IL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

Seħħ u għad irid iseħħ

Id-dinja matul s-snin ta’ qabel il-Konċilju. (1)

 

Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II kien il-wieħed u għoxin konċilju ekumeniku tal-Knisja. Kollha kellhom il-karatteristiċi individwali tagħhom. F’kollha kien hemm għanijiet partikolari li għalihom issejħu, u kollha ħallew riżultati differenti li jiddistingwuhom wieħed mill-ieħor. Kull konċilju twieled f’ċirkustanzi, jew forsi aħjar, minn ċirkustanzi uniċi. Minħabba f’hekk, biex nistudjaw u nifhmu sewwa konċilju, hu liema hu, jeħtieġ li qabelxejn ngħarblu tajjeb is-sitwazzjonijiet ta’ żmienu u l-ġrajjiet li kienu qed iseħħu fid-dinja u fil-Knisja nfisha, mhux biss matulu imma wkoll fis-snin ta’ qablu. Ċertament li dan jgħodd ukoll, u forsi b’mod speċjali għal Vatikan II.

 

Id-dinja matul s-snin ta’ qabel il-Konċilju

Qegħdin fl-aħħar tal-ħamsinijiet u l-bidu tas-sittinijiet tas-seklu għoxrin. Il-ħerba, it-terrur u n-niket li kienet ħalliet warajha t-Tieni Gwerra Dinjija kienu għadhom jidhru u jinħassu kull fejn tħares. Dawk li għexu ż-żmien tal-gwerra u baqgħu ħajjin, kollha kellhom l-esperjenzi tagħhom x’jirrakkuntaw. Anki l-istess ġenerazzjoni tal-baby-boomers, li twieldu fis-snin immedjatament ta’ wara l-gwerra u li allura l-gwerra ma jiftakruhiex, setgħu jaraw u jħossu t-tifrik mhux biss fil-bini u tant strutturi oħra, uħud minnhom monumentali u storiċi, imma wkoll, u forsi b’mod speċjali fil-qlub ta’ qrabathom akbar minnhom u fi kliemhom, kultant imnikket l-aktar meta kienu jfakkru xi traġedja jew lil xi ħadd għażiż li tilfu.

F’pajjiżna stess, bosta mix-xelters li fihom niesna fittxew kenn mill-bombi qerrieda, u fejn ironikament uħud saħansitra temmew ħajjithom, kienu għadhom miftuħa. It-tfal kienu spiss jinżlu jilagħbu fihom u jesplorawhom. ’L hawn u ’l hinn fuq xi xtut ta’ pajjiżna kien għad fadal biċċiet imdaqqsa ta’ barbed-wire imsaddad, bħallikieku b’tifkira jew relikwa ta’ dik il-ġrajja mdemmija u tat-theddida ta’ xi invażjoni mill-baħar li ta’ qabilna beżgħu minnha.

Fl-għelieqi tagħna, spiss kienu għadhom jinstabu bombi żgħar, anti-personnel, mhux sploduti, li ħafna, speċjalment it-tfal, ma kienux jafu x’kienu. F’każ minnhom, tifla ta’ xi għaxar snin sabet waħda minnhom fl-għalqa tagħhom u ħaditha d-dar lil ommha ħalli tużaha biex tiżen biha xi wiżna patata. B’xorti tajba dakinhar il-ġenituri tagħha ntebħu fil-ħin bil-periklu u l-bomba tneħħiet mill-awtoritajiet militari Ingliżi li kienu f’pajjiżna f’dak iż-żmien. Imma mhux kulħadd kien tant xortih tajba, għax dawn il-perikli tal-gwerra baqgħu jinstabu f’pajjiżna għal żmien twil. F’inċident sfortunat, li seħħ snin wara,  wieħed saċerdot żagħżugħ miet imtertaq minn waħda minnhom, proprju maġenb il-knisja stess fejn kien iwettaq il-ministeru tiegħu.

