Id-Dokumenti ta' Vatikan II u Konċilji oħra ...

DIGRIET TAL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

"ORIENTALIUM ECCLESIARUM"

DWAR IL-KNEJJES TAL-LVANT

21 ta' Novembru, 1964

WERREJ

1.     Daħla

2-4. Dwar il-Knejjes jew riti partikolari

5-6. Dwar il-ħarsien tal-wirt spiritwali tal-Knejjes tal-Lvant

7-11. Dwar il-patrijarki tal-Knejjes tal-Lvant

12-18. Dwar id-dixxiplina tas-sagramenti

19-23. Dwar il-kult divin

24-29. Dwar ir-relazzjonijiet mal-aħwa tal-Knejjes mifruda

30. Konklużjoni

 

Daħla

1. Il-Knisja Kattolika tgħożż ħafna l-istituzzjonijiet, ir-riti liturġiċi, it-tradizzjonijiet ekkleżjastiċi u d-dixxiplina tal-Knejjes tal-Lvant. Għaliex f'dawn il-Knejjes, magħrufin u magħżulin b'qedem ta' ġieħ, tiddi dik it-tradizzjoni[1] li għaddiet mill-Appostli permezz tal-Padri u li tagħmel sehem mill-wirt indiviż li Alla rrivela lill-Knisja kollha. Għalhekk dan is-Sinodu Mqaddes u Ekumeniku, fil-ħerqa li għandu għall-Knejjes tal-Lvant li huma xhieda ħajja ta' din it-tradizzjoni, u xewqan li jarahom jiffjorixxu u jagħmlu x-xogħol fdat lilhom b'enerġija appostolika mġedda, iddegrieta li jistabbilixxi għalihom ċerti prinċipji barra dawk li japplikaw għalihom bħalma japplikaw għall-Knisja universali; il-bqija jħallih fil-ħsieb tas-Sinodi tal-Lvant u wkoll tas-Sede Appostolika.

Dwar il-Knejjes jew riti partikolari

2. Il-Knisja Mqaddsa Kattolika, li hija l-Ġisem Mistiku ta' Kristu, hija magħmula minn nies li jemmnu u li huma magħqudin b'mod organiku fl-Ispirtu s-Santu bl-istess fidi, bl-istess sagramenti u bl-istess treġija. Dawn in-nies min-naħa tagħhom jingħaqdu fi gruppi diversi, magħqudin flimkien b'ġerarkija, u jiffurmaw Knejjes jew riti partikolari. Bejniethom, dawn il-Knejjes, teżisti komunjoni tal-għaġeb b'mod illi l-varjetà (ta' gruppi u ta' riti) fil-Knisja mhux biss ma tagħmilx ħsara lill-unità tagħha iżda x'aktarx turiha iżjed. Għaliex il-ħsieb tal-Knisja huwa li t-tradizzjonijiet ta' kull Knisja partikolari u ta' kull rit jitħarsu u jibqgħu sħaħ u li kull Knisja partikolari tadatta l-mod kif hi tgħix u taħdem għall-ħtiġijiet diversi taż-żminijiet u tal-postijiet fejn tkun[2].

3.  Dawn il-Knejjes partikolari, tal-Lvant u tal-Punent, għalkemm huma differenti minn xulxin f'dawk li jissejħu riti, jiġifieri fil-liturġija, fid-dixxiplina ekkleżjastika u fil-wirt spiritwali, b'danakollu huma bl-istess mod fdati lit-tmexxija pastorali tal-Isqof ta' Ruma li b'rieda ta' Alla huwa s-suċċessur ta' San Pietru fil-primat fuq il-Knisja universali. Dawn il-Knejjes għandhom għalhekk daqs u dinjità hekk li ebda waħda minnhom ma hija aqwa mill-oħrajn minħabba r-riti tagħha; għandhom ukoll l-istess jeddijiet u l-istess dmirijiet f'dak li għandu x'jaqsam max-xandir tal-evanġelju fid-dinja kollha (cf. Mk 16,15) taħt it-tmexxija tal-Isqof ta' Ruma.

4.  Għandu għalhekk jittieħed ħsieb li l-Knejjes partikolari jitħarsu u jikbru; għaldaqstant, fejn ikun meħtieġ għall-ġid spiritwali tal-fidili, għandhom jitwaqqfu parroċċi u ġerarkiji tad-diversi Knejjes partikolari, li jkollhom ġurisdizzjoni fl-istess territorju; għandhom ta' kull tant żmien jiltaqgħu u, f'dawn il-laqgħat, jiftehmu kif jistgħu jġibu 'l quddiem l-għaqda fil-ħidma u, bl-għaqda tal-forzi, jgħinu l-ħidmiet komuni biex imexxu 'l quddiem aktar bil-ħeffa l-ġid tar-reliġjon u jżommu b'aktar frott id-dixxiplina tal-kleru[3].  Il-kjeriċi kollha u dawk li jersqu għall-Ordni Sagri għandhom ikunu mgħallma tajjeb fuq ir-riti u l-aktar fuq in-normi prattiċi f'materji interritwali; fit-tagħlim kateketiku l-lajċi għandhom ukoll ikunu mgħallma fuq dawn ir-riti u dawn in-normi. Fl-aħħar nett il-kattoliċi kollha u kull kattoliku, l-imgħammdin kollha ta' kull Knisja jew ta' kull komunità mhux kattolika li jidħlu fil-milja tal-komunjoni kattolika, għandhom kullimkien iżommu r-rit tagħhom, jagħtuh ġieħ u josservawh b'ħilithom kollha[4]. Iżda f'każijiet speċjali ta' persuni, komunitajiet jew postijiet jibqa' sħiħ il-jedd li jirrikorru lejn is-Sede Appostolika li, bħala l-ogħla mħallef fir-relazzjonijiet bejn il-Knejjes, tieħu ħsieb hija nnifisha, jew permezz ta' awtoritajiet oħrajn, il-bżonnijiet tagħhom fi spirtu ekumeniku u tagħti l-liġijiet, digrieti jew reskritti skont il-ħtieġa.

