Id-Dokumenti ta' Vatikan II u Konċilji oħra ...

DIGRIET TAL-KONĊILJU VATIKAN II

FUQ IL-FORMAZZJONI SAĊERDOTALI

“OPTATAM TOTIUS”

28 ta' Ottubru 1965

 

WERREJ

1  Dwar il-programm ta' formazzjoni saċerdotali li għandu jsir f'kull nazzjon

2 -3 II Ħidma aktar biex jikbru l-vokazzjonijiet saċerdotali

4 - 7  III Dwar is-seminarji maġġuri

8 - 12 IV Dwar il-formazzjoni spiritwali

13 - 18 V Dwar ir-reviżjoni tal-istudji ekkleżjastiċi

19 - 22 VI Dwar il-formazzjoni pastorali

Għeluq

 

DIGRIET DWAR IL-FORMAZZJONI SAĊERDOTALI

“OPTATAM TOTIUS”

 

Il-Konċilju Mqaddes jagħraf sewwa illi t-tiġdid mixtieq tal-Knisja kollha jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-ministeru tas-saċerdoti, imqanqal mill-ispirtu ta’ Kristu[1]. Għalhekk il-Konċilju jxandar li l-formazzjoni saċerdotali għandha importanza mill-akbar u jiddikjara wħud mill-prinċipji ewlenin li fuqhom hija tinbena. B'dawn il-prinċipji minn naħa jitwettqu liġijiet magħrufa u ppruvat bħala tajbin bl-esperjenza tas-sekli; min-naħa l-oħra jissawru oħrajn ġodda li jwieġbu għall-Kostituzzjonijiet u d-Digrieti ta’ dan il-Konċilju Mqaddes u għaċ-ċirkostanzi mbiddla tal-lum. Ladarba s-saċerdozju kattoliku hu wieħed, dan l-aġġornament fil-formazzjoni saċerdotali huwa meħtieġ għas-saċerdoti kollha, kemm dawk tal-kleru djoċesan u kemm dawk tal-kleru reliġjuż, hu x'inhu r-rit tagħhom; u għalhekk il-preskrizzjonijiet li ġejjin, li jolqtu direttament il-kleru djoċesan, għandhom ikunu applikati għas-saċerdoti kollha, bl-addattamenti meħtieġa.

 

I  DWAR IL-PROGRAMM TA' FORMAZZJONI SAĊERDOTALI LI GĦANDU JSIR F'KULL NAZZJON.

 

1  Minħabba l-fatt li n-nazzjonijiet u t-territorji, huma ħafna fil-għadd u daqshekk differenti minn xulxin ma jistgħux isiru ħlief liġijiet ta' natura ġenerali. Għalhekk f'kull nazzjon u f'kull rit partikulari għandu jinbeda “Pjan ta’ Formazzjoni Saċerdotali”. Dan għandu jkun stabbilit mill-Konferenza tal-Isqfijiet[2], rivedut minnhom kull tant żmien u approvat mis-Santa Sede. B’dan il-programm ta' formazzjoni l-liġijiet universali jkunu addattati skont iċ-ċirkustanzi partikulari tal-post u taż-żmien, b'mod illi l-formazzjoni saċerdotali tkun dejjem taqbel mal-ħtiġiet pastorali ta’ dawk l-inħawi fejn is-saċerdoti jkunu jridu jaqdu l-ministeru tagħhom.

 

II ĦIDMA AKTAR BIEX JIKBRU L-VOKAZZJONIJIET SAĊERDOTALI

 

2. It-tħabrik għall-vokazzjonijiet[3] huwa dmir tal-komunità nisranija kollha; dan id-dmir għandha taqdih qabel xejn billi tgħix ħajja għalkollox nisranija. L-iżjed li jistgħu jikkontribwixxu għal dan huma l-familji u l-parroċċi: il-familji, għax jekk jgħixu bi spirtu ta’ fidi, ta’ mħabba u ta’ tjieba, isiru qishom l-ewwel seminarju għal ulied; l-parroċċi, għax iż-żgħażagħ jieħdu sehem attiv fil-ħajja kotrana. Is-surmastrijiet fl-iskejjel, u dawk kollha li b’xi mod għandhom f’idejhom il-formazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, l-aktar l-Għaqdiet Kattoliċi, għandhom ifittxu li jedukaw liż-żgħażagħ fdati f’idejhom b’mod li dawn jintebħu bis-sejħa t’Alla u jimxu warajha bil-qalb. Is-saċerdoti kollha għandhom juru l-ħeġġa appostolika tagħhom l-iżjed billi jħabirku għall-vokazzjonijiet.

Huma għandhom jiġbdu r-ruħ taż-żgħażagħ għas-saċerdozju bl-istess ħajja tagħhom, umli, ħabrieka, mgħoddija fl-hena tal-qalb, bl-imħabba saċerdotali ta' bejniethom u bil-ħidma tagħhom id f’id bħal aħwa.

Huma dmir tal-Isqfijiet li jqanqlu l-membri tal-merħla tagħhom biex jaħdmu għall-vokazzjonijiet, u li jfittxu jgħaqqdu sfieq il-forzi u l-ħidmiet kollha tagħhom għal dan l-iskop; bla ma jibżgħu minn ebda sagrifiċċju huma għandhom jgħinu bħal missirijiet, lil dawk li huma jaħsbu li huma msejħin biex jaqdu lil Mulej.

Din il-ħidma ħabrieka u magħquda tal-poplu kollu t’Alla għall-vokazzjonijiet twieġeb għall-ħidma tal-Provvidenza divina. Għax Alla lil dawk il-bnedmin li jagħżel biex ikollhom sehem fis-saċerdozju ġerarkiku ta’ Kristu, jagħnihom bil-kwalitajiet xierqa u jgħinhom bil-grazzja tiegħu; fl-istess ħin huwa jqabbad il-ministri leġittmi tal-Knisja biex jistudjaw lil dawk il-kandidati li b’fehma safja u b’libertà sħiħa jitolbu li jitressqu għal uffiċċju hekk kbir, jaraw jekk humiex tajbin għalih, isejħulhom jekk isibuhom tajba, u jikkonsagrawhom bis-siġill tal-Ispirtu s-Santu għall-qima t’Alla u għas-servizz tal-Knisja[4].

Dan is-Sinodu Mqaddes jirrikmanda ħafna qabel xejn dawk li huma l-għajnuniet

tradizzjonali għall-ħidma id f’id ta’ kulħadd; bħalma huma t-talb bla waqfien u l-penitenza nisranija u l-formazzjoni dejjem aħjar tal-fidili; il-formazzjoni tal-fidili tingħatalhom permezz tal-predikazzjoni u bit-tagħlim tal-katekiżmu u permezz tad-diversi strumenti tal-komunikazzjoni soċjali li bihom jitfissru l-ħtieġa , in-natura u l-importanza saċerdotli. Barra minn dan, il-Konċilju jordna l-Opri tal-Vokazzjonijiet li diġà twaqqfu jew li ser jitwaqqfu fid-diversi djoċesijiet, reġjunijiet u nazzjonijiet skont id-dokumenti pontifiċji relattivi, għandhom jikkooordinaw u jissistemaw il-ħidma pastorali kollha għall-vokazzjonijiet u jiżviluppawha bil-għaqal u bil-ħerqa billi jagħmlu użu mill-mezzi u l-għajnuniet xierqa kollha mogħtija mill-psikoloġija moderna u t-tagħlim soċjoloġiku[5]. Il-ħidma għat-tkattir tal-vokazzjonijiet għandha ssir b’qalb kbira, u tkun tħares lillhinn mit-trufijiet ta’ din jew ta’ dik id-djoċesi, nazzjon, familja reliġjuża jew rit; hija għandha tqis il-ħtiġiet tal-Knisja kollha kemm hi, u b’mod speċjali tkun ta’ għajnuna għal dawk it-territorji fejn il-bżonn tal-ħaddiema għall-għalqa tal-Mulej tkun tinħass qed tagħfas aktar.

