IL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

Seħħ u għad irid iseħħ

Sacrosanctum Concilium. Il-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqadda (11)

 

“Il-Konċilju Mqaddes, Sacrosanctum Concilium,  iħossu dmir tiegħu li jieħu ħsieb b’mod speċjali li jagħti ħajja ġdida u jġib ’il quddiem il-Liturġija.”

Din kienet id-dikjarazzjoni li biha l-isqfijiet konċiljari ħassew li kellhom jiftħu waħda mill-erba’ kostituzzjonijiet publikati minnhom. Erbat ijiem biss qabel tmiem it-tieni sessjoni ta’ Vatikan II, kien publikat l-ewwel dokument maħruġ minn dan il-konċilju. Kienet il-Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa li ġġib id-data tal-4 ta’ Diċembru 1963.  Dakinhar aktar minn elfejn isqof li kienui preżenti qablu mad-dokument u taw l-iva tagħhom.  Kienu biss erbgħa li ma qablux u qalu, “le”, waqt li vot wieħed kien mitfugħ null. Fil-Bażilika ta’ San Pietru, li għas-snin ta’ matul il-konċilju kienet inbidlet f’awla konċiljari, il-mexxejja tal-Knisja minn madwar it-dinja kollha kienu unanimi fid-deċiżjoni tagħhom li r-riforma fil-qasam liturġiku kienet meħtieġa bl-aktar mod urġenti.

Dak li qablu dwaru l-isqijiet dakinhar, ma kienx jirrigwarda biss iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika fil-quddiesa. Huma kitbu wkoll dwar is-sagramenti l-oħra u dwar is-sagramentali. Iddedikaw kapitlu sħiħ għall-Uffiċċju Divin. Ittrattaw wkoll temi importanti oħra bħal ma huma s-Sena Lituġika, il-Mużika u l-Arti Sagra, u saħansitra kitbu dwar l-għamara sagra li tintuża waqt il-funzjonijiet liturġiċi.

Kollha kienu temi differenti tal-qasam liturġiku li b’xi mod jew ieħor ħallew l-impatt, aktarx posittiv tagħhom fuq il-kattoliċi li kienu jiffrekwentaw iċ-ċelebrazzjonijet tal-Knisja. Imma ċertament li l-ebda’ waħda minnhom lkoll ma messett direttament lill-poplu ta’ Alla, daqs ir-riforma kbira li seħħet fil-quddiesa.

 

Ir-riforma liturġika kienet ilha li bdiet

Tajjeb ninnutaw li sa minn bosta snin qabel kien ilu jinħass il-bżonn ta’ riforma. Il-Moviment Liturġiku, li kien ilu li beda fil-Knisja Kattolika sa mid-dsatax-il seklu, fi ftit żmien infirex ukoll fi Knejjes Insara oħra, fosthom l-Anglikani, il-Luterani u oħrajn.

Sa mill-bidu nett tas-seklu għoxrin, il-Papa Piju X, ta bidu għall-riorganizzazzjoni tal-mużika sagra u għal qawmien ġdid u ċelebrattiv tal-jum tal-Ħadd. Hu waqqaf kummissjoni għar-riforma tal-liturġija biex kif qal huwa stess, din tissaffa mit-tikmix taż-żmien u hekk tiddi mill-ġdid bid-dinjità u l-armonija kollha tagħha. Warajh kompla l-Papa Piju XII, bl-Enċiklika tiegħu, Mediator Dei u t-twaqqif ta’ kummissjoni ta’ studju.  Sa minn dakinhar stess, il-Kattoliċi setgħu litteralment jibdew iduqu direttament huma stess il-benna ta’ dawn ir-riformi, l-ewwel u qabel kollox bit-tnaqqis fis-sawma ewkaristika, li sa dakinhar kienet għadha minn nofsillejl sakemm il-persuna tersaq biex titqarben.  Għalhekk fil-bidu tas-sittinijiet, meta l-Papa Ġwanni XXIII ta bidu għall-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, kienet bdiet tinħass sewwa, xewqa kbira għal liturġija ħajja għaliex hekk biss setgħet il-Knisja kollha tieħu l-ħajja mill-misteri stess li hija tiċċelebra. 

 

Il-liturġija hija laqgħa ma’ Kristu

Imma dakinhar x’kien jifhem tassew il-poplu ta’ Alla bil-kelma liturġija u x’tifsira xtaqu jwasslulu l-isqfijiet infushom? Id-definizzjoni li taw kienet waħda ċara u sempliċi. “Il-liturġija hija laqgħa ma’ Kristu.”

Fil-quddiesa, Kristu huwa preżenti fil-persuna taċ-ċelebrant, fil-komunità miġbura, fil-kelma li tiġi mwassla,  u fuq kollox taħt ix-xbihat ewkaristiċi.  Imma Kristu huwa preżenti wkoll fis-sagramenti l-oħra b’ mod li meta wieħed jgħammed huwa Kristu nnifsu li jgħammed, meta wieħed jaħfer ikun Kristu li qed jaħfer, u l-istess nistgħu ngħidu għal kull wieħed mis-sagramenti. Kristu huwa preżenti kull meta l-Knisja tiltaqa’ biex titlob għaliex kif wiegħed huwa stess, fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f'ismu hemm inkun huwa f’nofshom.