Dwar il-ħarsien tal-wirt spiritwali tal-Knejjes tal-Lvant

5. L-istorja, it-tradizzjonijiet u ħafna istituzzjonijiet ekkleżjastiċi jixhdu kemm il-Knejjes tal-Lvant jistħoqqilhom il-ġieħ tal-Knisja universali[5].  Għalhekk dan is-Sinodu Mqaddes mhux biss jilqa' dan il-wirt ekkleżjastiku u spiritwali bil-qima li tistħoqqlu u t-tifħir li jixraqlu iżda bil-qawwa jqisu wkoll bħala l-wirt tal-Knisja universali ta' Kristu. Għalhekk is-Sinodu jiddikjara solennement li l-Knejjes tal-Lvant, bħal dawk tal-Punent, għandhom il-jedd u huma fid-dmir li jmexxu lilhom infushom. Dan għandhom jagħmluh skont kif jistabbilixxu d-dixxiplini proprji ta' kull waħda minnhom. Hekk jirrakkomanda l-qedem meqjum tagħhom u b'hekk ikunu jaqblu iżjed mad-drawwiet tal-fidili tagħhom u jkunu jidhru wkoll iżjed addattati biex jgħinu għall-ġid tal-erwieħ.

6.  L-insara kollha tal-Lvant għandhom ikunu jafu u jħossu rwieħhom ċerti li huma jistgħu u għandhom dejjem iżommu r-riti liturġiċi leġittimi u d-dixxiplina tagħhom; u m'għandhomx jagħmlu tibdil jekk mhux minħabba xi żvilupp organiku tagħhom stess. Dan kollu, għalhekk, għandu jitħares bl-akbar reqqa mill-istess insara orjentali li, biż-żmien, għandhom jiksbu tagħlim aktar profond u jagħmlu użu aktar perfett minnu. U jekk, minħabba xi ċirkustanzi ta' żmien jew ta' persuni, tbiegħdu minnu bla ħtieġa, għandhom ifittxu li jerġgħu lura lejn it-tradizzjonijiet ta' missirijiethom. Dawk imbagħad li, minħabba x-xogħol jew il-ministeru appostoliku tagħhom, għandhom x'jaqsmu ta' sikwit mal-Knejjes tal-Lvant jew mal-fidili tagħhom, għandhom jitrawmu bir-reqqa, skont kif u kemm tkun titlob l-importanza tal-uffiċċju tagħhom, fit-taħriġ u fir-rispett tar-riti, tad-dixxiplina, tad-duttrina, tal-istorja u tax-xeħta tal-Orjentali[6]. L-istituti reliġjużi u l-għaqdiet tar-rit Latin, li jaħdmu f'postijiet fil-Lvant jew qalb il-fidili tal-Knejjes tal-Lvant, huma mħeġġa bil-ħrara biex, sakemm jista' jkun, iwaqqfu djar jew ukoll provinċji tar-rit orjentali sabiex l-appostolat iħalli aktar ġid[7].

Dwar il-patrijarki tal-Knejjes tal-Lvant

7. L-istituzzjoni tal-patrijarkat ilha teżisti sa mill-eqdem żminijiet tal-Knisja u    kienet magħrufa sa mill-ewwel sinodi ekumeniċi[8].

Bl-isem ta' patrijarka tal-Lvant wieħed jifhem isqof li għandu l-ġurisdizzjoni fuq l-isqfijiet kollha, ukoll jekk huma metropoliti, fuq il-kleru u n-nies tat-territorju jew rit tiegħu, skont il-liġi tal-Knisja, filwaqt li jibqa' sħiħ il-primat tal-Isqof ta' Ruma[9].

Kull fejn jinħatar ġerarka ta' xi rit barra mil-limiti tat-territorju tal-patrijarkat huwa jibqa' dejjem magħqud mal-ġerarkija tal-patrijarkat tal-istess rit skont kif tgħid il-liġi.

8. Il-patrijarki tal-Knejjes tal-Lvant, ukoll jekk xi wħud minnhom ġew wara l-oħrajn fiż-żmien, huma lkoll indaqs fid-dinjità patrijarkali, filwaqt li tinżamm fosthom il-preċedenza tal-unur leġittimament stabbilita[10].

