IL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

Seħħ u għad irid iseħħ

Ad Gentes

Digriet fuq il-Ħidma Missjunarja tal-Knisja (13)

 

Fis-7 ta’ Diċembru 1965, propju lejliet l-għeluq uffiċjali tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, flimkien mal-kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes, l-isqfijiet approvaw ukoll id-digriet Ad Gentes fuq il-ħidma missjunarja tal-Knisja.  Magħhom dakinhar kienu promulgati d-digriet Presbyterorum Ordinis, fuq il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri, kif ukoll l-istqarrija Dignitatis Humanae, fuq il-libertà reliġjuża.

L-isem Ad Gentes, mill-ewwel ifakkar fil-missjoni li Kristu ta lill-Appostli ftit mumenti biss qabel infired minn magħhom biex jitla’ lura għand il-Missier, “Morru għand il-ġnus kollha”. Din hija l-missjoni ad gentes.  “Kif il-Missier bagħat lili, hekk issa jiena nibgħat lilkom.” Il-missjoni, ad gentes hija il-missjoni ta’ Alla nnifsu mal-bniedem, il-Missio Dei. Fiha nsibu l-għeruq tal-Knisja li jekk titqaċċat minnhom, tinxef u tmut.  Ikun gwaj għalina li nippruvaw inħawlu għeruqna bnadi oħra.

Il-Papa Benedittu XVI, li matul żgħożitu kien wieħed mill-esperti li għinu lill-isqfijiet tal-Konċilju, f’diskors li kien għamel fl-okkażjoni tal-erbgħin anniversarju ta’ dan id-digriet qal li permezz tal-Ad Gentes, “il-missjoni tal-Knisja rċeviet imbuttatura ġdida.  Ġew iċċarati aħjar il-fundamenti teoloġiċi tal-impenn missjunarju; il-valur u l-attwalità tiegħu quddiem it-tibdil tad-dinja u l-isfidi li l-modernità tagħmel lill-predikazzjoni tal-Evanġelju. Bl-Ad Gentes il-Knisja kisbet għarfien aktar ċar tal-missjoni missjunarja naturali tagħha, missjoni li fiha tagħraf element kostituttiv tal-istess natura tagħha.”

Anke l-Papa Franġisku matul iż-żjara appostolika tiegħu f’Malta u f’Għawdex, saħaq tant drabi li l-ferħ tal-Knisja huwa li tevanġelizza. Hi l-missjoni tagħha li dan il-ferħ, taqsmu mal-popli kollha billi taqdihom u tevanġelizzahom. L-evanġelizzazzjoni u d-djakonija mhumiex żewġ vokazzjonijiet differenti, imma żewġ elementi tal-istess missjoni. Mingħajr il-waħda, l-oħra tkun nieqsa. Hekk l-omm u għalliema li fl-1961 kiteb dwarha l-Papa Ġwanni XXIII fl-enċiklika tiegħu Mater et Magistra, issir ukoll oħt u qaddejja kif kompla jħeġġigna nkunu s-Sinodu Djoċesan ta’ Malta erbgħin sena wara l-Konċilju. 

 

Il-prinċipji duutrinali tal-missjoni ad gentes

Fil-missio ad gentes, l-omm u l-għalliema kif ukoll l-oħt u l-qaddejja jridu jimxu id f’id. 

Il-priċipji duttrinali tal-missjoni huma mfissra fl-ewwel kapitlu tad-digriet. Mill-pjan tal-Missier, mill-missjoni tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu toħroġ il-ħidma missjunarja tal-Knisja li hija mibgħuta minn Kristu lill-ġnus.  Ir-raġuni tal-ħidma missjunarja ħierġa mir-rieda ta' Alla li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità. 

