L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Dignitatis Humanae - Stqarrija tal-Konċilju Vatikan II dwar il-Libertà Reliġjuża

 

 

 

 

 

 

Aktar dokumenti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II u ta' Konċilji oħra ...

 

STQARRIJA TAL-KONĊILJU VATIKAN II

DWAR IL-LIBERTÀ RELIĠJUŻA        

'' DIGNITATIS HUMANAE''

7 ta’ Diċembru 1965

 

 

WERREJ

 

Fuq id-dritt tal-persuna u tal-komunitajiet għal-libertà  soċjali u ċivili fi ħwejjeġ reliġjużi

 

Daħla

1 Is-sehem tad-dinjità tal-bniedem

 

I ASPETTI ĠENERALI TAL-LIBERTÀ RELIĠJUŻA

2 Is-sisien tal-libertà reliġjuża

3 Il-libertà reliġjuża u r-relazzjoni tal-bniedem ma' Alla

4 Il-libertà tal-komunitajiet reliġjużi

5 Il-liberta reliġjuża tal-familja

6 Dmir il-gvern li jħares il-libertà reliġjuża

7 Il-limiti tal-libertà reliġjuża

8 L-edukazzjoni tal-bnedmin għal-libertà

 

II IL-LIBERTÀ RELIĠJUŻA FID-DAWL TAR-RIVELAZZJONI

9 Id-dottrina tal-libertà reliġjuża għandha l-għeruq tagħha fir-Rivelazzjoni

10 Il-libertà tal-att tal-fidi

11 L-imġiba ta' Kristu u tal-Appostli lejn il-libertà reliġjuża 

12 Il-Knisja timxi wara l-passi ta' Ġesu Kristu u tal-Appostli

13 Il-libertà tal-Knisja

14 Il-Missjoni tal-Knisja

 

Għeluq

 

15 Il-libertà reliġjuża għandha tkun garantita u rispettata kullimkien

 


 

Daħla

Is-sehem tad-dinjità tal-bniedem

1.       Il-bnedmin tallum qed jagħrfu aktar u aktar it-tifsira tad-dinjità tal-persuna umana,[1] u qed jiżdied l-għadd ta' dawk li jesiġu li, meta jaġixxu, il-bnedmin igawduu jagħmlu użu mill-ġudizzju personali u mil-libertà responsabblitagħhom u mhux imġiegħla mill-forza imma mmexxija minn sens ta' dmir. Iridu wkoll limitazzjoni ġuridika tas-setgħa pubblika biex ma jkunx hemm restrizzjonijiet żejda fuq il-limiti ta' libertà onestà kemm tal-persuna kemm tal-għaqdiet. Din l-esiġenza tal-libertà onesta umana tmiss l-aktar il-ġid tal-ispirtu tal-bniedem, u l-ewwelnett dak li għandu x'jaqsam mal-prattika ħielsa tar-reliġjon fis-soċjetà. Dan il-Konċilju Vatikan, waqt l jagħti kas bir-reqqa ta' dawn ix-xewqat tal-ispirtu u waqt li jipproponi li jiddikjara kemm jaqblu mal-verità u mal-ġustizzja, jistħarreġ bir-reqqa t-Tradizzjoni qaddisa u t-tagħlim tal-Knisja li minnhom joħorġu ħwejjeġ ġodda li jkunu dejjem jaqblu mal-qodma.

          Għalhekk, l-ewwelnett, il-Konċilju Mqaddes jistqarr li Alla nnifsu għarraf lill-bnedmin liema hi t-triq li biha, waqt li jaqdu 'l Alla jistgħu jsalvaw u jsibu l-hena fi Kristu. Aħna nemmnu li din l-unika vera reliġjon tinsab fil-Knisja Kattolika u appostolika, u li lilha l-Mulej Ġesù fdalha d-dmir li xxeridha fost il-bnedmin kollha meta qal lill-Appostli: '' Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien'' (Mt 28, 19-20). Iżda l-bnedmin kollha għandhom ifittxu l-verità, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam ma' Alla u mal-Knisja tiegħu, u meta jagħrfuha jħaddnuha u jħarsuha.

          Dan il-Konċilju Mqaddes jistqarr ukoll bl-istess mod li dawn id-dmirijiet imissu u jorbtu il-kuxjenza tal-bnedmin, u li l-verità ma timponix lilha nnifisha xort'oħra jekk mhux bil-qawwa tal-verità nnifisha li tidħol fl-imħuħ bil-ħlewwa imma fl-istess ħin bil-qawwa. Il-libertà reliġjuża, li l-bnedmin iridu biex jaqdu dmirhom li jqimu 'l Alla, tikkonsisti filli jkunu ħielsa minn pressjoni fis-soċjetà ċivili. Għalhekk tħalli sħiħ it-tagħlim tradizzjonali kattoliku fuq id-dmir morali tal-bnedmin u tas-soċjetajiet lejn il-vera reliġjon u lejn il-Knisja waħdanija ta' Kristu. Barra minn dan, waqt li qed jittratta fuq din il-libertà reliġjuża, il-Konċilju Mqaddes fi hsiebu jiżviluppa t-tagħlim tal-aħħar Papiet dwar id-drittijiet invjolabbli tal-persuna umana u dwar l-ordinament ġuridiku tas-soċjetà.