Għalhekk ikun tassew skandlu jekk minħabba l-għebusija ta’ rasna, u minħabba piki puerili ta’ bejnietna, nirriduċu l-liturġija mqaddsa għal sempliċi ritwali li minflok jagħmluna lkoll ħaġa waħda fi Kristu, jaslu li jifirduna minn xulxin.  “Forsi Kristu huwa mifrud?”

Is-Sacrosanctum Concilium jisħaq fuq il-ħtieġa li kulħadd jagħti l-akbar importanza lill-ħajja liturġika fil-konvinzjoni li l-akbar dehra tal-Knisja tinsab fis-sehem sħiħ u ħaj ta’ kollha kemm hi l-ġemgħa mqaddsa ta’ Alla, miġbura fl-istess ċelebrazzjonijiet liturġiċi, speċjalment fl-istess Ewkaristija, f’talba waħda, u madwar artal wieħed.

Ir-riforma tar-riti u tal-kotba liturġiċi bdiet mill-ewwel wara l-promulgazzjoni ta’ din il-kostituzzjoni. Il-prinċipji konċiljari li ggwidaw lil dawk li wettqu din il-ħidma kienu fedeltà lejn it-Tradizzjoni u ftuħ lejn it-triq għal progress xieraq. Dan wassal biex ir-riforma kienet milqugħa tajjeb mill-istess isqfijiet li ħadu sehem fil-konċilju. Illum, minkejja li għaddew dawn is-snin kollha, l-applikazzjoni prattika ta’ dawn ir-riformi għadha sejra u trid tibqa’ sejra, għaliex huwa ferm aktar faċli tibdel il-kotba u l-istrutturi liturġiċi, milli ġġedded il-mentalità.

Tnax-il sena wara li ntemm il-konċilju, eżattment fis-27 ta’ Ġunju 1977, f’laqgħa li l-Papa Pawlu VI kellu mal-kardinali huwa fakkarhom li kien wasal il-waqt li jitwarrbu b’mod definittiv dawk l-elementi li jġibu l-firda u li f’sens jew ieħor jagħmlu l-ħsara.  Minn dakinhar sal-lum l-Knisja kellha ħames papiet differenti, imma l-istess sfidi għadhom preżenti. Hemm min jgħid li forsi kibru wkoll.

Huwa għalhekk li fi żmienna, il-Papa Franġisku jinsisti li r-riforma liturġika hija proċess li jitlob ħin u fedeltà, jitlob ubbidjenza prattika u implimentazzjoni ċelebrattiva għaqlija. Dan kollu jrid jiġi mill-ministri nfushom, mill-kanturi u minn dawk kollha li jieħdu sehem fil-liturġija. L-isfidi mhumiex żgħar u ċertament li l-edukazzjoni tar-Rgħajja u tal-fidili ħi waħda minnhom u trid tkun affrontata kontinwament. Huwa importanti li tkompli l-ħidma f’din id-direzzjoni billi niskopru mill-ġdid x’kien li dakinhar wassal għal dawk id-deċiżjonijiet li seħħew fir-riforma liturġika.  Mhux il-każ li nipproponu riforma tar-riforma. Mhux l-każ li nirrevedu l-għażliet li ġa saru.

F’diskors li għamel fl-24 ta’ Awwissu 2017, lil dawk li ħadu sehem fit-68 edizzjoni tal-Ġimgħa Liturġika Nazzjonali, il-Papa Franġisku nsista bil-qawwa li wara l-maġisteru tal-istess konċilju, u wara l-mixja twila li saret mill-Knisja kollha sa minn dakinhar, “aħna ċerti u nistgħu nisħqu b’awtorità maġisterjali li r-riforma liturġika hija rriversibbli”.   Forsi ftit li xejn kienu d-drabi, jekk qatt kien hemm oħrajn, li smajna lil dan il-Papa jitkellem b’dan il-mod hekk qawwi u awtorevoli.

 

Mhux lista ta’ riform, imma elenku ta’ prinċipji

Meta niflu mill-ġdid is-Sacrosanctum Concilium nintebħu li l-isqfijiet ma kellhomx f’moħħhom li jagħtuna lista ta’ riformi li riedu jarawhom jitwettqu.  Kieku kien hekk, kieku dak li kitbu kien jitlef l-ħtieġa tiegħu darba r-riformi jkunu mwettqa.  Għal kuntraru, huma riedu jelenkaw il-prinċipji differenti li jiggwidaw kull riforma fil-qasam liturġiku u li jgħaddu kemm jgħaddu snin, ser tibqa’ dejjem meħtieġa.