9. Skont tradizzjoni antika ħafna tal-Knisja, lill-patrijarki tal-Knejjes tal-Lvant jingħatalhom ġieħ speċjali għaliex kull wieħed minnhom jippresjedi fuq il-patrijarkat tiegħu bħala l-missier u r-ras.

Għalhekk dan is-Sinodu Mqaddes jistabbilixxi illi jiġġeddulhom il-jeddijiet u l-privileġġi tagħhom skont it-tradizzjonijiet antiki ta' kull Knisja u d-digrieti tas-sinodi ekumeniċi[11].

Dawn il-jeddijiet u privileġġi huma dawk li kienu fis-seħħ fiż-żmien meta l-Knejjes tal-Lvant u tal-Punent kienu magħqudin, għalkemm għandhom b'xi mod ikunu addattati għall-kundizzjonijiet tal-lum.

Il-patrijarki mas-sinodi tagħhom huma l-ogħla awtorità f'dak li għandu x'jaqsam mal-materji kollha li jinteressaw lill-patrijarkat, inkluż il-jedd li jwaqqfu eparkiji ġodda u jaħtru isqfijiet tar-rit tagħhom fil-limiti tar-territorju patrijarkali; iżda jibqa' sħiħ il-jedd inaljenabbli tal-Isqof ta' Ruma li jintervjeni f'kull każ partikolari.

10. Dak li ntqal dwar il-patrijarki jgħodd ukoll, skont in-norma tal-liġi, għall-arċisqfijiet maġġuri li jippresjedu xi knisja partikolari sħiħa jew rit[2].

11. Billi l-istituzzjoni patrijarkali fil-Knejjes tal-Lvant hija l-forma tradizzjonali ta' treġija tagħhom, dan is-Sinodu Mqaddes u Ekumeniku jixtieq li, fejn ikun meħtieġ, jitwaqqfu patrijarkati ġodda. Il-kostituzzjoni ta' patrijarkati ġodda hija riżervata lil sinodu ekumeniku jew lill-Papa[13].

Dwar id-dixxiplina tas-sagramenti

12. Dan is-Sinodu Mqaddes u Ekumeniku jikkonferma u jfaħħar id-dixxiplina antika dwar is-sagramenti li hemm fil-Knejjes tal-Lvant u wkoll il-prattika li għandha x'taqsam maċ-ċelebrazzjoni u l-amministrazzjoni tagħhom; huwa jixtieq bil-ħerqa li, fejn jenħtieġ, din id-dixxiplina tkun imġedda.

13. Id-dixxiplina dwar il-ministru tal-Konfirmazzjoni li ilha teżisti mill-eqdem żminijiet fost il-Knejjes tal-Lvant għandha tkun imġedda f'kollox. Il-presbiteri, għalhekk, jistgħu jamministraw dan is-sagrament u jużaw għalih iż-żejt tal-griżma mbierek minn patrijarka jew minn isqof[14].

14. Il-presbiteri kollha tal-Lvant jistgħu jagħtu validament dan is-sagrament (tal-Griżma tal-Isqof), kemm jekk jamministrawh flimkien mas-sagrament tal-magħmudija kemm jekk jagħtuh waħdu, lill-fidili kollha ta' kull rit, ukoll lil dawk ta’ rit Latin, iżda għal skop ta’ leċità għandhom jitħarsu l-preskrizzjonijiet tal-liġi, kemm dik komuni u kemm dik partikolari[15].  Il-presbiteri tar-rit Latin, skont il-fakultajiet li jkollhom dwar l-amministrazzjoni ta' dan is-sagrament, jistgħu wkoll jamministrawh lill-fidili tal-Knejjes tal-Lvant mingħajr preġudizzju għar-rit; iżda għal skop ta’ leċità għandhom jibqgħu jkunu mħarsa l-preskrizzjonijiet tal-liġi, kemm dik komuni u kemm dik partikolari[16].

15. Il-fidili għandhom id-dmir li fil-Ħdud u l-festi jieħdu sehem fil-liturġija divina jew, skont il-preskrizzjonijiet jew id-drawwa tar-rit proprju, għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Uffiċċju Divin[17]. Sabiex il-fidili jkunu jistgħu jaqdu dan id-dmir b'aktar ħeffa, il-Konċilju jistabbilixxi li ż-żmien tajjeb biex ikun osservat dan id-dmir jibda jgħodd minn fil-għaxija tal-jum ta' qabel sa għeluq jum il-Ħadd jew jum il-festa[18].  Il-fidili huma mħeġġa bil-ħerqa biex f'dawn il-jiem, anzi ta' sikwit u kuljum ukoll, jirċievu l-Ewkaristija mqaddsa[19].

16. Minħabba l-fatt li l-fidili ta' diversi Knejjes partikolari fl-istess inħawi jew territorju tal-Lvant jitħalltu ta' kuljum flimkien, il-fakultà tal-qrar, mogħtija mill-ġerarki lill-presbiteri ta' kull rit skont il-liġi u mingħajr restrizzjoni, tgħodd għat-territorju kollu ta' min jagħti l-fakultà u wkoll għall-postijiet u għall-fidili ta' kull rit fl-istess territorju, sakemm il-ġerarka tal-post ma jiċħadhiex espressament għal postijiet tar-rit tiegħu[20].

