It-tieni ħsieb li jikkumplimenta l-eżortazzjoni Appostolika, tal-Papa Franġisku IFIRĦU U THENNEW, mill-kitbiet tal-għorrief tal-Knisja dwar valuri relatati mal-Beatitudnijiet.

 

IS-SEMPLIĊITÀ FIL-KITBA TAL-QADDISIN

 

Is-sempliċità, bħal djamant, fiha ħafna faċċati. Fosthom hemm l-attitudni ta’ sinċerità mal-oħrajn, kif jispjega San Tumas t’Aquino (1225-1274):

“Is-sempliċità hi l-kontra li, minn barra, wieħed juri ħaġa waqt li f’qalbu hemm ħaġa oħra. Bis-sempliċità nħarsu lilna nfusna mill-ingann, u hu f’dan is-sens li hi virtù ta’ verità. Imma hemm differenza loġika bejniethom, għaliex b’verità nifhmu l-qbil bejn is-sinjal u l-azzjoni, waqt li s-sempliċità tindika li wieħed mhux qed jifhem affarijiet differenti, billi minn ġewwa jifhem ħaġa u minn barra jippretendi xi ħaġa oħra. Hi virtù marbuta mal-ġustizzja.”

 

Stampa ta’ San Injazju ta’ Loyola. Caption: San Injazju ta’ Loyola

 

San Injazju ta’ Loyola (1491-1556) juri l-ħtieġa tad-dixxerniment biex wieħed jipprattika s-sempliċità:

“Meta xi ħadd se jagħżel stat ta’ ħajja, għandu l-ewwel jinża’ minn kull inklinazzjoni tiegħu, u jqiegħed lilu nnifsu ġenerożament f’idejn Alla, lest għal kull ħaġa li qed isejjaħlu għaliha. Imbagħad għandu japplika xi veritajiet tal-Vanġelu fuq dak li qed jagħmel, jiġbed minnhom il-konsegwenzi u jara kif dawn jirrelataw mal-għan aħħari li Alla ħalaqna għalih.

 

San Franġisk de Sales (1567-1622) jagħti definizzjoni tas-sempliċità u jqabbilha ma’ kif jaġixxu t-tfal:

“Is-sempliċità mhi xejn ħlief att ta’ karità pura u sempliċi, li għandha għan wieħed, dak li tikseb l-imħabba ta’ Alla. Ir-ruħ tagħna tkun tassew sempliċi meta f’dak kollu li nagħmlu ma jkollna l-ebda għan ieħor għajr dan. Il-vera sempliċità hi dik tat-tfal, li jaħsbu, jitkellmu u jaġixxu b’ferħ u bla makakkerija. Jemmnu dak kollu li jgħidulhom; ma jikkonfondux dwarhom infushom, l-aktar meta jkunu mal-ġenituri. Jiggranfaw magħhom, mingħajr ma jfittxu sodisfazzjoni jew konsolazzjoni għax ċerti li dak li jixtiequ se jingħatalhom, u jgawduh b’sempliċità, bla kurżità dwar il-kawżi u l-effetti tiegħu.”

 

Jgħid xi jfixkel din il-virtù u jirrakkomanda x’l-aħjar li wieħed jagħmel biex josservaha:

“Meta min għandu s-sempliċità se jagħmel xi ħaġa, jikkunsidra biss x’inhu t-tajjeb li jagħmel jew jgħid u mbagħad jibda l-azzjoni mingħajr ma jitlef ħin jaħseb x’se jgħidu l-oħrajn. M’għandux ikollu għan ieħor ħlief li jogħġob lil Alla.”

 

Is-sabiħ ta’ din il-virtù nsibuh ukoll fil-kitba ta’ San Vinċenz de Paul (1581-1660):

“Is-sempliċità trid tkun miżmuma bi stima kbira fost dawk li jridu jimxu fuq il-valuri ta’ Kristu. Għax għall-għorrief tad-dinja mhemmx ħaġa iktar imwarrba u mistmerra daqsha. Madankollu hi virtù li jixirqilha mħabba, għax toħodna dritt għas-Saltna t’Alla u, fl-istess ħin, trebbaħna l-affezzjoni tal-bnedmin, għax wieħed ikun meqjus bħala sinċier, u hi għadu tal-makakkerija u l-qerq u għalhekk maħbuba minn kulħadd, ukoll minn dawk li minn filgħodu sa filgħaxija jgħawġu u jqarrqu lill-oħrajn.”

 

“Dak li tagħmel fina s-semplicità hu li teħodna dritt lejn Alla, mingħajr ma noqogħdu nħarsu lejn x’jaħsbu l-oħrajn fuqna jew lejn l-interessi tagħna. Tmexxina biex ngħidu l-affarijiet sewwa u b’semplicità kif huma fil-qalb tagħna, mingħajr taħlit ta’ ipokresija jew artificjalità, u żżommna ’l bogħod minn kull qerq u ħażen tal-moħħ.”

