"L-Imħabba Tirbaħ kollox" il-Kardinal François Xavier Nguyen Van Thuan

 

Il-Kardinal François Xavier Nguyen Van Thuan, Prefett tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, indirizza l-kliem li ġej lil grupp ta’ saċerdoti miġburin  għall-Quddiesa.

 

Kif tafu, eżatt meta ġejt nominat Arċisqof ta' Saigon, il-Komunisti ħatfu l-poter, u jien spiċċajt il-ħabs anki qabel ma stajt niġi installat uffiċċjalment bħala Arċisqof tad-djoċesi.

 

Wieħed mill-iktar mumenti diffiċli li qatt għext f’ħajti kien meta ġabu l-katina biex jittrasportawni bil-vapur, flimkien ma’ 1,500 priġunier ieħor, lejn il-Vjetnam tat-Tramuntana. Tista' timmaġina biss kif kienet l-atmosfera psikoloġika fost dawk in-nies! Kull wieħed minnhom kien profondament trawmatizzat u mdejjaq. Lejla minnhom, fid-dlam ċappa, niżżluna fl-istiva tal-vapur. F’dak il-mument, ħassejtni wkoll konfuż.

 

Staqsejt lili nnifsi: “Għaliex il-Mulej se jħallini hawn? Jiena isqof żagħżugħ. Għandi tmien snin ta’ esperjenza pastorali bħala isqof. Issa l-Mulej, permezz tal-Papa Pawlu VI, għadu kemm ħatarni Arċisqof. U issa jien ninsab hawn fil-ħabs! Għaliex il-Mulej qed jippermetti dan id-diżastru? ” Ma stajtx nifhem.

 

L-għada l-priġunieri l-oħra rawni. Dawk li mhumiex Kattoliċi m’għarfunix, imma l-Kattoliċi dritt għarfuni u mmedjatament qalu lill-oħrajn: "Magħna hawn anke l-Isqof Van Thuan!" Imbagħad dawk kollha li mhumiex Kattoliċi - il-Buddisti, il-Kadisti,il-Musulmani, u nsara evanġeliċi ta’ reliġjonijiet oħra - ġew għandi. Kienu qishom nies bil-vistu. Kollha kienu għamluha fatta li aħna konna fi triqitna lejn il-Vjetnam tat-Tramuntana biex joqtluna. Hemmhekk jagħmel ħafna ksieħ, u billi konna se nitbiegħdu  kważi 1700 km, konna se nkunu  ‘l bogħod mid-dar u l-familji tagħna. Min se jiġi jarana f’dak il-bogħod kollu? Huma ħasbu li l-mewt kienet inevitabbli. Allura dawn kollha baqgħu qrib tiegħi.

 

F’dak il-mument il-Mulej tani l-grazzja li kelli bżonn. Huwa rrivoluzzjona, biddel ta’ taħt fuq il-ħajja saċerdotali tiegħi. Ħassejtu jgħidli: “Qed insejjaħlek għal ministeru ġdid ta’ evanġelizzazzjoni. S’issa int kont ragħaj fid-djoċesi tiegħek. Int iċċelebrajt ċerimonji kbar, kellek strutturi, organizzajt attivitajiet pastorali. Imma hawnhekk int missjunarju u evanġelizzatur ... Hawnhekk, dawn il-priġunieri huma n-nies fdati f’idejk. Toqgħodx taħseb aktar dwar il-katidral tiegħek. Dan il-vapur, dan il-ħabs, huwa l-isbaħ katidral tiegħek. ”

 

 

Allura jiena kelli bidla sħiħa tal-qalb. Fhimt li dan kien il-ministeru pastorali l-ġdid li talabni l-Mulej. Kuljum ħassejtni magħqud ma’ dawn in-nies anke permezz tat-tbatija u tal-ġuħ li konna nsofru, kont infittex il-preżenza ta’ Ġesù f’nofsna li kien jitwieled fostna mill-imħabba li kellna bejnietna. Jiena kelli d-dmir li naqdi lil dawk li kellhom bżonn Alla.

 

Huwa b'dan il-mod li bdejna. Matul il-lejl ħamsin ruħ konna norqdu fuq sodda waħda magħmula minn ħafna twavel. Konna noqogħdu ras ma’ ras, b’saqajna jħarsu 'l barra. Tlabt lil sitt priġunieri Kattoliċi biex joqogħdu ħdejja bil-lejl, u meta kienet iddoqq il-qanpiena u jintefa’ d-dawl, konna niċċelebraw il-quddiesa. