IL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

Seħħ u għad irid iseħħ.

L-Ispirtu tal-Konċilju fid-dokumenti u l-messaġġi (7)

 

Fi kliem il-Papa Pawlu VI nnifsu dakinhar tal-aħħar sessjoni tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, il-Knisja ma kienetx inġabret biex tifraħ b'xi analiżi tagħha nfisha. Lanqas ma riedet li bil-konċilju toqgħod tafferma mill-ġdid id-drittijiet tagħha jew tiddefenixxi l-liġijiet tagħha, imma biex fiha nfisha, fil-ħajja tagħha, fil-ħidma tagħha u fl-Ispritu s-Santu, tiskopri mill-ġdid il-kelma ta' Kristu; biex tidħol fil-fond tal-misteru, jiġifieri l-pjan u l-preżenza t'Alla fuqha u fiha’ biex terġa' titħeġġeġ mill-ġdid fil-fidi.

Din l-intenzjoni toħroġ ċara ħafna fid-dokumenti konċiljari kollha, imma fuq kollox f’dawk dwar ir-Rivelazzjoni Divina, dwar il-Liturġija, dwar il-Knisja, dwar is-Saċerdoti, dwar ir-Reliġjużi, u dwar il-Lajċi.

Jidher qawwi wkoll l-interess li kellhom l-isqfijiet li jifhmu aħjar lid-dinja moderna.  Forsi l-Knisja qatt qabel dakinhar ma kienet ħasset il-ħtieġa li ssir taf, toqrob, tifhem, tippenetra, isservi u tevanġelizza lis-soċjetà ta' madwarha.  Il-Knisja, lil din is-soċjetà, xtaqet li tilħaqha, kważi tiġri wrajha fit-tibdil b'ritmu mgħaġġel u ma jaqta' xejn li d-dinja kienet għaddejja minnu. 

Fit-8 ta’ Diċembru 1965, solennità tal-Konċepiment Immakulat tal-Imqaddsa Verġni Marija, il-Padri Konċiljari, nġabru lkoll flimkien għall-aħħar darba.  L-aħħar sessjoni kienet intemmet lejliet u fi ftit jiem, l-isqfijiet kienu se jkunu lkoll irriturnaw lejn id-djoċesijiet tagħhom. Iżda huma u sejrin lura, lkoll kienu konxji li għadd mhux żgħir tal-kwistjonijiet imqanqlin matul dawk l-erba’ snin ta’ laqgħat kienu għadhom qed jistennew tweġiba xierqa.  Għalkemm il-konċilju kien seħħ, madankollu f’bosta oqsma kien għad irid iseħħ.

 

Is-sittax il-dokument

Teżor kbir li Vatikan II ħalla lill-Knisja huwa miġbur fis-sittax-il dokument li l-isqfijiet iddiskutew, emendaw u finalment approvaw. Dawn jikkonsistu f’erba’ kostituzzjonijiet, disa’ digrieti u tliet dikjarazzjonijiet.  Il-kostituzzjonijiet jittrattaw fil-fond suġġetti fundamentali li kienu fil-qalba tal-konċilju u li għalhekk l-importanza tagħhom hija waħda aktarx ġenerika; il-Knisja nfisha fil-Lumen Gentium, ir-Rivelazzjoni Divina fid-Dei Verbum, il-Liturġija fis-Sacrosanctum Concilium, u r-relazzjoni tal-Knisja mad-Dinja tal-lum fil-Gaudium st Spes.

