dejjem teħtieġ” (UR, n. 6; ara EG, n. 26).

 

II. Knisja kostituttivament sinodali

 

10. “Dak li l-Mulej jitlob minna, f’ċertu sens, diġà jinsab kollu miġbur fil-kelma ‘Sinodu’”,[8] li hi “kelma antika u meqjuma fit-Tradizzjoni tal-Knisja, li t-tifsira tagħha tfakkar fil-kontenut l-iżjed profond tar-Rivelazzjoni”.[9] Huwa l-“Mulej Ġesù li jippreżenta lilu nnifsu bħala ‘t-triq, il-verità u l-ħajja’ (Ġw 14:6)”, u “l-Insara, fuq il-passi tiegħu, huma qabelxejn imsejħa ‘d-dixxipli tat-triq’ (ara Atti 9:2; 19:9,23; 22:4; 24:14,22)”.[10] Is-sinodalità f’din il-perspettiva hija wisq aktar minn ċelebrazzjoni ta’ laqgħat ekkleżjali u ġemgħat ta’ Isqfijiet, jew kwistjoni ta’ sempliċi amministrazzjoni interna tal-Knisja; hi “tindika l-modus vivendi et operandi speċifiku tal-Knisja Poplu ta’ Alla li turi u twettaq b’mod konkret il-komunjoni tagħha billi timxi flimkien, tinġema’ f’assemblej u tagħti sehem attiv lill-membri taħgha fil-missjoni tagħha ta’ evanġelizzazzjoni”.[11] U hekk jintisġu flimkien dawk li t-titlu tas-Sinodu jipproponi bħala l-fus ta’ Knisja sinodali: komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni. F’dan il-kapitlu se nuru fil-qosor xi riferimenti teoloġiċi fundamentali li fuqhom tinbena din il-perspettiva.

 

11. Fl-ewwel millennju, “nimxu flimkien”, jiġifieri nipprattikaw is-sinodalità, kien il-mod normali ta’ kif kienet tgħix il-Knisja bħala “Poplu miġbur mill-għaqda tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”.[12] Kontra dawk li riedu jifirdu l-ġisem tal-Knisja, il-Missirijiet tal-Knisja qiegħdu l-komunjoni tal-Knejjes mifruxa mad-dinja, li Santu Wistin fissirha bħala “concordissima fidei conspiratio”,[13] jiġifieri l-fehma waħda tal-imgħammdin kollha fil-fidi. Hawn għandu għeruqu l-iżvilupp wiesa’ ta’ prassi sinodali fuq kull livell tal-ħajja tal-Knisja – lokali, provinċjali, universali –, li sab fil-konċilju ekumeniku l-ogħla manifestazzjoni tiegħu. Huwa f’dan ix-xefaq ekkleżjali, imnebbaħ mill-prinċipju tal-parteċipazzjoni ta’ kulħadd fil-ħajja tal-Knisja, li San Ġwann Kriżostmu seta’ jgħid: “Knisja u Sinodu huma l-istess ħaġa”.[14] Anki fit-tieni millennju, meta l-Knisja saħqet aktar fuq il-funzjoni ġerarkika tagħha, qatt ma naqas dan il-mod ta’ ħajja: jekk fil-Medjuevu u fl-epoka moderna ċ-ċelebrazzjoni ta’ sinodi djoċesani u provinċjali għandna xhieda tajba tagħha flimkien ma’ dik tal-konċilji ekumeniċi, meta ġew biex jiddefinixxu veritajiet dommatiċi l-Papiet fittxew il-konsultazzjoni mal-Isqfijiet biex jifhmu l-fidi tal-Knisja kollha, u hekk irrikorrew għall-awtorità tas-sensus fidei tal-Poplu kollu ta’ Alla, li hu “infallibbli ‘in credendo’” (EG, n. 119). 

 

12. F’dan id-dinamiżmu tat-Tradizzjoni hu ankrat il-Konċilju Vatikan II. Dan jisħaq kif “Alla għoġbu jqaddes u jsalva l-bnedmin mhux individwalment, mingħajr ebda rabta ma’ xulxin, iżda ried li jagħmel minnhom poplu li jagħrfu fil-verità u jservih fil-qdusija” (LG, n. 9). Il-membri tal-Poplu ta’ Alla għandhom Magħmudija komuni u “għalkemm uħud, b’rieda ta’ Kristu, huma maħtura biex jgħallmu jew biex jamministraw jew biex ikunu ragħajja tal-oħrajn, b’danakollu hemm ugwaljanza fost kulħadd dwar id-dinjità u l-ħidma komuni tal-fidili kollha biex jibnu l-ġisem ta’ Kristu” (LG, n. 32). Għalhekk l-imgħammdin kollha, li għandhom sehem fil-funzjoni saċerdotali, profetika u regali ta’ Kristu, “bit-tħaddim tal-għana ta’ kull xorta u ordni tal-kariżmi tagħhom, tal-vokazzjonijiet tagħhom, tal-ministeri tagħhom”[15] huma suġġetti attivi ta’ evanġelizzazzjoni, kemm individwalment u kemm bħala l-Poplu sħiħ ta’ Alla.

