Laikos

 

DIGRIET DWAR L-UFFIĊĊJU PASTORALI TAL-ISQFIJIET

CHRISTUS DOMINUS

28 ta’ Ottubru 1965

 

WERREJ

1-3. Daħla

Kap I: L-ISQFIJIET U L-KNISJA UNIVERSALI

I – IS-SEHEM  TAL-ISQFIJIET  FIL-KNISJA  UNIVERSALI 

4. Is-setgħa tal-kulleġġ tal-isqfijiet

5. Is-sinodu jew kunsill ċentrali

6. L-isqfijiet jieħdu sehem fil-premura għall-knejjes kollha

7. Karità effikaċi għall-isqfijiet ippersegwitati

II – L-ISQFIJIET U S-SEDE APPOSTOLIKA 

8. Is-setgħat tal-isqfijiet fid-djoċesijiet tagħhom

9. Id-dikasteri tal-Kurja Rumana

10. Il-membri tad-dikasteri

Kap II: L-ISQFIJIET U L-KNEJJES PARTIKOLARI JEW DJOĊESIJIET

I – L-ISQFIJIET DJOĊESANI 

11. Kunċett ta' djoċesi u dmirijiet tal-isqfijiet

12. Id-dmir li jgħallmu

13. Kif tgħallem it-tagħlim nisrani llum

14. It-tagħlim tal-katekiżmu

15. Id-dmir li jqaddsu

16. Id-dmir li jiggvernaw bħala rgħajja tal-erwieħ

17. Forom partikolari tal-appostolat

18. Ħsieb speċjali għal xi gruppi ta' fidili

19. Libertà tal-isqfijiet fir-relazzjonijiet mal-awtorità ċivili

20. Libertà fil-ħatra tal-isqfijiet

21. Rinunzja għall-ministeru episkopali

II – ĊIRKOSKRIZZJONI TAD-DJOĊESIJIET 

22. Reviżjoni tal-limiti tad-djoċesijiet

23. Normi għar-reviżjoni tal-limiti tad-djoċesijiet

24. Konsultazzjoni tal-konferenzi episkopali

III – IL-KOPERATURI TAL-ISQOF DJOĊESAN FIL-MINISTERU PASTORALI 

25. (1) L-isqfijiet koadjuturi u awżiljarji

26. Fakultajiet tal-isqfijiet awżiljarji u koadjuturi

27. (2) Il-kurja djoċesana u kummissjonijiet

28. (3) Il-kleru djoċesan

29. Is-saċerdoti li jagħtu ruħhom għal ħidmiet superparrokkjali

30. Il-kappillani

31. Nomina, trasferiment, tneħħija u rinunzja tal-kappillani

32. Twaqqif u soppressjoni ta' parroċċa

33. (4) Ir-reliġjużi u l-ħidmiet tal-appostolat

34. Ir-reliġjużi, koperaturi tal-isqof fl-appostolat

35. Prinċipji dwar l-appostolat tar-reliġjużi fid-djoċesi

Kap III: IL-KOPERAZZJONI TAL-ISQFIJIET GĦALL-ĠID KOMUNI TA' DJOĊESIJET DIFFERENTI

I – SINODI, KONĊILJI U KONFERENZI EPISKOPALI  

36. Sinodi u konċilji partikolari

37. L-importanza tal-konferenzi episkopali

38. Definizzjoni, struttura, kompetenza u koperazzjoni tal-konferenzi

II – IL-LIMITI TAL-PROVINĊJI EKKLEŻJASTIĊI U T-TWAQQIF TA’ REĠJUNIJIET EKKLEŻJASTIĊI 

39. Prinċipji għar-reviżjoni tal-limiti

40. In-normi

41. Il-parir tal-konferenzi episkopali

III – DWAR L-ISQFIJIET LI GĦANDHOM KARIGA INTERDJOĊESANA 

42. Koperazzjoni mal-isqfijiet

43. Il-vigarji għan-nies tal-militar

44. MANDAT ĠENERALI

 

DIGRIET DWAR L-UFFIĊĊJU PASTORALI TAL-ISQFIJIET

''CHRISTUS DOMINUS''

 

Daħla

1. Kristu l-Mulej, Bin Alla l-ħaj, li ġie biex isalva l-poplu tiegħu mid-dnubiet[1] u biex iqaddes il-bnedmin kollha, kif Huwa ntbagħat mill-Missier hekk ukoll bagħat lill-Appostli tiegħu[2], li Huwa qaddes billi tahom l-Ispirtu s-Santu, sabiex huma wkoll jagħtu ġieħ lill-Missier fuq l-art u jsalvaw il-bnedmin ''għall-bini tal-Ġisem ta' Kristu'' (Ef 4,12) li huwa l-Knisja.   

2. F'din il-Knisja ta' Kristu, l-isqof ta' Ruma, bħala s-suċċessur ta' Pietru li Kristu fdalu n-nagħaġ u l-ħrief tiegħu biex jirgħahom, huwa mogħni, b'istituzzjoni divina, b'setgħa suprema, sħiħa, immedjata, u universali għall-ġid tal-erwieħ. Għalhekk, billi huwa tqiegħed ragħaj tal-fidili kollha biex iġib 'il quddiem il-ġid komuni tal-Knisja universali u l-ġid ta' kull waħda mill-knejjes, għandu f'idejh il-primat tas-setgħa ordinarja fuq il-knejjes kollha.

L-isqfijiet ukoll, imqegħdin mill-Ispirtu s-Santu, huma suċċessuri tal-Appostli bħala rgħajja tal-erwieħ[3] u, flimkien mal-Papa u taħt l-awtorità tiegħu għandhom il-missjoni li jkomplu sal-aħħar tas-sekli l-ħidma ta' Kristu, ragħaj  etern.[4] Infatti Kristu ta lill-Appostli u lis-suċċessuri tagħhom l-ordni u s-setgħa li jgħallmu lill-ġnus kollha, li jqaddsu lill-bnedmin fil-verità u jirgħawhom. Għalhekk l-isqfijiet, bl-Ispirtu s-Santu li ngħatalhom, saru tabilħaqq għalliema tal-fidi, saċerdoti u rgħajja awtentiċi.[5]

3. L-isqfijiet, li għandhom sehem mill-ħsieb u r-responsabbiltà għall-knejjes kollha u, magħqudin ilkoll flimkien f'kulleġġ jew korp, għal dak li jmiss il-Knisja ta' Alla kollha kemm hi, iħaddmu l-uffiċċju episkopali tagħhom li rċevew permezz tal-konsagrazzjoni tagħhom bħala isqfijiet[6] f'għaqda mal-Papa u taħt l-awtorità tiegħu f'dak kollu li għandu x'jaqsam mat-tagħlim u mat-treġija pastorali.

L-isqfijiet jaqdu dan id-dmir individwalment f'dawk l-oqsma tal-merħla tal-Mulej li ġew fdati lilhom billi kull wieħed jieħu ħsieb il-knisja partikolari li ngħatat lilu jew, xi drabi, billi xi isqfijiet flimkien jaqdu l-ħtiġijiet komuni ta' knejjes differenti.

Għaldaqstant, dan il-Konċilju Mqaddes ikkunsidra l-kundizzjonijiet tas-soċjetà umana li ġabu ordni ġdid fi żmienna [7] u, bil-ħsieb li jiddetermina b'reqqa akbar id-dmirijiet pastorali tal-isqfijiet, iddeċieda li jagħti d-dispożizzjonijiet li ġejjin. 

 

Kap I

L-ISQFIJIET U L-KNISJA UNIVERSALI

 

I – IS-SEHEM TAL-ISQFIJIET FIL-KNISJA UNIVERSALI 

Is-setgħa tal-kulleġġ tal-isqfijiet

4. L-isqfijiet, bis-saħħa tal-konsagrazzjoni sagramentali u f'għaqda ġerarkika mal-kap u mal-membri tal-kulleġġ, huma kostitwiti membri tal-korp episkopali.[8] ''L-ordni tal-isqfijiet, li huwa suċċessur tal-kulleġġ tal-appostli fil-maġisteru u fit-tmexxija pastorali, li fih, anzi, jitkompla mingħajr waqfien il-korp appostoliku, għandu wkoll, flimkien mal-isqof ta' Ruma u qatt mingħajru bħala r-ras tiegħu, l-ogħla setgħa u setgħa sħiħa fuq il-Knisja kollha. Din is-setgħa ma tistax, iżda, tkun eżerċitata mingħajr il-kunsens tal-isqof ta' Ruma.”[9] Din is-setgħa ''hija eżerċitata b'mod solenni fil-konċilju ekumeniku''[10] u għalhekk dan il-Konċilju Mqaddes jistabbilixxi illi l-isqfijiet kollha li jkunu membri tal-kulleġġ episkopali għandhom id-dritt li jieħdu sehem fil-konċilju ekumeniku.

''L-istess setgħa kolleġġjali tista' tkun eżerċitata flimkien mal-Papa mill-isqfijiet imxerrda mad-dinja kollha, sakemm ir-ras tal-kulleġġ issejħilhom għal azzjoni kolleġġjali, jew almenu tapprova jew taċċetta liberament l-azzjoni magħquda tal-isqfijiet imxerrdin b'mod li minnha jirriżulta att tassew kolleġġjali.''[11]  

Is-sinodu jew kunsill ċentrali

5. Kollaborazzjoni aktar effikaċi mal-ogħla ragħaj tal-Knisja jistgħu jagħtuha, bil-modi diġà stabbiliti jew li għad ikunu stabbiliti mill-Papa, l-isqfijiet magħżula minn naħiet differenti tad-dinja mlaqqgħin f'kunsill imsejjaħ bl-isem ta' Sinodu tal-Isqfijiet.[12]  Filwaqt li jirrappreżenta l-episkopat kollu, is-sinodu juri li l-isqfijiet kollha, f'għaqda ġerarkika, jerfgħu flimkien it-toqol tar-responsabbiltà għall-Knisja universali.[13]    

L-isqfijiet jieħdu sehem fil-premura għall-knejjes kollha

6. L-isqfijiet, bħala suċċessuri leġittimi tal-appostli u membri tal-kulleġġ episkopali, għandhom jagħrfu li huma dejjem magħqudin bejniethom u għandhom juru ħsieb għall-knejjes kollha għaliex b'dispożizzjoni divina u minn dak li jitlob l-uffiċċju appostoliku kull wieħed minnhom huwa responsabbli għall-Knisja flimkien mal-isqfijiet l-oħra.[14] B'mod partikolari għandhom jieħdu interess f'dawk il-partijiet tad-dinja fejn il-kelma ta' Alla għadha ma tħabbritx jew fejn, l-aktar ħtija tal-għadd skars ta’ saċerdoti, l-insara huma fil-periklu li jitbiegħdu mill-prattika tal-ħajja nisranija, anzi li jitilfu l-istess fidi.

Għalhekk l-isqfijiet għandhom iħabirku b’saħħithom kollha sabiex il-fidili jitħeġġu biex jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom u jġibu 'l quddiem  il-ħidmiet ta' evanġelizzazzjoni u ta' appostolat. Barra minn hekk, għandhom jieħdu ħsieb iħejju saċerdoti addattati u awżiljarji, kemm reliġjużi kemm lajċi, mhux biss għall-missjonijiet imma wkoll għal inħawi oħra fejn hemm nuqqas ta' kleru. Għandhom ukoll jagħmlu ħilithom sabiex xi wħud mis-saċerdoti tagħhom imorru jew fl-artijiet tal-missjoni jew fid-djoċesijiet imsemmija biex hemmhekk jeżerċitaw il-ministeru tagħhom għal ħajjithom kollha jew għall-anqas għal xi zmien determinat.