It-tieni kapitlu tal-Ad Gentes huwa fuq il-ħidma missjunarja fiha nfisha u  huwa maqsum fi tliet artikli. L-ewwel artiklu jitratta fuq ix-xhieda tal-ħajja nisranija, id-djalogu ma' dawk li mhumiex insara u l-preżenza tal-karità. It-tieni artiklu huwa fuq l-evanġelizzazzjoni, il-konverżjoni u fuq il-katekumenat fil-bidu tal-ħajja nisranija.  It-tielet artiklu huwa fuq kif trid tinbena il-komunità nisranija. Jagħti wkoll attenzjoni partikolari fuq il-kleru indiġenu, il-formazzjoni tal-katekisti u l-ħajja reliġjuża.

It-tliet kapitli ta’ wara huma fuq il-Knejjes partikolari, fuq il-missjunarji nfushom, u fuq l-istess organizzazzjoni tal-ħidma missjunarja. Imma forsi l-kapitlu li għandu l-messaġġ l-aktar qawwi hu dak tal-aħħar, is-sitt  wieħed.  Fih l-isqfijiet jitkellmu fuq id-dmir tal-kooperazzjoni bejn is-setturi differenti tal-Poplu ta’ Alla. Huma jisħqu li l-Knisja hija kollha kemm hi missjunarja u li l-ħidma ta' evaġeliżżazzjoni hija dmir fundamentali tal-Poplu ta' Alla kollu. Għalhekk il-Konċilju jistieden lil kulħadd għal tiġdid ġenwien u profond biex l-insara kollha jagħtu sehemhom għall-ħidma missjunarja fost il-ġnus.

F’dan il-kapitlu, huma bħal donnhom xtaqu jiġbdu l-attenzjoni tagħna għal dak li kienu diġà kitbu f’dokumenti preċedenti oħra tal-istess konċilju. Fl-Ad Gentes huma semmew id-dmir missjunarju tal-Isqof, u dan bla dubju jfakkarna fil-Christus Dominus, digriet fuq l-uffiċċju pastorali tar-Rgħajja tal-Knisja. Semmew id-dmir missjunarju tal-presbiteri, u hawn jiġu f’moħħna id-digrieti Optatam Totius, fuq il-formazzjoni saċerdotali, u l-Presbyterorum Ordinis, fuq il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri.  Fl-Ad Gentes kitbu fuq id-dmir missjunarju tal-Istituti ta' Perfezzjoni, li jġibilna f’moħħna id-digriet Perfectae Caritatis, fuq it-tiġdid u l-addattament tal-ħajja reliġjuża. L-isqfijiet indirizzaw ukoll lil-lajċi fuq id-dmir missjunarju tagħhom u dan ifakkar fl-Apostolicam Actuositatem, li titkellem proprju fuq is-sehem tal-lajċi fil-missjoni tal-Knisja.

Fid-diskors tal-Papa Benedittu XVI li diġà rreferejna għalih aktar qabel, huwa qal li l-pubblikazzjoni tad-digriet konċiljari Ad Gentes, kien ta’ siwi biex joħroġ aktar għad-dawl l-għeruq oriġinali tal-missjoni tal-Knisja fil-ħajja Trinitarja ta’ Alla.  Minn hemm jibda kull ċaqliq ta’ mħabba, imbagħad mill-Persuni Divini jissawwab fuq l-umanità kollha. Għalhekk huwa dmir tal-Knisja li qatt ma theda twassal din l-imħabba divina. 

 

Il-missjoni ad gentes hija għall-Knisja kollha 

Benedittu XVI jkompli jgħid li d-digriet Ad Gentes juri kif dak li darba sar għas-salvazzjoni komuni, ikompli jseħħ fil-milja tiegħu f’kulħadd matul il-mixja tas-sekli. Hemm bżonn li l-Knisja tkompli tterraq fl-istess triq ta’ Kristu, mixja li twassal sal-mewt tas-salib.  Infatti, l-azzjoni evanġelizzatriċi trid timxi għal għonq l-istess triq li mexa fiha Kristu, jiġifieri t-triq tal-faqar, tal-ubbidjenza, tas-servizz u tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu, sal-mewt, li fuqha Hu ħareġ rebbieh.