 

“Meta wieħed jaf li għamel dak kollu li Alla qed jitlob minnu fis-suċċess ta’ xi ħaġa, sew jekk ir-riżultat hu tajjeb jew ħażin, għandu jibqa’ dejjem fil-paċi u fi trankwillità kbira tal-moħħ, jikkuntenta lilu nnifsu bix-xhieda tal-kuxjenza tiegħu.”

 

Mill-ħafna kitbiet dwar l-intenzjoni retta, nikkwotaw paragrafu ta’ San Ġorġ Preca:

“Xejn la taħseb li għandek intenzjoni retta jekk m’għandekx l-indifferenza tas-suċċess tal-opri tajba tiegħek, għax il-bniedem ikun digà sar denn ta’ premju jew ta’ kastig mad-deċiżjoni li jkun għamel għal kull opra tajba jew ħażina. Mela, tirnexxi l-opra jew le, għalik xorta waħda, jekk tassew fhimt li togħġob ’l Alla u mhux tissodisfa lilek innifsek.”

 

Santa Ġulja Billiart (1751-1816), il-fundatriċi tas-Sorijiet ta’ Notre Dame de Namur, hi magħrufa bħala l-qaddisa tat-tbissima. Kitbet hekk lis-sorijiet tagħha:

“Immorru dritt lejn it-twajjeb Alla bħal tifel żgħir, bis-sempliċità tal-qalb. Is-sempliċità hi bħal dik il-fjura sabiħa, il-warda tax-xemx, li ssegwi l-movimenti tax-xemx u ddur lejha. Waħda mit-toroq tagħha hi li ngħixu fil-preżenza t’Alla,… inkunu attenti għal din il-preżenza. U Alla jfarraġna, idawwalna u jiggwidana.

 

Stampa ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux. Caption Tereża fil-parti ta’ Jeanne d’Arc

 

Is-sempliċità ġġib magħha li wieħed ikun dispost li jwettaq il-volontà ta’ Alla, u dan xi drabi jitlob sagrifiċċju, kif issemmi Santa Tereża ta’ Lisieux (1873-1897) f’waħda mill-poeżiji tagħha, “Ġesù biss”.

“Hu biss miegħek, Ġesù, li jien nintrabat

Hu f’dirgħajk li jien niġri u nistaħba,

Irrid inħobbok bħal tifel ċkejken

Irrid niġġieled bħal gwerrier qalbieni

Bħal tifel mimli b’delikatezza

Irrid, Mulej, nimliek bil-karezzi,

U fl-għalqa tiegħi ta’ appostolat,

Bħall-gwerrier, nintefa’ għat-taqbida.”

 

Interessanti kif Tereża kellha simpatija lejn gwerriera eroj ta’ Franza, Jeanne d’Arc. Insibu ritratt ta’ Tereża qed taħdem il-parti ta’ Jeanne d’Arc meta kienet miżmuma l-ħabs. F’espressjoni, li tixhed l-intelliġenza fina tagħha, Tereża turi kif is-sempliċità hi li nagħmlu dak li Alla jrid minna.

“Meta nkun fil-ġenna, il-Mulej iħallini nagħmel il-volontà tiegħi, għax hawnhekk dejjem għamilt il-volontà tiegħu.”

 

Fit-talba ċelebri tal-21 ta’ Novembru 1904, Santa Eliżabetta tat-Trinità (1880-1906) tesprimi wieħed minn żewġ manjieri li bihom nistgħu nħobbu lil Alla:

“Jiena nħoss in-nuqqas ta’ saħħa tiegħi u nitolbok biex tlibbisni bik stess, li tidentifika lil ruħi mal-movimenti kollha tar-ruħ tiegħek, li tinvadi lil ħajti, li tissostitwixxi lilek innifsek miegħi sakemm ħajti ssir radjazzjoni tal-ħajja tiegħek.”

 

Ir-rabta mal-volontà ta’ Alla twassal għall-martirju. Père Jacques Hamel (1930-2016) hu martri ta’ żmienna. Ġie maqtul minn Jihadista fis-26 ta’ Lulju 2016 fil-knisja żgħira ta’ Saint Étienne-du-Rouvray, fi Franza. Kellu 85 sena. Fl-okkażjoni tas-Sud-Djakonat tiegħu, kien kiteb hekk fuq wara ta’ ritratt li ttieħed dakinhar waqt li flimkien ma’ sħabu kien għarkupptejh f’riġlejn l-altar:

“It-2 ta’ Lulju 1957, fil-Katidral ta’ Rouen. Jiena aċċettajt li nkun mal-Mulej. Ħalli jmexxini fit-triq li togħġob lilu.” Jacque Hamel, Sud-Djaknu.

 

Joe Galea