 

13. Il-Konċilju saħaq kif, grazzi għad-dilka tal-Ispirtu s-Santu li rċevew fil-Magħmudija, il-ġabra sħiħa tal-Fidili kollha flimkienma tistax tiżbalja fit-twemmin. Hija turi din in-nota karatteristika permezz tas-sens sopranaturali tal-fidi tal-poplu kollu meta l-fidili kollha ‘mill-isqfijiet sa l-anqas fost il-lajċi’ jagħtu l-kunsens tagħhom fi ħwejjeġ ta’ fidi u ta’ morali” (LG, n. 12). Huwa l-Ispirtu li jmexxi lil dawk li jemmnu “għall-verità kollha” (Ġw 16:13). Bil-ħidma tiegħu, “it-tradizzjoni li ġejja mill-Appostli tiżviluppa ruħha fil-Knisja”, biex il-Poplu kollu qaddis ta’ Alla jikber fl-għarfien u fl-esperjenza “sew tal-ħwejjeġ sew tal-kliem li t-tradizzjoni tgħallem; bir-riflessjoni u l-istudju tal-Insara li jimmeditaw f’qalbhom fuqhom (ara Lq 2:19,51); bil-fehma profonda li l-Insara jakkwistaw tal-ħwejjeġ spiritwali bil-predikazzjoni ta’ dawk li flimkien mas-suċċessjoni tal-Isqfijiet irċevew id-don ċert tal-verità” (DV, n. 8). Fil-fatt, dan il-Poplu, miġbur mir-Ragħajja tiegħu, jemmen fid-depożitu mqaddes tal-Kelma ta’ Alla fdat lill-Knisja, jippersevera l-ħin kollu fit-tagħlim tal-Appostli, fil-komunjoni fraterna, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb, u “hekk l-Isqfijiet u l-fidili jkunu qegħdin isaħħu l-għaqda spiritwali tagħhom meta jżommu, iwettqu u jistqarru l-fidi li rċevew” (DV, n. 10).

 

14. Ir-Ragħajja, għalhekk, magħżula minn Alla bħala “ħarriesa awtentiċi, interpreti u xhieda tal-fidi tal-Knisja kollha”,[16] ma jibżgħux jisimgħu lill-Merħla fdata f’idejhom: il-konsultazzjoni tal-Poplu ta’ Alla ma tassumix fi ħdan il-Knisja dinamiżmi tad-demokrazija li jiddependu fuq il-prinċipju tal-maġġoranza, għax fil-bażi tal-parteċipazzjoni għal kull proċess sinodali hemm il-passjoni maqsuma flimkien għall-missjoni komuni ta’ evanġelizzazzjoni u mhux ir-rappreżentanza ta’ interessi f’kunflitt. Fi kliem ieħor, għandna hawn proċess ekkleżjali li ma jistax jitwettaq jekk mhux “fi ħdan komunità ġerarkikament strutturata”.[17] Huwa fir-rabta għammiela bejn is-sensus fidei tal-Poplu ta’ Alla u l-funzjoni tal-maġisteru tar-Ragħajja li jseħħ il-kunsens unanimu tal-Knisja kollha fl-istess fidi. Kull proċess sinodali, fejn l-Isqfijiet huma msejħa jgħarblu dak li l-Ispirtu qed jgħid lill-Knisja, mhux waħidhom, imma billi jisimgħu lill-Poplu ta’ Alla, li “għandu sehem ukoll mill-uffiċċju profetiku ta’ Kristu” (LG, n. 12), hu forma evidenti ta’ dik il-“mixja flimkien” li tgħin lill-Knisja tikber. San Benedittu jisħaq li “spiss il-Mulej jgħarraf x’għandha tkun l-aħjar deċiżjoni”[18] mhux lil min jokkupa pożizzjonijiet ta’ importanza fil-komunità (f’dak il-każ l-iżjed żagħżugħ); hekk, l-Isqfijiet għandhom jaraw li jilħqu lil kulħadd, għax fl-iżvolġiment ordnat tal-mixja sinodali jseħħ dak li l-Appostlu Pawlu jirrakkomanda lill-komunitajiet: “Ixxekklux l-Ispirtu, tmaqdrux il-profezija, ippruvaw kollox: it-tajjeb żommuh” (1 Tess 5:19-21).

 

15. Is-sens tal-mixja li għaliha aħna lkoll imsejħin hu qabelxejn dak li niskopru l-wiċċ u l-bixra ta’ Knisja sinodali, fejn “kulħadd għandu x’jitgħallem. Poplu fidil, Kulleġġ episkopali, Isqof ta’ Ruma: wieħed jisma’ lill-ieħor; u kulħadd jisma’ lill-Ispirtu s-Santu, l-‘Ispirtu tal-verità’ (Ġw 14:17), biex jagħraf dak li hu ‘jgħid lill-Knejjes’ (Apok 2:7)”.[19] L-Isqof ta’ Ruma, li hu l-prinċipju u l-fundament tal-Knisja, jitlob lill-Isqfijiet kollha u lill-Knejjes partikulari kollha, li fihom u minħabba fihom teżisti l-Knisja waħda Kattolika (ara LG, n. 23), biex jidħlu b’fiduċja u kuraġġ għall-mixja tas-sinodalità. F’din il-“mixja flimkien”, nitolbu lill-Ispirtu jurina kif il-komunjoni, li fl-għaqda tiġbor flimkien il-firxa tad-doni, tal-kariżmi, tal-ministeri, qiegħda hemm għall-missjoni: Knisja sinodali hi Knisja “li toħroġ”, Knisja missjunarja, “bil-bibien tagħha miftuħa” (EG, n. 46). Dan jinkludi s-sejħa biex ninżlu iktar fil-fond tar-relazzjonijiet mal-Knejjes u l-komunitajiet Insara l-oħra, li magħhom aħna magħquda bl-istess Magħmudija. Il-perspettiva li “nimxu flimkien”, imbagħad, hi usa’ minn hekk, u tħaddan il-bnedmin kollha, li magħhom naqsmu “l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib” (GS, n. 1). Knisja sinodali hija sinjal profetiku fuq kollox għal komunità tan-nazzjonijiet li ma għarfitx tipproponi proġett li fih għandu sehem kulħadd, li permezz tiegħu tista’ tfittex il-ġid ta’ kulħadd: it-tħaddim tas-sinodalità hu llum għall-Knisja l-mod l-iżjed ċar kif tkun “sagrament tas-salvazzjoni għal kulħadd” (LG, n. 48), “sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-unità tal-ġens tal-bnedmin kollu” (LG, n. 1).