L-isqfijiet għandhom jiftakru wkoll li fl-użu tal-ġid tal-Knisja għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet mhux biss tad-djoċesi tagħhom imma wkoll ta' knejjes partikolari oħra, għaliex huma wkoll jagħmlu parti mill-Knisja waħdanija ta' Kristu. U fl-aħħar nett, sa fejn jippermettulhom il-forzi tagħhom, għandhom jieħdu ħsieb jgħinu djoċesijiet u nħawi oħra fid-diżgrazzji li jsibu ruħhom fihom.

Karità effikaċi għall-isqfijiet ippersegwitati

7. Fuq kollox l-isqfijiet għandhom iħaddnu bi mħabba ta’ aħwa u attivament jieħdu ħsieb dawk l-isqfijiet li għal isem Kristu saru oġġett ta' kalunji u ta' persekuzzjonijiet jew qegħdin fil-ħabs jew huma mfixklin milli jeżerċitaw il-ministeru tagħhom. B’hekk ifittxu li bit-talb u bl-għemil inaqqsu u jtaffu t-tbatija ta' ħuthom fl-episkopat.

 

II – L-ISQFIJIET U S-SEDE APPOSTOLIKA 

Is-setgħat tal-isqfijiet fid-djoċesijiet tagħhom

8. (a) Bħala suċċessuri tal-appostli, fid-djoċesijiet fdati lilhom l-isqfijiet għandhom kull setgħa ordinarja, proprja u immedjata li hija meħtieġa għall-eżerċizzju tal-ministeru pastorali tagħhom, filwaqt li tibqa' bla mittiefsa f'kull qasam is-setgħa li l-isqof ta' Ruma għandu bħala parti mill-uffiċċju tiegħu li jirriżerva xi kawżi għalih innifsu jew għal xi awtorità oħra.

(b) Kull wieħed mill-isqfijiet djoċesani għandu l-fakultà li, f’każ partikolari, jiddispensa minn xi liġi ġenerali tal-Knisja lill-fidili li fuqhom leġittimament jeżerċita l-awtorità  tiegħu kull darba li jiġġudika li dan jiswa għall-ġid spiritwali tagħhom, basta ma tkunx saret xi riżerva speċjali f'din il-ħaġa mill-ogħla awtorità tal-Knisja.

Id-dikasteri tal-Kurja Rumana

9. Fl-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu l-aktar għolja, sħiħa u immedjata fuq il-Knisja kollha, l-isqof ta' Ruma jinqeda bid-dikasteri tal-Kurja Rumana li għalhekk jaqdu l-ħidma tagħhom f'isem u bl-awtorità tiegħu għall-ġid tal-knejjes u għas-servizz tar-rgħajja mqaddsa.

Il-padri ta' dan il-Konċilju Mqaddes ifissru x-xewqa li dawn id-dikasteri, li bla dubju sallum taw għajnuna prezzjuża lill-isqof ta' Ruma u lir-rgħajja tal-Knisja, jingħatalhom ordinament ġdid li jaqbel iżjed għall-ħtiġijiet taż-żminijiet, tal-artijiet u tar-riti differenti, l-aktar f'dak li jolqot l-għadd tagħhom, kif jissejħu, il-kompetenza tagħhom, il-proċedura u l-koordinament tax-xogħol tagħhom.[15] Il-padri jixtiequ wkoll illi waqt li tingħata konsiderazzjoni lill-ministeru pastorali tal-isqfijiet, ikun definit b’aktar eżattezza l-uffiċċju tal-legati tal-Papa.

Il-membri tad-dikasteri

10. Billi dawn id-dikasteri twaqqfu għall-ġid tal-Knisja universali, huwa wkoll mixtieq li, sakemm huwa possibbli, l-uffiċjali u l-konsulturi, u wkoll il-legati tal-Papa, jintgħażlu aktar ta' spiss minn inħawi differenti tal-Knisja hekk illi l-uffiċċji jew organi ċentrali tal-Knisja jieħdu sura tassew universali.

Huwa mixtieq ukoll li fost il-membri tad-dikasteri jkunu magħduda xi isqfijiet, l-aktar djoċesani, sabiex ikunu jistgħu b'mod iżjed sħiħ jippreżentaw quddiem il-Papa l-mentalità, ix-xewqat u l-ħtigijiet tal-knejjes kollha.

Fl-aħħar nett il-padri konċiljari jqisuha ħaġa utli ħafna li dawn id-dikasteri jisimgħu b’aktar attenzjoni l-pariri ta’ lajċi magħrufa għall-virtù, it-tagħlim u l-esperjenza tagħhom. Hekk huma wkoll ikollhom sehem xieraq fil-ħajja tal-Knisja. 

 

Kap II

L-ISQFIJIET U L-KNEJJES PARTIKOLARI JEW DJOĊESIJIET

 

I – L-ISQFIJIET DJOĊESANI

Kunċett ta' djoċesi u dmirijiet tal-isqfijiet

11. Id-djoċesi hija parti mill-poplu ta' Alla fdata lill-ħsieb pastorali ta’ isqof megħjun mill-presbyterium tiegħu.  Hekk, filwaqt li tibqa' marbuta mar-ragħaj tagħha u magħquda fl-Ispirtu s-Santu permezz tal-Evanġelju u tal-Ewkaristija, djoċesi tifforma Knisja partikolari li fiha tinsab preżenti u attiva l-Knisja ta' Kristu, waħda, qaddisa, kattolika u appostolika.

Kull wieħed mill-isqfijiet li għandu f'idejh il-ħsieb ta' knisja partikolari - taħt l-awtorità tal-Papa - jirgħa l-ħrief tiegħu f’isem il-Mulej, bħala ragħaj proprju, ordinarju u immedjat, u għall-ġid tagħhom iħaddem l-uffiċċju ta' tagħlim, ta' tqaddis u ta' treġija. L-isqfijiet, iżda, għandhom jagħrfu l-jeddijiet li jmissu leġittimament lill-patrijarki u lill-awtoritajiet l-oħra ġerarkiċi.[16] 

L-isqfijiet għandhom jiżvolġu l-uffiċċju appostoliku tagħhom bhala xhieda ta' Kristu quddiem il-bnedmin kollha u jieħdu interess mhux biss f'dawk li huma diġà dixxipli tal-Prinċep tar-Rgħajja, imma wkoll jiddedikaw ruħhom bil-ħila tagħhom kollha għal dawk li b'mod jew ieħor tbiegħdu mit-triq tas-sewwa jew li għadhom ma jagħrfux l-Evanġelju ta' Kristu u l-ħniena tiegħu li ssalva, sakemm il-bnedmin kollha jimxu "f'kull ma hu tjieba, f'kull ma hu ġustizzja, f'kull ma hu verità.''(Ef 5,9)    

Id-dmir li jgħallmu

12. L-isqfijiet għandhom l-uffiċċju li jgħallmu. Waħda mill-aqwa ħwejjeġ li dan l-uffiċċju jitlob hija dik li jxandru l-Evanġelju ta' Kristu lill-bnedmin u, bil-qawwa tal-Ispirtu, isejħulhom għall-fidi jew iwettquhom fil-fidi ħajja; huma għandhom iqiegħdu quddiemhom il-misteru ta' Kristu kollu kemm hu, jiġifieri dawk il-veritajiet li min ma jafhomx ma jafx lil Kristu; u hekk ukoll juruhom it-triq li Alla rrivela biex il-bnedmin jagħtuh glorja u fl-istess ħin jiksbu l-ħena ta' dejjem.[17] 

Barra minn dan għandhom ifissru li skont il-pjan ta' Alla l-ħwejjeġ tad-dinja stess u l-istituzzjonijiet umani qegħdin ukoll għas-salvazzjoni tal-bnedmin u għalhekk jistgħu jiswew mhux ftit għall-bini tal-ġisem ta' Kristu.

Għalhekk jgħallmuhom xi stima għandu jkollna, skont id-duttrina tal-Knisja, lejn il-persuna tal-bniedem, il-libertà tiegħu u l-istess ħajja fiżika tiegħu; lejn il-familja u l-għaqda u l-istabbilità tagħha, il-prokreazzjoni u l-edukazzjoni tal-ulied; lejn is-soċjetà ċivili bil-liġijiet u bil-professjonijiet differenti tagħha; lejn ix-xogħol u l-mistrieħ, l-arti u t-teknika, lejn il-faqar u l-għana. Fl-aħħar nett, l-isqfijiet għandhom ifissru kif għandhom jinħallu l-problemi mill-aktar gravi dwar il-pussess tal-ġid materjali u l-iżvilupp u t-tqassim ġust tiegħu, dwar il-paċi u l-gwerra u dwar kif il-popli kollha jistgħu jgħixu flimkien bħal aħwa.[18]

Kif tgħallem it-tagħlim nisrani llum

13. L-isqfijiet għandhom ifissru t-tagħlim nisrani b'mod li jwieġeb tajjeb għall-ħtiġijiet taż-żmien, jiġifieri li jagħti tweġiba għad-diffikultajiet u l-problemi li jinkwetaw u jdejqu l-bnedmin. Fl-istess ħin għandhom iħarsu din id-duttrina u jgħallmu lill-insara biex jiddefenduha u jxerrduha huma wkoll. Huma u jfissru din id-duttrina għandhom juru sewwa l-ħerqa tal-Knisja bħala omm għall-bnedmin kollha, insara u mhumiex; u b'mod speċjali jieħdu ħsieb il-foqra u ż-żgħar fis-soċjetà għax għand dawn bagħathom il-Mulej biex iħabbrulhom l-Evanġelju.

U billi l-Knisja ma tistax ma tagħmilx djalogu mas-soċjetà umana[19]  li fostha tgħix, huma l-ewwel nett l-isqfijiet li għandhom id-dmir li jersqu lejn il-bnedmin u jfittxu li jagħmlu djalogu magħhom u jissuktawh. Imma sabiex f'dan id-djalogar siewi l-verità tibqa' msieħba mal-karità u l-komprensjoni  mal-imħabba, huwa meħtieġ mhux biss li d-diskors ikun ċar, bl-umiltà u bil-ħlewwa, imma wkoll li jsir bil-prudenza neċessarja msieħba mal-fiduċja għaliex il-fiduċja, filwaqt li tgħin biex tikber il-ħbiberija, twassal ukoll b'mod naturali biex il-fehmiet u l-qlub jersqu lejn xulxin.[20]      

Għat-tixrid tad-duttrina nisranija l-isqfijiet għandhom jirrikorru għall-mezzi li llum hawn disponibbli; u qabel xejn għall-predikazzjoni u l-istruzzjoni kateketika li għandhom dejjem importanza mill-akbar; imbagħad jirrikorru għat-tagħlim tad-duttrina fl-iskejjel, fl-universitajiet, f'konferenzi u laqgħat ta' kull għamla; fl-aħħar nett, fl-okkażjoni ta' xi ġrajja speċjali, f’dikjarazzjonijiert pubbliċi magħmulin fl-istampa u bil-mezzi l-oħra tal-komunikazzjoni soċjali li bihom jeħtieġ li wieħed jinqeda għat-tħabbir tal-Evanġelju ta' Kristu.[21] 

It-tagħlim kateketiku

14. L-isqfijiet għandhom jgħassu sabiex it-tagħlim kateketiku, li għandu l-iskop li jagħmel il-fidi, kif imdawla bit-tagħlim, forza vitali, espliċita u effettiva fil-ħajja tal-bnedmin – jingħata b’żelu lit-tfal u lill-adoloxxenti, liż-żgħażagħ u lill-adulti. Għandhom jieħdu ħsieb ukoll li dan it-tagħlim isir b'ordni u b'metodi addattati mhux biss għall-materja li tkun qed tiġi ttrattata, iżda wkoll għall-mentalità, il-kapaċità, l-età, u ċ-ċirkostanzi tal-ħajja tal-iskulari; iqisu li dan it-tagħlim ikun mibni fuq l-Iskrittura Mqaddsa, it-tradizzjoni, il-liturġija, il-maġisteru u l-ħajja tal-Knisja.