Il-poplu lanqas kieku xtaq ma setgħa jħallu warajh dik il-ġrajja mdemmija. Sa fil-klassijiet tal-primarja, it-tfal kienu għadhom jaqraw regolarment minn djarju tal-gwerra bir-rakkont ta’ dak li seħħ jum b’jum matul dawk is-snin u dak li għaddew minnu niesna taħt in-nar tal-għadu.

Is-sireni li fil-gwerra wissew il-poplu kontra xi attakk mill-ajru kienu għadhom imdendla mal-faċċati tal-għases tal-pulizija u fil-pjazez quddiem il-knejjes. Kultant ukoll kienu saħansitra jsemmgħu leħinhom mill-ġdid, f’waqtiet ta’ prova biex ikun żgurat li ma jiġġammjawx u li jibqgħu jaħdmu f’każ li jerġa’ jkun hemm bżonnhom. Kulħadd kien jaf, anki ż-żgħar, li minkejja li l-gwerra kienet għaddiet, madankollu t-theddida ta’ oħra akbar minnha u aktar qalila ma kinetx waħda remota.

In-Nażiżmu u l-Faxxiżmu kienu megħluba, imma lil hinn minn xtutna, theddid ġdid ieħor kien beda’ jerfa’ rasu. It-Tieni Gwerra Dinjija kienet intemmet, iżda f’bosta nħawi tad-dinja kienet għadha qed tiġi miġġielda bil-biċċiet.

 

Il-Konċilju u l-Gwerra bierda

Fil-bidu tal-ħamsinijiet, il-Korea ta’ Fuq invadiet dik ta’ Isfel u minnfuh ħżienu sewwa r-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika. Minkejja li l-mezzi ta’ komunikazzjoni dakinhar kienu għadhom ħafna ’l bogħod minn dawk li għandna llum, kulħadd kien jaf bit-theddida mill-blokk Komunista. Ilkoll kienu jafu bir-realtà ta’ gwerra bierda u li f’mumenti minnhom u f’xi nħawi tad-dinja kienet saħnet sewwa. Spiss kienu jisimgħu u jaqraw dwar l-iżvilupp tal-armi nukleari mill-potenzi l-kbar, u li dawn saħansitra kienu bdew jitqiegħdu wkoll fuq is-sottomarini, li l-oċeani u l-ibħra kienu miżgħuda bihom. Il-purtiera Sovjetika tal-ħadid u dik Ċiniża tal-bambù, anki t-tfal infushom kienu semgħu bihom u lkoll kellhom idea tajba x’kienu.

F’Kuba, proprju bieb u għatba mal-Istati Uniti tal-Amerika, Fidel Castro kien għadu kif ħa t-tmexxija tal-pajjiż wara rivoluzzjoni li mexxa kontra l-Gvern ta’ Batista u hekk ħejja t-triq għall-ewwel reġim Komunista tal-Punent.

L-invażjoni tal-Ewropa tal-Lvant mill-Unjoni Sovjetika ma kinetx għadha biss theddida, imma issa saret realtà u t-teorija domino tal-President Amerikan Eisenhower bdiet titwettaq bil-waqgħa ta’ pajjiż wara l-ieħor; l-ewwel il-Bulgarija, warajha r-Rumanija, imbagħad l-Ungerija, il-Polonja u l-Ġermanja tal-Lvant.

Ir-Renju Unit, flimkien mal-Istati Uniti, Franza u l-Unjoni Sovjetika ħatfu l-okkażjoni u bl-iskuża tal-biża’ minn theddida ġdida Nażista, okkupaw il-Ġermanja bejniethom billi qasmuha f’erba’ żoni, kull waħda minnhom taħt it-tmexxija rispettiva ta’ xi pajjiż minnhom. Aktar tard, ir-Repubblika Demokratika Ġermaniża, dik taħt it-tmexxija Komunista, bniet il-ħajt infami ta’ Berlin; suppost biex dan iħares lill-poplu kontra l-elementi Faxxisti tal-Punent; fir-realtà dan kien biex ma jħallix lil dawk taħt tmexxija Sovjetika milli jaqsmu għan-naħa l-oħra.