 

III. Fis-smigħ tal-Iskrittura

 

16. L-Ispirtu ta’ Alla li jdawwal u jagħti l-ħajja lil din il-“mixja flimkien” tal-Knejjes huwa l-istess wieħed li jaħdem fil-missjoni ta’ Ġesù, imwiegħed lill-Appostli u lill-ġenerazzjonijiet tad-dixxipli li jagħtu widen għall-Kelma ta’ Alla u jqegħduha fil-prattika. L-Ispirtu, skont il-wegħda tal-Mulej, ma jillimitax ruħu biss li jikkonferma l-kontinwità tal-Vanġelu ta’ Ġesù, imma jdawwal il-profonditajiet dejjem ġodda tar-Rivelazzjoni tiegħu u jnebbaħ id-deċiżjonijiet meħtieġa għat-tweżin tal-mixja tal-Knisja (ara Ġw 14:25-26; 15:26-27; 16:12-15). Għalhekk hu opportun li l-mixja tagħna lejn il-bini ta’ Knisja sinodali tkun imnebbħa minn żewġ “xbihat” mill-Iskrittura. Waħda toħroġ fir-rappreżentazzjoni tax-“xena komunitarja” li ssieħeb il-ħin kollu l-mixja tal-evanġelizzazzjoni; l-oħra tirreferi għall-esperjenza tal-Ispirtu fejn Pietru u l-komunità tal-bidu jagħrfu r-riskju li jqiegħdu limiti mhux ġustifikabbli għal dawk li jridu jaqsmu fl-istess fidi. L-esperjenza sinodali li nimxu flimkien, wara l-Mulej u f’ubbidjenza lejn l-Ispirtu, tista’ tirċievi ispirazzjoni deċiżiva mill-meditazzjoni ta’ dawn iż-żewġ mumenti tar-Rivelazzjoni.

 

Ġesù, il-folla, l-Appostli

17. Fl-istruttura fundamentali tagħha, hemm xena oriġinali li tidher bħala l-mod kostanti kif Ġesù juri min hu tul il-Vanġelu kollu, dak li jħabbar il-miġja tas-Saltna ta’ Alla. L-atturi li nsibu fiha huma essenzjali tlieta (u ieħor). L-ewwel wieħed naturalment hu Ġesù, il-protagonista assolut li jieħu l-inizjattiva, jiżra’ l-kelmiet u s-sinjali tal-miġja tas-Saltna mingħajr ma’ jagħmel “preferenza ta’ persuni” (ara Atti 10:34). B’diversi modi, Ġesù jagħti attenzjoni speċjali lil dawk “mifruda” minn Alla u lill-“imwarrbin” tal-komunità (il-midinba u l-foqra, fil-lingwaġġ evanġeliku). Bi kliemu u bl-għemil tiegħu joffri l-ħelsien mill-ħażen u l-konverżjoni għat-tama, f’isem Alla l-Missier u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Imqar fis-sejħat u t-tweġibiet differenti tal-Mulej, il-karatteristika komuni hi li l-fidi tidher dejjem bħala valorizzazzjoni tal-persuna: it-talba tagħha hi mismugħa, fid-diffikultà tagħha tingħata l-għajnujna, id-disponibbiltà tagħha hi apprezzata, id-dinjità tagħha hi kkonfermata mill-ħarsa ta’ Alla u tintradd lura għall-għarfien tal-komunità.

 

18. Fil-fatt, l-azzjoni ta’ evanġelizzazzjoni u l-messaġġ tas-salvazzjoni ma konniex nifhmuhom mingħajr il-ftuħ kostanti ta’ Ġesù għall-aktar udjenza wiesgħa possibbli, li l-Vanġeli jindikaw bħala l-folla, jew aħjar il-ġabra flimkien tal-persuni li jimxu warajh fit-triq, u xi drabi saħansitra jfittxuh bit-tama ta’ sinjal u ta’ kelma ta’ salvazzjoni: hi t-tieni attur fix-xena tar-Rivelazzjoni. It-tħabbira tal-Vanġelu mhijiex indirizzata biss għal dawk il-ftit imdawlin jew magħżulin minn qabel. Is-semmiegħa ta’ Ġesù huma “l-poplu” ta’ ħajja komuni, il-“kien min kien” tal-kundizzjoni umana, li Hu jqiegħed f’kuntatt dirett mad-don ta’ Alla u s-sejħa għas-salvazzjoni. B’mod li jgħaġġeb u xi drabi jiskandalizza lil min ikun quddiemu, Ġesù jilqa’ bħala udjenza tiegħu lil dawk kollha li joħorġu mill-folla: jisma’ l-protesta mimlija passjoni tal-mara Kangħanija (ara Mt 15:21-28), li ma taċċettax li titħalla barra mill-barka li jagħti hu; joqgħod għad-djalogu mas-Samaritana (ara Ġw 4:1-42), minkejja l-qagħda tagħha ta’ mara soċjalment u reliġjożament kompromessa; japprezza l-att ta’ fidi ħielsa u rikonoxxenti tal-agħma mit-twelid (ara Ġw 9), li r-reliġjon uffiċjali kienet barrietu bħala barrani għal sa fejn tasal il-grazzja.

 

19. Xi wħud jimxu b’mod iżjed espliċitu wara Ġesù, u jduqu l-fedeltà tad-dixxipulat, waqt li oħrajn huma mistiedna jerġgħu lura għall-ħajja ordinarja: imma lkoll jagħtu xhieda tal-qawwa tal-fidi li salvathom (ara Mt 15:28). Fost dawk li jimxu wara Ġesù tispikka l-figura tal-Appostli li hu stess isejjaħ għal warajh, sa mill-bidu, u jiddestinahom għall-medjazzjoni awtorevoli tar-relazzjoni tal-folla mar-Rivelazzjoni u mal-miġja tas-Saltna ta’ Alla. Id-dħul ta’ dan it-tielet attur fix-xena ma jseħħx grazzi għal xi fejqan jew konverżjoni, imma għas-sejħa li jagħmel Ġesù. L-għażla tal-Appostli mhijiex il-privileġġ ta’ pożizzjoni esklussiva ta’ poter u ta’ separazzjoni, imma l-grazzja ta’ ministeru inklużiv ta’ barka u ta’ komunjoni. Grazzi għad-don tal-Ispirtu ta’ Kristu Rxoxt, dawn huma msejħa jħarsu l-post ta’ Ġesù, mingħajr ma jeħdulu postu: mhumiex filtri għall-preżenza tiegħu, imma qegħdin hemm biex jiffaċilitaw il-laqgħa miegħu.