 

I ASPETTI ĠENERALI TAL-LIBERTÀ RELIĠJUŻA

 

Is-sisien tal-libertà reliġjuża

2.       Dan il-Konċilju Vatikan jistqarr li l-persuna umana għandha dritt għal-libertà reliġjuża. Din il-libertà tikkonsisti filli l-bnedmin kollha għandhom ikunu ħielsa minn pressjoni min-naħa kemm ta' individwi u kemm ta' gruppi soċjali u ta' kull setgħa umana, u hekk li fi ħwejjeġ reliġjużi lanqas ħadd ma jkun imġiegħel li jmur kontra l-kuxjenza tiegħu jew li jkun imfixkel milli, fil-limiti ġusti, jimxi skont il-kuxjenza tiegħu fil-ħajja privata u pubblika, waħdu jew flimkien ma' oħrajn. Barra minn dan jistqarr li d-dritt għal-libertà reliġjuża għandu tabilħaqqq is-sisien tiegħu fid-dinjità nnifisha tal-persuna umana hekk kif hi magħrufa mill-kelma rivelata ta' Alla u mir-raġuni nnifisha.[2] Dan id-dritt tal-persuna umana għal-libertà reliġjuza għandu jkun hekk magħruf fl-ordinament ġuridiku tas-soċjetà b'mod li jsir dritt ċivili.

          Skont id-dinjità tagħhom il-bnedmin kollha, minħabba li huma persuni, jiġifieri mżejnin bir-raġuni u bir-rieda ħielsa u għalhekk mogħnijin bir-responsabbiltà personali, huma mqanqlin min-natura tagħhom infushom u marbutin wkoll bi dmir morali li jfittxu l-verità u l-ewwelnett dik li għandha x'taqsam mar-reliġjon. Għandhom ukoll iħaddnu l-verità li jkunu għarfu u, skont dak li titlob il-verità, ifasslu ħajjithom kollha. Imma l-bnedmin ma jistgħux jaqdu dan id-dmir b'mod li jaqbel man-natura tagħhom infushom jekk ma jkollhomx libertà psikoloġika u wkoll immunità minn pressjoni esterna. Għalhekk id-dritt għal-libertà reliġjuża għandu s-sisien tiegħu mhux fid-dispożizzjoni soġġettiva tal-persuna imma fin-natura tagħha nnifisha. Għaldaqstant id-dritt għal din l-immunità jibqa' hemm ukoll f'dawk li ma jagħmlux dmirhom li jfittxu l-verità u jħaddnuha; l-eżeċizzju ta' dan id-dritt ma jistax ikun imfixkel kemmil darba jinżamm l-ordni publiku ġust.

 

Il-libertà reliġjuża u r-relazzjoni tal-bniedem ma' Alla

3.       Dawn il-hwejjeġ jidhru aktar ċari meta wieħed iqis li l-aqwa regola tal-ħajja tal-bniedem hija l-Liġi divina nnifisha li hi eterna, oġġettiva u għal kulħadd, li biha Alla jmexxi, jiddirieġi u jiggverna l-univers kollu u t-toroq tal-komunità umana fil-pjan tiegħu kollu għerf u mħabba. Lill-bniedem Alla tah sehem f'din il-Liġi tiegħu hekk li l-bniedem, taħt it-tmexxija ħelwa tal-providenza divina, jista' jagħraf dejjem aktar il-verità li ma titbiddilx.[3] Għal din ir-raġuni kull bniedem għandu d-dmir, u għalhekk id-dritt, li jfittex il-verità fil-ħwejjeġ reliġjużi biex ikun jista', b'mezzi addattati, jifforma għalih innifsu bil-prudenza ġudizzji tajbin u veri tal-kuxjenza.

          Imma l-verità wieħrd għandu jfittixha b'mod li jaqbel mad-dinjità tal-persuna umana u man-natura soċjali tagħha, jiġifieri billi jfittex fil-libertà, bl-għjnuna tal-maġisteru jew tat-tagħlim, tal-komunikazzjoni u tad-djalogu, li bihom il-bnedmin juru 'l xulxin il-verità li jkunu sabu jew li jaħsbu li jkunu sabu biex hekk jgħinu 'l xulxin fit-tiftix tal-verità; imma meta jagħrfu l-verità għandhom iħaddnuha bis-sħiħ bil-kunsens personali tagħhom .

          Il-bniedem jagħraf u jifhem l-amar tal-Liġi divina bl-għajnuna tal-kuxjenza tiegħu; għandu jimxi magħha bil-fedeltà fil-ħidma kollha tiegħu sabiex jasal għand Alla li hu l-fini tiegħu. Għalhekk m'għandux ikun imġiegħel li jmur kontra l-kuxjenza, l-aktar fi ħwejjeġ reliġjużi. Għaliex il-prattika tar-reliġjon, min-natura tagħha nnifisha, tikkonsisti qabel kollox f'attiinterni volontarji u liberi li bihom il-bniedem imexxi lilu nnifsu direttament lejn Alla: atti bħal dawn l-ebda setgħa biss umana ma tista' tikkmanda jew tfixkel.[4] Imma n-natura soċjali nnifisha tal-bniedem trid li l-bniedem juri minn barra l-atti interni tar-reliġjon, li jikkomunika ma' oħrajn fi ħwejjeġ reliġjużi u li jistqarr ir-reliġjon tiegħu b'mod komunitarju.

          Għalhekk issir ħsara lill-persuna umana u lill-ordni nnifsu mwaqqaf minn Alla għall-bnedmin jekk il-bniedem ikun imċaħħad mill-prattika ħielsa tar-reliġjon fis-soċjetà, bir-rispett tal-ordni pubbliku ġust.

          Barra minn dan, l-atti reliġjużi li bihom il-bnedmin, fil-ħajja privata u pubblika, imexxu lilhom infushom, skont deċiżjoni interna tagħhom lejn Alla, huma minnhom infushom 'il fuq mill-ordni temporali u ta' din l-art. Għalhekk is-setgħa ċivili, li qiegħda hemm biex tieħu ħsieb il-ġid temporali ta' kulħadd, għandha tagħraf u tgħin il-ħajja reliġjuża taċ-ċittadini, imma wieħed ikollu jgħid li tkun qed toħroġ barra mil-limiti tagħha jekk jidhrilha li għandha tmexxi jew tfixkel l-atti reliġjużi.