Fuq kollox għandhom jaħsbu wkoll biex il-katekisti jitħejjew kif jixraq għall-uffiċċju tagħhom sabiex huma jkunu jafu fil-fond id-duttrina tal-Knisja u jitgħallmu fit-teorija u fil-prattika l-liġijiet tal-psikoloġija u l-materji tal-pedagoġija.

L-isqfijiet għandhom ifittxu wkoll li jġeddu jew għall-inqas jadattaw aħjar l-istruzzjoni tal-katekumeni adulti.

Id-dmir li jqaddsu

15. Fit-twettiq tal-ministeru tagħhom ta' tqaddis, l-isqfijiet għandhom jiftakru li huma ttieħdu minn fost il-bnedmin u ġew maħtura rappreżentanti tagħhom; tqiegħdu għall-bnedmin f'dak li għandu x'jaqsam ma' Alla sabiex joffru għotjiet u sagrifiċċji għad-dnubiet. Infatti l-isqfijiet għandhom il-milja tas-sagrament tal-Ordni, u minnhom jiddependu fit-tħaddim tas-setgħa tagħhom kemm il-presbiteri, li huma wkoll ikkonsagrati veri saċerdoti tat-Testment il-Ġdid sabiex ikunu koperaturi għaqlin tal-ordni episkopali, kemm id-djakni li f'għaqda mal-isqof u fis-servizz tal-presbyterium tiegħu huma destinati għas-servizz tal-poplu ta' Alla. L-isqfijiet għalhekk huma d-dispensaturi ewlenin tal-misteri ta' Alla u fl-istess ħin dawk li jirregolaw, iġibu 'l quddiem u jħarsu l-ħajja liturġika kollha fil-knisja fdata lilhom.[22]

Għalhekk huma għandhom jagħmlu ħilithom kollha sabiex il-fidili, permezz tal-Ewkaristija, jagħrfu dejjem aktar fil-fond u jgħixu l-misteru tal-Għid sabiex jiffurmaw ġisem mibni f'għaqda sħiħa, fl-unità tal-karità ta' Kristu.[23] ''Waqt li jagħtu ruħhom għat-talb u għall-ministeru tal-kelma'' (Atti 6,4),  huma għandhom jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ sabiex dawk kollha li huma fdati fil-kura tagħhom ikunu lkoll qalb waħda fit-talb[24] u sabiex filwaqt li jirċievu s-sagramenti mqaddsa jikbru fil-grazzja u jkunu xhieda fidili tal-Mulej.

Billi l-isqfijiet huma mqabbdin biex jipperfezzjonaw il-merħla tagħhom, huma għandhom ifittxu li jmexxu 'l quddiem fil-ħajja tal-qdusija lill-kleru tagħhom, lir-reliġjużi u lill-lajċi, skont il-vokazzjoni partikolari ta' kull wieħed minnhom[25], persważi mill-obbligu li għandhom li jagħtu huma l-eżempju tal-qdusija fil-karità, fl-umiltà u fis-sempliċità tal-ħajja. Huma għandhom iwasslu l-knejjes fdati lilhom sa dak il-grad ta' qdusija li fihom ikun jiddi s-sens tal-Knisja universali ta' Kristu. Għalhekk għandhom ifittxu li jkattru kemm jistgħu l-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, b'mod partikolari l-vokazzjonijiet missjunarji.

Id-dmir li jiggvernaw bħala rgħajja tal-erwieħ

16. Huma u jaqdu l-uffiċċju tagħhom ta' missirijiet u rgħajja fost il-poplu tagħhom, l-isqfijiet għandhom igibu ruħhom bħala dawk li jaqdu[26], bħala rgħajja tajbin li jagħrfu n-nagħaġ tagħhom u n-nagħaġ tagħhom jagħrfu lilhom, bħala missirijiet tassew li jingħażlu għall-ispirtu tagħhom ta' karità u ta' żelu għal kulħadd, b'mod illi l-insara kollha, minn qalbhom, joqogħdu għall-awtorità li l-isqfijiet irċevew mingħand Alla. Huma għandhom jiġbru l-merħla kollha tagħhom f'familja waħda u jagħtuha dik il-formazzjoni meħtieġa biex kulħadd jagħraf u jħoss il-piż tal-uffiċċju tiegħu, u jgħix u jaqdi dmiru f'xirka ta' karità.

Biex jilħqu dan l-iskop l-isqfijiet, ''imħejji[ja] għal kull għemil tajjeb'' (2 Tim 2,21) u filwaqt li “kollox [jieħdu] bis-sabar għall-imħabba ta' dawk li Alla għażel'' (2 Tim 2,10), għandhom jirregolaw ħajjithom b'mod li tkun tista' taqbel mal-ħtiġijiet ta' żminijietna.

Huma għandhom dejjem iħaddnu s-saċerdoti b'karità partikolari, għaliex dawn jieħdu sehem fil-ministeru u l-preokkupazzjonijiet tagħhom u jaqsmuhom magħhom b'ħeġġa fil-ħajja ta' kuljum. Għandhom iqisuhom bħala wliedhom u ħbiebhom[27] u għalhekk ikunu lesti li jisimgħuhom u jittrattawhom b'fiduċja biex hekk toktor fid-djoċesi kollha ħidma pastorali għalenija.

L-isqfijiet għandhom jinteressaw irwieħhom fil-kundizzjoni spiritwali, intelletwali u materjali tas-saċerdoti sabiex dawn ikunu jistgħu jgħixu ħajja qaddisa u twajba, u jaqdu l-ministeru tagħhom b'fedeltà u jiksbu frott kotran. Għal dan l-iskop għandhom jinkoraġġixxu istituzzjonijiet u jorganizzaw laqgħat fejn is-saċerdoti jinġabru minn żmien għal żmien kemm biex jagħmlu eżerċizzi spiritwali itwal u jġeddu l-ħajja spiritwali tagħhom, kif ukoll biex jidħlu aktar fil-fond f’suġġetti oħra, l-aktar l-Iskrittura Mqaddsa u t-teoloġija, il-problemi soċjali l-aktar importanti, u l-metodi ġodda ta’ ħidma pastorali.

L-isqfijiet għandhom isegwu b'mogħdrija, imsieħba mal-fatti, dawk is-saċerdoti li għal xi raġuni jew oħra jkunu qegħdin fil-periklu jew b'xi mod ikunu naqsu minn dmirijiethom.

Sabiex ikunu jistgħu jaħsbu aħjar għall-ġid tal-fidili, skont il-ħtieġa ta' kull wieħed, l-isqfijiet għandhom iħabirku sabiex jagħrfu fil-fond il-ħtiġijiet tagħhom u l-kundizzjonijiet soċjali li jgħixu fihom, u għandhom jagħmlu użu minn mezzi addattati, l-aktar mir-riċerka soċjali. Għandhom jagħtu attenzjoni lil kulħadd, irrispettivament mill-età, il-kundizzjoni, jew in-nazzjonalità ta’ dak li jkun, u jekk ikunx nattiv, stranġier, jew barrani. Huma u jagħmlu din il-ħidma pastorali l-isqfijiet għandhom jirriżervaw għall-fidili s-sehem dovut lilhom fil-ħidma tal-Knisja; huma għandhom ukoll jirrispettaw id-dmir u d-dritt tal-fidili li jikkollaboraw attivament fil-bini tal-Ġisem Mistiku  ta’ Kristu.

L-isqfijiet għandhom iħobbu l-aħwa mifrudin minna u jirrakkomandaw ukoll lill-fidili tagħhom li jittrattawhom bl-akbar ġentilezza u karità, u hekk jiffavorixxu l-ekumeniżmu kif tifhmu l-Knisja.[28] Għandhom jieħdu ħsieb ukoll ta' dawk li mhumiex mgħammdin sabiex lilhom ukoll tidher tiddi l-karità ta' Kristu Ġesù li tiegħu l-isqfijiet huma xhieda quddiem kulħadd.

Forom partikolari ta' appostolat

17. Għandhom ikunu żviluppati diversi għamliet ta' appostolat, u fid-djoċesi kollha u f'kull parti tagħha l-ħidmiet kollha tal-appostolat għandhom ikunu koordinati kif jixraq u magħqudin sfiq bejniethom taħt it-tmexxija tal-isqof. Hekk l-inizjattivi u l-ħidmiet kollha ta' għamla kateketika, missjunarja, karitattiva, soċjali, familjari, skolastika u kull xogħol ieħor maħsub għal skopijiet pastorali għandhom jitwasslu għal ħidma għalenija li biha tkun tidher aktar ċara l-unità tad-djoċesi.

Għandu jitfisser b'insistenza illi l-insara għandhom id-dmir li jagħmlu l-appostolat skont il-kapaċitajiet u l-istat tagħhom fil-ħajja u għandu jkun irrakkomandat lilhom li jieħdu sehem jew jagħtu appoġġ lill-ħidmiet differenti tal-appostolat tal-lajċi u speċjalment lill-Azzjoni Kattolika. Għandhom ukoll isibu appoġġ u jkunu żviluppati l-assoċjazzjonijet li direttament jew indirettament iwasslu għal skop soprannaturali, jiġifieri dawk li bihom tinkiseb ħajja aktar perfetta jew li bihom jitħabbar l-Evanġelju ta' Kristu lill-bnedmin jew tkun imxerrda d-duttrina nisranija u jissaħħaħ il-kult pubbliku jew li għandhom skopijiet soċjali jew li jagħmlu ħidmiet ta' tjieba u ta' karità.

L-għamliet ta' appostolat għandhom ikunu addattati għall-ħtiġijiet ta' żminijietna, mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċirkostanzi spiritwali u morali tal-bniedem, imma anke fir-rigward tal-kundizzjonijiet tiegħu soċjali, demografiċi u ekonomiċi. Ir-riċerka reliġjuża u soċjali, li ssir mill-uffiċċji tas-soċjoloġija pastorali, tikkontribwixxi mhux ftit biex jintlaħaq dan l-iskop, u hija ferm rakkomandata.