 

20. Ġesù, il-folla fil-firxa wiesgħa tagħha, l-Appostli: dawn huma x-xbieha u l-misteru li rridu nikkontemplaw u napprofondixxu kontinwament biex il-Knisja ssir dejjem iżjed dak li hi. Ebda wieħed mit-tliet atturi ma jista’ joħroġ mix-xena. Jekk jonqos Ġesù u floku npoġġu lil xi ħadd ieħor, il-Knisja ssir kuntratt bejn l-Appostli u l-folla, li d-djalogu bejniethom jispiċċa jaqbad it-triq tal-logħba politika. Mingħajr l-Appostli, awtorizzati minn Ġesù u mgħallma mill-Ispirtu, ir-relazzjoni mal-verità tal-Vanġelu titkisser u l-folla tibqa’ esposta għal mit jew għal ideoloġija dwar Ġesù, sew jekk tilqgħu u sew jekk tirrifjutah. Mingħajr il-folla, ir-relazzjoni tal-Appostli ma’ Ġesù tikkorrompi ruħha f’għamla settarja u awtoreferenzjali tar-reliġjon, u l-evanġelizzazzjoni titlef id-dawl tagħha, li joħroġ mir-rivelazzjoni li Alla jagħmel tiegħu nnifsu lil kulħadd, direttament, billi joffrilu s-salvazzjoni tiegħu.

 

21. Imbagħad hemm l-attur “l-ieħor”, l-antagonista, li jġib fix-xena l-firda djabolika bejn it-tlieta l-oħra. Quddiem il-perspettiva disturbanti tas-salib, hemm dixxipli li jitilqu u folol li jibdlu l-partit. Il-qarrieq li jifred – u allura ma jridx li jkun hemm mixja komuni – jidher xorta waħda fix-xejriet tar-rigorożità reliġjuża, tan-normi morali li jippreżentaw ruħhom iktar esiġenti minn dik ta’ Ġesù nnifsu, u tas-seħer ta’ għerf politiku mondan li jippretendi li hu iżjed effikaċi minn dixxerniment tal-ispirti. Biex ma naqgħux għall-qerq tar-“raba’ attur” hemm bżonn ta’ konverżjoni kontinwa. Hawn hu emblematiku l-episodju taċ-ċenturjun Kornelju (ara Atti 10), li jseħħ qabel dak tal-“konċilju” ta’ Ġerusalemm (ara Atti 15) li hu riferiment kruċjali għal Knisja sinodali.

 

Dinamika doppja ta’ konverżjoni: Pietru u Kornelju (Atti 10)

22. L-episodju jirrakkonta qabelxejn il-konverżjoni ta’ Kornelju, li saħansitra jirċievi għamla ta’ tħabbira. Kornelju kien pagan, għandna nifhmu Ruman, ċenturjun (uffiċċjal ta’ grad baxx) tal-eżerċtu li kien qed jokkupa l-pajjiż, u li kien jipprattika mestier ibbażat fuq vjolenza u tirannija. Imma kien jiddedika ruħu għat-talb u għall-karità, jiġifieri kien rawwem fih relazzjoni ma’ Alla u jieħu ħsieb tal-proxxmu. Sewwasew għandu jidħol b’mod sorprendenti l-anġlu, isejjaħlu b’ismu u jitolbu jibgħat – il-verb tal-missjoni! – lill-qaddejja tiegħu f’Ġaffa biex isejħu – il-verb tal-vokazzjoni! – lil Pietru. Ir-rakkont allura jsir wieħed tal-konverżjoni ta’ dan tal-aħħar, li dakinhar stess kellu viżjoni, li fiha sema’ leħen jordnalu joqtol u jiekol xi bhejjem, li wħud minnhom kienu mniġġsa. It-tweġiba tiegħu kienet deċiża: “Ma jkun qatt, Mulej” (Atti 10:14). Jintebaħ li l-Mulej hu dak li qed ikellmu, imma jagħmillu rifjut ċar, għax dik l-ordni kienet se tħott il-preċetti tat-Torah li kienu essenzjali għall-identità reliġjuża tiegħu, għax kienu jesprimu mod kif wieħed jifhem l-għażla bħala differenza li ġġib qasma u esklużjoni ta’ popli oħra.

 

23. L-Appostlu baqa’ mħawwad bil-kbir u, hu u jistaqsi bejnu u bejn ruħu fuq is-sens ta’ dak li kien seħħ, jaslu għandu l-irġiel mibgħuta minn Kornelju, li l-Ispirtu jurih li kienu l-mibgħutin tiegħu. Lilhom Pietru jwieġeb bi kliem li jfakkar f’dak ta’ Ġesù fl-Ort: “Jien hu dak li qegħdin tfittxu” (Atti 10:21). Hija konverżjoni vera u proprja, passaġġ ta’ tbatija u wieħed immensament għammiel ta’ ħruġ mill-kategoriji kulturali u reliġjużi tiegħu: Pietru jaċċetta li jiekol flimkien mal-pagani l-ikel li minn dejjem kien qies bħala pprojbit, għax għaraf fih strument ta’ ħajja u ta’ komunjoni ma’ Alla u mal-oħrajn. Huwa fil-laqgħa tagħna mal-persuni, billi nilqgħuhom, nimxu flimkien magħhom u nidħlu fid-djar tagħhom, li nintebħu bit-tifsira ta’ din il-viżjoni tiegħu: l-ebda bniedem ma hu indenn f’għajnejn Alla u d-differenza li tiġi mill-għażla li hu jagħmel tagħna mhijiex preferenza esklussiva, imma servizz u xhieda ta’ natura universali.