“Iva”, jinsisti Benedittu, “il-Knisja hi msejħa biex isservi l-umanità ta’ żmienna bil-fiduċja fi Kristu biss, u tħalli Kelmtu ddwwalha waqt li timitah fl-għotja ġeneruża tagħha nfisha lill-aħwa”.

Il-papiet kollha li l-Knisja kellha minn tmiem il-Konċilju Ekumenku Vatikan II sal-lum, bdew biex ikunu huma stess li jwettqu il-missjoni ad gentes.  Dan huma ma għamluhx biss b’fommhom u b’kitbiethom, iżda wkoll b’riġlejhom, billi telqu ‘l barra mill-ħitan tal-Palazz Appostoliku ħalli kif kienu għamlu l-Appostli miċ-ċenaklu dakinhar tal-ewwel Għid il-Ħamsin, huma wkoll imorru għand il-ġnus u jwasslulhom l-Aħbar it-tajba.

Il-missjoni ad gentes, issieħbu fiha wkoll tant eluf kbar ta’ sacerdoti, reliġjużi u lajċi li b’entużjażmu kbir ħallew djarhom u pajjiżhom biex imorru jevanġelizzaw u jaqdu. Taw lilhom infushom u bosta saħansitra ħallew ukoll ħajjithom biex iwieġbu għal din is-sejħa.

Imma l-missjoni ad gentes mhix biss għal dawk li huma msejħa jħallu djarhom u l-familji tagħhom u pajjiżhom għaliex l-imgħammdin kollha huma parti minnha.  Għall-grazzja ta’ Alla, kienu bosta li għarfuh dan u wieġbu b’ġenerożità fl-istess ħajja li huma jgħixu. Wettqu missjoni mal-persuni l-oħra li magħhom jiltaqgħu kuljum, fuq il-post tax-xogħol, fit-triq u għand tal-ħanut. Wettqu missjoni mal-membri l-oħra tal-familja, maż-żgħar, mal-foqra, mal-morda, mal-batuti, ma’ dawk li s-soċjetà twarrabhom. Wettqu missjoni mhux biss mill-parroċċi u mill-għaqdiet, imma wkoll minn tant ambjenti oħra; mill-qasam tax-xandir, minn dak kummerċjali, minn dak politiku, minn dak sportiv, mill-każini u tant setturi soċjali oħra. Wettqu missjoni ma’ niesna, imma wkoll mal-migranti li minflok morna għandhom aħna, ġew għandna huma stess. Saru ġirien tagħna. Saru niesna huma wkoll.  Din ukoll hija l-missio ad gentes.  Din ukoll hija Missio Dei.

Għall-missjoni ad gentes, mhemmx pjanijiet x’nagħmlu għax il-pjan ġa għamlu Hu, dak li bagħatilna lil Ibnu u tana l-Ispirtu s-Santu.  Il-missjoni ad gentes mhix tiegħi jew tiegħek, imma tagħhom.  Huwa mbagħad bil-magħmudija tagħna, li aħna nsiru parti mill-Ġisem ta’ Kristu u permezz tiegħu, aħna wkoll nissieħbu f’din il-missjoni Trinitarja.  Kif nista’ qatt inkun indifferenti meta kien Huwa stess fil-pjan etern tiegħu u fl-imħabba infinita li għandu għall-bniedem li seħiebni fiha? Kif nista’ qatt indawwar wiċċi?  Kif nista’ qatt ngħidlu le?  Is-sejħa ad gentes mhix volontarjat, imma missjoni. Hija l-istess Missio Dei, il-missjoni ta’ Alla nnifsu.

 

Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II li beda sittin sena ilu, seħħ u għad irid iseħħ proprju għaliex l-isqfijiet dakinhar u aħna llum nagħmu parti mill-missio ad gentes, missjoni li elfejn sena ilu Kristu nnifsu ta lill-Knisja.  Anke din seħħet u għad trid iseħħ.

 

Kitba ta' Joe Farrugia

Qari minn Tony Micallef