Mill-banda l-oħra, id-digrieti huma dokumenti pjuttost dettaljati dwar setturi speċifiċi tal-ħajja tal-Knisja u għalhekk b’mod jew ieħor huma marbuta ma’ xi waħda jew aktar mill-kostituzzjonijiet. Is-suġġetti li dawn id-digriet jitellmu dwarhom huma l-Komunikazzjoni Soċjali, il-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant, l-Ekumeniżmu, l-Uffiċċju Pastorali tal-Isqfijiet, it-Tiġdid tal-Ħajja Reliġjuża, il-Formazzjoni tas-Saċerdoti, il-Lajċi, u l-Ħidma Missjunarja tal-Knisja.  Dan tal-aħħar, l-Ad Gentes, kien approvat mill-isqfijiet l-aħħar wieħed mid-dokumenti kollha u huwa spiss meqjus bħala d-dokument li l-aktar li jirrifletti l-ispirtu tal-konċilju.

Imbagħad hemm it-tliet dikjarazzjonijiet jew stqarrijiet li huma dwar l-Edukazzjoni Nisranija, ir-Reliġjonijiet mhux Insara u l-Libertà Reliġjuża.

 

Jekk il-Papa Ġwanni XXIII, ftit ġimgħat qabel ma miet ried ikellem lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba permezz tal-Enċiklika tiegħu, Pacem in Terris, bl-istess mod il-Papa Pawlu VI ħass il-bżonn li l-Konċilju ma jitrattax biss it-temi partikolari tad-dokumenti, anke jekk dawn kienu ta’ importanza kbira għall-Knisja, imma ried li huwa wkoll jitkellem mal-bniedem nnifsu u jwassllu messaġġ ta’ tama.

Għalhekk, fi tmiem il-quddiesa tal-għeluq tal-konċilju, Pawlu VI għadda numru ta’ messaġġi lill-kategoriji diffenti ta' persuni, bl-għan li permezz tagħhom  jilħaq l-iktar firxa wiegħa possibli tal-ħajja umana.  Beda l-ewwel billi ħeġġeġ lill-istess isqfijiet li kellu quddiemu.

“Waslet is-siegħa li titilqu biex tmorru u tiltaqgħu mal-umanità biex twaslulha l-Aħbar it-Tajba tal-Vanġelu ta’ Kristu u tat-tiġdid tal-Knisja tiegħu. Din il-missjoni ilna naħdmu flimkien fuqha tul dawn l-aħħar erba’ snin.” 

L-isqfijiet kienu ġew minn qalb il-ġnus – ab gentes.  Issa reġa’ wasal il-waqt li jmorru lura fosthom – ad gentes.  Forsi mhux din kienet il-missjoni li l-Imgħallem kien ta lill-Appostli qabel ħallihom – “Morru mad-dinja kollha”.

Dak il-ħin il-Papa stħajjel li minn fost il-popli kienu qed jaslu l-ilħna ta’ tant persuni li kienu qed iħarsu lejn il-Konċilju u jistaqsu b'ansjetà, “Lilna m'għandkomx kelma x'tgħidulna? Lilna l-mexxejja tal-popli ... lilna l-intellettwali ...  lilna l-ħaddiema ... lilna l-artisti ... lilna n-nisa ...  lilna l-morda u foqra ...  lilna ż-żgħażagħ?”

Iva dakinhar il-Papa Pawlu VI kellu messaġġ ta’ tama għalihom ukoll. 

 

Il-messaġġi tal-Papa Pawlu VI lill-bnedmin kollha

Lill-mexxejja tal-popli, il-Knisja riedet tassigurahom li hija tonora u tirrispetta l-awtorità u l-ħidma tagħhom u tirrikonoxxi l-liġijiet ġusti li jagħmlu.  Hija tapprezza lil dawk li jagħmluhom u lil dawk li josservawhom.  Imma fakkarhom ukoll li Alla biss hu kbir. Alla biss huwa l-bidu u t-tmiem. Alla biss huwa s-sors tal-awtorità li kienu jeżerċitaw u l-pedament tal-liġijiet kollha.  Għalhekk huma kellhom id-dmir li jaħdmu għall-ordni u l-paċi fost il-bnedmin.