 

24. Kemm Kornelju u kemm Pietru jinkludu fil-mixja tagħhom ta’ konverżjoni persuni oħra, u jagħmluhom sieħba fil-vjaġġ tagħhom. L-azzjoni appostolika twettaq ir-rieda ta’ Alla u toħloq komunitajiet, tħott il-ħitan u tippromovi l-laqgħa. Il-kelma għandha rwol ċentrali fil-laqgħa bejn iż-żewġ protagonisti. Jibda Kornelju billi jaqsam l-esperjenza li huwa għex. Pietru jisimgħu u mbagħad jieħu f’idejh hu l-kelma, u min-naħa tiegħu jaqsam dak li seħħ lilu u jagħti xhieda tal-qrubija tal-Mulej, li joħroġ jiltaqa’ ma’ kull persuna biex jeħlisha minn dak li jżommha lsira tal-ħażin u jagħmel ħsara lill-bnedmin (ara Atti 10:38). Dan il-mod ta’ komunikazzjoni jixbah lil dak li Pietru addotta meta f’Ġerusalemm il-fidili ċirkonċiżi ċanfruh, u xlewh li kiser in-normi tradizzjonali, li fuqhom donnha kienet iddur l-attenzjoni kollha tagħhom, bla taw kas tat-tiswib tal-Ispirtu fuqhom: “Inti dħalt għand nies li ma għandhomx iċ-ċirkonċiżjoni u kilt magħhom” (Atti 11:3). F’dak il-mument ta’ kunflitt, Pietru jirrakkonta dak li ġralu u r-reazzjonijiet tiegħu ta’ tħassib, inkomprensjoni u reżistenza. Dan kellu jgħin lil dawk li kienu qed jisimgħuh, għall-bidu aggressivi u reżistenti, biex jagħtu widen u jilqgħu dak li seħħ. L-Iskrittura għenet biex setgħu jinterpretaw is-sens ta’ dan kollu, kif imbagħad reġa’ seħħ fil-“konċilju” ta’ Ġerusalemm, fi proċess ta’ dixxerniment li huwa smigħ komuni tal-Ispirtu.

 

IV. Is-sinodalità fl-azzjoni: toroq għall-konsultazzjoni tal-poplu ta’ Alla

 

25. Imdawla mill-Kelma u mibnija fuq it-Tradizzjoni, il-mixja sinodali għandha għeruqha fil-ħajja konkreta tal-Poplu ta’ Alla. Fil-fatt hi tippreżenta aspett partikulari li hu wkoll riżorsa straordinarja: is-suġġett tagħha – is-sinodalità – huwa wkoll il-metodu tagħha. Fi kliem ieħor, hi bħal sit tal-bini jew esperjenza pilota, li tippermettilna nibdew naħsbu sa minn issa l-frott tad-dinamiżmu li l-konverżjoni sinodali ftit ftit tinjetta fil-komunità Nisranija. Mill-banda l-oħra ma tistax ħlief terġa’ tibgħatna għall-esperjenzi ta’ sinodalità li diġà għexna, fuq diversi livelli u bi gradi differenti ta’ intensità: il-punti qawwija tagħhom u s-suċċessi tagħhom, kif ukoll il-limitazzjonijiet tagħhom u d-diffikultajiet tagħhom, joffru elementi prezzjużi għad-dixxerniment fuq id-direzzjoni li fiha għandna nkomplu mexjin. Ċertament hawn qed nirreferu għall-esperjenzi mqanqla minn din il-mixja sinodali, imma anki għal dawk kollha li fihom diġà qed jingħaxu diversi xejriet ta’ “mixja flimkien” fil-ħajja ordinarja, imqar meta lanqas hu magħruf jew użat it-terminu sinodalità.

 

Il-mistoqsija fundamentali

26. Il-mistoqsija fundamentali li tiggwida din il-konsultazzjoni tal-Poplu ta’ Alla, kif diġà mfakkar fil-ftuħ, hija din:

 

Knisja sinodali, hija u xxandar il-Vanġelu, “timxi flimkien”: kif tista’ din il-“mixja flimkien” titwettaq illum fil-Knisja partikulari tagħkom? Liema passi l-Ispirtu qed jistedinna nwettqu biex nikbru fil-“mixja flimkien” tagħna?

 

Biex twieġbu, intom mistiedna:

a)     tistaqsu lilkom infuskom f’liema esperjenzi tal-Knisja partikulari tagħkom qed tfakkarkom din il-mistoqsija fundamentali;

b)     taqraw iktar fil-fond dawn l-esperjenzi: liema ferħ ipprovokaw? Liema diffikultajiet jew ostakli ltaqgħu magħhom? Liema ġrieħi kixfu? Liema intuwizzjonijiet qanqlu?

c)     tiġbru l-frott biex taqsmuh ma’ xulxin: fejn f’dawn l-esperjenzi jidwi l-leħen tal-Ispirtu? X’qed jitlob minna? Liema huma l-punti li rridu nikkonfermaw, liema huma l-perspettivi ta’ bidla, il-passi li rridu nagħmlu? Fejn qed inħossu li hemm kunsens? X’toroq jinfetħu għall-Knisja partikulari tagħna?

 

Diversi artikulazzjonijiet tas-sinodalità

27. Fit-talb, fir-riflessjoni u fil-qsim flimkien, imqanqlin mill-mistoqsija fundamentali, jixraq li nżommu quddiem għajnejna tliet livelli li fuqhom tiġi artikulata s-sinodalità bħala “dimensjoni kostituttiva tal-Knisja”:[20]

·       il-livell tal-istil li bih il-Knisja tgħix u taħdem ta’ kuljum, li jesprimi n-natura tal-Poplu ta’ Alla li jimxi flimkien u jinġabar f’ġemgħa msejħa mill-Mulej Ġesù bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex ixxandar il-Vanġelu. Dan l-istil jitwettaq permezz tas-“smigħ komunitarju tal-Kelma u ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, il-fraternità tal-komunjoni u l-korresponsabbiltà u l-parteċipazzjoni tal-Poplu kollu ta’ Alla, fuq id-diversi livelli tiegħu u fid-distinzjoni tad-diversi ministeri u rwoli, għall-ħajja u l-missjoni tiegħu”;[21]

·       il-livell tal-istrutturi u tal-proċessi ekkleżjali, determinati anki mill-perspettiva teoloġika u kanonika, fejn in-natura sinodali tal-Knisja tesprimi ruħha b’mod istituzzjonali fuq livell lokali, reġjonali u universali;

·       il-pjan tal-proċessi u ġrajjiet sinodali fejn il-Knisja hi msejħa mill-awtorità kompetenti, biex tiltaqa’ skont proċeduri speċifiċi determinati mid-dixxiplina ekkleżjastika.