 

3. Fis-Seminarji Minuri, imwaqqfin biex ikabbru ż-żrieragħ tal-vokazzjoni li jkunu għadhom kemm nibtu, it-tfal studenti għandhom jitħejjew b'taħriġ reliġjuż speċjali u qabel xejn b’direzzjoni spiritwali xierqa, li jimxu wara Kristu Feddej bi spirtu ġeneruż u b’qalb safja.

Is-superjuri tagħhom, bi ħsieb ta’ missier, u bil-kooperazzjoni f'waqtha tal-ġenituri, għandhom imexxuhom b’mod li jkunu jistgħu jgħaddu ħajja kif jitolbu l-ispirtu u l-iżvilupp taż-żgħażagħ. Fl-istess ħin huma għandhom japplikaw kif imiss il-kriterji ta' psikoloġija tajba u ma jħallux il-formazzjoni taż-żgħażagħ nieqsa mill-esperjenza xierqa tal-ħajja u mill-kuntatt mal-familji tagħhom[6]. Barra minn dan, id-direttivi li ser jingħataw f'dan li ġej għas-Seminarji Maġġuri għandhom ikunu applikati wkoll għas-Seminarji Minuri sa fejn ikunu jaqblu mal-iskop u n-natura tagħhom. Il-programmi tal-istudji għandhom jitfasslu b'mod illi l-istudenti jkunu jistgħu jkompluhom band’oħra, jekk jiddeċiedu li jħaddnu stat ieħor ta’ ħajja.

L-istess ħsieb u attenzjoni għandhom jingħataw lix-xtieli tal-vokazzjonijiet fost l-addoloxxenti u ż-żgħażagħ f’dawk l-Istituti speċjali li skont iċ- ċirkostanzi lokali iservu wkoll ta’ Seminarji Minuri; l-istess għandu jsir mat-tfal u ż-żgħażagħ li jkunu qegħdin jirċievu l-formazzjoni tagħhom jew fi skejjel oħra jew b'metodi oħra ta’ edukazzjoni. Għandha wkoll tingħata għajnuna bil-ħerqa lil dawk l-Istituti u inizjattivi oħra mwaqqfin għal dawk li jwieġbu għas-sejħa t’Alla meta jkunu diġà adulti.

 

III  DWAR IS-SEMINARJI MAĠĠURI.

 

4. Is-Seminarji Maġġuri huma meħtieġa għall-formazzjoni saċerdotali. Bihom l-edukazzjoni kollha tal-istudenti trid timmira biex tagħmilhom tassew rgħajja tal-erwieħ, fuq il-mudell ta' Sidna Ġesù Kristu, Saċerdot u r-Ragħaj[7]. Għalhekk huma għandhom jithejjew għall-ministeru tal-kelma billi jifhmu dejjem aħjar il-kelma rivelata ta’ Alla, jagħmluha tagħhom bil-meditazzjoni, jfissruha b'kelmithom u  b' ħajjithom; jithejjew għall-ministeru tal-kult u tat-tqaddis billi bit-talb u biċ-ċelebrazzjonijiet imqaddsa tal-Liturġija ikomplu l-opra tas-salvazzjoni permezz tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku u tas-Sagrament; jithejjew għall-ministeru ta’ rgħajja billi jagħrfu jirrappreżentaw fost il-bnedmin lil Kristu, li ''ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra'' (Mk 10,45; cf. Ġw 13, 12-17), u jagħrfu jsiru l-ilsiera ta’ kulħadd biex jirbħu lil ħafna (cf. 1 Kor 9, 19).

  Għalhekk l-aspetti kollha tal-edukazzjoni spiritwali, intellettwali u dixxiplinari għandhom jorbtu lkoll flimkien f’nisġa waħda għal dan l-iskop pastorali. Għalih is-superjuri u l-għalliema b'ubbidjenza u b'fedeltà lejn l-awtorità tal-Isqof għandhom iħabirku għalenija u b'ħeġġa kbira.

 

5. L-edukazzjoni tajba tal-istudenti tiddependi minn liġijiet magħmulin b'għerf, u l-iżjed minn edukaturi kompetenti. Għalhekk s-superjuri u l-għalliema tas-Seminarji għandhom jintgħażlu fost l-aħjar nies[8] u b'attenzjoni u jithejjew b'tagħlim sod, b'esperjenza pastorali xierqa u b'formazzjoni spiritwali u pedagoġika speċjali. Jeħtieġ għaldaqstant li biex jintlaħaq dan l-iskop jitwaqqfu istituti apposta jew għallanqas ikunu organiżżati korsijiet xierqa u kultant żmien isiru laqgħat għas-Superjuri tas-Seminarji.

Is-superjuri u l-għalliema min-naħa tagħhom għandhom jifhmu sewwa li r-riżultat tal-formazzjoni tas-seminaristi jiddependi ħafna mill-mod kif jaħsbu u jġibu rwieħhom huma; taħt it-tmexxija tar-Rettur huma għandhom ikunu magħqudin sfieq flimkien fl-ispirtu u fil-ħidma, bejniethom u flimkien mas-seminaristi huma għandhom jiffurmaw dik il-familja li twieġeb għat-talba tal-Mulej: “Biex ikunu ħaġa waħda” (cf. Ġw 17,11), u tgħajjex fl-istudenti l-ferħ tas-sejħa tagħhom. Imbagħad l-Isqof bi ħsieb u b'għożża kbira, m'għandu jehda qatt milli iħeġġeġ lil dawk li jaħdmu fis-Seminarju, u juri ruħu mal-istess seminaristi Missier tassew fi Kristu. Fl-aħħar nett is-saċerdoti kollha għandhom iqisu s-Seminarju bħala l-qalb tad-djoċesi, u jagħtuh bil-qalb l-għajnuna tagħhom[9].

 

6. Bi ħsieb u b'attenzjoni skont l-età u l-progress tagħhom, wieħed għandu jistħarreġ il-kandidati għal dik li hi intenzjoni retta u għażla ħielsa tagħhom, biex jara jekk humiex tajbin spiritwalment, moralment u intellettwalment għas-saċerdozju, u jekk għandhomx is-saħħa fiżika u psikika meħtieġa għalih; jitqiesu wkoll l-inklinazzjonijiet naturali li jkollhom u li għandhom mnejn ikunu wirtu mill-familja. Il-kandidati għandhom ikunu mistħarrġa mistħarrġa wkoll dwar il-ħila tagħhom li jerfgħu l-piżijiet tas-saċerdozju u li jaqdu d-dmirijiet pastorali[10].

Fl-għażla tal-istudenti u matul il-prova kollha li ssirilhom wieħed għandu japplika strettament il-kriterji meħtieġa għal għażla tajba; dan għandu jsir ukoll meta sfortunatament ikun hemm nuqqas ta' saċerdoti[11]. Alla mhux ser jħalli l-Knisja tiegħu nieqsa mill-ministri jekk jitmexxew ‘il quddiem il-kandidati li jkun jixirqilhom, waqt li dawk li ma jkunux tajba għas-saċerdozju jkunu indirizzati fil-waqt u bl-imħabba għal dmirijiet oħra, u jkunu megħjuna jagħrfu s-sejħa tagħhom ta’ nsara u jingħataw għall-appostolat bħala lajċi.