Ħsieb speċjali għal xi gruppi ta' fidili

18. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawk fost il-fidili li, minħabba l-mod kif jgħixu, ma jistgħux jirrikorru għall-kura pastorali komuni u ordinarja tal-kappillani, jew huma maqtugħin minnha.  Fost dawn insibu l-maġġoranza tal-migranti, l-eżiljati u r-refuġjati, nies tal-baħar, vjaġġaturi bl-ajru, nomadi u kategoriji oħra simili. Għandhom jiġu promossi wkoll metodi pastorali li jsostnu l-ħajja spiritwali ta’ dawk li jmorru f’artijiet oħra għal xi żmien għal skop ta’ rikreazzjoni.

Il-konferenzi episkopali u l-aktar dawk nazzjonali għandhom jagħtu attenzjoni ħerqana għall-problemi l-aktar urġenti li jolqtu lill-kategoriji ta' nies imsemmija u, b'mezzi u istituzzjonijiet opportuni, b'rieda u forza għalenija, jipprovdu b'mod xieraq għall-assistenza reliġjuża tagħhom filwaqt li jiftakru, qabel xejn, fid-dispożizzjonijiet mogħtija jew li għad jingħataw mis-Sede Appostolika[29] u li għandhom ikunu addattati kif jaqbel għaċ-ċirkostanzi taż-żmien, post u persuni.

Libertà tal-isqfijiet fir-relazzjonijiet mal-awtorità ċivili

19. Huma u jagħmlu l-ministeru appostoliku tagħhom, li għandu bħala skop is-salvazzjoni tal-bnedmin, l-isqfijiet, bħala tali, għandhom libertà sħiħa u perfetta u indipendenza minn kull awtorità ċivili. Għalhekk ħadd m'għandu jfixkilhom, direttament jew indirettament, milli jħaddmu l-inkarigu ekkleżjastiku tagħhom jew jimpedihom milli jkunu jistgħu liberament jikkomunikaw mas-Sede Appostolika jew ma' awtoritajiet ekkleżjastiċi oħra jew mas-sudditi tagħhom.

Bla dubju ta' xejn ir-rgħajja mqaddsa, mill-fatt stess illi jieħdu ħsieb il-ġid spiritwali tal-merħla tagħhom, iġibu 'l quddiem ukoll il-progress soċjali u ċivili u l-prosperità; għal dan l-iskop huma jgħaqqdu wkoll - dejjem fl-isfera tad-dmirijiet tagħhom u kif jixraq lill-isqfijiet - is-sehem tagħhom ta' ħidma ma' dak tal-awtoritajiet pubbliċi u jnisslu fil-fidili tagħhom ubbidjenza għal-liġijiet u rispett lejn l-awtoritajiet imwaqqfin leġittimament.

Libertà fil-ħatra tal-isqfijiet

20. Billi l-ministeru appostoliku twaqqaf minn Sidna Ġesù Kristu u jrid jilħaq skop spiritwali u soprannaturali, dan il-Konċilju Ekumeniku Mqaddes jiddikjara li d-dritt tan-nomina u tal-għażla tal-isqfijiet huwa proprju, pekuljari u bħala tali esklussiv għall-awtorità kompetenti tal-Knisja.

Għaldaqstant, sabiex titħares kif jixraq il-libertà tal-Knisja u biex il-ġid tal-fidili jintlaħaq aħjar u b'aktar ħeffa, dan il-Konċilju Mqaddes ifisser ix-xewqa li għal li ġej lill-awtorità ċivili ma jingħatawlhiex iżjed drittijiet u privileġġi ta' għażla, nomina, preżentazzjoni u ħatra għall-uffiċċju episkopali. Imbagħad, lil dawk l-awtoritajiet ċivili li bħalissa qegħdin igawdu dawn id-drittijiet u privileġġi bis-saħħa ta' xi ftehim jew konswetudni, dan il-Konċilju Mqaddes, filwaqt li jfisser ħajr u apprezzament sinċier għar-rispett muri minnhom lejn il-Knisja, jitlobhom bil-ħerqa sabiex wara ftehim mas-Sede Appostolika jogħġobhom jirrinunzjaw minn jeddhom għal dawk id-drittijiet u privileġġi.

Rinunzja għall-ministeru episkopali

21. La darba d-dmir pastorali tal-isqfijiet għandu importanza hekk kbira u jġib miegħu responsabbiltajiet gravi, l-isqfijiet djoċesani u dawk li skont il-liġi jingħaddu magħhom, huma mitlubin bil-ħeġġa sabiex, meta ħtija tal-età avvanzata tagħhom jew għal xi raġuni oħra gravi ma jibqgħux kapaċi li jkomplu jaqdu dmirijiethom, minn jeddhom jew fuq stedina tal-awtorità kompetenti jirrinunzjaw għall-uffiċċju tagħhom.  Min-naħa tagħha l-awtorità kompetenti, jekk taċċetta r-riżenja, għandha tipprovdi għall-manteniment xieraq ta’ dawk li jirriżenjaw u biex jingħatawlhom drittijiet speċjali.

 

II – ĊIRKOSKRIZZJONI TAD-DJOĊESIJIET

Reviżjoni tal-limiti tad-djoċesijiet

22. Sabiex ikun jista' jintlaħaq l-iskop proprju tad-djoċesi hu meħtieġ li tkun tidher ċara n-natura tal-Knisja għall-poplu ta’ Alla li jiffurmaw dik id-djoċesi. Meħtieġ ukoll li l-isqfijiet ikunu jistgħu jaqdu fid-djoċesi d-dmirijiet pastorali tagħhom b'mod effikaċi u li, fl-aħħar nett, b'mod kemm jista' jkun perfett, jittieħed ħsieb tal-assistenza spiritwali tal-poplu ta' Alla.

Dan kollu jitlob mhux biss determinazzjoni xierqa tal-limiti territorjali tad-djoċesi imma wkoll tqassim tal-kleru u tal-mezzi skont kif jitolbu l-eżiġenzi tal-appostolat. Dawn il-miżuri jisfaw ta' ġid mhux biss għas-saċerdoti u l-fidili interessati, imma għall-Knisja Kattolika kollha kemm hi.

Għaldaqstant, għal dak li jolqot iċ-ċirkoskrizzjonijiet djoċesani, il-Konċilju Mqaddes jiddisponi li fejn hekk jitlob il-ġid tal-erwieħ għandha bil-prudenza ssir kemm jista' jkun malajr reviżjoni tal-limiti tad-djoċesijiet billi ssir diviżjoni, żmembrament jew unjoni tagħhom jew bit-tibdil tal-limiti jew bit-trasferiment tas-sedi episkopali għal postijiet aktar addattati, jew, fl-aħħar nett, billi tingħatalhom organizzazzjoni interna ġdida, l-aktar meta jkunu djoċesijiet iffurmati minn bliet kbar.

Normi għar-reviżjoni tal-limiti tad-djoċesijiet

23.  Fir-reviżjoni tal-limiti tad-djoċesijiet jitqies qabel xejn li titħares l-unità organika ta' kull djoċesi għal dak li jolqot il-persuni, l-uffiċċji u l-istituzzjonijiet hekk kif isir għal ġisem ħaj. F'kull każ, imbagħad, wara li jkunu studjati b'attenzjoni ċ-ċirkostanzi kollha, għandhom jinżammu dawn il-kriterji li ġejjin:

(1) Meta jiġu stabbiliti l-limiti tad-djoċesi, sakemm ikun possibbli, wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh l-elementi differenti li minnhom ikun magħmul il-poplu ta' Alla; dan jgħin ħafna biex il-ħidma pastorali ssir aħjar. Fl-istess ħin dan għandu jsir b'mod li, safejn hu possibbli, dawn il-gruppi demografiċi, flimkien mal-uffiċċji u l-istituzzjonijiet soċjali li minnhom hija magħmula l-istruttura organika tagħhom, kemm jista' jkun jinżammu magħqudin flimkien. Għaldaqstant it-territorju ta' kull djoċesi m'għandux ikollu diviżjonijiet.

Jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu, għandhom ikunu osservati l-limiti taċ-ċirkoskrizzjonijiet ċivili u l-karatteristiċi speċjali tar-reġjuni u tal-persuni, bħall-isfond psikoloġiku, ekonomiku, ġeografiku u storiku.

(2) Ġeneralment l-estensjoni tat-territorju djoċesan u l-għadd ta' dawk li joqogħdu fih għandhom ikunu tali li minn naħa waħda l-isqof, ukoll jekk bl-għajnuna ta' oħrajn, ikun jista' jaqdi kif jixraq il-funzjonijiet ta' isqof u jagħmel il-visti pastorali, jidderieġi u jikkoordina b'mod xieraq il-ħidmiet kollha tal-appostolat fid-djoċesi u l-aktar li jkun jaf is-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-lajċi li b'xi mod jieħdu sehem fil-ħidmiet djoċesani; min-naħa l-oħra l-qasam tal-ħidma jrid ikun biżżejjed kbir u tajjeb illi kemm l-isqof kemm il-kleru jistgħu jimpenjaw b'mod utli l-enerġija tagħhom fil-ministeru filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom il-ħtiġijiet tal-Knisja universali.

(3) Fl-aħħar nett, sabiex ikun jista' jsir b'mod aktar konvenjenti l-ministeru tal-fidwa, għandha tkun osservata r-regola li f'kull djoċesi jkun hemm almenu biżżejjed saċerdoti, kemm fil-għadd kemm fl-idoneità, biex jieħdu ħsieb kif jixraq tal-poplu ta' Alla; m'għandhomx jonqsu l-uffiċċji, l-istituzzjonijiet u l-ħidmiet li huma proprji ta' kull knisja partikolari u li fil-prattika tkun tinħass il-ħtieġa tagħhom kemm għat-tmexxija kif imiss kemm għat-tħaddim tal-appostolat; u fl-aħħar, id-djoċesi jrid ikollha l-mezzi għall-manteniment tal-persuni u tal-istituzzjonijiet djoċesani, mezzi li jew id-djoċesi jkollha mill-ewwel jew li taħseb minn qabel bil-prudenza li jistgħu jinkisbu minn x'imkien.

Għal dan l-iskop, fejn jinsabu fidili ta' rit differenti, l-isqof għandu jipprovdi għall-ħtiġijiet tagħhom jew permezz ta' saċerdoti u parroċċi tar-rit tagħhom jew permezz ta' vigarju episkopali li jkollu l-fakultajiet meħtieġa u, jekk ikun jaqbel, ikun mogħni wkoll bil-karattru episkopali; jew l-isqof jista' jkun huwa stess Ordinarju ta’ riti differenti. Iżda jekk fil-fehma tas-Sede Appostolika, għal raġunijiet speċjali, ma jista' jsir xejn minn dan, għandha titwaqqaf ġerarkija proprja għal kull rit.[30]

F'ċirkostanzi bħal dawn jittieħed ħsieb tal-fidili ta' lingwi differenti jew permezz ta' saċerdoti jew parroċċi tal-istess ilsien, jew permezz ta' vigarju episkopali li jkun jaf tajjeb dak l-ilsien – u, jekk ikun meħtieġ, ikollu wkoll id-dinjità ta’ isqof – jew b’xi mod aktar addattat.

Konsultazzjoni tal-konferenzi episkopali

24. Dwar id-djoċesijiet jixraq illi, qabel ma jidħlu t-tibdil u t-tiġdid imsemmijin fin-numri 22-23 - filwaqt li tibqa' tgħodd id-dixxiplina tal-Knejjes Orjentali - dawn il-materji jgħaddu għall-eżami tal-konferenza episkopali kompetenti f'dak it-territorju u, jekk jaħsbu li jaqbel, jinqdew bl-għajnuna ta' kummissjoni episkopali speċjali, basta dejjem jintalab il-parir tal-isqfijiet tal-provinċji u tar-reġjunijiet interessati. Wara dan, għandhom iressqu l-pariri u l-proposti tagħhom lis-Sede Appostolika.