 

Imqar jekk distinti minn xulxin minn perspettiva loġika, dawn it-tliet livelli huma orjentati lejn xulxin u għandhom jinżammu flimkien b’mod koerenti, inkella nkunu nagħtu xhieda bil-kontra u nheddu l-kredibbiltà tal-Knisja. Fil-fatt, jekk ma jitlaħħamx fi strutturi u proċessi, l-istil tas-sinodalità mil-livell tal-intenzjonijiet u tax-xewqat faċilment jispiċċa f’dak tar-rettorika, waqt li l-proċessi u l-ġrajjiet, jekk ma jitħaddmux bi stil xieraq, jispiċċaw formalitajiet vojta.

 

28. Barra minn hekk, meta nerġgħu naqraw l-esperjenzi, hemm bżonn inżommu quddiem għajnejna li “nimxu flimkien” tista’ tinftiehem skont żewġ perspettivi differenti, imma marbuta qatigħ ma’ xulxin. L-ewwel waħda tħares lejn il-ħajja interna tal-Knejjes partikulari, lejn ir-relazzjonijiet bejn is-suġġetti li minnhom magħmula (qabelxejn dawk bejn il-Fidili u r-Ragħajja tagħhom, anki permezz tal-organiżmi ta’ parteċipazzjoni previsti mid-dixxiplina kanonika, inkluż is-sinodu djoċesan) u lejn il-komunitajiet li fihom jiġu artikulati (b’mod partikulari l-parroċċi). Tqis imbagħad ir-relazzjonijiet tal-Isqfijiet bejniethom u mal-Isqof ta’ Ruma, anki permezz tal-organiżmi intermedji ta’ sinodalità (Sinodi tal-Isqfijiet tal-Knejjes patrijarkali u arċiveskovili maġġuri, Kunsilli tal-Ġerarki u Assemblej tal-Ġerarki tal-Knejjes sui iuris, Konferenzi Episkopali, bl-espressjonijiet nazzjonali, internazzjonali u kontinentali tagħhom). U hekk nitwessgħu għall-mod kif kull Knisja partikulari tintegra fi ħdanha l-kontribut tad-diversi xejriet ta’ ħajja monastika, reliġjuża u kkonsagrata, ta’ assoċjazzjonijiet u moviment lajkali, ta’ istituzzjonijiet ekkleżjali u ekkleżjastiċi ta’ bosta xeħtiet (skejjel, sptarijiet, universitajiet, fondazzjonijiet, entijiet ta’ karità u għajnuna, u l-bqija). Fl-aħħar nett, din il-perspettiva tħaddan ukoll ir-relazzjonijiet u l-inizjattivi komuni mal-aħwa tal-Konfessjonijiet Insara l-oħra, li magħhom naqsmu d-don tal-istess Magħmudija.

 

29. It-tieni perspettiva tqis kif il-Poplu ta’ Alla jimxi flimkien mal-familja sħiħa tal-bnedmin. Il-ħarsa għalhekk tieqaf fuq l-istat tar-relazzjonijiet, tad-djalogu u ta’ inizjattivi komuni li jista’ jkun hemm ma’ membri ta’ reliġjonijiet oħra, mal-persuni mbiegħda mill-fidi, kif ukoll ma’ ambjenti u gruppi soċjali speċifiċi, mal-istituzzjonijiet tagħhom (id-dinja tal-politika, tal-kultura, tal-ekonomija, tal-finanzi, tax-xogħol, trejdunjins u għaqdiet tan-negozju, organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, movimenti popolari, minoranzi ta’ bosta xejriet, foqra u mwarrbin, u l-bqija).

 

Għaxar nuklei tematiċi biex ninżlu fil-fond tagħhom

30. Biex ngħinu fl-iżvilupp tal-esperjenzi u nikkontribwixxu b’mod aktar għani għall-konsultazzjoni, qed nindikaw hawn ukoll għaxar nuklei tematiċi li jartikulaw diversi aspetti tas-“sinodalità mgħixa”. Iridu jiġu addattati għad-diversi kuntesti lokali, u, kull darba integrati, espliċitati, issimplifikati, approfonditi, b’attenzjoni partikulari għal min għandu iżjed diffikultà biex jipparteċipa u jwieġeb: il-Vademecum li jsieħeb dan id-Dokument Preparatorju hawnhekk joffri strumenti, toroq u suġġerimenti biex id-diversi nuklei ta’ mistoqsijiet inebbħu konkretement mumenti ta’ talb, formazzjoni, riflessjoni u qsim flimkien.

 

I. IS-SIEĦBA FIL-VJAĠĠ

Fil-Knisja u fis-soċjetà ninsabu maġenb xulxin fl-istess triq. Fil-Knisja lokali tagħkom, hemm dawk li qed “jimxu flimkien”? Meta ngħidu “l-Knisja tagħna”, min jagħmel parti minnha? Min qed jitlobna nimxu flimkien? Liema huma s-sieħba tal-vjaġġ, anki barra mill-ħitan tal-Knisja? Liema persuni jew gruppi qed jitħallew fit-trufijiet, espressament jew bħala stat ta’ fatt?