 

7. Fejn id-djoċesijiet waħda waħda, li ma jistgħux ikollhom u jżommu tajjeb is-Seminarju tagħhom, għandhom jitwaqqfu u jitmexxew 'l quddiem Seminarji komuni għal għadd ta' djoċesijiet flimkien jew għal reġjun jew nazzjon sħaħ. B'hekk tingħata lill-istudenti, b'mod li jħalli iżjed frott, formazzjoni soda, li f’din il-ħaġa għandha titqies bħala l-aqwa liġi. Dawn is-Seminarji, sew jekk ikunu regjonali, sew jekk ikunu nazzjonali, għandhom jitmexxew skont statuti magħmulin mill-Isqfijiet interessati[12] u approvati mis-Sede Appostolika. Fis-Seminarji fejn hemm għadd kbir ta’ seminaristi, waqt li tinżamm tmexxija waħda u formazzjoni xjentifika għal kulħadd, is-seminaristi għandhom jitqassmu bi kriterji xierqa fi gruppi iżgħar biex b'hekk tintlaħaq aħjar il-formazzjoni personali ta’ kull wieħed minnhom.

 

IV  DWAR IL-FORMAZZJONI SPIRITWALI

 

8. Il-formazzjoni spiritwali għandha tkun marbuta sfieq mal-formazzjoni dottrinali u pastorali. L-iżjed bl-għajnuna tad-direttur spiritwali[13], hija għandha tingħata b’mod li s-seminaristi jitgħallmu jgħixu l-ħin kollu f’għaqda familjari mal-Missier permezz ta’ Ibnu Ġesù Kristu fl-Ispirtu s-Santu. Il-quddiem, bl-ordinazzjoni sagra huma jkunu se jirċievu xebh ma’ Kristu s-Saċerdot; għalhekk għandhom jidraw jgħixu miegħu f'għaqda intima ta' ħbieb, u jibqgħu mxierka miegħu matul ħajjithom kollha[14]. Il-Misteru tal-Għid tiegħu għandhom jgħixuh hekk li jkunu jafu jressqu lejh u jdaħħlu fih il-poplu li għad ikun fdat lilhom. Għandhom ikunu mgħallma jfittxu lil Kristu fil- tal-meditazzjoni fidila tal-kelma ta' Alla, fis-sehem attiv tagħhom fil-Misteri mqaddsa tal-Knisja, u qabel xejn fl-Ewkaristija u fl-Uffiċċju Divin[15], ifittxu lil Kristu fl-Isqof tagħhom li jibgħathom għand il-bnedmin u jfittxuh fil-bnedmin li fosthom jintbagħtu, l-iżjed fil-fqar, fiż-żgħar, fil-morda, fil-midinbin u f'dawk li ma jemmnux. B’fiduċja ta’ wlied għandhom ikollhom imħabba u devozzjoni lejn il-Verġni Mqaddsa Marija, li Kristu Ġesù, hu u jmut fuq is-Salib, taha lid-dixxiplu tiegħu bħala omm.

Is-seminaristi għandhom ikunu mħajra ħafna josservaw dawk l-għamliet ta’ taħriġ ta’ tjieba li l-Knisja ilha ħafna tagħmel użu minnhom b'qima u bi frott; iżda wieħed irid iqis illi l-formazzjoni li tingħatalhom ma tkunx mibnija biss fuq dan it-taħriġ, anqas m’għandha tkun biss edukazzjoni tas-sentiment reliġjuż. Aktar minn hekk is-seminaristi għandhom ikunu mgħallma jgħixu skont il-mudell tal-Evanġelju, jitwettqu fil-fidi, fit-tama u fil-karità, b'mod illi fit-taħriġ ta’ dawn il-virtujiet jiksbu spirtu ta’ talb[16], isaħħu l-virtujiet l-oħra, u jikbru fil-ħeġġa biex jirbħu l-bnedmin kollha għal Kristu.

 

9. Il-Misteru tal-Knisja, mfisser prinċipalment minn dan is-Sinodu Mqaddes għandu jiddaħħal fil-ħajja tas-seminaristi hekk illi jintrabtu mal-Vigarju ta’ Kristu b’rabta umli ta’ mħabba ta' wlied, u, meta jsiru saċerdoti, ikunu kooperaturi fidili tal-Isqof tagħhom u jaħdmu id g'id ma ħuthom is-saċerdoti. B'hekk huma jagħtu xhieda ta' dik l-għaqda li biha l-bnedmin jinġibdu lejn Kristu[17]. Jitgħallmu jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja kollha, skont kif jgħid Santu Wistin: “Daqskemm wieħed ikun iħobb il-Knisja, daqshekk ieħor ikollu fih l-Ispirtu s-Santu”[18]. Is-seminaristi għandhom jifhmu sewwa li huma mhumiex magħmulin biex jaħkmu fuq l-oħrajn, anqas biex jiġru wara l-ġieh tad-dinja, iżda biex jagħtu rwieħhom kollha kemm huma għas-servizz t’Alla u għall-ministeru pastorali. Bi ħrara partikolari għandhom jitrabbew fl-ubbidjenza saċerdotali, fi stil  ta’ ħajja ta’ faqar, u fl-ispirtu taċ-ċaħda[19], hekk illi jidraw jinfatmu bil-qalb minn dak kollu li, għalkemm hu tajjeb fih innifsu, ma jaqbilx mal-ħajja tagħhom, u  isiru jixbhu lil Kristu msallab.

Lis-seminaristi wieħed għandu jiftħilhom għajnejhom dwar il-piżijiet li bihom ikunu se jitgħabbew, u m’għandu jaħbi minnhom ebda toqol tal-ħajja saċerdotali; u dan, mhux biex huma jħarsu biss lejn il-perikli li ser jiltaqgħu magħhom fil-ħidma li hemm lesta għalihom, imma biex jidraw jiksbu saħħa kemm jistgħu għall-ħajja spiritwali mill-istess ħidma pastorali tagħhom.

 

10. Dawk is-Seminaristi li, skont il-liġijiet qaddisa u sħaħ tar-rit proprju tagħhom, josservaw it-tradizzjonijiet meqjuma taċ-ċelibat saċerdotali, għandhom ikunu edukati b’attenzjoni kbira għal dan l-istat. Fih huma jiċħdu għall-għaqda taż-żwieġ minħabba fis-Saltna tas-Smewwiet (cf. Mt 19,12), jingħaqdu mal-Mulej b’imħabba mhux diviża li twieġeb sħiħ għall-Patt il-Ġdid[20], jagħtu xhieda tal-qawmien għall-ħajja li ġejja (cf. Lq 20,36)[21], u jiksbu l-aħjar għajnuna biex jitħarrġu l-ħin kollu f’dik l-għajnuna perfetta li biha, fil-ministeru saċerdotali tagħhom, iseħħilhom isiru kollox għal kulħadd[22]. Huma għandhom iħossu b’kemm radd ta’ ħajr għandu jitħaddem dan l-istat, mhux bħala sempliċi preskrizzjoni tal-liġi tal-Knisja, iżda bħala don għażiż li għandhom jitolbuh bl-umiltà lil Alla don li, imqanqlin u megħjunin mill-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, għandhom jħaffu biex iwieġbu għalih bil-libertà u b'qalb kbira.

Is-seminaristi għandhom jagħrfu kif imiss id-dmirijiet u d-dinjità taż-żwieġ nisrani, li hu sinjal tal-imħabba bejn Kristu u l-Knisja (cf. Ef 5,22-23); imma għandhom jifhmu wkoll illi l-verġnità kkonsagrata lil Kristu hija ogħla [23], b'mod illi b’għażla għal kollox ħielsa, magħmula bil-ħsieb u b'qalb kbira, jagħtu rwieħhom lill-Mulej b’għotja sħiħa tar-ruħ u l-ġisem.