17. Biex id-dixxiplina antika tas-sagrament tal-Ordni Sagri fil-Knejjes tal-Lvant terġa' tiffjorixxi, dan is-Sinodu Mqaddes jixtieq li l-istituzzjoni tad-djakonat permanenti, fejn spiċċat, terġa’ titwaqqaf[21]. L-awtorità leġislattiva ta' kull Knisja partikolari, imbagħad, għandha tagħmel provvedimenti kemm għal dak li għandu x'jaqsam mas-suddjakonat u l-ordnijiet inferjuri kemm dwar il-jeddijiet u d-dmirijiet marbutin magħhom[22].

18.  Biex ikunu evitati żwiġijiet invalidi u biex jitħarsu l-istabbilità u l-qdusija taż-żwieġ u l-paċi fil-familja, dan is-Sinodu Mqaddes jistabbilixxi li meta kattoliċi orjentali jiżżewġu ma' nsara orjentali mhux kattoliċi, il-forma kanonika taċ-ċelebrazzjoni ta' dawn iż-żwiġijiet torbot biss għal-leċità; għall-validità hija biżżejjed il-preżenza ta' ministru sagru, basta jibqgħu mħarsa l-preskrizzjonijiet l-oħra tal-liġi kanonika[23].

Dwar il-Kult Divin

19.  Sinodu ekumeniku jew is-Sede Appostolika biss jistgħu għal quddiem iwaqqfu, jittrasferixxu jew jissopprimu jiem ta' festi komuni għall-Knejjes tal-Lvant kollha. Iżda, barra mis-Sede Appostolika, imiss lis-sinodi tal-patrijarki jew dawk tal-arċisqfijiet li jwaqqfu, jittrasferixxu jew jissopprimu jiem ta' festa għal xi knejjes partikolari basta jieħdu f'konsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tat-territorju kollu tal-knejjes partikolari l-oħra[24].

20.  Sakemm ma jintlaħaqx il-ftehim mixtieq bejn l-insara kollha dwar jum fiss li fih kulħadd jiċċelebra l-festa tal-Għid, qiegħed sadattant jitħalla f'idejn il-patrijarki u l-ogħla awtoritajiet ekkleżjastiċi tal-post li, bħala mezz biex iġibu 'l quddiem l-għaqda fost l-insara fl-istess inħawi jew fl-istess nazzjon, jieħdu l-parir ta' dawk kollha li huma interessati u jaslu għal qbil unanimu biex jiċċelebraw il-festa tal-Għid fl-istess Ħadd[25].

21.  Għal dak li għandu x'jaqsam mal-liġi dwar iż-żminijiet sagri, kull wieħed mill-fidili li jgħix barra l-inħawi jew territorju tar-rit jista' jikkonforma ruħu għalkollox mad-dixxiplina tal-post fejn ikun qiegħed jgħix. Fil-familji fejn hemm membri ta’ riti differenti huwa permess li, għall-iskop ta’ din il-liġi, il-familja kollha tosserva l-istess rit[26].

22.  Il-kjeriċi u r-reliġjużi tal-Lvant għandhom jiċċelebraw l-Uffiċċju Divin li sa minn żmien antik kien jinżamm f'qima kbira mill-Knejjes tal-Lvant kollha[27]. Il-fidili wkoll, fuq l-eżempju ta' missirijiethom, għandhom jieħdu sehem kemm jistgħu u b'devozzjoni fl-Uffiċċju Divin.

23.  Huwa l-jedd tal-patrijarka flimkien mas-sinodu tiegħu, jew tal-ogħla awtorità ta' kull Knisja, flimkien mal-kunsill ġerarkiku tagħha, li jirregolaw l-użu tal-ilsna fil-funzjonijiet liturġiċi mqaddsa. Huwa dmir tagħhom ukoll li, wara li jgħarrfu lis-Sede Appostolika, japprovaw it-traduzzjoni tat-testi fl-ilsien tal-poplu[28].

Dwar ir-relazzjonijiet mal-aħwa tal-Knejjes mifruda

24.  Il-Knejjes tal-Lvant li huma magħqudin mas-Sede Appostolika Rumana għandhom dmir speċjali li jġibu 'l quddiem l-għaqda tal-insara kollha, l-aktar ta' dawk tal-Lvant, skont il-prinċipji tad-digriet "dwar l-Ekumeniżmu" ta' dan is-Sinodu Mqaddes; dan jagħmluh l-ewwel nett bit-talb, bl-eżempju ta' ħajjithom, b'fedeltà sħiħa lejn it-tradizzjonijiet antiki tal-Knejjes tal-Lvant, billi jsiru jafu aħjar lil xulxin, billi jaħdmu flimkien u, bħal aħwa, ikollhom rispett lejn il-ħwejjeġ u s-sentimenti ta' xulxin[29].

25.  Mill-aħwa orjentali mifrudin li, taħt it-tmexxija tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu jidħlu fl-unità kattolika, ma għandux jintalab aktar minn dak li titlob l-istqarrija sempliċi tal-fidi kattolika. U billi fil-Knejjes tal-Lvant baqa' jinżamm is-saċerdozju validu, il-kjeriċi orjentali li jidħlu fl-unità kattolika għandhom il-fakultà li jeżerċitaw l-Ordni Sagri tagħhom skond in-normi mogħtija mill-awtorità kompetenti[30].