 

II. NISIMGĦU

Is-smigħ huwa l-ewwel pass, imma jitlob li nżommu moħħna u qalbna miftuħa, mingħajr preġudizzji. Lil min il-Knisja partikulari tagħna hi “fid-dmir li tisma’”? Kif qed jiġu mismugħa l-Lajċi, b’mod partikulari ż-żgħażagħ u n-nisa? Kif qed nintegraw is-sehem tal-Ikkonsagrati? Xi spazju għandu l-leħen tal-minoranzi, tal-‘mormijin’ u tal-imwarrbin? Jirnexxilna nidentifikaw preġudizzji u sterjotipi li jxekklu s-smigħ tagħna? Kif qed nagħtu widen għall-kuntest soċjali u kulturali li fih ngħixu?

 

III. NIEĦDU L-KELMA F’IDEJNA

Ilkoll aħna msejħin nitkellmu bil-kuraġġ u l-parresia, jiġifieri billi nħaddmu flimkien libertà, verità u mħabba. Kif qed nippromovu fi ħdan il-komunità u l-organiżmi tagħha stil komunikattiv ħieles u awtentiku, mingħajr wiċċ b’ieħor u opportuniżmi? U fil-konfront tas-soċjetà li minnha nagħmlu parti? Meta u kif qed jirnexxilna ngħidu dak li hu għal qalbna? Kif inhi r-relazzjoni tagħna mas-sistema tal-midja (mhux biss dik Kattolika)? Min jitkellem f’isem il-komunità Nisranija u kif jiġi magħżul?

 

IV. NIĊĊELEBRAW

Nistgħu “nimxu flimkien” biss jekk nibnu fuq is-smigħ komunitarju tal-Kelma u fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. B’liema mod it-talb u ċ-ċelebrazzjoni liturġika jnebbħu u jorjentaw effettivament il-“mixi flimkien” tagħna? Kif inebbħu d-deċiżjonijiet l-iżjed importanti? Kif qed nippromovu l-parteċipazzjoni attiva tal-Fidili kollha fil-liturġija u t-tħaddim tal-funzjoni tat-tqaddis? Xi spazju qed jingħata għat-tħaddim tal-ministeri tal-lettorat u tal-akkolitat?

 

V. KORRESPONSABBLI FIL-MISSJONI

Is-sinodalità qiegħda għas-servizz tal-missjoni tal-Knisja, li fiha l-membri kollha tagħha huma msejħin jipparteċipaw. Billi aħna lkoll dixxipli missjunarji, b’liema mod kull imgħammed hu msejjaħ ikun protagonista tal-missjoni? Kif il-komunità qiegħda twieżen lill-membri tagħha impenjati f’xi servizz fis-soċjetà (impenn soċjali u politiku, fit-tiftix xjentifiku u fit-tagħlim, fil-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali, fil-ħarsien tad-drittijiet umani u fl-għożża tad-Dar komuni, u l-bqija)? Kif tgħinhom jgħixu dawn l-impenji f’loġika ta’ missjoni? Kif qed isir id-dixxerniment fuq l-għażliet marbuta mal-missjoni u min għandu sehem fih? Kif ġew integrati u adattati d-diversi tradizzjonijiet ta’ stil sinodali li jikkostitwixxu l-wirt ta’ ħafna Knejjes, b’mod partikulari dawk tal-Lvant, fid-dawl ta’ xhieda Nisranija effikaċi? Kif taħdem il-kollaborazzjoni fit-territorji fejn huma preżenti diversi Knejjes sui iuris?

 

VI. NIDDJALOGAW FIL-KNISJA U FIS-SOĊJETÀ

Id-djalogu huwa mixja ta’ perseveranza, li tiġbor fiha wkoll silenzji u tbatijiet, imma li kapaċi tilqa’ l-esperjenza tal-persuni u tal-popli. Liema huma l-postijiet u l-modi ta’ djalogu fi ħdan il-Knisja partikulari tagħna? Kif jiġu affrontati d-diverġenzi fil-viżjoni, il-kunflitti, id-diffikultajiet? Kif qed nippromovu l-kollaborazzjoni mad-Djoċesijiet tal-qrib, ma’ u bejn il-komunitajiet reliġjużi preżenti fit-territorju, ma’ u bejn għaqdiet u moviment lajkali, u l-bqija? Liema esperjenzi ta’ djalogu u ta’ impenn maqsuma flimkien qed inkomplu mexjin ’il quddiem fihom id f’id ma’ membri ta’ reliġjonijiet oħra u ma’ min ma jemminx? Il-Knisja kif qed tiddjaloga u titgħallem minn oqsma oħra tas-soċjetà: id-dinja tal-politika, tal-ekonomija, tal-kultura, is-soċjetà ċivili, il-foqra…?

 

VII. MAL-KONFESSJONIJIET INSARA L-OĦRA

Id-djalogu bejn l-Insara ta’ diversi konfessjonijiet, imxierka flimkien minn Magħmudija waħda, għandu post partikulari fil-mixja sinodali. Liema relazzjonijiet għandna mal-aħwa tal-Konfessjonijiet Insara l-oħra? Liema oqsma jmissu? Liema frott ksibna minn din il-“mixja flimkien”? Liema huma d-diffikultajiet?

 

VIII. AWTORITÀ U PARTEĊIPAZZJONI

Knisja sinodali hija Knisja parteċipattiva u korresponsabbli. Kif nidentifikaw l-għanijiet li rridu nilħqu, it-toroq biex nilħquhom u l-passi li jeħtieġ nagħmlu? Kif tiġi mħaddma l-awtorità fi ħdan il-Knisja partikulari tagħna? Liema huma l-prattiċi ta’ ħidma f’équipe u ta’ korresponsabbiltà? Kif qed nippromovu l-ministeri lajkali u r-responsabbiltajiet ġodda min-naħa tal-Fidili? Kif jaħdmu l-organiżmi ta’ sinodalità fuq il-livell ta’ Knisja partikulari? Huma esperjenza għammiela?