 

Il-libertà tal-komunitajiet reliġjużi

4.       Il-libertà (jew l-immunità milli wieħed ikun imġiegħel ) fi ħwejjeġ reliġjużi li kull wieħed għandu jkollu għandha wkoll tkun magħrufa lilhom meta jaġixxu flimkien. Għaliex il-komunitajiet reliġjużi huma meħtieġa min-natura soċjali kemm tal-bniedemu kemm tar-reliġjon innifisha.

          Għalhekk, kemmil darba dak li jitlob bil-ġustizzja l-ordni pubbliku ma jinkisirx, dawn il-komunitajiet għandu jkollhom bi dritt din l-immunità biex imexxu lilhom infushom skont il-liġijiet tagħhom, jagħtu qima pubblika lid-divinità l-aktar għolja, jgħinu lill-membri tagħhom fil-prattika tal-ħajja reliġjuża, isaħħuhom bit-tagħlim u jmexxu dawk l-istituzzjonijiet fejn il-membri jaħdmu flimkien biex ifasslu ħajjithom skont il-prinċipji reliġjużi tagħhom.

             Il-komunitajiet reliġjużi għandhom ukoll il-jedd li ma  jkunux imfixkla b'mezzi legali jew amministrattivi mis-setgħa ċivili meta jagħżlu l-ministri tagħhom, jedukawhom jaħtruhom  u jbiddluhom, meta jikkomunikaw mal-awtoritajiet u l-komunitajet reliġjużi li jinsabu fi bnadi oħra tad-dinja, meta jtellgħu bini għal skopijiet reliġjużi u wkoll meta jiksbu u jagħmlu użu mill-ġid li jeħtieġu.

          Il-komunitajiet reliġjużi għandhom ukoll il-jedd li ma jkunux imfixkla meta pubblikament jagħmlu xhieda tal-fidi tagħhom bil-fomm u bil-miktub. Imma meta jxerrdu l-fidi reliġjuża u jdaħħlu d-drawwiet tagħha, għandhom dejjem iżommu ruħhom lura minn kull xorta ta' ħidma li tidher qisha pressjoni jew persważjoni qarrieqa jew anqas tajba, l-aktar meta għandhom x'jaqsmu ma' nies bla tagħlim jew foqra.mġiba bħal din għandha titqies bħala abbuż minn jeddhom u ksur tal-jedd tal-oħrajn.

          Barra minn dan huwa jedd tal-libertà reliġjuża li l-komunitajiet reliġjużi ma jkunux miżmuma milli juru bil-libertà s-siwi speċjali tat-tagħlim tagħhom f'dak li jolqot l-organizzazzjoni tas-soċjetà u tal-ispirazzjoni tal-ħidma kollha tal-bniedem. Fl-aħħarnett in-natura soċjali tal-bniedem u n-natura nnifisha tar-reliġjon huma s-sisien tal-jedd li bih il-bnedmin imqanqlin mis-sens reliġjuż tagħhom, jistgħu bil-libertà jagħmlu laqgħat jew iwaqqfu għaqdiet edukattivi, kulturali, karitattivi u soċjali.

 

Il-liberta reliġjuża tal-familja

5.       Kull familja, billi hija soċjeta  tal-jedd proprju u oriġinali tagħha, għandha l-jedd li tfassal bil-libertà l-ħajja reliġjuża familjari tagħha taħt it-tmexxija tal-ġenituri. Dawn għandhom il-jedd jagħżlu liema edukazzjoni reliġjuża jagħtu 'l uliedhom skont il-fehma reliġjuża tagħhom. Għalhekk is-setgħa ċivili għandha tagħraf il-jedd tal-ġenituri li jagħżlu bil-libertà kollha l-iskejjel jew mezzi oħra ta' edukazzjoni. Il-ġenituri lanqas m'għandhom ikunu mgħobbija direttament jew indirettament b'piżijiet inġusti minħabba din il-libertà fl-għażla. Barra minn dan, il-jeddijiet tal-ġenituri jkunu qed jinkisru jekk l-ulied ikunu mġegħlin imorru għal lezzjonijiet li ma jaqblux mal-fehma reliġjuża tal-ġenituri jew jekk jimponulhom sistema waħda ta' edukazzjoni li minnha l-formazzjoni titħalla barra għal kollox.

 

Dmir il-gvern li jħares il-libertà reliġjuża

6.       Il-ġid komuni tas-soċjetà, li hu l-ġabra flimkien ta' dawk il-kondizzjonijiet tal-ħajja soċjali li bihom il-bnedmin jistgħu jilħqu l-perfezzjoni tagħhom b'mod aktar sħiħ u ħafif, jikkonsisti l-aktar fil-ħarsien tad-drittijiet u tad-dmirijiet tal-persuna umana.[5]  Għalhekk il-ħarsien tad-dritt għal-libertà reliġjuża jolqot liċ-ċittadini, lill-gruppi soċjali u lis-setgħat ċivili, u wkoll lill-Knisja u lill-komunitajiet reliġjużi l-oħra, bil-mod proprju ta' kull wieħed minnhom, skont id-dmir ta' kull wieħed lejn il-ġid komuni.

          Hu dmir essenzjali ta' kull setgħa ċivili li tħares u tgħin id-drittijiet invjolabbli tal-bniedem.[6] Għalhekk is-setgħa ċivili għandha tieħu ħsieb tħares b'mod effettiv il-libertà reliġjuża taċ-ċittadini kollha b'liġijiet ġusti u b'mezzi oħra xierqa, u għandha toħloq kondizzjonijiet favorevoli biex iħeġġu l-ħajja reliġjuża sabiex iċ-ċittadini jkunu tassew jistgħu jippratikaw id-drittijiet u jagħmlu d-dmirijiet tar-reliġjon. B'hekk ukoll is-soċjetà nifisha tgawdi l-ġid tal-ġustizzja u tal-paċi li l-fedeltà tal-bniedem lejn Alla u lejn ir-rieda qaddisa tiegħu ġġib magħha.[7]   

          Jekk minħabba xi ċirkustanzi speċjali ta' xi popli, jingħata rikonoxximent ċivili speċjali fl-ordinamemnt ġuridiku tal-istat lil xi komunità reliġjuża jeħtieġ li fl-istess ħin il-jedd għal-libertà fi ħwejjeġ reliġjużi jkun magħruf u mħares għaċ-ċittadini u għall-komunitajiet reliġjużi kollha.