Is-seminaristi għandhom jkunu mwissija dwar il-perikli li jheddu l-kastità tagħhom l-iżjed fis-soċjetà tal-lum[24]. Megħjunin minn mezzi divini u umani , huma għandhom jagħrfu jinsġu ċ-ċaħda għaż-żwieġ mal-istat tagħhom hekk illi ċ-ċelibat mhux talli ma jkunilhomx ta' saram għall-ħajja u l-ħidma tagħhom iżda biex bih jiksbu ħakma akbar fuq ruħhom u ġisimhom, jikbru f'maturità iżjed sħiħa u jħossu wisq aħjar il-hena mwiegħed fl-Evanġelju.

 

11. Għandhom jitħarsu b’reqqa l-kriterji tal-edukazzjoni nisranija li għandhom ikunu pperfezzjonati skont l-aħħar sejbiet tal-psikoloġija u l-pedagoġija. Għalhekk, b'sistema ta' formazzjoni mfassla b'għerf u li tkun taqbel mal-età tagħhom, is-seminaristi għandhom jitwasslu għall-maturità umana meħtieġa. Din il-maturità titwettaq f'ċerta stabbilità emottiva u fil-ħila li wieħed ikollu biex jieħu deċiżjonijiet meħtieġa maħsuba bil-għaqal, u jagħti ġudizzju sewwa dwar ġrajjiet u bnedmin. Huma għandhom jidraw jagħġnu tajjeb in-natural tagħhom, isawru karattru qawwi, u, in ġenerali, jitgħallmu jħobbu dawk il-virtujiet li huma hekk għeżież fost il-bnedmin u li bihom il-ministru ta’ Kristu jkun tassew miġjub min-nies[25]. Virtujiet bħal dawn huma s-sinċerità tal-qalb, il-ġibda qatt nieqsa għall-ġustizzja, l-irġulija tal-kelma mogħtija, il-ġentilezza f'kull ma wieħed jagħmel, il-modestja marbuta mal-imħabba fil-konversazzjonijiet li wieħed ikollu.

Id-dixxiplina tal-ħajja tas-Seminarju għandha titqies mhux biss bħala għajnuna qawwija għall-ħajja ta’ komuni u tal-imħabba, iżda bħala parti meħtieġa tal-formazzjoni kollha biex wieħed jikseb il-ħakma tiegħu fuqu nnifsu, biex il-personalità tiegħu tikseb maturità sħiħa, u biex isawwar fih id-dispożizzjonijiet l-oħra kollha li huma tal-akbar għajnuna biex il-ħidma tal-Knisja ssir sewwa u tħalli l-frott. Iżda d-dixxiplina għandha titħaddem b’mod illi fis-seminaristi titrabba dik dispożizzjoni interna li biha huma jaċċettaw l-awtorità tas-superjuri b'persważjoni intima tagħhom jew għax hekk iħossuh dmir tal-kuxjenza tagħhom cf. Rum 13,5) u għal motivi sopranaturali. Iżda r-regoli tad-dixxiplina għandhom ikunu applikati skont l-età tas-seminaristi, hekk li huma bil-mod il-mod jitgħallmu jitrażżnu, jużaw bil-għaqal il-libertà tagħhom, jiżviluppaw l-ispirtu ta' inizjattiva [26], u jidraw jaħdmu id f’id flimkien ma’ ħuthom l-oħra u mal-lajċi.

Il-programm tal-ħajja kollha fis-seminarju, msawwar kollu mill-imħabba għat-tjieba u s-skiet u mill-ħeġġa għall-għajnuna ta’ xulxin, għandu jimmira li jħejji sa miż-żmien tas-seminarju għal dik il-ħajja li tistenna lis-seminaristi meta jsiru saċerdoti.

 

12. Il-formazzjoni spiritwali trid tistrieħ fuq sies sod; is-seminaristi għandhom iħaddnu s-sejħa tagħhom għax ikunu għażluha b'deliberazzjoni matura. Għalhekk ikun dmir tal-Isqfijiet li jistabbilixxu perijodu ta’ żmien li fih is-seminaristi jkollhom thejjija spiritwali aktar intensa. Ikun ukoll dmir tagħhom jaraw ikunx f'waqtu li jwaqqfu għal żmien l-istudji jew jorganizzaw xi taħriġ pastorali ħalli jkunu jistgħu jippruvaw iżjed u aħjar jekk il-kandidati jkunux tajbin għas-saċerdozju.

Skont iċ-ċirkustanzi reġjonali, imiss lill-istess Isqfijiet jiddeċiedu jekk l-età tal-kandidati għall-ordnijiet imqaddsa, għandhiex tkun akbar minn dik mitluba bħalissa mid-dritt komuni, u li jiddeterminaw ukoll ikunx f'waqtu li l-istudenti, wara li jkunu temmew il-kors teoloġiku, jeżerċitaw għal xi żmien l-ordni tad-djakonat qabel ma jitressqu għas-saċerdozju.

 

 

V DWAR IR-REVIŻJONI TAL-ISTUDJI EKKLEŻJASTIĊI

 

13. Is-seminaristi, qabel ma jibdew l-istudji proprjament ekkleżjastiċi, iridu jkunu ħadu dak il-formazzjoni umanistika u xjentifika li biha ż-żgħażagħ f’kull nazzjon ikunu jistgħu jibdew l-istudji aktar għolja; barra minn dan, huma għandhom isiru jafu l-Latin li bih huma jkunu jistgħu jifhmu u jużaw l-għejun ta' daqshekk xjenzi u dokumenti tal-Knisja[27]. Hu meħtieġ ukoll l-istudju tal-ilsien liturġiku proprju għal kull rit; jenħtieġ ukoll illi jingħata inkoraġġiment kbir biex jiġu studjati biżżejjed tajjeb l-ilsna tal-Iskrittura Mqaddsa u tat-Tradizzjoni.

 

14. Fir-reviżjoni tal-istudji ekkleżjastiċi li trid issir, wieħed għandu l-ewwel nett iżomm quddiem għajnejh illi l-materji filosofiċi u teoloġiċi jkunu koordinati aħjar, u kollha jimmiraw biex quddiem il-moħħ tal-istudenti jinfetaħ dejjem iżjed il-Misteru ta’ Kristu, li jolqot l-istorja kollha tal-bniedem, jinfluwixxi l-ħin kollu fuq il-Knisja, u jaħdem l-aktar permezz tal-ministeru saċerdotali[28].

Biex din il-viżjoni ta' Kristu tingħata ċar lill-istudenti sa mill-bidu tal-formazzjoni tagħhom, l-istudji ekkleżjastiċi għandhom jibdew b’kors introduttiv li għandu jieħu tul ta’ żmien xieraq. Matul dan il-kors il-Misteru tas-salvazzjoni jkun imfisser b’mod li l-istudenti jifhmu s-sens, l-istruttura u l-iskop pastorali tal-istudji ekkleżjastiċi, u fl-istess ħin ikunu megħjuna biex jagħmlu l-fidi s-sies u r-ruħ ta’ ħajjithom u jitwettqu fil-vokazzjoni tagħhom billi iħaddnuha b’għotja tagħhom infushom u b'qalb ferħana.

 

15. Il-materji filosofiċi għandhom jkunu mgħallma b’mod li l-istudenti jkollhom gwida ħalli jiksbu għarfien sod u sħiħ dwar il-bniedem, id-dinja u Alla. Dan għandu jsir fuq il-bażi ta' wirt filosofiku li s-siwi tiegħu ma jintemmx[29] waqt li jitqiesu wkoll it-tagħrif dwar l-istudji filosofiċi moderni, l-aktar dawk li għandhom l-akbar influwenza f'pajjiżhom u l-aħħar żviluppi fix-xjenzi moderni. B'hekk l-istudenti jkunu jistgħu jifhmu sewwa l-mentalità tal-lum, u jithejjew kif jixraq għad-djalogu man-nies ta’ żmienhom[30]. It-tagħlim dwar l-istorja tal-filosofija għandu jsir b’mod li l-istudenti, waqt li jsiru jafu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi diversi, jagħrfu jżommu dawk fosthom li huma tajbin, u jsiru kapaċi jaraw fejn huma l-għeruq tal-erruri u jikkonfutawhom.