Dakinhar tal-għeluq tal-konċilju, l-Knisja kellha tislima speċjali għal dawk li jfittxu l-verità, l-intelletwali, il-persuni tal-ħsieb u tax-xjenza, l-esploraturi tal-bniedem, tal-univers u tal-istorja.

“Għalikom ilkoll, pellegrini li miexja lejn id-dawl,  imma wkoll lil dawk li waqfu fi triqthom, għajjenin u diżappuntati minn tfittxija li tista’ tidher vojta u għalxejn.

Għaliex din it-tislima speċjali lilkom?” staqsa l-Papa. U kompla, “Għaliex aħna lkoll qegħdin hawn biex infittxu l-verità. X'kien l-isforz tagħna matul dawn l-erba’ snin, jekk mhux it-tfittxija aktar bir-reqqa u profonda għall-messaġġ tal-verità?  Għalhekk aħna ma nistgħux ma niltaqgħux magħkom.”

Dakinhar ma setax jonqos ukoll messaġġ lill-ħaddiema. Matul il-Konċilju l-Isqfijiet Kattoliċi irriflettew flimkien, fost bosta suġġetti oħra dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tad-dinja kontemporanja, il-koeżistenza tan-nazzjonijiet, il-problema tal-armamenti, gwerra u paċi.  Fi tmien il-Konċilju, il-messaġġ ta’ Pawlu VI lill-ħaddiema kien wieħed ta’ fiduċja, paċi u ħbiberija.

Għeżież uliedi, l-ewwelnett kunu żguri li l-Knisja taf bit-tbatijiet tagħkom, il-konflitti tagħkom u t-tamiet tagħkom. Hija tapprezza bil-kbir il-virtujiet nobbli li jżejnukom: il-kuraġġ, id-dedikazzjoni, il-kuxjenza professjonali u l-imħabba għall-ġustizzja.  Il-Knisja tirrikonoxxi bis-sħiħ is-servizzi kbir li tagħtu lis-soċjetà kollha kemm hi, kulħadd fil-post tiegħu u spiss fl-iktar postijiet mudlama u disprezzati. Il-Knisja tirrikonoxxi dan kollu u tirringrazzjakom.  Il-Knisja hija il-ħabiba tagħkom. Afdawha.”

Wara l-ħaddiema, il-Papa Pawlu VI kellem lill-artisti, poeti u kittieba, pitturi, skulturi, periti, mużiċisti, lin-nies tat-teatru u l-produtturi tal-films, lil dawk kollha minn kull qasam tal-arti.

“Jekk intom ħbieb taarti vera, allura intom il-ħbieb tagħna wkollGħal żmien twil il-Knisja ħadmet mill-qrib magħkom. Intom bnejtu u ddekorajtu t-tempji tagħha, ċċelebrajtu il-dogmi tagħha, żejjintu l-liturġija tagħha. Intom għentuha tittraduċi l-messaġġ divin tagħha fil-lingwa tal-forom u l-figuri, biex id-dinja inviżibbli tkun tista’ tinftiehem. Illum, bħall-bieraħ, il-Knisja għandha bżonnkom u qed iddur lejkom. Tħallux li titkiser din ir-rabta ta’ bejnietna! Iċċaħdux it-talent tagħkom mis-servizz tal-verità divina!

Dakinhar meta l-Knisja kollha kienet qed tiċċelbra s-solennità tal-Immakultat Konċepiment tal-Imqaddsa Verġni Marija, Pawlu VI kellu wkoll messaġġ għan-nisa kollha ta’ kull stat u kull età; tfal bniet, nisa, ommijiet u romol; il-verġni kkonsagrati u nisa li jgħixu waħedhom.   Il-Papa kien konxju li dak il-ħin kien qed jindirizza lil nofs il-familja umana.

