Biex nikkumplimentaw l-eżortazzjoni Appostolika, tal-Papa Franġisku IFIRĦU U THENNEW, se nġibu serje ta’ sitt artikli dwar x’kitbu għorrief tal-Knisja dwar valuri relatati mal-Beatitudnijiet.

 

1.  IL-FAQAR SKONT IL-QADDISIN

 

Sa mill-ewwel sekli tal-Knisja, il-frażi “Imberkin il-foqra” kienet tiġi kwalifikata, hekk li d-Dutturi ewlenin tal-Knisja ħadu aspetti differenti dwar x’ried iwassal Ġesù sewwasew b’din il-Beatitudni. Il-Papa u Duttur San Iljun il-Kbir (+461),  jgħid li l-valur tal-faqar jgħodd ukoll għal min mhux nieqes mill-ġid.

 

F’xi għonja wkoll tinstab dik id-dispożizzjoni tal-qalb li twassalhom biex jnqdew bl-abbundanza tagħhom mhux biex ikabbru s-suppervja tagħhom imma biex jeżerċitaw il-qalb tajba tagħhom, u jqisu dan bħala profitt kbir dak li jagħtu biex itaffu l-miżerja u t-tbatija tal-oħrajn. Kull xorta ta’ nies jistgħu jkunu sehem minn din il-virtù, għax in-nies jistgħu jkunu ndaqs fil-volonta imma mhux indaqs fil-ġid. Ma jimpurtax kemm huma differenti fil-mezzi materjali, huma ndaqs fil-ġid spiritwali. Imbierek, mela, il-faqar li mhux miksub mill-imħabba lejn ġid ta’ ħwejjeġ temporali u li ma jfittixx li jitkabbar bil-għana tad-dinja, imma meta hu mxennaq biex jiġma’ l-ġid tas-sema.”

 

Maż-żmien kienu ħafna l-qaddisin li ħaddnu l-faqar, bħal San Franġisk t’Assisi, (1181-1226), li f’dan il-paragrafu tar-Regola tiegħu insibu hekk:

 

“Din hi l-quċċata tal-ogħla faqar, li tagħmel minnkom, ħuti l-aktar għeżież, werrieta u slaten tas-Saltna tas-Sema: foqra fil-ħwejjeg tad-dinja imma  għonja fil-virtù. Jalla dan ikun is-sehem tagħkom li jwassalkom lejn l-art tal-ħajjin. Jekk tiddedikaw lilkom infuskom bis-sħiħ għal dan, f'gieħ il-Mulej tagħna Ġesu Kristu, ma tkunu tixtiequ xejn aktar f’din id-dinja.

 

Il-mistiċi daħlu fid-dettal dwar il-faqar u taw il-pariri għaqlin tagħhom. San Ġwann tas-Salib (1542-1591) jikteb hekk:

 

“Iktar ma tinfired mill-ħwejjeġ tad-dinja, aktar tersaq lejn dawk tas-sema u iktar issib ir-rikkezzi ta’ Alla. Min jasal li jmut għal kollox, isib il-ħajja f’kollox. Infired mill-ħażen, agħmel it-tajjeb, fittex il-paċi. Min jibki u min igerger la hu perfett u lanqas Nisrani tajjeb.              In-Nisrani tajjeb hu umli, hu moħbi fix-xejn tiegħu u jaf jintelaq f’Alla.”

 

Il-Venerabbli Antoine Chevrier (1826-1879), li beda Soċjeta’ ta’ Saċerdoti biex jgħallmu l-katekiżmu lill-adolexxenti foqra, jeżorta lis-Saċerdoti tiegħu.

 

Aħna s-Saċerdoti rridu niddu fid-dinja bid-dawl tagħna, jiġfieri bl-eżempji tajbin tagħna, bil-virtujiet tagħna. Irridu nipprattikaw il-virtujiet li huma kontra l-vizzji tad-dinja, u aktar ma d-dinja hi mħassra u korrotta, iktar irridu niddu f’għajnejha u bl-għemejjel kuntrarji nirbħu fuqha, inħalluha tistagħġeb bi kliemna u l-iktar bl-eżempji tagħna.

 

Iktar ma d-dinja tħobb il-lussu u ir-rikkezza, iktar aħna rridu nħobbu l-faqar. Iktar ma d-dinja tħobb il-benessere, il-laxkezza, iktar irridu niddu bil-mortifikazzjoni u l-penitenza, bil-karità u l-ħeġġa. Hu fil-faqar li s-Saċerdot isib il-forza, il-qawwa u l-libertà tiegħu. Illum iktar minn qatt qabel, jeħtieġ tkun fqir biex teħodha kontra d-dinja, kontra d-divertiment, il-lussu u l-benessere tagħha li qed jikbru b’mod tant mgħaġġel kullimkien.