26.  Il-liġi ta' Alla ma tippermettix dik il-komunikazzjoni fil-ħwejjeġ sagri li tmur kontra l-unità tal-Knisja jew li ġġib magħha l-aċċettazzjoni formali tal-errur jew il-periklu ta' żball fit-twemmin, ta' skandlu jew ta' indifferentiżmu[31]. Iżda l-esperjenza pastorali turi li, għal dak li għandu x'jaqsam mal-aħwa tal-Lvant, jistgħu u għandhom jittieħdu f'konsiderazzjoni diversi ċirkostanzi li jolqtu lil individwi, ċirkostanzi li fihom la ssir ħsara lill-unità tal-Knisja u anqas hemm perikli li għandhom ikunu evitati, anzi fihom jiġu l-ewwel il-ħtieġa tas-salvazzjoni u l-ġid spiritwali tal-erwieħ. Għalhekk il-Knisja Kattolika, skont iċ-ċirkostanzi taż-żminijiet, postijiet u persuni, ġieli ħaddnet u għadha tħaddan ta' sikwit xejra anqas eżiġenti fl-imġiba tagħha billi tagħti lil kulħadd il-mezzi tas-salvazzjoni u x-xhieda tal-karità bejn l-insara permezz tal-parteċipazzjoni fis-sagramenti u fil-funzjonijiet u l-ħwejjeġ sagri l-oħra. Waqt li jżomm dan quddiem għajnejh, is-Sinodu Mqaddes, "biex bil-ħruxija tal-ġudizzju tagħna ma nkunux ta' tfixkil lil dawk li jridu jsalvaw"[32], u biex iġib 'il quddiem l-għaqda mal-Knejjes tal-Lvant mifrudin minna, jistabbilixxi li jinżammu dawn il-linji ta' azzjoni.

27.  Filwaqt li nżommu quddiem għajnejna l-prinċipji li ssemmew, jistgħu jingħataw is-sagramenti tal-Qrar, tat-Tqarbin u tal-Griżma tal-Morda lil dawk l-insara orjentali, li jinsabu mifrudin mill-Knisja Kattolika in buona fede, jekk huma jitolbuhom minn rajhom u b'dispożizzjoni sinċiera. Anzi, il-kattoliċi jistgħu wkoll jitolbu dawn is-sagramenti minn dawk il-ministri mhux kattoliċi li fil-knisja tagħhom għandhom is-sagramenti validi, kemm-il darba jkun hemm ħtieġa jew utilità spiritwali vera u jkun fiżikament jew moralment impossibbli li jsibu saċerdot kattoliku[33].

28.  Bl-istess prinċipji huwa wkoll permess li kattoliċi u aħwa tal-Lvant mifrudin għal raġuni ġusta, jieħdu sehem flimkien f'funzjonijiet, ħwejjeġ u postijiet sagri[34].

29.  Dawn il-kriterji ta' attitudni aktar mitigata dwar il-komunikazzjoni fil-ħwejjeġ sagri mal-aħwa tal-Knejjes mifrudin tal-Lvant ikunu applikati taħt il-ħarsien u t-tmexxija tal-awtoritajiet ġerarkiċi lokali biex, wara li jkollhom konsultazzjoni bejniethom u, jekk jenħtieġ, wara li jisimgħu wkoll il-pariri tal-awtoritajiet ġerarkiċi tal-Knejjes mifruda, jagħmlu preċetti u normi f'waqthom u effikaċi sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-insara.

Konklużjoni

30.  Is-Sinodu Mqaddes jifraħ ħafna bil-ħidma fejjieda u kotrana flimkien bejn il-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant u tal-Punent u fl-istess ħin jiddikjara li dawn id-direttivi ġuridiċi kollha qegħdin jingħataw fil-kundizzjonijiet preżenti sakemm il-Knisja Kattolika u l-Knejjes mifruda tal-Lvant ma jaslux għall-milja tal-komunikazzjoni.

Sadattant, iżda, l-insara kollha tal-Lvant u tal-Punent huma mitluba bil-ħerqa biex bil-ħeġġa, ta' sikwit, anzi ta' kuljum, jitolbu 'l Alla biex, bl-għajnuna tal-Imqaddsa Omm tiegħu, ilkoll isiru ħaġa waħda. Għandhom jitolbu wkoll biex fuq dan l-għadd kbir ta' nsara li, f'kull knisja, jistqarru bis-sħiħ l-isem ta' Kristu u għalih jgħaddu minn tbatija u privazzjonijiet, tissawwab il-milja tal-qawwa u tal-faraġ tal-Ispirtu s-Santu.

“Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin.” (Rum 12,10)

 

Il-Padri Konċiljari vvutaw favur il-materji kollha msemmija f’dan id-digriet.  U aħna, bl-awtorità appostolika mogħtija lilna minn Kristu u magħqudin mal-Padri, napprovawhom, niddekretawhom u nistabbilixxuhom fl-Ispirtu s-Santu u nikkmandaw li jiġu promulgati għall-glorja t’Alla.