Fiċ-ċentru ta’ kull azzjoni liturġika jrid ikun hemm dejjem preżenti il-Misteru Paskwali ta’ Kristu. Matul is-sena kollha l-liturġija trid tibqa’ tfisser dan il-misteru sa mill-Inkarnazzjoni u t-Twelid sat-Tlugħ fis-sema, sa Għid il-Ħamsin, sa ma sseħħ it-tama hienja u l-miġja tal-Mulej.  Ikun liema jkun iż-żmien tas-sena liturġika li qed jitfakkar, jew il-qaddisin differenti li jkunu qed jiġu kommemorati, iċ-ċentru jrid jibqa’ dejjem il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. Jekk ninsew jew inwarrbu dan il-prinċipju bażiku, iċ-ċelebrazzjonijiet tagħna jitilfu kull sens. Forsi wkoll aħjar ma jsirux.

Dan iwassalna għal prinċipju gwida ieħor. Kull ċelebrazzjoni liturġika hija azzjoni ta’ Kristu nnifsu flimkien mal-ġisem tiegħu li huwa l-Knisja.  Il-liturġija trid titqies bħala l-ħidma tal-uffiċċju saċerdotali ta’ Ġesù Kristu. Fiha jitfisser u jseħħ, permezz ta’ sinjali sensibbli, it-tqaddis tal-bniedem skond il-mod proprju tiegħu. F’din il-ħidma l-Ġisem mistiku ta’ Ġesù Kristu, jiġifieri r-Ras u l-membri tiegħu, jagħtu flimkien qima pubblika sħiħa. Għalhekk jekk iċ-ċelebrazzjonijiet li nagħmlu ma jwasslux li jsaħħu l-għaqda tal-membri kemm mar-Ras u kemm bejniethom, allura nkunu għadna ferm ‘il bogħod minn dak li titlob minna l-Knisja.

Imbagħad, kull komunità nisranija trid timpenja lilha nfisha bis-serjetà biex tara li l-membri kollha tagħha jaslu li jieħdu sehem konxju u sħiħ fil-liturġija mqaddsa. Dan jitlob qabel xejn formazzjoni serja u kontinwa, mhux biss tal-fidili, imma wkoll tal-ministri nfushom u ta’ dawk kollha li b’xi mod jagħtu s-sehem tagħhom.  Din il-parteċipazzjoni attiva ta’ kull nisrani, mhix biss hija mixtieqa imma mitluba. Hija kemm dritt u kemm obbligu ta’ kull min huwa mgħammed. 

Minħabba dan hu importanti li l-ambjent fil-knisja fejn tkun qed tiġi ċelebrata l-liturġija, partikolarment il-quddiesa, ikun tali li jgħin lil dawk preżenti, jifhmu sewwa u jieħdu sehem mill-aktar attiv. Wara kollox huma mhumiex hemm bħala osservaturi biex isegwu b’attenzjoni dak li qed jiċċelebra s-saċerdot, imma bħala komunità ta’ mgħammdin li lkoll flimkien u ma’ Kristu qed iwettqu ċelebrazzjoni waħda, universali u dejjjiema. Huma l-istess ġisem ħaj ta’ Kristu, fejn huwa nnifsu hu s-saċerdot, il-vittma u l-artal.  Għalhekk ma jagħmilx sens li ċ-ċelebrazzjoni ssir b’ilsien li l-poplu ma jifhimx. Ma jagħmilx sens li l-artal ikun orjentat b’mod li dawk preżenti ma jistgħux isegwu, aħseb u ara kemm jistgħu jipparteċipaw. Ma jagħmilx sens li l-għamara wżata, sagra jew mhix, tkun qed ittellef minflok tiffaċilità l-parteċipazzjoni sħiħa.

 

 

Il-liturġija fiha kemm elementi li ma jistgħux jinbidlu għaliex kienu istitwiti minn Kristu nnifsu, u elementi oħra li jistgħu, u allura meta jkun meħtieġ għandhom jinbidlu.  Sintendi ebda bidla ma għandha ssir sempliċiment biex tkun saret, imma biex jintlaħaq dejjem aktar u aħjar l-għan ewlieni; il-laqgħa sħiħa tal-poplu nisrani ma’ Kristu. It-twaħħid tiegħu fi Kristu. 

Hekk it-tmiem taċ-ċelebrazzjoni liturġika jkun eżattament il-bidu tat-twettieq tal-missjoni li għaliha kull mgħammed huwa msejjaħ.  It-tislima tas-saċerdot fl-aħħar tal-quddiesa, biex immorru fil-paċi ta’ Kristu, ssir għal kull wieħed minna impenn fil-missjoni li Ġesù nnifsu ta lill-Appostli u lid-dixxipli tiegħu kollha, qabel tela’ lura għand il-Missier, “Morru mad-dinja kollha. Wasslu l-aħbar it-tajba lill-ħolqien kollu.”

Hekk il-ħitan tat-tempji tagħna jaqgħu u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tkun ċelebrata mad-dinja kollha liturġija waħda lill-Missier. Għaliex hemm barra wkoll il-Missier għandu ulied li lilhom jinħtieġlu jgħannaq.

 

Kitba ta' Joe Farrugia

Qari minn Tony Micallef