 

F’waħda mill-poeżiji tagħha, Santa Tereża ta’ Lisieux (1873-1897) issellem lill-faqar:

 

O faqar, l-ewwel sagrifiċċju tiegħi

Sal-mewt timxi warajja kullimkien

Għax naf li, biex jiġri fil-korsa

L’atleta jrid jiċċaħħad minn kollox.

Duqu, nies tad-dinja, ir-rimors u d-dwejjaq

Il-frott morr tal-frugħa tagħkom.

Bil-ferħ, jiena  niġbor fl-arena

Il-palm tal-faqar.

Ġesù qal: “Hu bi sforz

Li wieħed jirbaħ is-saltna tas-Smewwiet.”

Tajjeb! Il-faqar iservina ta’ lanza

Ta’ elmu glorjużi.”

 

Il-Karmelitana u marti Santa Tereża-Benedetta tas-Salib, Edith Stein (1891-1942) tgħid hekk:

 

Ġesu mexa qabilna fit-triq tal-faqar. Il-ġid kollu tas-sema u tal-art huma kollha tiegħu. Ma jqiegħdulu l-ebda periklu; seta’ jinqeda bihom kollha. Imma kien jaf li kważi impossibbli għall-bniedem li jippossiedi l-ġid mingħajr ma jkun subordinat għalih u ma jsirx ilsir tiegħu. Għalhekk abbanduna kollox u wriena, iktar bl-eżempju tiegħu milli bi kliemu, li jippossiedi kollox dak li ma jippossiedi xejn. It-twelid tiegħu fi stalla u l-ħarba fl-Eġittu wrew mill-bidu li Bin il-Bniedem ma riedx ikollu fejn joqgħod u fejn imidd rasu. a.

 

It-tielet Tereża, magħrufa għall-belt li tant ħadmet fiha, Calcutta (1910-1997), fundatriċi tas-Sorijiet Missjunarji tal-Karita’, tħares lejn il-vera mħabba lejn il-foqra.

 

M’għandniex inkunu sodisfatti biss li nagħtu l-flus; il-flus mhumiex biżżejjed, għax wieħed jista’ jakkwistahom. Huma jdejna li l-foqra għandhom bżonn, biex natuhom l-għajnuna; huma qlubna li l-foqra għadhom bżonn, biex ikunu maħbuba. Ir-reliġjon ta’ Kristu hi l-imħabba, li n-nies tant jeħtieġu. Spiss id-diffikultà mas-sinjuri u wkoll ma nies li huma komdi, hi li ma jafux tassew min huma l-foqra; għalhekk aħna rridu naħfrulhom, għax l-għarfien ma jistax ma jwassalx għall-imħabba, u l-imħabba twassal għas-servizz. Hu minħabba li ma jafux, li mhumiex imqanqla bi ħniena għalihom. Jiena nipprova nagħti għall-foqra b’imħabba; dan hu li l-għonja jistgħu jakkwistaw bil-flus. Ċertament, ma mmissx lebruż għal miljun lira, imma minn jeddi nieħu kura tiegħu għall-imħabba ta’ Alla.

 

Fl-Udjenza Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 1994, il-Papa San Ġwanni Pawlu II (1920-2005) kien qal hekk:

 

Ġesu pproklama l-barka lill-foqra: “Imberkin intom il-foqra, għax tagħkom hi s-Saltna ta’ Alla.” Għandna niftakru li diġà fit-Testment il-Qadim, jissemmew il-“foqra tal-Mulej” u li huma “oġġett tal-barka divina. Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ umiltà u ta’ fiducja jiċċaraw il-verżjoni tal-Barkiet skont San Mattew: “Imberkin dawk li huma foqra fl-ispirtu.” Huma “foqra fl-ispirtu” dawk kollha li jqiegħdu l-fiduċja tagħhom mhux fil-flus jew fil-ġid materjali, imma li, għall-kuntrarju, jinfetħu għas-Saltna t’Alla.  Hawn qiegħed il-valur tal-faqar, li Ġesù jfaħħar u jqis bħala għażla fil-ħajja u li jista’ jġib ċaħda volontarja tal-ġid; u dan preċiżament favur il-foqra. Dan hu l-privileġġ ta’ wħud li ġew magħżula u msejħa minn Alla għal din il-ħajja.”

 

Joe Galea