 

Jiena PAWLU,  Isqof tal-Knisja Kattolika.

Isegwu l-firem tal-Padri Konċiljari.

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

Iva 2110, Le 39 (Total 2149)

 

21 ta’ Novembru, 1964

  

­­­­­­­­­­­­NOTIFIKA

Għad-Digriet "Dwar il-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant" il-Papa stabbilixxa li jibda jorbot bħala liġi wara xahrejn, iżda ta l-fakultà lill-patrijarki li jnaqqsu jew itawlu dan iż-żmien għal raġuni ġusta.

 

Pericle Felici

Arċisqof  Titulari ta' Samosata

Segretarju Ġenerali tal-

Konċilju Ekumeniku Vatikan II


[1] LJUN XII, IA Orientalium dignitas, 30 Nov 1894, Leonis XIII Acta, Vol. XIV, pp.201-202.

[2] S. LJUN IX, I In terra pax (1053): "Ut enim"; INNOĊENZ III, Sinodu tal-Lateran IV (1215), cap. IV: "Licet  Graecos"; I Inter quatuor, 2 Awi 1206: "Postulasti postmodum"; INNOĊENZ IV, I Cum de cetero, 27 Awi 1247; I Sub catholicae, 6 Mar 1254, prooem.; NIKOLA III, Istruzzjoni Istud est memoriale, 9 Ott 1278; LJUN X, IA Accepimus Nuper, 18 Mej 1521; PAWLU III, IA Dudum, Diċ 1534; PIJU IV, K Romanus Pontifex, 16 Frar 1564, §5; KLEMENT VIII, K Magnus Dominus, 23 Diċ 1595 §10; PAWLU V, K Solet circumspecta, 10 Diċ 1615, § 3; BENEDITTU XIV, IE Demandatam, 24 Diċ 1743, §3; IE Allatae  sunt, 26 Ġun 1755, §§3, 6-19,32;  PIJU VI, IE Catholicae  communionis, 24 Mej 1787; PIJU IX, I In suprema,  6 Jan 1848, §3; IA Ecclesiam Christi, 26 Nov 1853; K Romani Pontificis, 6 Jan 1862;  LJUN XIII, IA Praeclara, 20 Ġun 1894, n.7; IA Orientalium dignitas, 30 Nov 1894, prooem.; eċċ.

[3] PIJU XII, Motu proprio Cleri sanctitati, 2 Ġun 1957, kan.4.

[4] PIJU XII, Motu proprio Cleri sanctitati, 2 Ġun 1957, kan.8: "mingħajr il-permess tas-Sede Appostolika", kif kien isir fis-sekli ta' qabel; hekk ukoll dwar l-imgħammdin mhux kattoliċi fil-kan.11 hemm imniżżel: "jistgħu jħaddnu liema rit iridu"; fit-test hawn propost l-osservanza tar-rit qed tkun regolata b’mod pożittiv għal kulħadd u għal kullimkien.

[5] Cf. LJUN XIII, IA Orientalium dignitas, 30 Nov 1894; IA Praeclara gratulationis, 20 Gun 1894 u d-dokumenti mniżżlin fin-nota 2.

[6] Cf. BENEDITTU XV, Motu proprio Orientis Catholici, 15 Ott 1917; PIJU XI, IE Rerum orientalium, 8 Set 1928; eċċ.

[7] Il-prattika tal-Knisja Kattolika fi żmien Piju XI, Piju XII u Ġwanni XXIII turi sewwa dan il-moviment.

[8] Cf. SINODI ta' Niċea, kan.6; COD p.8; ta' Kostantinopli I, kan.2 u 3: l.c. pp.27-28; ta' Kalċidonja, kan.28: 1.c. pp.75-76; kan.6: COD p.8; ta' Kostantinopli I, kan.17: l.c. pp.156-157; kan.21: l.c. p.158; tal-Lateran IV, kan.5: l.c. p.212; kan.30: l.c. p.225; ta' Firenze, Decr. Pro Graecis, 6 Lul 1439, l.c. p.504; eċċ.

[9] Cf. SINODU ta' Niċea I, kan.6: COD p.8; ta' Kostantinopli I, kan.3: l.c. p.28; ta' Kostantinopli IV, kan.17: l.c. pp.75-76; PIJU XII, Motu proprio Cleri sanctitati, kan.216 §§ 2,11: AAS 49 (1957) p.497.

[10] Fis-Sinodi Ekumeniċi ta' Niċea I, kan.6: COD p.8; ta' Kostantinopli I, kan.3: l.c. p.28; ta' Kostantinopli IV, kan.21: l.c. p.158; tal-Lateran IV, kan.5: l.c. p.212; ta' Firenze, Decr. Pro Graecis, 6 Lul 1439 §9: l.c. p.504. cf. Piju XII, Motu proprio Cleri sanctitati, 2 Ġun 1957, kan.219; AAS  49 (1957) p.498; eċċ.

[11] Cf. iżjed 'il fuq, nota 8.