 

IX. NIDDIXXERNU U NIDDEĊIEDU

Fi stil sinodali niddeċiedu b’dixxerniment, skont kunsens li joħroġ mill-ubbidjenza komuni għall-Ispirtu. B’liema proċeduri u b’liema metodi niddixxernu flimkien u nieħdu deċiżjonijiet? Kif nistgħu ntejbuhom? Kif nippromovu l-parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet fi ħdan komunitajiet ġerarkikament strutturati? Kif nartikulaw il-fażi konsultattiva ma’ dik tad-diskussjoni, il-proċess tad-decision-making mal-mument tad-decision-taking? B’liema mod u b’liema għodod qed nippromovu trasparenza u accountability?

 

X. NIFFURMAW RUĦNA GĦAS-SINODALITÀ

L-ispiritwalità li nimxu flimkien hi msejħa ssir prinċipju edukattiv għall-formazzjoni tal-persuna umana u tan-Nisrani, tal-familji u tal-komunitajiet. Kif qed niffurmaw il-persuni, b’mod partikulari dawk li għandhom rwoli ta’ responsabbiltà fi ħdan il-komunità Nisranija, biex nagħmluhom iżjed kapaċi “jimxu flimkien”, jisimgħu lil xulxin u jiddjalogaw ma’ xulxin? X’formazzjoni qed noffru għad-dixxerniment u għat-tħaddim tal-awtorità? Liema għodod jgħinuna naqraw id-dinamiċi tal-kultura li fiha ninsabu u l-impatt tagħhom fuq l-istil tagħna ta’ Knisja?

 

Kontribut b’riżq il-konsultazzjoni

31. L-għan tal-ewwel fażi tal-mixja sinodali hu dak li tiffavorixxi proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni biex tilqa’ l-għana tal-esperjenzi ta’ sinodalità mgħixa, fid-diversi artikulazzjonijiet u aspetti tagħha, bis-sehem tar-Ragħajja u l-Fidili tal-Knejjes partikulari fuq id-diversi livelli, permezz tal-mezzi l-aktar adegwati skont r-realtajiet lokali speċifiċi: il-konsultazzjoni, ikkordinata mill-Isqof, hi indirizzata “lejn il-Presbiteri, id-Djakni u l-Fidili lajċi tal-Knejjes tagħhom, kemm bħala individwi u kemm imsieħba flimkien, mingħajr ma nittraskuraw is-sehem prezzjuż li jistgħu jagħtu l-Ikkonsgrati” (EC, n. 7). B’mod partikulari hu mitlub il-kontribut tal-organiżmi ta’ parteċipazzjoni tal-Knejjes partikulari, speċjalment il-Kunsill presbiterali u l-Kunsill pastorali, li ibda minnhom “tista’ tibda tissawwar Knisja sinodali”.[22] Daqstant ieħor prezzjuż ikun il-kontribut tar-realtajiet ekkleżjali l-oħra li lilhom jintbagħat id-Dokument Preparatorju, bħalma hu dak ta’ min jixtieq jibgħat direttament il-kontribut tiegħu. Fl-aħħar nett, ta’ importanza fundamentali hu li jinstab spazju wkoll għal-leħen tal-foqra u tal-imwarrbin, u mhux biss ta’ min għandu xi rwol jew responsabbiltà fi ħdan il-Knejjes partikulari.

 

32. Is-sinteżi li kull Knisja partikulari se telabora fi tmiem din il-ħidma ta’ smigħ u dixxerniment se tkun il-kontribut tagħha lill-mixja tal-Knisja universali. Biex il-fażijiet li ġejjin wara fil-mixja jkunu eħfef u iktar sostenibbli, importanti li jirnexxilna niġbru l-frott tat-talb u tar-riflessjoni l-iktar l-iktar f’xi għaxar paġni. Jekk ikun hemm bżonn li nikkuntestwalizzawhom u nfissruhom aħjar, nistgħu nehmżu testi oħra ta’ sapport jew integrazzjoni. Infakkru li l-għan tas-Sinodu u allura ta’ din il-konsultazzjoni mhuwiex li jipproduċu dokumenti, imma li “jnibbtu ħolmiet ġodda, iqanqlu profeziji u viżjonijiet, iwarrdu t-tamiet, jistimulaw fiduċja, jinfaxxaw il-ġrieħi, jinsġu relazzjonijiet, itellgħu żerniq ta’ tama, jgħallmu lil xulxin, u joħolqu pożittiv immaġinarju li jdawwal l-imħuħ, isaħħan il-qlub, irodd il-qawwa lid-dirgħajn”.[23]


____________


[1] Hawn wieħed isib, f’għamla ta’ skema, it-tappi tal-mixja sondali.

[2] Franġisku, Diskors għat-Tifkira tal-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet (17 ta’ Ottubru 2015).

[4] Franġisku, Ittra lill-Poplu ta’ Alla (20 ta’ Awwissu 2018), prœmio.

[5] Ibid., n. 2.

[6] Ibid.

[7] Ibid.

[8] Franġisku, Diskors għat-Tifkira tal-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

[9] KTI, Is-sinodalità fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja (2 ta’ Marzu 2018), n. 3.

[10] Ibid.

[11] Ibid, n. 6.

[12] Ċiprijanu, De Oratione Dominica, 23: PL 4, 553.

[13] Wistin, Epistola 194, 31: PL 33, 885.

[14] Ġwanni Kriżostmu, Explicatio in Psalmum 149: PG 55, 493.

[15] KTI, Is-sinodalità fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja, n. 6.

[16] Franġisku, Diskors għat-Tifkira tal-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

[17] KTI, Is-sinodalità fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja, n. 69.

[18] Regula S. Benedicti, III, 3.

[19] Franġisku, Diskors għat-Tifkira tal-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

[20] KTI, Is-sinodalità fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja, n. 70.

[21] Ibid.

[22] Franġisku, Diskors għat-Tifkira tal-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

[23] Franġisku, Diskors fil-ftuħ tas-Sinodu ddedikat liż-żgħażagħ (3 ta’ Ottubru 2018).