L-istess metodu ta' tagħlim għandu jqanqal lill-istudenti biex min-naħa jħobbu l-verità, ifittxuha bir-reqqa, josservawha u jippruvawha, u min-naħa l-oħra jagħrfu bl-onestà kollha li l-ħila ta' għarfien tal-bniedem għandha l-limiti tagħha. Għandha tingħata attenzjoni kbira lir-rabta li hemm bejn il-filosofija u l-veri problemi tal-ħajja u bejn il-filosofija u l-kwistjonijiet li jħabbtu l-imħuħ tal-istudenti. Dawn għandhom ikunu megħjuna biex jifhmu sewwa r-relazzjoni li hemm bejn l-argumenti filosofiċi u l-misteri tas-salvazzjoni, misteri li fit-teoloġija jkunu studjati fid-dawl ogħla tal-fidi.

 

16. Il-materji teoloġiċi, fid-dawl tal-fidi u taħt it-tmexxija tal-Maġisteru tal-Knisja[31], għandhom jkunu mgħallma b’mod li l-istudenti jixorbu bir-reqqa d-duttrina kattolika mir-Rivelazzjoni Divina, jidħlu fil-qalba tagħha, u jagħmlu l-ikel tal-ħajja spiritwali tagħhom[32], biex iseħħilhom ixandruha, ifissruha u jħarsuha fil-ministeru saċerdotali tagħhom. L-istudenti għandhom jirċievu taħriġ sewwa fl-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa, li għandha tkun qisha r-ruħ tat-teoloġija kollha[33]. Wara introduzzjoni xierqa huma għandhom jibdew jitħarrġu fil-metodu tal-eseġeżi u jitgħallmu jagħrfu liema huma l-akbar temi tar-tar-Rivelazzjoni Divina. Mill-qari u l-meditazzjoni ta’ kuljum tal-Kotba Mqaddsa huma jieħdu l-ħeġġa u l-ikel tagħhom[34].

It-teoloġija dommatika titqassam b’mod li l-ewwel jitfissru l-istess temi bibliċi; jintwera mbagħad lill-istudenti x'sehem li taw is-Santi Padri tal-Knisja tal-Lvant u tal-Punent ħalli jgħaddulna u jfissrulna sewwa u bil-fedeltà kull waħda mill-veritajiet rivelati; tingħata wkoll l-istorja tad-dommi, bir-rabta tagħha mal-istorja ġenerali [35], sabiex jifhmu aħjar u bis-sħiħ, safejn jista' jkun, il-misteri tas-salvazzjoni, l-istudenti għandhom jitħarrġu biex bl-għajnuna tat-tfittxija spekulattiva, fid-dawl tat-tagħlim ta’ San Tumas jidħlu fil-fond u jitgħallmu jaraw r-rabta ta’ bejniethom.[36] Huma  għandhom ikunu mgħallma jaraw dejjem il-preżenza u l-ħidma ta’ dawn il-misteri fl-azzjonijiet liturġiċi[37] u fil-ħajja kollha tal-Knisja. Għandhom ukoll jitgħallmu jfittxu s-soluzzjonijiet tal-problemi tal-bniedem fid-dawl tar-Rivelazzjoni, japplikaw il-veritajiet eterni tagħha għaċ-ċirkustanzi umani li dejjem jitbiddlu, u jgħadduhom lill-bnedmin ta’ żmienhom b’mod li jkunu jistgħu jifhmuhom[38]. Hekk ukoll il-materji teoloġiċi l-oħra għandhom jiġġeddu permezz ta’ kuntatt aqwa u aktar ħaj mal-Misteru ta’ Kristu u mal-istorja tas-salvazzjoni. Jingħata ħsieb speċjali biex it-teoloġija morali tkun ipperfezzjonata; it-tifsir xjentifiku tagħha, imsaħħaħ iżjed bit-tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa, għandu jdawwal il-vokazzjoni għolja tal-fidili fi Kristu u l-obbligu tagħhom li jagħtu frott fl-imħabba għall-ħajja tad-dinja. Hekk ukoll fit-tifsir tad-dritt kanoniku u fit-tagħlim dwar l-istorja tal-Knisja, wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh il-Misteru tal-Knisja, skont il-Kostituzzjoni Dommatika “Dwar il-Knisja” mxandra minn dan is-Sinodu Mqaddes. Il-Liturġija Mqaddsa, li għandha titqies bħala l-għajn ewlenija u neċessarja tal-ispirtu tassew nisrani, għandha tkun mgħallma skont dak li jingħad fl-artikli 15 u 16 tal-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa[39].

Waqt li jitqiesu kif imiss iċ-ċirkustanzi reliġjużi diversi l-istudenti għandhom ikunu orjentati wkoll biex isiru jafu aħjar il-Knejjes u l-Komunitajiet ekkleżjali mifruda mis-Sede Appostolika Rumana, ħalli jkunu jistgħu jagħtu sehemhom fil-ħidma għat-twaqqif mill-ġdid tal-għaqda bejn l-Insara kollha, skont id-direttivi ta’ dan il-Konċilju Mqaddes[40].

Jingħatalhom ukoll tagħrif dwar ir-reliġjonijiet l-oħra li huma l-aktar imxerrda f’dan jew f’dak ir-reġjun ħalli jifhmu aħjar dak kollu li, skont ir-rieda t’Alla, hemm tajjeb u veru fihom; jitgħallmu jwarrbu l-erruri u jseħħilhom iwasslu d-dawl kollu tal-verità lil dawk li huma mingħajru.

 

17. L-iskop tat-tagħlim dottrinali m’għandux ikun biss komunikazzjoni ta' tagħrif iżda dak li l-istudenti tingħatalhom formazzjoni ġenwina u profonda. Għalhekk jeħtieġ li ssir reviżjoni tal-metodi tat-tagħlim. Din ir-reviżjoni trid ssir f’dak li jolqot il-lezzjonijiet, id-diskussjonijiet u l-eżerċitazzjonijiet tal-kors, iżda għandha timmira wkoll li tħajjar lill-istudenti biex jistudjaw kemm weħidhom kemm fi gruppi żgħar. Jittieħed ħsieb sewwa biex it-taħriġ kollu jkun koerenti u sod, jitnaqqsu l-materji u l-lezzjonijiet żejda, u jitwarrbu dawk il-kwistjonijiet li jew llum bilkemm fadlilhom xi importanza jew jistgħu jitħallew għal studji akkademiċi ogħla.

 

18. Ikun dmir tal-Isqfijiet li jieħdu ħsieb biex dawk iż-żgħażagħ li għandhom karattru, virtù u intelliġenza li jaqilgħuhom jintbagħtu f’Istituti speċjali, Fakultajiet jew Universitajiet. Dan iservi biex għad-diversi ħtiġiet tal-appostolat ikun hemm saċerdoti mħarrġa b'formazzjoni xjentifika profonda kemm fix-xjenzi sagri kemm f'materji oħra skont il-ħtieġa. Madankollu m'għandha tkun bl-ebda mod traskurata l-formazzjoni spiritwali u pastorali tagħhom, l-iżjed jekk ikunu għadhom għadhom ma ordnawx saċerdoti.