[12] Cf. Sinodu ta' Efesu, kan.8: COD  pp.55-56; Klement VII, Decet Romanum Pontificem, 23 Frar 1596; MBR V, 2, pp.94-96; PIJU VII, IA In universalis Ecclesiae, 22 Frar 1807: MBR Cont. XIII, pp.97-101; PIJU XII, Motu proprio Cleri  sanctitati, 2 Ġun 1957, kan.324-339: AAS  49 (1957), pp.530-534; Sinodu ta' Kartaġni, sena 419, kan.17: MANSI 4,485.

[13] Cf. SINODI ta' Kartaġni, sena 419, kan.17 u 57: MANSI 4,485 u 496-497; ta' Kalċedonja, sena 451, kan.12: COD p.69; S.INNOĊENZ  I, Et onus et honor, a.c. 415: Nam quid  sciscitaris PL 20,548-549; S. Nikola I, I Ad consulta vestra, 13 Nov 866:  "A quo autem": PL 119,1007; Innoċenz III, I Rex regum, 15 Awi 1824: MBR Cont. XVI, pp.82-84; Ljun XIII, IA Christi Domini, sena 1895; Piju XII, Motu proprio Cleri sanctitati, 2 Ġun 1957, kan.159: AAS 49 (1957) p.478.

[14] Cf. INNOĊENZ IV, I Sub catholicae, 6 Mar 1254, §3, n.4: MBR III, pp.340-342; Sinodu ta' Lyons II, sena 1274 (Stqarrija tal-fidi magħmula minn Michael Paleologus lil Girgor X); Ewġenju IV, fis-Sinodu ta' Firenze, K Exsultate Deo, 22 Nov 1439, §11: COD  p.520; Klement VIII, Istr. Sanctissimus, 31 Awi 1595: MBR  V, 2, pp.72-73; Benedittu XIV, K Etsi pastoralis, 26 Mej 1742, §II, n.§III, n.1, eċċ.; Sinodu ta' Laodiċea, sena 347/381, kan.48; MANSI  2,571-572 (ara wkoll Codificazione Canonica Orientale, Fonti IX, p.183); Sinodu ta' Sis tal-Armeni, sena 1342: MANSI 25, 1240-1241; Sinodu Libaniż tal-Maroniti, sena 1736, P.II, kap.III, n.2: MANSI 38,48 u Sinodi partikolari oħra.

[15] SAGRA KONGR. TAS-S. UFFIZZJU, Istruzzjonijiet lill-Isqof ta' Spis fis-sena 1783; SAGRA KONGR. GĦALL-PROPAGAZZJONI TAL-FIDI (għall-Kopti), 15 Mar 1790, n.XIII; Digr. 6 Ott 1863, C,a; SAGRA KONGR. GĦALL-KNEJJES ORJENTALI, 1 Mej 1948; SAGRA KONGR. TAS-S. UFFIZZJU, tweġiba, 22 Apr 1896 b'ittra tad-19 Mej 1896.

[16] CIC, kan.782, §4; SAGRA KONGR. GĦALL-KNEJJES ORJENTALI, Digr. de Sacramento Confirmationis administrando etiam fidelibus orientalibus a presbyteris latini ritus, qui hoc indulto gaudent pro fidelibus sui ritus, 1 Mej 1948.

[17] Cf. SINODU ta Laodicea, sena 347-381, kan. 29: MANSI 2,569-570; S.  Niċeforu Kost, kap.14: PG III 749-760; Sinodu Duinen. tal-Armeni, sena 719, kan.31; S. Teodoru Studita Sermo 21: PG 99,536-538; S. Nikola I, I Ad consulta vestra, 13 Nov 866. In quorum Apostolorum: Nos cupitis; Quod interrogatis; Praeterea  consulitis; Si die Dominico: PL 119, 984, 985, 993, 994; u Sinodi partikolari.

[18] Din ħaġa ġdida, għall-anqas fejn hemm id-dmir tas-sehem fil-Liturġija mqaddsa; iżda jaqbel mal-jum liturġiku tal-Knejjes tal-Lvant.

[19] CfCanones Apostolorum, 8 u 9; MANSI 1,29-32; Sinodu ta' Antjokja, sena 341,  kan.2: MANSI 2,1309-1310; Timotju ta' Lixandra, Mistoqsija 3; Innoċenz III, K Quia Divinae, 4 Jan 1215; u ħafna Sinodi partikolari tal-Knejjes tal-Lvant iżjed riċenti.

[20] Waqt li tinżamm it-territorjalità tal-ġurisdizzjoni, il-kanoni jrid, għall-ġid tal-erwieħ, li jipprovdi għal iżjed minn ġurisdizzjoni waħda fl-istess territorju.

[21] Cf. SINODI ta' Niċea I, kan.18: COD pp.13-14 ta' Neoċesarea, sena 314/325, kan.12: MANSI 2,543-546; ta' Sardika, sena 343, kan.8: MANSI  3,11-12; S. Ljun il-Kbir, I Omnium quidem, 13 Jan 444: PL 54,616-620; Sinodu ta' Kalċidonja, kan.6: COD  p.66; Sinodu ta' Kostantinopli IV, kan.23: COD p.159; kan.26; l.c. p.161; eċċ.