 

III – IL-KOPERATURI TAL-ISQOF DJOĊESAN FIL-MINISTERU PASTORALI

1) L-isqfijiet koadjuturi u awżiljarji

25.  Fit-tmexxija tad-djoċesijiet għandu jittieħed ħsieb tad-dmir pastorali tal-isqfijiet hekk illi l-ogħla skop ikun il-ġid tal-merħla tal-Mulej. Issa, sabiex jintlaħaq aħjar dan il-ġid, mhux rari li jkun meħtieġ li jinħatru isqfijiet awżiljarji għaliex l-isqof djoċesan ma jkunx jista’ personalment jaqdi d-dmirijiet kollha ta’ isqof kif jitlob il-ġid tal-erwieħ, jew għaliex id-djoċesi tkun kbira żżejjed, jew għaliex l-għadd ta’ dawk li joqogħdu fiha jkun kbir ħafna, jew minħabba ċirkostanzi partikolari tal-appostolat, jew għal kawżi oħra ta’ natura differenti. Anzi xi drabi, ħtiġijiet partikolari jeżiġu li lill-istess isqof tingħatalu l-għajnuna ta' isqof koadjutur. Dawn l-isqfijiet koadjuturi u awżiljarji għandhom ikollhom fakultajiet xierqa sabiex, filwaqt li tibqa' sseħħ l-unità tat-tmexxija djoċesana u l-awtorità tal-isqof djoċesan, l-azzjoni tagħhom tisfa aktar effikaċi u tkun imħarsa iżjed id-dinjità episkopali tagħhom. 

Għaldaqstant l-isqfijiet koadjuturi u awżiljarji,  sewwasew għaliex huma msejħa biex jieħdu sehem fir-responsabbiltà tal-isqof djoċesan, għandhom jaqdu l-uffiċċju tagħhom b'mod li kollox jimxi b'armonija perfetta miegħu. Dawn għandhom juru dejjem ubbidjenza u rispett lejn l-isqof djoċesan filwaqt li huwa, min-naħa tiegħu, għandu jħobbhom bħal aħwa u jistmahom.

Fakultajiet tal-isqfijiet awżiljarji u koadjuturi

26. Jekk qatt dan ikun meħtieġ għall-ġid tal-erwieħ, l-isqof djoċesan m'għandux isib diffikultà li jitlob lill-awtorità kompetenti awżiljarju, jew aktar minn wieħed, li jkunu kostitwiti għad-djoċesi mingħajr jedd ta' suċċessjoni.

Jekk dan ma jkunx diġà mfisser fl-ittra tan-nomina, l-isqof djoċesan għandu jaħtar l-awżiljarju jew l-awżiljarji bħala vigarji ġenerali tiegħu, jew għall-anqas bħala vigarji episkopali li jiddependu biss mill-awtorità tiegħu, u jikkonsultahom meta jkollu jeżamina l-problemi l-aktar importanti, speċjalment dawk ta' natura pastorali.

Sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddisponix mod ieħor, is-setgħat u l-fakultajiet tal-isqfijiet awżiljarji ma jiqfux meta tispiċċa l-amministrazzjoni tal-isqof djoċesan. Anzi hija ħaġa mixtieqa li meta s-sede tkun vakanti, jekk ma jkunx jaqbel li jsir mod ieħor għal raġunijiet gravi, l-inkarigu li jmexxi jkun fdat lill-isqof awżiljarju jew, jekk ikun hemm iżjed minn wieħed, lil xi wieħed minnhom.

L-isqof koadjutur, jiġifieri dak li jkun nominat bid-dritt tas-suċċessjoni, għandu dejjem jinħatar vigarju ġenerali mill-isqof djoċesan. F'każijiet partikolari jistgħu jingħatawlu fakultajiet akbar mill-awtorità kompetenti.

Biex jinkiseb ġid akbar għad-djoċesi, fil-preżent u fil-ġejjieni, l-isqof djoċesan u l-koadjutur tiegħu m’għandhomx jonqsu li jikkonsultaw lil xulxin f’materji ta’ importanza kbira.

2) Il-kurja djoċesana u kummissjonijiet

27. Fil-kurja djoċesana l-aktar uffiċċju importanti huwa dak ta’ vigarju ġenerali. Imma kull meta t-tmexxija għaqlija tad-djoċesi titlob dan, l-isqof jista' jaħtar vigarju episkopali wieħed jew aktar minn wieħed. Awtomatikament dawn ikunu jgawdu l-istess setgħa li d-dritt komuni jagħti lill-vigarju ġenerali, bid-differenza li tali setgħa tkun ristretta għal parti determinata tad-djoċesi, jew għal settur partikolari ta’ ħidma, jew għall-fidili ta’ xi rit partikolari.

Fost il-kollaboraturi tal-isqof fit-tmexxija tad-djoċesi jingħaddu wkoll is-saċerdoti li minnhom hu magħmul is-senat jew kunsill tiegħu, bħalma huma l-kapitlu tal-katidral, il-grupp tal-konsulturi u kunsilli oħra skont iċ-ċirkostanzi u n-natura tal-lokalitajiet differenti. Fejn meħtieġ, dawn l-istituzzjonijiet, u speċjalment il-kapitli tal-katidrali, għandhom jiġu rijorganizzati skont il-ħtiġijiet ta’ żmienna.

Is-saċerdoti u l-lajċi li jagħmlu parti mill-kurja għandhom jifhmu sewwa li huma qegħdin jgħinu fil-ministeru pastorali tal-isqof.

Il-kurja djoċesana għandha tkun organizzata b'mod illi sservi ta’ mezz tajjeb għall-isqof mhux biss biex jamministra d-djoċesi imma wkoll biex isiru l-ħidmiet tal-appostolat.

Hija ħaġa wisq mixtieqa li f'kull djoċesi jitwaqqaf kunsill pastorali speċjali taħt il-presidenza tal-isqof djoċesan u li fih jipparteċipaw saċerdoti, reliġjużi u lajċi magħżulin b’attenzjoni kbira. Ikun id-dmir ta' dan il-kunsill li jistudja u jeżamina dak kollu li jkollu x'jaqsam mal-ħidma pastorali biex imbagħad jipproponi konklużjonijiet prattiċi.

3) Il-kleru djoċesan

28. Billi s-saċerdoti kollha, kemm djoċesani kemm reliġjużi, flimkien mal-isqof għandhom sehem mis-saċerdozju ta' Kristu u jħaddmuh, huma maħturin bħala koperaturi providenzjali tal-ordni episkopali. Ir-responsabbiltà ewlenija tal-ħsieb tal-erwieħ taqa' fuq is-saċerdoti djoċesani li huma inkardinati jew assenjati għal knisja partikolari, għax huma ddedikaw lilhom infushom totalment għas-servizz u l-kura ta’ qasam wieħed tal-merħla tal-Mulej. Għalhekk huma jiffurmaw presbyterium wieħed u familja waħda li tagħha l-isqof huwa l-missier. Sabiex ikun jista' jqassam aħjar u b'aktar ekwità l-ministeri sagri fost is-saċerdoti tiegħu, l-isqof għandu jkollu l-libertà li jeħtieġ biex jagħti l-uffiċċji u l-benefiċċji; huma għalhekk imneħħija d-drittijiet u l-privileġġi li b'xi mod inaqqsu din il-libertà.

Ir-relazzjonijiet bejn l-isqof u s-saċerdoti djoċesani għandhom jinbnew l-aktar fuq il-karità soprannaturali b'mod illi r-rabta tar-rieda tas-saċerdoti mar-rieda tal-isqof twassal biex il-ħidma pastorali tagħhom tħalli iżjed frott. Għal dan l-iskop, sabiex is-servizz tal-erwieħ jimxi aktar 'il quddiem l-isqof għandu jsejjaħ is-saċerdoti biex jitkellmu miegħu, ukoll kollettivament, l-aktar dwar kwistjonijiet pastorali, mhux biss meta tinqala' xi okkażjoni iżda wkoll, kemm jista' jkun, f'intervalli fissi.

Barra minn hekk, is-saċerdoti djoċesani kollha għandhom ikunu magħqudin bejniethom u jħossuhom miġbuda mill-ħrara tal-ġid spiritwali tad-djoċesi kollha. Fl-istess ħin għandhom jiftakru wkoll li l-ġid materjali li jiksbu meta jħaddmu l-uffiċċju ekkleżjastiku tagħhom jintrabat mill-qrib mad-dmir imqaddes tagħhom; għalhekk għandhom jagħtu għajnuna ġeneruża fil-ħtiġijiet materjali tad-djoċesi skont id-dispożizzjonijiet tal-isqof u skont il-possibiltajiet tagħhom.

Is-saċerdoti li jagħtu ruħhom għal ħidmiet superparrokkjali

29.  Għandhom jitqiesu wkoll bħala kollaboraturi mill-eqreb tal-isqof dawk is-saċerdoti li huwa jafdalhom xi inkarigu pastorali jew xi ħidmiet ta' appostolat ta' għamla superparrokkjali, kemm dwar xi territorju determinat tad-djoċesi, kemm dwar xi kategorija speċjali ta' nsara, kemm dwar xi għamla partikolari ta' ħidma.

Jagħtu wkoll kollaborazzjoni prezzjuża dawk is-saċerdoti li lilhom l-isqof jafda inkarigi differenti ta' appostolat, fl-iskejjel, fl-istituzzjonijiet jew fl-għaqdiet. Is-saċerdoti mogħtijin għal ħidmiet superdjoċesani, la darba jwettqu ħidma siewja ta' appostolat, jistħoqqilhom huma wkoll konsiderazzjoni partikolari, l-aktar min-naħa tal-isqof tad-djoċesi li joqogħdu fiha.

Il-kappillani

30. Madankollu, il-kappillani huma kollaboraturi tal-isqof b’mod veru speċjali: lilhom, bħala rgħajja tabilħaqq tagħhom, huma fdati l-erwieħ f'parti determinata tad-djoċesi taħt l-awtorità tal-istess isqof.

(1) Meta jaqdu l-missjoni tagħhom ta' ħsieb l-erwieħ, il-kappillani, bil-koperaturi tagħhom, għandhom jaqdu d-dmir tagħhom ta' tagħlim, tqaddis u treġija b'mod illi l-insara u l-komunitajiet partikolari jħossuhom tassew membri mhux biss tad-djoċesi imma wkoll tal-Knisja universali. Għalhekk għandhom jaħdmu id f’id ma’ kappillani oħra u ma’ saċerdoti li jeżerċitaw il-ministeru pastorali f'dak it-territorju (bħalma huma, per eżempju, il-vigarji foranji u d-dekani), kif ukoll ma’ dawk li huma maħturin għal ħidma ta' għamla superparrokkjali, sabiex il-ħidma pastorali fid-djoċesi jkollha l-unità meħtieġa u ssir aktar effikaċi.