 

VI  DWAR IL-FORMAZZJONI PASTORALI

 

19. Il-ħsieb u l-ħrara pastorali li għandhom jeħmru l-formazzjoni kollha tas-seminaristi[41] jitolbu li jingħatalhom taħriġ sewwa f'dak kollu li għandu xi importanza partikolari għall-ministeru sagru, l-aktar fil-katekeżi u l-predikazzjoni, fil-kult liturġiku, fl-amministrazzjoni tas-sagramenti, fl-opri tal-karità, fl-għajnuna li għandha tingħata lil dawk li tbiegħdu mit-triq it-tajba jew li ma jemmnux, u fil-bqija tad-dmirijiet pastorali. Għandhom jitħarrgu bir-reqqa fl-arti tad-direzzjoni tal-erwieħ, li biha huma jkunu jistgħu imexxu l-ulied kollha tal-Knisja sabiex dawn qabel xejn jagħrfu għalkollox jgħixu ħajja nisranija li tkun tassew appostolika u jaqdu d-dmirijiet tal-istat tagħhom; għandhom jitgħallmu wkoll jgħinu bl-istess ħeġġa qaddisa r-reliġjużi rġiel u nisa biex jibqgħu iżommu sal-aħħar fil-grazzja tal-vokazzjoni tagħhom u kulħadd skont l-ispirtu tal-Istitut tiegħu, jimxu ‘l quddiem fih. [42]

In ġenerali, l-istudenti għandhom irawmu fihom dawk id-dispożizzjonijiet naturali xierqa li jiswew ħafna għad-djalogu mal-bnedmin, bħalma huma l-kapaċità li tisma lill-oħrajn u li bi spirtu ta’ mħabba tiftaħ qalbek għal kull xorta ta’ ħtieġa tal-bnedmin[43].

 

20. L-istudenti għandhom jitħarrġu jagħmlu użu mill-għajnuniet li jistgħu jinkisbu minn materji bħal-pedagoġija, il-psikoloġija u s-soċjoloġija[44], dejjem skont metodi xierqa u skont id-direttivi tal-Awtorità Ekkleżjastika. Hekk ukoll għandhom jitħarrġu bir-reqqa biex iqanqlu u jgħinu il-ħidma appostolika tal-lajċi[45], u biex imexxu ‘l quddiem għamliet differenti ta’ appostolat u dawk li l-iżjed jagħtu frott. Għandhom jimtlew b’dak l-ispirtu tassew kattoliku li jisboq it-trufijiet tad-djoċesi, tan-nazzjon u tar-rit, u jidraw jgħinu fil-ħtiġiet tal-Knisja kollha, dejjem lesti fl-ispirtu li jxandru l-Evanġelju kullimkien[46].

 

21. L-istudenti għandhom jitgħallmu jħaddmu l-arti tal-appostolat mhux fit-teorija biss iżda fil-prattika wkoll: huma għandhom jitħarrġu jaħdmu kemm fuq inizjattiva tagħhom kemm id f'id mal-oħrajn. Għalhekk matul il-kors tal-istudji, u wkoll fi żmien il-vaganzi, għandhom jitħarrġu fil-prattika pastorali b'eżerċitazzjonijiet f'waqthom. Dawn għandhom isiru b'metodu, taħt id-direzzjoni ta’ nies esperti, skont kif fil-prudenza tagħhom, jiġġudikaw l-aħjar l-Isqfijiet, u b'mod li jwieġbu għall-ħtiġiet tal-età tal-istudenti u ċ-ċirkustanzi lokali. Iżda m'għandu qatt jintesa illi l-akbar qawwa tiġi mill-mezzi soprannaturali[47].

  

VII DWAR IL-PERFEZZJONAMENT TAL-FORMAZZJONI WARA L-KORS TAL-ISTUDJI

 

22  Il-formazzjoni saċerdotali l-aktar minħabba ċ-ċirkustanzi fis-soċjetà tal-lum, għandha tissokta u tkun ipperfezzjonata wkoll wara li jiintemm il-kors tal-istudji fis-Seminarju[48]. Imiss lill-Konferenzi Episkopali illi f’kull nazzjon jinqdew bl-aħjar mezzi ħalli jintlaħaq dan l-iskop. Fost dawn il-mezzi hemm l-Istituti pastorali li jaħdmu flimkien ma’ parroċċi magħżulin apposta, il-laqgħat li jsiru kull tant żmien determinat, l-eżerċitazzjonijiet addattati li bihom il-kleru żagħżugħ jintroduċi ruħu bil-mod il-mod fil-ħajja saċerdotali u l-ħidma appostolika, taħt l-aspett spiritwali, intellettwali u pastorali, u jkun jista’ jġeddidhom u jiżviluppahom dejjem iżjed.

 

Għeluq

 

Il-Padri ta’ dan il-Konċilju Mqaddes, waqt li jkomplu x-xogħol mibdi mill-Konċilju ta' Trentu, bil-fiduċja kollha jafdaw f’idejn is-Superjuri u l-għalliema tas-Seminarji d-dmir li jiffurmaw lis-saċerdoti ta' Kristu tal-ġejjieni fl-ispirtu tat-tiġdid imqanqal mis-Sinodu Mqaddes. Huma jħeġġu bil-qawwa kollha lil dawk kollha li qed ihejju għall-ministeru saċerdotali biex jifhmu tajjeb illi t-tama tal-Knisja u s-salvazzjoni tal-erwieħ qegħdin jitħallew f’idejhom. Ħa jilqgħu mela bil-qalb id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet, u jaħsdu kotra kbira ta’ frott li jibqa’ għal dejjem.

 

28 ta' Ottubru 1965

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk

  Iva 2318,  Le 3 (Total 2321).

 -------------------


[1] Kristu stess ried li l-progress tal-poplu t’Alla jkun jiddependi mill-iżjed mill-ministeru tas-saċerdoti. Dan jidher ċar mill-kliem li qal il-Mulej meta lill-Appostli u s-suċċessuri u l-kooperaturi tagħhom għamilhom xandara tal-Evanġelju

mexxejja tal-poplu l-magħżul ġdid, u dispensaturi tal-misteri ta' Alla. Dan jikkonfermawh it-tagħlim tas-Santi Padri u l-Qaddisin u diversi dokumenti tal-Papiet. Ara minn tal-ewwel dawn li ġejjin: S.PIJU X, Eżortazzjoni lill-Kleru Haerent animo 4 Aww 1908; S.Pii X Acta IV, pp.237-264; PIJU XI, IE. Ad Catholici Sacerdotii, 20 ta’ Diċ 1935; AAS. 28 (1935), l-aktar f’pp.37-52; PIJU XII, EA Menti Nostrae, 23 ta’ Sett 1950; AAS. 42 (1950), pp.657-702; ĠWANNI XXIII, IE Sacerdoti Nostri primordia, 1 ta’ Aww 1959; AAS. 51 (1959), pp.545-579; PAWLU VI, IA Summi Dei Verbum, 4 ta’ Nov 1963; AAS. 55 (1963) pp.979-995

[2] Il-formazzjoni saċerdotali kollha, jiġifieri l-organiżżazzjoni tas-Seminarju, il-formazzjoni spiritwali, il-programm tal-studji, il-ħajja komuni u d-dixxiplina tas-seminaristi, u l-eżerċitazzjonijiet pastorali, għandhom kollha jkunu addattati għaċ-ċirkostanzi lokali differenti. Dan l-adattament, f’dak li jolqot il-prinċipji ewlenin, għandu jkun in-norma komuni: il-Konferenzi Episkopali jagħmluh għall-kleru sekolari, u s-Superjuri kompetenti fil-linja tagħhom għall-kleru regolari cf. KA Sedes Sapientiae Statuti Ġenerali maħruġin magħha, art. 19. Fost il-ħwejjeġ ewlenin li qed inikktu l-Knisja llum , l-aqwa waħda hi li kważi kullimkien jinħass nuqqas kbir ta' vokazzjonijiet.