[22] Għall-Knejjes tal-Lvant is-suddjakonat huwa meqjus bħala ordni minuri iżda bil-Motu Proprio ta' Piju XII, Cleri sanctitati, tat-2 Ġun 1957, kan.70-76: AAS 49 (1957) pp.457-458, huma preskritti għalih obbligi ta' Ordnijiet maġġuri. Dan il-kanoni jrid li nerġgħu lura għad-dixxiplina antika tal-Knejjes singoli dwar id-dmirijiet tas-suddjakonat b'deroga tad-dritt komuni kif  jgħid il-Motu proprio Cleri sanctitati.

[23] Cf. PIJU XII, Motu proprio Crebrae allatae, 22 Frar 1949, kan.32, §2, n.5 (il-fakultà tal-Patrijarki li jiddispensaw mill-forma); AAS 41 (1949) p.96; Piju XII, Motu proprio Cleri sanctitati, 2 Gun 1957, kan.267 (fakultà tal-Patrijarki ta' sanazzjoni in radice); AAS 49 (1957) p.514; is-Sagra Kongr. tas-S. Uffizzju u s-Sagra Kongr. għall-Knejjes Orjentali, sena 1957,  jikkonċedu l-fakultà b'dispensa mill-forma u sanazzjoni minħabba difett fil-forma (għal ħames snin): "lill-Metropoliti u lill-Ordinarji l-oħra tal-postijiet ..., li m'għandhomx Superjur taħt is-Santa Sede, barra mit-territorju tal-patrijarkat."

[24] Cf. S. LJUN IL-KBIR, I Quod saepissime, 15 Apr 454: Petitionem autem: PL 54,1094-1096; S. Niċeforu CP, kap.13; Sinodu tal-Patrijarka Serġju, 18 Set 1596, kan.17; Piju VI, IA Assueto paterne, 8 Apr 1775: MBR Cont. V, pp.35-37; eċċ.

[25] Cf. VAT II, K. dwar is-Sagra Liturġija, Sacrosanctum Concilium, 4 Diċ 1963; AAS  56 (1964).

[26] Cf. KLEMENT VII, Istr. Sanctissimus, 31 Awi 1595 §6: Si ipsi graeciMBR V, 2, p.73; S. Kongr. tas-S. Uffizzju, 7 Ġun 1673, ad 1 et 3; 13 Mar 1727, ad I; S. Congr. de Prop. Fide., Digr. 18 Awi 1913, art. 33: AAS  5 (1913)  p.398; Digr. 14 Awi 1914, art. 27: AAS 6 (1914) pp.462-463; Digr. 27 Mar 1916, art. 14: AAS 8 (1916) p.107; S. Kongr. għall-Knejjes Orjentali, Digr. 11 Mar 1929, art. 36: AAS 21 (1929) p.158; Digr. 4 Mej 1930, art. 41: AAS 22 (1930) pp.352-353.

[27] Cf. SINODU ta' LAODIĊEA, 347/381, kan.18: MANSI 2,567-568; SINODU ta' MAR ISAAC TAL-KALDEJ, 140, kan.15; S. NERSES GLAIEN, tal-Armeni, sena 1166; INNOĊENZ IV, I Sub Catholicae, 6 Mar 1254, §8; MBR III, 341; BENEDITTU XIV, K Etsi pastoralis, 26 Mej 1742, §7, n.5; Istruzzjoni Eo quamvis tempore, 4 Mej 1745, §§42ss;  u Sinodi partikolari aktar reċenti: tal-Armeni (1911), tal-Kopti (1898), tal-Maroniti (1736), tar-Rumeni (1872), tar-Ruteni (1891) u tas-Sirjani (1888).

[28] Mit-tradizzjoni tal-Lvant.

[29] Mis-sens li wieħed jifhem fil-Bulli tal-għaqda tal-Knejjes tal-Lvant differenti.

[30] Obbligazzjoni tas-Sinodu dwar l-Aħwa mifrudin tal-Lvant u dwar l-Ordnijiet kollha ta' kull grad, kemm ta' dritt divin kemm ta' dritt ekkleżjastiku.

[31] Dan it-tagħlim jgħodd ukoll għall-Knejjes mifrudin.

[32] S. BAŻILJU L-KBIR, Epistula canonica ad Amphilochium, PG  32,669B.

[33] Ir-raġunijiet fumdamentali għal din il-mitigazzjoni jitqiesu dawn: i) il-validità tas-sagramenti; ii) il-buona  fede u d-dispożizzjoni tajba; iii) il-ħtieġa tas-salvazzjoni eterna; iv) l-assenza ta' saċerdot tal-istess Knisja li tagħha l-persuna tkun membru; v) l-esklużjoni ta' perikli x'wieħed jaħrab jew ta' xi aċċettazzjoni formali tal-errur.

[34] Hawn il-Konċilju qed jittratta dwar l-hekk imsejħa komunikazzjoni fil-ħwejjeġ sagri ekstra-sagramentali. Huwa l-Konċilju li qed jikkonċedi l-mitigazzjoni basta jitħares dak kollu li għandu jitħares.

 

Ħajr lill-Moviment Azzjoni Soċjali tal-permess biex jintuża t-test bil-Malti tal-Edizzjoni Studia,1982.

Ħajr ukoll lil Joyce Hili tar-reviżjoni tat-test bil-Malti. 2023.