Il-ħsieb tal-erwieħ għandu jkun ukoll mimli bi spirtu missjunarju hekk li jilħaq kif għandu jkun lil dawk kollha li joqogħdu fil-parroċċa. U jekk il-kappillani ma jistgħux jilħqu xi gruppi ta' nies, għandhom jirrikorru għall-ħidma ta' oħrajn fosthom lajċi wkoll, sabiex jgħinuhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-appostolat.

Sabiex il-kura tal-erwieħ issir aktar effikaċi, ta' min jirrakkomanda bil-ħeġġa l-ħajja komuni tas-saċerdoti u l-aktar ta' dawk li jkunu addetti għall-istess parroċċa, għaliex din il-ħajja, filwaqt li tgħin il-ħidma appostolika, tagħti lill-insara eżempju ta' karità u ta' għaqda.

(2) Meta jaqdu l-ministeru tat-tagħlim il-kappillani għandhom: jippritkaw il-kelma ta' Alla lill-fidili kollha sabiex dawn, fuq il-pedament tat-tama, tal-fidi u tal-karità, jikbru fi Kristu u l-komunità nisranija tagħti xhieda tal-karità li l-Mulej irrakkomanda[31]; bl-istruzzjoni tal-katekiżmu għandhom ukoll imexxu lill-insara sabiex b'mod addattat għall-età ta' kull wieħed dawn jagħrfu fil-milja tiegħu l-misteru tas-salvazzjoni. Meta jagħtu din l-istruzzjoni huma għandhom jinqdew mhux biss bil-ħidma tar-reliġjużi iżda wkoll bil-kollaborazzjoni tal-lajċi u jwaqqfu wkoll il-Konfraternità tad-Duttrina Nisranija.

Fil-qadi tal-ministeru tat-tqaddis il-kappillani jqisu li jieħdu ħsieb li ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija ssir iċ-ċentru u l-quċċata tal-ħajja kollha tal-komunità nisranija; kif ukoll jitħabtu sabiex il-fidili jmantnu l-ħajja spiritwali tagħhom billi jiffrekwentaw b’devozzjoni u ta’ spiss is-sagramenti mqaddsa u billi jieħdu sehem attiv fil-liturġija u b'mod li jifhmu x'ikun qed isir. Il-kappillani għandhom imbagħad jiftakru wkoll li s-sagrament tal-qrar huwa ta' għajnuna mill-akbar għall-ħajja nisranija: għalhekk juru rwieħhom disposti u lesti biex jisimgħu l-qrar tal-insara u jekk ikun meħtieġ jitolbu l-għajnuna ta' saċerdoti oħra li jafu sewwa lingwi differenti.

Meta jaqdu d-dmir tagħhom ta' rgħajja, il-kappillani għandhom ifittxu qabel xejn li jsiru jafu l-merħla tagħhom. U ladarba huma l-qaddejja tal-insara kollha għandhom iħabirku sabiex ikattru l-ħajja nisranija f'kull nisrani, fil-familji, fl-għaqdiet, speċjalment dawk dedikati għall-appostolat, u fil-komunità parrokkjali kollha kemm hi. Għalhekk għandhom iżuru d-djar u l-iskejjel kif jitlob minnhom l-uffiċċju pastorali tagħhom; jieħdu ħsieb bil-ħeġġa kollha l-adolexxenti u ż-żgħażagħ; b'karità ta' missier jinteressaw irwieħhom mill-fqar u mill-morda; jieħdu ħsieb partikolari tal-ħaddiema, u jqanqlu lill-insara biex jgħinu l-ħidmiet tal-appostolat.

(3) Il-vigarji parrokkjali, bħala kollaboraturi tal-kappillan, ta' kuljum għandhom jagħtu għajnuna siewja u attiva fil-qadi tal-ministeru pastorali taħt l-awtorità tal-kappillan. Għalhekk bejn il-kappillan u l-vigarji tiegħu għandu jkun hemm relazzjonijiet ta' aħwa, karità u rispett reċiproku. Il-kappillan u l-vigarji għandhom iwieżnu lil xulxin bil-pariri, bl-għajnuna u bl-eżempju; u flimkien jagħmlu x-xogħol tal-parroċċa għalenija fil-fehma u fil-ħeġġa tagħhom.

Nomina, trasferiment, tneħħija u rinunzja tal-kappillani

31.  Meta l-isqof ikollu jiġġudika jekk saċerdot huwiex tajjeb biex imexxi parroċċa, għandu jżomm quddiem għajnejh mhux biss jekk huwiex għaref iżda wkoll jekk għandux tjieba, ħeġġa appostolika u talenti u kwalitajiet oħra meħtieġa biex il-ħidma tal-ħsieb tal-erwieħ issir sewwa.

Barra minn dan, billi l-iskop kollu tal-ministeru parrokkjali huwa l-ġid tal-erwieħ, sabiex l-isqof ikun jista' jasal aktar bil-ħeffa u b'mod xieraq biex jimla parroċċa vakanti, għandhom ikunu aboliti – b’eċċezzjoni tad-dritt tar-reliġjużi u wkoll, fejn għadha teżisti, il-liġi tal-konkors ġenerali jew partikolari – id-drittijiet kollha ta’ preżentazzjoni, tan-nomina u ta’ riżerva.

Fil-parroċċa tagħhom il-kappillani għandhom jitħallew igawdu fl-uffiċċju tagħhom dik l-istabbilità li jitlob il-ġid tal-erwieħ. Għalhekk, filwaqt li titneħħa kull distinzjoni bejn dawk il-kappillani li jimxu minn parroċċa għall-oħra jew oħrajn, għandha tkun riveduta u magħmula aktar sempliċi s-sistema kif il-kappillani jkunu trasferiti jew jitneħħew biex l-isqof ikun jista' jaħseb aħjar fil-ġid tal-erwieħ filwaqt li tibqa' mħarsa l-ekwità naturali u kanonika.  

Il-kappillani li jew ħtija tal-età kbira tagħhom jew għal xi raġuni oħra gravi ma jistgħux jaqdu iżjed b'riżultati tajba l-ministeru tagħhom, huma mitlubin minnufih sabiex minn rajhom jew fuq stedina tal-isqof jirrinunzjaw għall-uffiċċju tagħhom. Min-naħa tiegħu l-isqof għandu jieħu ħsieb jipprovdi manteniment xieraq lil dawk li jkunu rrinunzjaw.

Twaqqif u soppressjoni ta' parroċċa

32.  Fl-aħħar nett, is-salvazzjoni tal-erwieħ għandha tkun ir-raġuni waħdanija li għaliha jkunu deċiżi jew riveduti t-twaqqif u s-soppressjoni ta’ parroċċi u tibdil ieħor simili li l-isqof ikun jista' jagħmel bis-setgħa tal-awtorità tiegħu.

4) Ir-reliġjużi u l-ħidmiet tal-appostolat

33.  Ir-reliġjużi kollha - u magħhom, fil-materji li ġejjin, huma ekwiparati l-membri tal-istituti l-oħra li jipprofessaw il-kunsilli evanġeliċi - skont il-vokazzjoni partikolari ta' kull istitut, għandhom l-obbligu li jaħdmu bi mpenn u bl-attenzjoni kollha għall-bini u t-tkabbir tal-Ġisem Mistiku ta' Kristu u għall-ġid tal-knejjes partikolari.

Huma obbligati li jilħqu dan l-iskop fuq kollox bit-talb, bl-opri ta' penitenza u bl-eżempju tal-ħajja tagħhom; dan il-Konċilju Mqaddes iħeġġiġhom bil-qalb sabiex ikattru dejjem fihom infushom il-qima u l-ħeġġa għal dawn il-ħwejjeġ. Imma fl-istess ħin huma għandhom jieħdu sehem dejjem akbar fil-ħidmiet esterni tal-appostolat filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom ix-xejra proprja ta' kull istitut.    

Ir-reliġjużi, koperaturi tal-isqof fl-appostolat

34.     Ir-reliġjużi saċerdoti, li huma kkonsagrati għall-uffiċċju tal-presbiterat sabiex ikunu huma wkoll kollaboraturi għaqlin tal-ordni episkopali, illum iżjed minn fl-imgħoddi jistgħu jkunu ta' għajnuna siewja lill-isqfijiet ladarba żdiedu l-ħtiġijiet tal-erwieħ. Għaldaqstant, safejn huma jieħdu sehem fil-ħsieb tal-erwieħ u fil-ħidmiet tal-appostolat taħt it-treġija tar-rgħajja mqaddsa, ir-reliġjużi saċerdoti għandhom jitqiesu illi f'ċertu mod tassew jagħmlu sehem mill-kleru tad-djoċesi.

Ir-reliġjużi l-oħra wkoll, sew irġiel sew nisa, li huma wkoll jagħmlu sehem, f'ċertu sens partikolari, mill-familja djoċesana, jagħtu għajnuna kbira lill-ġerarkija mqaddsa; u billi l-ħtiġijiet tal-appostolat kibru, jistgħu u għandhom jagħtu għajnuna akbar.

Prinċipji dwar l-appostolat tar-reliġjużi fid-djoċesi

35.  Iżda sabiex f'kull djoċesi l-ħidmiet tal-appostolat isiru dejjem bi ftehim, u titħares l-unità tal-ħajja djoċesana, qegħdin jiġu stabbiliti dawn il-prinċipji fundamentali:

(1) Ir-reliġjużi kollha għandhom dejjem jittrattaw l-isqfijiet, bħala suċċessuri tal-appostli, b'rispett u qima. Meta huma leġittimament imqabbdin għal xi ħidma appostolika, għandhom jagħmlu x-xogħol tagħhom b'mod li jgħinu l-isqfijiet u jaħdmu taħt l-awtorità tagħhom.[32] Anzi r-reliġjużi għandhom jesegwixxu fil-pront u bil-fedeltà t-talbiet u x-xewqat tal-isqfijiet sabiex jieħdu f'idejhom responsabbiltajiet dejjem akbar fil-ministeru tas-salvazzjoni tal-erwieħ, fir-rispett tan-natura u l-kostituzzjonijiet ta' kull istitut. Dawn il-kostituzzjonijiet, jekk ikun meħtieġ, għandhom ikunu addattati għall-iskop imsemmi skont il-prinċipji ta' dan id-digriet konċiljari.

L-aktar quddiem il-ħtiġijiet urġenti tal-erwieħ u billi l-għadd tal-kleru djoċesan naqas, l-istituti reliġjużi li mhumiex mogħtija esklussivament għall-ħajja kontemplattiva, jistgħu jkunu mistednin mill-isqfijiet sabiex fir-rispett tax-xejra ta' kull istitut, jikkollaboraw f'ministeri pastorali differenti. U s-superjuri reliġjużi, sakemm huwa possibbli, għandhom iħeġġu lil dawk li jiddependu minnhom sabiex jagħtu din il-kollaborazzjoni billi wkoll jaċċettaw it-tmexxija ta’ parroċċi, anke għal żmien temporanju.

(2) Ir-reliġjużi dedikati għall-appostolat estern għandhom ikunu mimlija bl-ispirtu tal-istitut reliġjuż tagħhom, u jibqgħu fidili għall-osservanza tar-regola u joqogħdu għas-superjuri tagħhom. U l-isqfijiet ma għandhomx jonqsu li jirrakkomandaw lir-reliġjużi dan l-obbligu tagħhom.