[3] Cf. PIJU XII, EA Menti Nostrae“... l-għadd tas-saċerdoti, kemm fil-pajjiżi kattoliċi u kemm fl-artijiet tal-missjoni, fil-biċċa l-kbira mhuwiex ilaħħaq mal-ħtiġijiet li dejjem qegħdin joktru.” AAS 42 (1950), p.682. ĠWANNI XXIII “Il-problema tal-vokazzjonijiet ekkleżjastiċi u reliġjużi tinsab kuljum fil-ħsieb u l-ħrara tal-Papa....hija t-tnehida tat-talb tiegħu, ix-xewqa mħeġġa ta’ qalbu.” Mid-diskors lill-I Kungress Internazzjonali dwar il-Vokazzjonijiet għall-Istati tal- Perfezzjoni, 16 Diċ 1961.OP, 17 Diċ 1961

[4] PIJU XII, K A Sedes Sapientiae, 31 Mejju 1956: AAS. 48 (1956), p.357; Pawlu VI, IA Summi Dei Verbum, 4 ta’ Nov 1963: AAS. 55 (1963), pp.984ss.

[5] Ara. l-ewwelnett PIJU XII, Motu proprju Cum Nobis ''dwar l-Opra Pontifiċja tal-Vokazzjonijiet Saċerdotali li għandha titwaqqaf fis-Sagra Kongregazzjoni għas-Seminarji u l-Universitajiet tal-Istudji'' 4 Nov 1941: AAS. 33 (1941), p.479; l-Istatuti u n-Normi maħruġin mal-Motu proprju mill-istess Kongregazzjoni fit-8 Sett 1943. Motu proprju Cum supremae, ''dwar l-Opra Pontifiċja Primarja tal-Vokazzjonijiet Reliġjużi,'' 11 Frar 1955; AAS. 47 (1955), p.266; flimkien mal-Istatuti u n-Normi maħruġin magħhom mis-Sagra Kongr. għar-Reliġjużi ibid., pp. 298-301; VAT II Digr. dwar it-tiġdid u l-addattament tal-ħajja reliġjuża n.24; Digr. dwar l-uffiċċju pastorali tal-Isqfijiet fil-Knisja n. 15

[6]  Cf. PIJU XII, EA Menti Nostrae, 23 Sett 1950; AAS. 42 (1950), p.685

 

[7] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja, n.28: AAS 57 (1965), p.34.

[8] Cf PIJU XI, IE Ad Catholici Sacerdotii, 20 Diċ 1935; AAS. 28 (1936) p.37: “L-ewwel nett għandha ssir sewwa l-għażla tas-Superjuri u tal-għalliema .F’dawn il-kulleġġi mqaddsa qiegħdu saċerdoti mżejnin bl-ogħla virtù; issibuhiex bi tqila li taqilgħuhom minn fuq dmirijiet oħra li, fid-dehra tistħajjilhom iktar importanti, iżda li tassew ma jistgħux jixxiebhu ma’ dan id-dmir ewlieni li ebda ħaġa oħra ma tista’ toqgħod floku”. Dan il-prinċipju tal-għażla tal-aħjar nies jerġa' jisħaq fuqu Piju XII fl-IA mibgħuta lill-Ordinarji tal-Brażil 23 t’April 1947: Discorsi e Radiomessaggi, IX p. 579-580

[9] Dwar dan id-dmir komuni tas-saċerdoti li jgħinu lis-Seminarju, cf. PAWLU VI, IA Summi Dei Verbum, 4 Nov 1963: AAS 53 (1963), p.984.

[10] Cf. PIJU XII, EA Menti Nostrae, 23 Sett 1950: AAS 42 (1950), p.684; cf. ukoll l-ittri ċirkulari tas-Sagra Kongreg. għas-Sagrament Magna Equidem lill-Ordinarji lokali, 27 Diċ 1935, n.10. Għar-reliġjużi cf. Statuta Ġeneralia maħruġin mal-KA Sedes Sapientiae, 31 Mej 1956, art. 33; PAWLU VI, IA Summi Dei Verbum, 4 Nov 1963; AAS 55 (1963), pp.987ss.

[11] Cf.PIJU XI, IE Ad Catholici Sacerdotii, 20 Diċ 1935: AAS 28 (1936) p.41.

[12] Qed jiġi stabbilit li l-Isqfijiet kollha għandhom jieħdu sehem fit-tiswir tal-Istatuti għas-Seminarji reġjonali jew nazzjonali, b'deroga għall-kan. 1357, par. 4 tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku.

[13] Cf. PIJU XII, EA Menti Nostrae, 23 Sett 1950; AAS 42 (1950),p.674; Sagra Kongreg għas-Seminarji u l-Universitajiet, tal-Istudji La formazione spirituale del candidato al sacerdozio, Città del Vaticano, 1965.

[14] Cf. S. PIJU X, Eżortazzjoni lill-Kleru Kattoliku Haerent animo, 4 Aww 1908: S.Pii Acta IV, pp.242- 244; PIJU XII, EA Menti Nostrae, 23 Sett 1950: AAS 42 (1950) pp.659- 661; ĠWANNI XXIII, IE Sacerdotii Nostri primordia, 1 Aww 1959: AAS 51 (1959), pp.550ss.

[15] Cf. PIJU XII, IE Mediator Dei, 20 Nov 1947: AAS 39 (1947), pp.547ss u 572ss; ĠWANNI XXIII, EA Sacrae laudis, 6 Jan 1962: AAS 54 (1962),p 69; VAT II, dwar il-Liturġija Mqaddsa, 26 Sett 1964 art. 16, 17: AAS 56 (1964) pp.104s; Sagr.Kongreg tar-Riti, Istruzzjoni biex titħaddem sewwa l-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa 26 Sett 1964, nn 14- 7: AAS 56 (1964), pp.880ss.

[16] C f. ĠWANNI XXIII, IE Sacerdotii Nostri primordia, AAS 51 (1959), pp.599s.

[17] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja, n.28: AAS 57 (1965), pp.35s.

[18] S. WISTIN, In Ioannem. tract. 32,8: PL 35, 1646

[19] Cf. PIJU XII, EA, Menti Nostrae, AAS 42 (1950), pp.662s, 685, 690; ĠWANNI XXIII, IE Sacerdotii Nostri primordia: AAS 51 (1959), pp.551-553, 556s;  PAWLU VI,  IE Ecclesiam Suam, 6 Aww 1964: AAS 56 (1964), pp.634s; VAT II, dwar il-Knisja qabel xejn n.8; AAS 57 (1965), p.12.

[20] Cf. PIJU XII, IE  Sacra Virginatis, 25 Mar 1954: AAS 46 (1954), pp.165ss.

[21] Cf. S.ĊIPRIJAN De Habitu Virginum, 22: PL 4,475; S.AMBROĠ, De Virginibus I, 8,52: PL16,202s.

[22] Cf.PIJU XII, EA Menti Nostrae: AAS 42 (1950), p.663.

[23] Cf. PIJU XII, IE Sacra Virginitas: l.c. pp. 170-174.

[24] Cf. PIJU XII, EA Menti Nostrae, l.c. pp.664, 690s.

[25] Cf.PAWLU VI, IA Summi Dei Verbum, 4 Nov 1963: AAS 55 (1963), p.991

[26] Cf. PIJU XII, EA, Menti Nostrae; l. c. p.686.

[27] Cf. PAWLU VI, IA Summi Dei Verbum, l.c. p.993

[28]VAT II, KD dwar il-Knisja, nn.7, u 28: AAS 57 (1965), pp.9-11, 33s.