          Fl-aħħarnett is-setgħa ċivili għandha tieħu ħsieb li l-egwaljanza ta-ċittadini quddiem il-liġi, egwaljanza li għandha x'taqsam mal-ġid komuni tas-soċjetà qatt ma tkun miksura, bil-miftuh jew bil-mohbi, għal raġunijiet reliġjuzi, u biex anqas ma jkun hemm diskriminazzjoni bejniethom.

          Minn dan jiġri li s-setgħa pubblika tagħmel ħażin li bil-forza jew bil-biża' jew b'mezzi oħra ġġiegħel liċ-ċittadini jistqarru jew jiċħdu xi reliġjon, jew tfixkel lil xi ħadd li jħaddan jew iħalli xi komunità reliġjuża. Aktar u aktar ikun kontra r-rieda tal-ġnus meta b'xi mod tintuża l-forza biex tinqered jew biex titrażżan ir-reliġjon kemm fost il-bnedmin kollha kemm f'xi pajjiż jew grupp partikolari.

 

Il-limiti tal-libertà reliġjuża

7.       Id-dritt għal-libertà fi ħwejjeġ reliġjużi hu pprattikat fis-soċjetà umana u għalhekk il-prattika tiegħu taqa' taħt xi normi li jirregolawh.

          Fl-eżerċizzju ta' kull libertà għandu jinżamm il-prinċipju morali tar-responsabbiltà personali u soċjali: fil-prattika tad-drittijiet tagħhom kull bniedem u kull grupp soċjali huma obbligati mil-liġi morali li tqis kemm id-drittijiet tal-oħrajn kemm id-dmirijiet tagħhom infushom lejn l-oħrajn u l-ġid komuni ta' kulħadd. Wieħed għandu jimxi ma' kulħadd bil-ġustizzja u t-tjieba.

          Barra dan, billi s-soċjetà ċivili għandha l-jeddd tħares lilha nnifisha mill-abbużi li jistgħu jsiru bl-iskuża tal-libertà reliġjuża, huwa d-dmir fuq kollox tas-setgħa ċivili li tagħti l-protezzjoni meħtieġa. Iżda dan għandu jsir mhux b'mod arbitrarju jew billi żżomm ma' naħa aktar milli ma' oħra, imma skont normi ġuridiċi li jaqblu mal-ordni morali oġġettiv; dawn in-normi huma meħtieġa għall-ħarsien effikaċi tad-drittijiet għaċ-ċittadini kollha, għall-ftehim paċifiku bejniethom, għall-ħarsien biżżejjed ta' din il-paċi pubblika ġenwina li sseħħ fejn il-bnedmin  jgħixu flimkien fl-ordni u fil-ġustizzja vera u wkoll fil-ħarsien xieraq tal-moralità pubblika. Dan kollu jikkostitwixxi l-parti fundamentali tal-ġid komuni u jaqa' taħt dak li jissejjaħ ordni pubbliku. Mill-bqija għandha tinżamm fis-soċjetà d-drawwa tal-libertà sħiħa. Skont din id-drawwa għandha tingħata lill-bniedem libertà l-iżjed wiesgħa li m'għandhiex tkun imrażżna jekk mhux meta u skont kemm ikun meħtieġ.                             

         

L-edukazzjoni tal-bnedmin għal-libertà

8.       Il-bnedmin ta' żmienna huma magħfusin minn ħafna bnadi u huma fil-periklu li jkunu mċaħħdin li jaġixxu skont il-ġudizzju ħieles tagħhom infushom. Iżda min-naħa l-oħra mhumiex ftit dawk li jidhru mxaqilbin biex bl-iskuża tal-libertà jiċħdu kull sottomisjoni u jistmerru l-ubbidjenza li għandu jkollhom.

          Għaldaqstant dan il-Konċilju Vatikan iħeġġeġ lil kulhadd, imma l-aktar lil dawk li jieħdu ħsieb l-edukazzjoni tal-oħrajn, biex jagħmlu ħilithom kollha biex jiffurmaw bnedmin li waqt li jirrispetttaw l-ordni morali jobdu lill-awtorità leġittima u jħobbu l-libertà ġenwina; fi kliem ieħor, jiffurmaw bnedmin li jiġġudikaw l-affarijiet skont il-fehma tagħhom, fid-dawl tal-verità, imexxu l-ħidmiet tagħhom b'sens ta' responsabbiltà u jħabirku biex jagħmlu dak kollu li hu veru u ġust waqt li b'rieda tajba jaħdmu flimkien mal-oħrajn.

          Għalhekk il-libertà reliġjuża għandha wkoll isservi u timmira għal dan il-għan sabiex il-bnedmin, fil-qadi ta' dmirijiethom fil-ħajja soċjali jaġixxu b'responsabbiltà akbar.