(3) L-eżenzjoni li bis-saħħa tagħha r-reliġjużi huma msejħa biex jagħtu servizz lill-Papa jew lil xi awtorità ekkleżjastika oħra u huma meħlusa mill-ġurisdizzjoni tal-isqfijiet, għandha x'taqsam l-iżjed mal-ordni intern tal-istituti sabiex fihom kollox ikun koordinat, imqassam sewwa u jwassal għat-tkattir u għall-perfezzjonament tal-ħajja reliġjuża.[33] Din l-istess eżenzjoni tippermetti lill-Papa li jiddisponi mir-reliġjużi għall-ġid tal-Knisja universali[34]; u lil awtoritajiet kompetenti oħrajn li jinqdew bil-ħidma tagħhom b'riżq il-knejjes li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

Iżda din l-eżenzjoni ma tfixkilx li f'kull waħda mid-djoċesijiet ir-reliġjużi jkunu suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-isqfijiet skont kif  tgħid il-liġi u skont kif jitolbu kemm il-ministeru pastorali tal-isqfijiet kemm l-organizzazzjoni tajba tal-ħidma għall-erwieħ.[35]

(4) Ir-reliġjużi kollha, eżenti u mhumiex, għandhom joqogħdu għall-awtorità tal-Ordinarji tal-post f'dak kollu li għandu x'jaqsam mal-eżerċizzju pubbliku tal-kult divin - barra fejn jeżistu differenzi fir-riti - il-ħsieb tal-erwieħ, il-predikazzjoni lill-poplu, l-edukazzjoni reliġjuża u morali tal-insara, l-aktar dik tat-tfal, it-tagħlim tal-katekiżmu u l-formazzjoni liturġika, id-dekor tal-kleru u fl-aħħar nett il-ħidmiet differenti li għandhom x'jaqsmu mal-eżerċizzju tal-appostolat imqaddes. L-iskejjel kattoliċi tar-reliġjużi huma wkoll suġġetti għall-Ordinarju tal-post f'dak li għandu x'jaqsam mal-organizzazzjoni ġenerali tagħhom u l-viġilanza fuqhom, filwaqt li jibqa' mħares id-dritt tar-reliġjużi dwar id-direzzjoni tal-iskejjel. Hekk ukoll ir-reliġjużi huma obbligati josservaw dawk id-dispożizzjonijiet li l-konċilji jew konferenzi tal-isqfijiet leġittimament jistabbilixxu għal kulħadd.

(5) Għandu jingħata appoġġ lill-istrutturi ta’ kollaborazzjoni bejn komunitajiet reliġjużi differenti u bejn dawn u l-kleru djoċesan. Barra minn hekk jeħtieġ illi jkun hemm koordinazzjoni stretta bejn il-ħidma kollha appostolika u attivitajiet li jiddependu speċjalment fuq dispożizzjoni soprannaturali tal-ispirtu u tal-qalb li hija mibnija  u mwaqqfa fuq il-karità. Dan ix-xogħol ta' koordinament imiss lis-Sede Appostolika għall-Knisja kollha, lir-rgħajja mqaddsa fid-djoċesijiet tagħhom, lis-sinodi patrijarkali u lill-konferenzi tal-isqfijiet fit-territorji tagħhom.

F'dak li għandu x'jaqsam ma’ ħidmiet ta' appostolat li jagħmlu r-reliġjużi, isqfijiet jew konferenzi episkopali, superjuri reliġjużi jew konferenzi ta’ superjuri reliġjuzi maġġuri, għandhom jieħdu azzjoni biss wara li jkunu kkonsultaw lil xulxin.

(6) Sabiex ir-relazzjonijiet tajba u li jħallu frott bejn l-isqfijiet u r-reliġjużi jimxu 'l quddiem, tkun ħaġa tajba li l-isqfijiet u r-reliġjużi, kull tant żmien jew meta dan jitqies opportun, jiltaqgħu flimkien biex jiddiskutu materji li għandhom x'jaqsmu mal-ħidma tal-appostolat in ġenerali fit-territorju tagħhom.

 

Kap III

IL-KOPERAZZJONI TAL-ISQFIJIET GĦALL-ĠID KOMUNI TA' DJOĊESIJIET DIFFERENTI

 

I –SINODI, KONĊILJI U KONFERENZI EPISKOPALI

Sinodi u konċilji partikolari

36.  Sa mill-ewwel sekli tal-Knisja, l-għaqda tal-aħwa fil-karità u l-impenn għall-missjoni universali fdata lill-appostli qanqlu lill-isqfijiet responsabbli għat-tmexxija ta' knejjes partikolari, biex jiġbru flimkien il-ħiliet u l-fehmiet tagħhom u hekk iġibu 'l quddiem il-ġid komuni u l-ġid ta' kull waħda mill-knejjes tagħhom. Għal dan l-iskop twaqqfu s-sinodi, il-kunsilli provinċjali u, fl-aħħar nett, il-konċilji plenarji, li fihom l-isqfijiet ħadu deċiżjonijiet fuq sistemi komuni li għandhom jadottaw fit-tagħlim tal-veritajiet tal-fidi u biex jirregolaw id-dixxiplina ekkleżjastika fil-knejjes differenti.

Issa dan is-Sinodu Ekumeniku Mqaddes jixtieq ħafna li l-istituzzjoni meqjuma tas-sinodi u tal-konċilji terġa' tieħu saħħa ġdida sabiex jittieħed ħsieb b'mod aktar xieraq u effikaċi tat-tkattir tal-fidi u tal-ħarsien tad-dixxiplina fil-knejjes differenti skont ma jitolbu ż-żminijiet.

L-importanza tal-konferenzi episkopali

37.  Jiġri ta' spiss, l-aktar fi żminijietna, illi l-isqfijiet jistgħu jsibuha bi tqila jagħmlu l-ħidma tagħhom b'mod xieraq u b'riżultati tajbin jekk ma jsibux il-koperazzjoni dejjem iżjed mill-qrib u għalenija tal-isqfijiet l-oħra. U billi l-konferenzi episkopali - diġà mwaqqfin f'ħafna nazzjonijiet - diġà taw prova ta' appostolat iktar fejjiedi, dan il-Konċilju Mqaddes iżomm li tkun ħaġa utli ħafna li fid-dinja kollha l-isqfijiet tal-istess nazzjon jew reġjun jiffurmaw korp wieħed u jiltaqgħu minn żmien għal żmien sabiex, waqt li jgħaddu esperjenzi u pariri lil xulxin, joħolqu ftehim qaddis ta' forzi għall-ġid komuni tal-knejjes.

Għalhekk il-Konċilju jistabbilixxi dan li ġej dwar il-konferenzi episkopali:

Definizzjoni, struttura, kompetenza u koperazzjoni tal-konferenzi

38.  (1) Il-konferenza episkopali hija għamla ta' assemblea li fiha r-rgħajja mqaddsa ta' nazzjon jew territorju determinat iwettqu f'għaqda flimkien l-uffiċċju pastorali tagħhom għat-tkattir tal-ġid li l-Knisja toffri lill-bnedmin, l-aktar permezz ta' dawk l-għamliet u metodi ta' appostolat li huma addattati għaċ-ċirkostanzi ta' żmienna.

(2) Huma membri tal-konferenza episkopali l-Ordinarji lokali kollha ta' kull rit - bl-eċċezzjoni tal-vigarji ġenerali – u l-koadjuturi, l-awżiljarji u l-isqfijiet l-oħra titulari inkarigati minn xi uffiċċju speċjali mis-Sede Appostolika jew mill-konferenza episkopali. L-isqfijiet titulari l-oħra u - minħabba l-uffiċċju partikolari li għandhom fit-territorju - il-legati tal-Papa, mhumiex bi dritt membri tal-konferenza.

Fil-konferenza l-Ordinarji lokali u l-koadjuturi għandhom vot deliberattiv. L-istatuti tal-konferenza jiddeterminaw jekk l-awżiljarji u l-isqfijiet l-oħra li għandhom dritt jieħdu sehem fiha jkollhomx vot deliberattiv jew vot konsultiv.

(3) Kull konferenza episkopali tfassal l-istatuti tagħha, li għandhom ikunu approvati mis-Sede Appostolika, u fihom, fost affarijiet oħra, għandhom ikunu stabbiliti l-uffiċċji li jaqblu l-aktar għall-iskop tagħha bħalma jistgħu jkunu, per eżempju, kunsill permanenti tal-isqfijiet, kummissjonijiet episkopali u segretarjat ġenerali.

(4) Id-deċiżjonijiet tal-konferenza episkopali, sakemm meħuda skont il-liġi u għall-anqas b'żewġ terzi tal-voti tal-isqfijiet li huma membri tal-konferenza b'vot deliberattiv, u li jkunu ngħataw għall-eżami tas-Sede Appostolika, għandhom forza li jobbligaw ġuridikament f'dawk il-każijiet biss li jkunu determinati mid-dritt komuni jew li jkunu deċiżi minn xi preskrizzjoni speċjali tas-Sede Appostolika, mogħtija jew spontanjament jew wara talba tal-istess konferenza.

(5) Jekk xi ċirkostanzi speċjali jitolbu dan, l-isqfijiet ta' aktar minn nazzjon wieħed, bl-approvazzjoni tas-Sede Appostolika, jistgħu jiffurmaw konferenza waħda.

Ir-relazzjonijiet bejn konferenzi episkopali ta' pajjiżi differenti għandhom jissaħħu biex jinkiseb u jitħares l-akbar ġid.

(6) Huwa rrakkomandat bil-ħeġġa kollha li l-isqfijiet tal-Knejjes Orjentali, meta fis-sinodi tagħhom jippruvaw iġibu 'l quddiem id-dixxiplina tal-knejjes tagħhom u jippromwovu b'mod dejjem aktar effikaċi l-ħidmiet maħsuba għall-ġid tar-reliġjon, iżommu wkoll quddiem għajnejhom il-ġid komuni tat-territorju kollu fejn ikunu jinsabu għadd ta' knejjes ta' riti differenti, u jqabblu l-opinjonijiet tagħhom fil-laqgħat interritwali skont in-normi mogħtija mill-awtorità kompetenti.

 

II – IL-LIMITI TAL-PROVINĊJI EKKLEŻJASTIĊI U T-TWAQQIF TA’ REĠJUNIJIET EKKLEŻJASTIĊI 

Prinċipji għar-reviżjoni tal-limiti

39. Il-ġid tal-erwieħ jitlob li jingħataw limiti adegwati mhux biss lid-djoċesijiet iżda wkoll lill-provinċji ekkleżjastiċi sabiex il-ħtiġijiet tal-appostolat, skont il-kundizzjonijiet soċjali u lokali, jintlaħqu aħjar u sabiex isiru b'aktar ħeffa u profitt il-kuntatti tal-isqfijiet bejniethom, mal-metropoliti, u mal-isqfijiet l-oħra tal-istess nazzjon, u wkoll mal-awtoritajiet ċivili.

In-normi

40. Għaldaqstant, sabiex jintlaħqu l-iskopijiet imsemmija, dan is-sinodu mqaddes jiddisponi dan li ġej:

(1) Għandhom ikunu mistħarrġa mill-ġdid kif jixraq iċ-ċirkoskrizzjonijiet tal-provinċji ekkleżjastiċi u jkunu definiti b'normi ġodda d-drittijiet u l-privileġġi tal-metropolitani.