“Il-Knisja hija kburija, li kienet hi li għolliet u ħelset lill-mara, li matul is-sekli, ħadmet biex hija tkun stmata daqs ir-raġel.  Imma waslet is-siegħa, is-siegħa, li fiha l-vokazzjoni tal-mara tilħaq il-milja tagħha, is-siegħa li fiha l-mara takkwista influwenza, effett u qawwa li qatt qabel ma kellha fis-soċjetà. Huwa għal din ir-raġuni, li f'dan il-mument li fih l-umanità qed tesperjenza trasformazzjoni daqshekk profonda, li n-nisa miżgħuda bl-ispirtu tal-Vanġelu jistgħu jagħmlu ħafna biex jgħinu lill-umanità ħalli ma titmermirx.”

Lill-foqra u l-morda, dawk kien kienu għaddejjin mimm kull sura ta’ tbatija, kien hemm messaġġ speċjali u emozjonanti.

“Il-Konċilju qed jilmaħ iċċasati fuqu għajnejnkom, ħomor nar bid-deni, fil-ħofra bil-għejja, u jfittxi fil-vojt il-għala tat-tbatija umana, waqt li tistaqsu bil-ħerqa dwar meta u min ser jeħliskom minn dawk it-tbatijiet tagħkom.  Aħna nsofru magħkom għax nafu li ma nistgħux inwasslulkom is-serħan tal-ġisem u lanqas tat-tbatijiet fiżiċi li tant għandkom bżonn. Imma għandna xi ħaġa iktar profonda u ta’ valur x'nagħtukhom, l-unika verità kapaċi li twieġeb il-misteru tat-tbatija u li ġġibilkom serħan mingħajr illużjoni, u dik hija l-fidi u l-għaqda mal-Bniedem tad-Duluri, ma' Kristu l-Iben ta 'Alla, imsammar mas-salib għal dnubietna u għas-salvazzjoni tagħna.”

 

L-aħħar messaġġ tal-Papa kien liż-żgħażagħ

L-aħħar messaġġ tiegħu, il-Konċilju Vatikan II ried jindirizzah liż-żgħażagħ, irġiel u nisa tad-dinja.  Kien messaġġ ta’ sfida kbira.

“Intom qed tirċievi t-torċa minn idejn l-anzjani tagħkom biex tgħixu fid-dinja fi żmien tal-iktar bidliet kbar li qatt saru fl-istorja tagħha. Intom fuq l-aħjar eżempju u tagħlim tal-ġenituri u l-għalliema tagħkom, tridu tifformaw s-soċjetà ta’ għada. Jew issalvaw lilkom infuskom, inkella tintilfu intom ukoll mas-soċjetà.”

Il-Papa Pawlu VI temm il-messaġġ tiegħu billi qalilhom li l-Knisja kienet ħerqana tara li s-soċjetà li ż-żgħażagħ kienu ser jibnu, tkun waħda li tirrispetta d-dinjità, il-libertà u d-drittijiet tal-persuni.  Għaliex dawn il-persuni kienu propju huma.

Mingħajr dawn it-tmien messaġġi, id-dokumenti tal-konċilju kienu jkunu nieqsa. Jekk Ġwanni XXIII xtaq li jbexxaq tieqa fuq il-Knisja, issa permezz tagħhom, Pawlu VI fetaħ beraħ il-bibien tal-Knisja għall-bnedmin kollha.  Ħadd aktar ma seta’ qatt ikunu eskluż.  Minn issa ‘l quddiem, għall-Knisja mhux ser ikun hemm aktar ta’ ġewwa u ta’ barra.  Is-swar qawwija li kien inbnew matul is-sekli ħtiġilhom jaqgħu.  Ix-xibka li tinxteħet fil-baħar imqalleb mid-dgħajsa ta’ Pietru, trid tkun lesta tilqa’ fiha lil kulħadd. Hekk biss seta’ d-dawl ta’ Kristu jiddi fuq il-ħolqien kollu mifdi minnu.

 

Kitba ta' Joe Farrugia

Qari minn Tony Micallef