          


 

II IL-LIBERTÀ RELIĠJUŻA FID-DAWL TAR-RIVELAZZJONI

 

Id-dottrina tal-libertà reliġjuża għandha l-għeruq tagħha fir-Rivelazzjoni

9.       Dak li dan il-Konċilju Vatikan jistqarr fuq id-dritt tal-bniedem għal-libertà reliġjuża għandu s-sisien tiegħu fid-dinjità tal-persuna; ir-raġuni tal-bniedem għarfet aħjar x'titlob din id-dinjità b'esperjenza ta' mijiet ta' snin. Anzi dan it-tagħlim dwar il-libertà għandu għeruqu fir-rivelazzjoni divina, u għalhekk aktar u aktar għandu jitħares bir-reqqa mill-insara. Għax għalkemm ir-Rivelazzjoni ma tisqarrx espressament id-dritt li wieħed ikun ħieles mill-pressjoni esterna fi ħwejjeġ reliġjużi, madankollu turi ċarid-dinjità tal-persuna umana fil-kobor kollu tagħha, turi wkoll kemm Kristu kien jgħożż il-libertà tal-bniedem fil-qadi ta' dmiru li jemmen fil-Kelma ta' Alla u tgħallimna sewwa xi spirtu d-dixxipli ta' Mgħallem bħal dan għandhom jagħrfu u jimxu bih f'kollox. Minn dan kollu jidhru ċar il-prinċipji ġenerali li huma s-sisien tat-tagħlim ta' din l-istqarrija dwar il-libertà reliġjuża. Fuq kollox il-libertà reliġjuża fis-soċjetà taqbel għalkollox mal-libertà tal-att tal-fidinisranija.

         

Il-libertà tal-att tal-fidi

10.     Wieħed mill-artikli fundamentali tad-dottrina kattolika, li jinsab fil-kelma ta' Alla u li s-Santi Padri ppridkawh bla ma jaqtgħu,[8] jgħidilna li t-tweġiba tal-bniedem lil Alla bil-fidigħandha toħroġ mir-rieda tiegħu; għalhekk ħadd m'għandu jkun mġiegħel kontra r-rieda tiegħu biex iħaddan il-fidi[9]. Dan għaliex l-att tal-fidi hu minnu nnifsu volontarju billi l-bniedem, mifdi minn Kristu l-Feddej u msejjaħ biex permezz ta' Ġesu Kristu jkun iben adottiv,[10] ma jistax jingħaqad ma' Alla li jirrivela lilu nnifsu jekk, waqt li l-Missier ikun qed jiġbdu[11], ma joffrix 'l Alla s-sottomissjoni raġonevoli u ħielsa tal-fidi. Għalhekk jaqbel fis-sħiħ man-natura tal-fidi li fi ħwejjeġ reliġjużi tkun eskluża kull għamla ta' pressjoni min-naħa tal-bnedmin. Għaldaqstant il-prinċipju tal-libertà reliġjuża jgħin mhux ftit biex jinħoloq dak l-ambjent fejn il-bnedmin jistgħu jkunu mistednin faċilment għall-fidi nisranija, iħaddnuha minn rajhom u jisqarruha b'għemilhom f'ħajjithom kollha.

 

L-imġiba ta' Kristu u tal-Appostli lejn il-libertà reliġjuża 

11.     Alla tassew sejjaħ lill-bnedmin biex jaqduh fl-ispirtu u fil-verità u għalhekk huma jintrabtu fil-kuxjenza, imma mhumiex imġegħlin. Dan għaliex Alla jirispetta d-dinjità tal-persuna umana maħluqa minnu li għandha tkun immexxija minn deċiżjoni personali u tgawdi l-libertà. Dan deher fl-aqwa tiegħu fi Kristu Ġesù li fih Alla wera lilu nnifsu u t-toroq tiegħu b'mod perfett. Dan għaliex Kristu, Mgħallem u Mulej tagħna,[12] li huwa wkoll ta' qalb ħelwa u umli,[13]  bis-sabar ġibed u stieden lid-dixxipli tiegħu.[14] Bil-mirakli saħħaħ tabilħaqq u wettaq il-prdekazzjoni tiegħu biex iqajjem u jwettaq il-fidi tas-semmiegħa u mhux biex juża pressjoni fuqhom.[15] Tassew li ħadha man-nuqqas ta' fidi fis-semmiegħa, imma i=l-kastig ħalliehf'idejn Alla f'jum il-Ħaqq.[16] Meta bagħat lill-Appostli fid-dimja qalilhom: ''Min jemmen u jitgħammed isalva; iżda min ma jemminx ikun ikkundannat'' (Mk16,16). Iżda hu, waqt li nduna bis-sikrana miżrugħa mal-qamħ, ikkmanda li jħallu t-tnejn jikbru sa żmien il-ħsad li jsir fl-aħħar tad-dinja.[17] Billi ma riedx ikun Messija politiku li jaħkem bil-forza,[18] għażel li jsejjaħ lilu nnifsu Bin il-bniedem li ġie ''biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b'fidwa għall-kotra'' (Mk 10,45). Wera lilu nnifsu bħalal-Qaddej perfett ta' Alla,[19] li '' qasba mġelġla ma jiksirhiex u musbieħ inemnem ma jitfihx '' (Mt 12,20). Għaraf is-setgħa ċivili u d-drittijiet  tagħha meta ordna li jingħata l-ħaraġ lil Ċesri iżda wissa biċ-ċar li għandhom d-drittijiet  ogħla ta' Alla: ''Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta' Ċesari, u lil Alla dak li hu ta' Alla'' (Mt 22,21). Fl-aħħarnett, meta temm fuq is-salib l-opra tal-fidwa li biha qala' s-salvazzjoni u l-libertà vera għall-bnedmin, wassal sat-tmiem ir-Rivelazzjoni tiegħu . Ta xhieda għall-verità[20] iżda ma riedx jimponiha bil-forza fuq dawk li ħaduha kontrieh . Is-saltna tiegħu ma tħaqqaqhiex bid-daqqiet[21] iżda tissaħħaħ billi tisma l-verità u tixhed għaliha, u tikber bl-imħabba li biha Kristu merfugħ fuq is-salib jiġbed lejh il-bnedmin[22].