(2) Bħala regola, id-djoċesijiet kollha u ċ-ċirkoskrizzjonijiet territorjali l-oħra li huma ekwiparati għad-djoċesijiet għandhom ikunu magħqudin f'xi provinċja ekkleżjastika. Għalhekk dawk id-djoċesijiet li huma immedjatament suġġetti għas-Sede Appostolika u li mhumiex diġà magħquda ma' djoċesi oħra għandhom, jekk ikun possibbli, jingħaqdu fi provinċja ekkleżjastika ġdida jew jingħaqdu mal-provinċja l-aktar qrib jew li taqbel l-iżjed għalihom u jitqiegħdu taħt il-jedd ta' metropolita, kif jitlob id-dritt komuni.

(3) Jekk tinħass l-utilità, il-provinċji ekkleżjastiċi għandhom jinġabru f'reġjunijiet ekkleżjastiċi u jsiru provvedimenti ġuridiċi għall-istruttura tagħhom.

Il-parir tal-konferenzi episkopali

41.  Jixraq li l-konferenzi episkopali kompetenti jeżaminaw il-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu maċ-ċirkoskrizzjoni tal-provinċji u mat-twaqqif tar-reġjunijiet skont in-normi diġà mogħtija fin-numri 23 u 24 dwar iċ-ċirkoskrizzjoni tad-djoċesijiet, u mbagħad iressqu lis-Sede Appostolika l-pariri u d-deċiżjonijiet tagħhom.

 

III – DWAR L-ISQFIJIET LI GĦANDHOM KARIGA INTERDJOĊESANA

Koperazzjoni mal-isqfijiet

42.  Billi l-ħtiġijiet pastorali jitolbu iżjed minn qabel li xi karigi pastorali jkunu mmexxija u żviluppati bi ftehim u b'koordinament, hija ħaġa siewja li jitwaqqfu xi uffiċċji li jistgħu jaqdu lid-djoċesijiet kollha jew lil għadd ta' djoċesijiet ta' xi reġjun jew nazzjon determinat; dawn l-uffiċċji jistgħu jkunu fdati wkoll lil isqfijiet.

Issa dan il-Konċilju Mqaddes jirrakkomanda li bejn il-prelati jew l-isqfijiet li jkollhom dawn l-uffiċċji minn naħa l-waħda u l-isqfijiet djoċesani u l-konferenzi episkopali min-naħa l-oħra, issaltan dejjem l-unjoni tal-aħwa u li jkunu għalenija fil-ħeġġa pastorali.

Ir-relazzjonijiet ta’ hawn fuq għandhom ikunu definiti mid-dritt komuni.

Il-vigarji għan-nies tal-militar

43.  Billi l-ħidma pastorali fost in-nies tal-militar, minħabba l-kundizzjonijiet partikolari tal-ħajja tagħhom, titlob attenzjoni għalkollox speċjali, f'kull nazzjon, safejn ikun possibli, għandu jitwaqqaf il-vigarjat għan-nies tal-militar (kastrensi). Kemm il-vigarju kemm il-kappillani militari għandhom jingħataw b'ħeġġa għal dan il-ministeru diffiċli filwaqt li jikkoperaw bis-sħiħ mal-isqfijiet djoċesani.[36]

Għal dan l-iskop, l-isqfijiet djoċesani għandhom jagħtu lill-vigarju kastrensi għadd biżżejjed ta' saċerdoti tajbin għal dan l-uffiċċju u għandhom jappoġġjaw l-inizjattivi maħsuba għall-ġid spiritwali tan-nies tal-militar.[37]          

           

MANDAT ĠENERALI

            

44.   Dan is-sinodu mqaddes jiddisponi li fir-reviżjoni tal-kodiċi tal-liġijiet tal-Knisja jkunu stabbiliti liġijiet xierqa fuq il-prinċipji deċiżi f'dan id-digriet u skont l-osservazzjonijiet imressqin mill-kummissjonijiet u mill-padri tal-konċilju.

Dan is-sinodu mqaddes jiddegrieta wkoll li jitħejjew direttorji ġenerali dwar il-kura tal-erwieħ għall-użu kemm tal-isqfijiet kif ukoll tal-kappillani. Hekk dawn ikollhom regoli żguri li jgħinuhom jaqdu aħjar u b'aktar ħeffa l-ministeru pastorali tagħhom.

Għandu jitħejja wkoll direttorju speċjali għall-kura pastorali ta' gruppi partikolari ta' nsara skont iċ-ċirkostanzi differenti ta' kull nazzjon jew reġjun; hekk ukoll jitħejja direttorju għat-tagħlim tal-katekiżmu lill-poplu li fih jitniżżlu mhux biss il-prinċipji fundamentali ta' dan it-tagħlim iżda jkunu ttrattati wkoll l-organizzazzjoni ta' dan it-tagħlim u t-tħejjija tal-kotba li għandhom x'jaqsmu ma' din il-materja. Waqt li jkunu qed jitħejjew dawn id-direttorji wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh ukoll l-osservazzjonijiet tal-kummissjonijiet jew tal-padri konċiljari.

 

 

28 ta' Ottubru 1965

 

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

Iva 2319, Le 2, Nulli 1 (Total 2322)

 

 

Ħajr lill-Moviment Azzjoni Soċjali tal-permess biex jintuża t-test bil-Malti tal-Edizzjoni Studia,1982.

Ħajr ukoll lil Joyce Hili tar-reviżjoni tat-test bil-Malti. 2023.

 

----------------

 

[1] Cf. Mt 1,21.

[2] Cf. Ġw 20,21.

[3] Cf. VAT. I, Sess. IV, KD dwar il-Knisja ta' Kristu, c.3, DENZ. 1828 (3061). 

[4] Cf. VAT. I, Sess. IV, KD dwar il-Knisja ta' Kristu, Prooem., DENZ. 1821 (3050).

[5] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, Kap III, nn.21,24,25: AAS  57 (1965) pp.24-25, 29-31. 

[6] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja , Kap III, n.21,  AAS  57 (1965) pp.24-25.

[7] Cf. ĠWANNI XXIII, KA Humanae salutis, 25 Diċ 1961: AAS  54 (1962) p.6.

[8] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, Kap III, n.22: AAS  57 (1965) pp.25-27.

[9] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, ibid.

[10] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, ibid.

[11] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, ibid.

[12] Cf. PAWLU VI, Motu proprio Apostolica sollicitudo, 15 Set 1965.  

[13] Cf. VAT. II, KD dwar il- Knisja, Kap III, n.23: AAS  57 (1965) pp.27-28.

[14] Cf. PIJU XII, IE Fidei donum, 21Apr 1957:  AAS 49 (1957) p.237ss; cf. ukoll: BENEDITTU XV, 1A Maximum illud, 30 Nov 1919: AAS 11 (1919) p.440; PIJU XI, IE Rerum Ecclesiae, 28 Frar 1926: AAS 18 (1926) p.68.    

[15] Cf. PAWLU VI, Allokuzzjoni lill-Kardinali, l-Isqfijiet, il-Prelati u l-Uffiċjali l-oħra tal-Kurja Rumana, 21 Set 1963.  AAS 55 (1963) p.793ss.  

[16] Cf. VAT. II, Digr. dwar il-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant, 21 Nov 1964, nn.7-11: AAS  57 (1965) pp.79-80. 

[17] Cf. TRENTU, Sess. V, Digr. de reform., c.2, MANSI 33,30; Sess. XXIV, Digr. de reform., c. MANSI 33,159.  [Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, Kap III, n.25: AAS 57 (1965) p.29ss].

[18] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, Kap III, n. 25: AAS 57 (1965) pp.29-31.

[19] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Pacem in terris, 11 Apr 1963, passim: AAS 55 (1963) pp.257-304.

[20] Cf. PAWLU VI, IE Ecclesiam Suam, 6 Awi 1964: AAS 56 (1964) p.369.

[21] Cf. PAWLU VI, IE Ecclesiam Suam, 6 Awi 1964: AAS 56 (1964) pp.644-645.

[22] Cf. VAT. II, Digr. dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali, 4 Diċ 1963: AAS 56 (1964) pp.145-153. 

[23] Cf. VAT. II, KD dwar il-Liturġija Mqaddsa, 4 Diċ 1963: AAS  45 (1964) p.97ss; PAWLU VI, Motu proprio Sacram Liturgiam, 25 Jan 1964: AAS  56 (1964) p.139 ss. 

[24] Cf. PIJU XII, IE Mediator Dei, 20 Nov 1947: AAS 39 (1947) p.251ss; PAWLU VI, IE Mysterium Fidei, 3 Set 1965: AAS 57 (1965) pp.753-774.   

[25] Cf. Atti 1,14; 2,46.

[26] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, Kap VI, nn.44-45;  AAS  57 (1965) pp.50-52. 

[27] Cf. Lq 22,26-27.

[28] Cf. Ġw 15,15.

[29] Cf. VAT. II, Digr. dwar l-Ekumeniżmu, 21 Nov 1964: AAS  57 (1965) pp.90-107.

[30] Cf.  S. PIJU X, Motu proprio Iam pridem, 19 Mar 1914: AAS  6 (1914) p.174ss; PIJU XII, KA Exsul Familia, 1 Awi 1952: AAS  44 (1952) p.652ss; Leges Operis Apostolatus Maris, magħmulin bl-awtorità ta' Piju XII, 21 Nov 1957: AAS  50 (1958) p.357ss. 

[31] Cf. VAT. II, Digr. dwar il-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant, 21 Nov 1964, n.4: AAS  57 (1964) p.77. 

[32] Cf. Ġw 13,35.

[33] Cf. PIJU XII, Allokuzzjoni, 8 Diċ 1950: AAS  43 (1951) p.28. cf. ukoll PAWLU VI, Allokuzzjoni, 23 Mej 1964: AAS  56 (1964) p.571.

[34] Cf. LJUN XIII, KA Romanos Pontifices, 9 Mej 1881: Acta Leonis XIII, Vol. II (1882) p.234.

[35] Cf. PAWLU VI, Allokuzzjoni, 23 Mej 1964: AAS 56 (1964) pp.570-571.

[36] Cf. PIJU XII, Allokuzzjoni, 8 Diċ 1950: l.c.

[37] Cf. SAGRA KONGR. KONĊISTORJALI: Istruzzjoni dwar il-Vigarji Kastrensi, 23 Apr 1951: AAS  43 (1951) pp.562-565; Formula li għandha tinżamm fir-relazzjoni dwar l-istat tal-Vigarjati Kastrensi, 20 Ott 1956:   AAS 49 (1957) pp.150-163; Digr. dwar il-Vista ad Limina li għandha ssir mill-Vigarji Kastrensi, 28 Frar 1959: AAS  51 (1959) pp.272-274; Digr. dwar il-Fakultà tal-Qrar estiża lill-Kappillani militari, 27 Nov 1960:  AAS  53 (1961) pp.49-50.  Cf. ukoll SAGRA KONGR. GĦAR-RELIĠJUŻI: Istruzzjoni lill-Kappillani militari reliġjużi, 2 Frar 1955: AAS  47 (1955) pp.93-97. 

[38] Cf. SAGRA KONGR. KONĊISTORJALI: Ittra lill-Kardinali, Arċisqfijiet, Isqfijiet u Ordinarji l-oħra ta’ Lingwa Spanjola, 21 Ġun 1951:  AAS  43 (1951) p.566.