[29] Cf. PIJU XII, IE Humani generis, 12 Aww 1950: AAS 42 (1950), pp.571-575

[30] Cf. PAWLU VI, Enċiklika  IE Ecclesiam Suam 6 Aww 1964: AAS 56 (1964), pp.637SS.

[31] Cf. PIJU XII, IE Humani generis, 12 Aww 1950: AAS 42 (1950), pp.567-569; Diskors Si Diligis, 31 Mej 1954 AAS 46 (1954), pp.314s; PAWLU VI, Diskors li għamel fl-Università  Pontifiċja Gregorjana, 12 Mar 1964: AAS 56 (1964), pp.364s; VAT II dwar il-Knisja, n. 25: AAS 57(1965) pp. 29-31.

[32] Cf. S. BONAVENTURA, Itinerarium Mentis in Deum, Prol., n.4: “Ħadd m’għandu jahseb li għalih hu biżżejjed il-qari mingħajr l-unzjoni, it-tfittxija mingħajr id-devozzjoni, it-tfittix li ma joħloqx stagħġib, l-osservazzjoni mingħajr il-ferħ, it-tħabrik mingħajr it-tjieba, ix-xjenza mingħajr il-karità, l-intelliġenza mingħajr l-umiltà, l-istudju mingħajr il-grazzja t’Alla, il-kontemplazzjoni  mingħajr l-għerf imnebbaħ minn Alla”. S. BONAVENTURA Opera Omnis, V. Quaracchi, 1891, p.296.

[33] Cf. LJUN XIII, IE Providentissimus Deus, 18  Nov 1893: AAS 26 (1893-94), p.283.

[34]Cf. Kummissjoni Pontifiċja Biblika Istruzzjoni dwar kif għandu jsir sewwa t-Tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa, 13 Mej 1950: AAS 42 (1950), p.502.

[35] Cf. PIJU XII, IE Humani Generis, 12 Aww 1950: AAS 42 (1950) p.568 “...ix-xjenzi sagri dejjem iġeddu żgħożithom bl-istudju tal-għejun mqaddsa; għall-kuntrarju, l-ispekulazzjoni li titraskura li tistħarreġ dejjem iżjed fid-depożitu tal-fidi tisfa’ mingħajr frott, kif turina l-esperjenza.”

36 Cf. PIJU XII, Diskors lis-seminaristi, 24 Ġun 1939: AAS 31 (1939), p.247: “Meta wieħed jirrikmanda t-tagħlim ta’ S.Tumas, b’daqshekk ma jeqridx l-emulazzjoni għat-tiftixu t-tixrid tal-verità. Anzi wieħed iqanqalha u jagħtiha direzzjoni żgura.'' PAWLU VI, Diskors li għamel fl-Università Pontifiċja Gregorjana, 12 Mar 1964: AAS 56 (1964), p.365: “(L-għalliema )....għandhom jisimgħu bil- qima leħen id-Dutturi tal-Knisja, li fosthom S.Tumas għandu post ewlieni; għax il-qawwa tal-ġenju tad-Duttur Anġeliku hi hekk kbira, imħabbtu għall-verità hija hekk sinċiera, ogħla u hekk kbir huwa l-għerf tiegħu fit-tfittix tal-veritajiet l-aktar għolja, fit-tifsir tagħhom, u fil-mod kif jgħaqqadhom flimkien u juri r-rabta ta' bejniethom illi t-tagħlim tiegħu huwa l-aqwa mezz mhux biss biex iħares is-sisien tal-Fidi iżda wkoll biex jinkiseb b’ġid u fiż-żgur il-frott ta' progress xjentifiku b'saħħtu.” Cf. ukoll id-Diskors lis-VI Kungress Tomistiku Internazzjonali, 10 Sett 1965.

37 Cf. VAT II, K dwar il-Liturġija Mqaddsa Kostituzzjoni, nn.7, 16: AAS 56 (1964) pp.100s, 104s.

38 Cf. PAWLU VI, IE Ecclesiam Suam, 6 Aww 1964: AAS 56 (1964), pp.640s

[39] VAT II, K dwar il-Liturġija, , nn.10, 14, 15, 16; Sagra Kongreg tar-Riti Istruzzjoni biex titħaddem sewwa l-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa 26 Sett 1964, nn.11,12: AAS 56 (1964), pp.879s.

[40] Cf. VAT II, Digriet dwarl-EKUMENIŻMU nn.1, 9,10 AAS.57 (1965), pp.90, 98s.

[41] L-ideal perfett ta' ragħaj jista' jittieħed mid-dokumenti tal-aħħar Papiet li jittrattaw ċar dwar il-ħajja , il-kwalitajiet  u l-formazzjoni tas-Saċerdoti. Fost dawn id-dokumenti minn tal-ewwel huma:

SAN PIJU X, Eżortazzjoni lill-Kleru Haerent Animo, S.Pii X Acta IV, pp.237ss.

PIJU XI, IE Ad Catholici Sacerdotii: AAS 28 (1936), pp.5ss.

PIJU XII, EA Menti Nostrae: AAS 42 (1950), pp.657ss.

ĠWANNI  XXIII, IE Sacerdotii Nostri Primordia: AAS 51 (1959), pp.545ss.;

PAWLU VI IA Summi Dei Verbum: AAS 55 (1963), pp.979ss.

Ħafna tagħrif dwar il-formazzjoni pastorali jingħata fl-Enċikliki Mystici Corpus (1943), Mediator Dei (1947), Evangelii Praecones (1951, Sacra Virginitas (1954), Musicae Sacrae Disciplina (1955), Princeps Pastorum (1959), u fil-KA Sedes Sapientiae (1956) għar-reliġjużi.

Piju XII, Ġwanni XXIII u Pawlu VI fid-diskorsi tagħhom lis-seminaristi u lis-saċerdoti, sikwit fissru kif għandu jkun il-mudell ta' ragħaj tajjeb.

[42] Dwar l-importanza tal-istat ta’ ħajja li jikkonsisti fil-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi ara VAT II KD dwar il-Knisja, Kap. VI: AAS 57 (1965), pp.49-53; id-Digr. fuq it-tiġdid u l-addattament tal-ħajja reliġjuża.

[43] Cf. PAWLU VI, IE Ecclesiam Suam, 6 Aww 1964: AAS 56 (1964), ‘passim, l-aktar fil-pp.635s. u 640ss.

[44] Cf. qabel xejn ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, 15 Mej 1961: AAS 53 (1961), pp.401ss.

[45] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja n. 33: AAS 57 (1965), p. 39.

[46] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja ,n.17: AAS 57 (1965) p. 20s.

[47] Għadd kbir ta' dokumenti tal-Papiet iwissu kontra l-perikli li wieħed jittraskura fil-ħidma pastorali l-iskop soprannaturali jew li wieħed, għallinqas fil-prattika, ma jagħtix importanza lill-mezzi soprannaturali; ara, l-iżjed id-dokumenti msemmija fin-nota 41

[48] Ħafna dokumenti riċenti tas-S. Sede jisħqu  fuq li għandha tittieħed kura speċjali tas-saċerdoti ġodda. Ta min ifsakkar qabel xejn dawn: PIJU XII, Motu proprju Quandoquidem, 2 Apr 1949: AAS 41 (1949), pp.165-167; AE Menti Nostrae, 23 Sett 1950: AAS 42 (1950); KA (għar-reliġjużi) Sedes Sapientiae, 31 Mej 1956, u l-Istatuti Ġenerali maħruġin magħha; Diskors lis-saċerdoti ''Convicto sacerdotal'' ta’ Barċellona, 14 Ġun 1957, Discorsi e Radiomessaggi, XIX, pp.271-273; PAWLU VI, Diskors lis-saċerdoti tal-Istitut “Gian Matteo Giberti”, tad-djoċesi ta’ Verona, 11 Mar 1964.