          L-Appostli mgħallmin bil-kelma u bl-eżempju ta' Kristu, mxew fl-istess triq. Mill-bidunett tal-Knisja d-dixxipli ta' Kristu ħabirku biex jikkonvertu l-bnedmin ħalli jistqarru 'l Kristu l-Mulej mhux bil-pressjoni lanqas bil-qerq li ma jixirqux lill-Evanġelju  iżda fuq kollox bil-qawwa tal-kelma ta' Alla.[23] Bil-qawwa kienu jħabbru 'l kulħadd il-pjan ta' Alla Feddej ''li jrid il-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità'' (1 Tim 2,4); iżda fl-istess ħin urew rispett lejn id-dgħajfin, ukoll jekk kienu fl-iżball, u hekk kienu juru kif ''kull wieħed minnha għad jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla (Rum 14,12)[24] u għalhekk marbut jobdi lill-kuxjenza tiegħu. Bħal Kristu, l-Appostli kienu jfittxu dejjem jagħtu xhieda għall-verità ta' Alla u tassew ma beżgħux ''ixandru l-kelma ta' Alla bil-kuraġġ kollu'' (Atti 4,13)[25] quddiem il-poplu u l-kbarat. B'fidi sħiħa kienu  jżommu li l-Evanġelju nnifsu kien tabilħaqq il-qawwa ta' Alla għas-salvazzjoni ta' kull min jemmen.[26] Għalhekk tefgħu fil-ġenb ''l-armi tad-dinja,''[27] imxew fuq l-eżempju ta' Kristu ġwejjed u rżin, u xandru l-kelma ta' Alla b'fiduċja sħiħa fil-qawwa divina ta' din il-kelma biex teqred is-setgħat għaedewwa ta'Alla[28] u twassal lill-bnedmin biex jemmnu u biex iservu 'l Kristu.[29] Bħall-Imgħallem,  hekk ukoll l-Appostli għarfu s-setgħa ċivili leġittima: ''Ma hemmx awtorità jekk mhix ġejja minn Alla,'' jgħallem l-Appostlu, u għalhekk jikkmanda: ''Kull bniedem għandu jobdi lill-awtorità ta' fuqu .... dawk li jeħduha kontra l-awtorità jkunu qegħdin jeħduha kontra l-ordni mwaqqaf minn Alla '' (Rum 13,1-2).[30] Fl-istess ħin ma beżgħux jeħduha kontra s-setgħa pubblika meta din marret kontra r-rieda qaddisa ta' Alla: ''Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin.'' (Atti 5,29).[31] Fuq din it-triq martri u fidili bla għadd imxew matul is-sekli u fid-dinja kollha.

 

Il-Knisja timxi wara l-passi ta' Ġesu Kristu u tal-Appostli

12.     Għalhekk il-Knisja, fidila lejn il-verità tal-Evanġelju,timxi fuq it-triq ta' Kristu u tal-Appostli meta tagħraf u tħeġġeġ il-prinċipju tal-libertà reliġjuża li taqbel mad-dinjità tal-bniedem u mar-Rivelazzjoni ta' Alla. Matul iż-żminijiet għasset u wasslet it-tagħlim li ħadet minn għand l-Imgħallem u l-Appostli. Għalkemm fil-ħajja tal-poplu ta' Alla, matul il-pellegrinaġġ tiegħu fit-taqlib ta' ġrajjiet il-bniedem, xi drabi kien hemm imġiba li ftit taqbel mal-ispirtu tal-Evanġelju, anzi bil-maqlub, madankollu t-tagħlim tal-Knisja dejjem baqa' dak li ħadd m'għandu jkun mġiegħel jemmen.

          Hekk il-ħmira tal-Evanġelju ilha żmien taħdem f'moħħ il-bnedmin u tat sehem kbir biex dawn, matul iż-żminijiet, jagħrfu aktar fil-wisa' d-dinjità tal-persuna u biex tikber il-konvinzjoni li fi ħwejjeġ reliġjużi l-persuna għandha tinżamm ħielsa fis-soċjetà minn kull xorta ta' pressjoni umana.

 

Il-libertà tal-Knisja

13.     Fost il-ħwejjeġ li għandhom x'jaqsmu mal-ġid tal-Knisja, anzi mal-ġid tas-soċjetà, f'din id-dinja, u li għandhom jinżammu dejjem u kullimkien u jkunu mħarsin minn kull vjolazzjoni, bla ebda dubju hu fuq l-oħrajn kollha l-prinċipju li l-Knisja jkollha dik il-libertà fil-ħidma tagħha daqskemm teħtieġ il-ħidma għas-salvazzjoni tal-bnedmin.[32] Din il-libertà hija sagra għax biha l-Iben il-Wħdieni ta' Alla żejjen il-Knisja li kiseb b'demmu. Tabilħaqq daqshekk hi ħaġa waħda mal-Knisja li min imur kontra din il-libertà imur kontra r-rieda ta' Alla. Il-libertà tal-Knisja hija prinċipju fundamentali fir-relazzjonijiet bejn il-Knisja u s-setgħat pubbliċi u l-ordni ċivili kollu.

          Fis-soċjetà umana u quddiem kull setgħa pubblika l-Knisja titlob b'jedd il-libertà għaliha nnifisha billi hija awtorità spiritwali mwaqqfa minn Kristu l-Mulej li bi kmand divin għandha d-dmir li tmur fid-dinja kollha u tgħallem l-Evanġelju lill-ħlejjaq kollha.[33] Il-Knisja titlob ukoll b'jedd il-libertà għaliha nnifisha billi hija wkoll soċjetà ta' bnedmin li għandhom id-dritt jgħixu fis-soċjetà ċivili skont il-preċetti tal-fidi nisranija.[34]

          Issa jekk il-prinċipju tal-libertà reliġjuża jkun mhux biss imxandar bil-kliem jew imwettaq mil-liġi iżda wkoll imdaħħal fil-prattika bis-sinċerità, mbagħad tabilħaqq il-Knisja tkun f'qagħda soda, kemm bil-jedd u kemm bil-fatti, biex ikollna l-indipendenza li teħtieġ ħalli taqdi l-missjoni divina tagħha. Dan hu sewwasew dak li l-awtoritajiet tal-Knisja, b'insistenza dejjem akbar, talbu bħala jedd fis-soċjetà.[35] Fl-istess ħin l-insara, bħall-bqija tal-bnedmin, għandhom id-dritt ċivili li ma jkunux imfixkla milli jgħixu skont il-kuxjenza. Għalhekk jaqblu tajjeb bejniethom il-libertà tal-Knisja u dik il-libertà reliġjuża li għandha tkun magħrufa bħala dritt lill-bnedmin kollha u lill-komunitajiet kollha u li għandha tkun imwettqa wkoll fl-ordinament ġuridiku.