Ix-xena fil-Lvant Nofsani xejn ma kienet ta’ kuraġġ, għax hemm ukoll kien beda jberraq sew. Wara l-ħruxijiet tal-Olokawst Nażista u l-ġenoċidju Komunista li kienu għaddew minnhom il-Lhud, f’Mejju 1948 Iżrael ġie ddikjarat bħala stat indipendenti u sentejn biss wara beda jagħti ċ-ċittadinanza lil kull immigrant Lhudi minn madwar id-dinja li xtaq imur joqgħod hemm. Il-komunità Lhudija fl-Iraq kienet fost tal-ewwel li għamlet dan il-pass. Warajha segwew oħrajn u għalhekk inħasset il-ħtieġa, mistennija minn qabel, li jitwessgħu l-fruntieri billi jkunu okkupati territorji oħra.

Hawn bdew jitfaċċaw il-kampijiet tar-refuġjati Palestinjani u ftit wara tħabbru l-ewwel miżuri mill-Istati Għarab kontra l-Istat il-ġdid ta’ Iżrael. Fil-bidu dawn kienu biss ta’ natura ekonomika, imma fi ftit żmien ħraxu u r-relazzjonijiet li kienu ġa ħżiena komplew imorru għall-agħar.

 

Imma wkoll sens ta’ ottimiżmu u ta’ tama

Minkejja dan kollu, fost ħafna, speċjalment fil-ġenerazzjoni żagħżugħa, kien beda jinħass sens qawwi ta’ ottimiżmu u determinazzjoni għal futur aħjar. Bosta kolonji, b’tama ta’ żminijiet aħjar għall-popli tagħhom, riedu li pajjiżhom jikseb l-indipendenza minn dawk li kienu jaħkmuhom.

L-iżviluppi kbar li kienu qed isiru fix-xjenza u t-teknoloġija offrew mhux biss opportunitajiet aħjar fil-mezzi tat-trasport u tal-komunikazzjoni, imma wkoll fis-setturi differenti tal-industrija, fir-riċerka medika u fil-qasam tal-faċilitajiet sanitarji u dawk domestiċi.

L-oqsma tar-rikreazzoni u d-divertiment bħaċ-ċinema, ir-radju u t-televiżjoni kienu wkoll bdew jikbru u jespandu bħal qatt qabel. Kien iż-żmien meta l-ikona taż-żgħażagħ, Elvis Presly, ħareġ l-ewwel waħda mill-mija u sebgħin diska tiegħu. Warajh, fil-midja internazzjoni tfaċċaw ukoll ikoni oħra.

L-esperjenza qarsa tal-armi tal-qerda kienet nisslet f’qalb iż-żgħażagħ xewqa ġdida, favur l-imħabba u kontra l-gwerra. Make love not war. Kienet xenqa qawwija għal impenn sinċier biex ix-xwabel moderni ta’ dak iż-żmien jinbidlu mill-ġdid f’sikek tal-moħriet, biex il-lanez jerġgħu jsiru mnieġel tar-raba’, biex l-ebda ġens qatt aktar ma jerfa’ l-armi tiegħu kontra ġens ieħor, u biex is-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.

Din kienet il-qagħda politika madwar id-dinja dakinhar tad-9 ta’ Ottubru 1958, meta r-Radju Vatikan ħabbar li ġo Kastell Gandolfo f’Ruma, kien għadu kif miet il-Papa Piju XII. Kien it-tmiem ta’ pontifikat imqanqal ta’ aktar minn dsatax-il sena. Imma x'kienet dakinhar is-sitwazzjoni fil-Knisja Kattolika nfisha? X'kienu r-relazzjonijiet tagħha mal-Knejjes Insara l-oħra, ma' dawk ta' twemmin ieħor u mal-kumplament tad-dinja?

 

Kitba ta' Joe Farrugia

Qari minn Tony Micallef