 

Il-Missjoni tal-Knisja

14.     Sabiex tobdi l-kmand ta' Alla: ''Agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha'' (Mt 28,19), il-Knisja Kattolika għandha tħabrek bl-akbar ħrara ''biex il-kelma tal-Mulej tiġri l-ġirja tagħha u tkun milqugħa bil-ġieħ'' (2 Tes 3,1).

          Għaldaqstant il-Knisja titlob bil-ħerqa biex uliedha qabel xejn jagħmlu ''suppliki, orazzjonijiet, talb u radd il-ħajr għall-bnedmin kollha ... Dan hu tajjeb u jogħġob lil Alla s-Salvatur tagħna, li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità'' (1 Tim 2,1-4).

          L-insara waqt li jiffurmaw l-kuxjenza tagħhom, għandhom iżommu quddiem għajnejhom sewwa t-tagħlim qaddis u ċert tal-Knisja.[36] Dan għaliex il-Knisja Kattolika, kif irid Kristu, hija l-għalliema tal-verità u dmirha hu li tħabbar u tgħallem b'mod awtentiku l-Verità, li hu Kristu, u fl-istess ħin tistqarr u ssaħħaħ bies-setgħa tagħha l-prinċipji tal-ordni morali li joħorġu min-natura nnifisha tal-bniedem. Barra minn dan l-insara, waqt li jqarrbu b'għerf lejn dawk li jinsabu barra, ''bi spirtu qaddis, bl-imħabba sinċiera, bil-kelma tas-sewwa'' (2 Kor 6,6-7), għandhom iħabirku biex ixerrdu d-dawl tal-ħajja bil-fiduċja kollha[37] u b'kuraġġ ta' appostli saċ-ċarċir tad-demm.

          Id-dixxiplu hu marbut bi dmir gravi lejn Kristu l-Imgħallem tiegħu li jagħraf dejjem aktar il-verità li ħa minn għandu, li jxandarha bil-fedeltà u jħarisha bil-qawwa, mingħajr ma juża mezzi li ma jaqblux mal-ispirtu tal-Evanġelju. Iżda fl-istess ħin il-karità ta' Kristu timbuttah biex jimxi bl-imħabba, bil-għaqal u bis-sabar mal-bnedmin li jinsabu fl-iżball jew fl-injoranza dwar il-fidi.[38] Għalhekk wieħed għandu jagħti kas kemm tad-dmirijiet lejn Kristu, il-Verb li jagħti l-ħajja u li għandu jkun mxandar, kemm tad-drittijiet tal-persuna umana, u kemm tal-qjies tal-grazzja li Alla bi Kristu jagħti lill-bniedem li hu mistieden jilqa' l-fidi minn rajh u jistqarrha.

 

Għeluq

 

Il-libertà reliġjuża għandha tkun garantita u rispettata kullimkien

15.     Kulħadd jaf għalhekk li l-bnedmin ta' żmienna jixtiequ li jkunu jistgħu jistqarru r-reliġjon bil-libertà fil-ħajja privata u pubblika: anzi l-libertà reliġjuża bħala dritt ċivili diġa jistqarruha l-kotra tal-istituzzjonijiet u jagħrufa solennement id-dokumenti internazzjonali.[39]

          Iżda għad fadal sistemi ta' gvern fejn, għalkemm fil-kostituzzjoni tagħho il-libertà tal-qima reliġjuża hi magħrufa, madankollu s-setgħat pubbliċi nnifishom jippruvaw ibiegħdu ċ-ċittadini milli jistqarru r-reliġjon u jagħmlu l-ħajja għall-komunitajiet reliġjużi tassew iebsa u mwiegħra.

          Dan is-Sinodu Mqaddes jilqa' bil-ferħ dawk is-sinjali ta' riżq ta' dan iż-żmien iżda jiddenunċja bi swied il-qalb dawn il-fatti koroh u jħeġġeġ lill-Kattoliċi u jitlob bil-ħerqa lill-bnedmin kollha biex iqisu bl-akbar reqqa kemm hi meħtieġa l-libertà reliġjuża l-aktar fil-qagħda preżenti li l-familja umana tinsab fiha.

          Jidher ċar infatti li l-ġnus kollha qed isiru dejjem aktar ħaġa waħda, li l-bnedmin ta' kultura u reliġjon differenti qed jintrabtu bejniethom b'rabtiet aktar sodi, u li, fl-aħħarnett qed tikber il-kuxjenza tar-responsabbiltà personali ta' kull wieħed. Għalhekk, sabiex jitwaqqfu u jissaħħu r-relazzjonijiet ta' paċi u ftehim fost il-bnedmin, jeħtieġ li fid-dinja kollha l-libertà reliġjuża jkollha ħarsien effikaċi bil-liġi u jkunu rispettati l-ogħla dmirijiet u drittijiet tal-bnedmin li jgħixu bil-libertà l-ħajja reliġjuża fis-soċjetà.

          J'Alla l-Missier ta' kulħadd jagħmel li l-familja tal-bnedmin iżżomm bir-reqqa l-prinċipju tal-libertà reliġjuża fis-soċjetà u hekk tasal, bil-grazzja ta' Kristu u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, f' ''il-ħelsien tal-glorja ta' wlied Alla'' (Rum 8,21), libertà sublimi u bla tmiem.

 

7 ta' Diċembru 1965

 

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:  Iva 2308,    Le 70 (Total 2384)                           


[1] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Pacem in terris, 11Apr 1963:AAS 55 (1963); ibid. p. 265; PIJU XII. Messaġġ bir-radju , 24 Diċ1944: AAS 37 (1945)p. 14.

[2] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Pacem in terris, 11Apr 1963:AAS 55 (1963) pp. 260-261; PIJU XII, Messaġġ bir-radju, 24 Diċ 1942: AAS 35 (1943) p. 19; PIJU XI, IE Mibrennender Sorge, 14 mar 1937: AAS 29 (1937) p. 160; LJUN XIII, IE Libertas praestantissimum, 20Ġun1888:Acta Leonis XIII8, 1888, PP.237-238 

[3] Cf S. TUMAS, I-II, q. 91, a. 1; q. 93, a 1-2.

[4]  Cf. ĠWANNI XXIII, IE Pacem in terris, 11 Apr 1963: AAS 55 (1963) p. 270; PAWLU VI , Messaġġ bir-radju , 22 Diċ 1964 ; AAS 57 (1965) pp. 181-182 ; S. TUMAS  I-II , q. 91,  a 4c.  

[5] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, 15 Mej 1961: AAS (1961) p. 417; id. IE Pacem in terris 11 Apr 1963:AAS 55 (1963) p. 273.

[6] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Pacem in terris, 11 Apr 1963 AAS 55 (1963) pp. 273-274; PIJU XII, Messaġġ bir-radju, 1 Ġun 1941: AAS 33 (1942) p. 200 

[7] Cf. LJUN XIII, IE Immortale Dei, 1Nov.1885:AAS 18 (1885) p. 161.

[8] Cf. LACTANTIUS, Divinarum Institutionum, Lib, V, 19: CSEL 19 pp.463-464,465; PL 6,614 u 616 (cap20); S. AMBROĠ, Epistola ad Valentinianum Imp. Ep. 21: PL 16,1005; S. WISTIN, Contra litteras Petiliani, lib. II, cap83: CSEL 52, p. 112; PL 43,315; cf.C. 23,q5 c. 33 (ed. Friedberg, col. 939); Id. Ep.23: PL33,98; Id.Ep. 34: PL 3,132; Id. PL33,135; S. GIRGOR IL-KBIR, Epistola ad Virgilium et Theodorum Episcopas Massiliae Galliarum, Registrum Epistolarum I,45: MGH Ep. I, p. 72; PL 77,510-511 (lib I, ep 47); Id. Epistola ad Iohannem Episcopum Constantinopolitanum, Registrum Epistolarum III, 52: MGH Ep. I p. 210: PL 77,649 (lib. III, ep. 53): cf. D. 45, c. 1 (ed. Friedberg, col. 160); Konċiju ta' Toledo IV, c.57:MANSI 10,633; cf. D. 45, c.5 (ed Friedberg.  col.161-162); KLEMENT III:X,V,6,9: ed. Friedberg, col. 774; INNOĊENZ III, Epistola ad Arelatensem Archiepiscopum, X,III, 42,3:ed. Friedeberg, col.646       

[9] Cf. CIC, C.1351, PIJU XII, Diskors lill-Prelati, Udituri u uffiċjali oħra tat-Tribunal tas-Sagra Romana Rota , 6 Ott 1946; AAS 38 (1946)p. 390; Id., IE Mystici Corporis , 29 Ġun 1943; AAS 35 (1943) p. 243.

[10] Cf. Ef 1,5.

[11] Cf. Ġw 6,44

[12] Cf. Ġw 13,13

[13] Cf. Mt 11,29

[14] Cf. Mt 11,28-30

[15] Cf. Mt 9,28-29; Mk9, 23-24; 6,5-6; PAWLU VI, IE Ecclesiam Suam, 6 Aww 1964: AAS 56 (1964) pp. 642-643. 

[16] Cf, Mt 11,20-24; Rum 12,19-20; 2 Tes 1,8.

[17] Cf. Mt 13,13, 40-42

[18] Cf. Mt 4,8-10; Ġw 6,15.

[19] Is. 42,1-4.

[20] Cf. Ġw 18,37.

[21] Cf, Mt 26,51-53; Ġw 18,36.

[22] Cf. Ġw 12,32.

[23] Cf. 1 Kor 2,3-5; 1 Tes 2,3-5

[24] Cf. Rum 14,1-23; 1 Kor 8,9-13;; 10,23-33.

[25] Cf. Ef 6,19-20.

[26] Cf. Rum 1,16.

[27] Cf. 2 Kor 10,4; 1Tes 5,8-9.

[28] Cf. Ef 6,11-17.

[29] Cf. 2 Kor 10,3-5.

[30] Cf. 1 Pt 2,13-17.

[31] Cf. Atti 4,19-20.

[32] Cf. LJUN XIII, I Officio sanctissimo,22Diċ 1887: ASS 20(1887) p. 269; Id. I Ex litteris, 7 Apr 1887: ASS 19 (1886) p. 465.  

[33] Cf. Mk 16,15; Mt 28,18-20; PIJU XII, IE Summi Pontificatus, 20 Ott 1939: AAS 31(1939) pp.445-446.

[34] Cf. PIJU XI, I Firmissimam constantium, 28 Mar 1937: AAS 29 (1937) p. 196. 

[35] Cf, PIJU XII, Allokuzzjoni Ci riesce, 6 Diċ 1953: AAS 45 (1953) p.802.

[36] Cf. PIJU XII, Messaġġ bir-radju, 23 Mar 1952: AAS 44 (1952) pp. 270-278. 

[37] Cf. Atti 4,29.

[38] Cf. ĠWANNI XXIII,  IE Pacem in terris, 11 Apr 1963: AAS 55 (1963) pp. 299-300.

[39] Cf. ĠWANNI XXIII,  IE Pacem in terris, 11 Apr 1963: AAS 55 (1963) pp. 295-296.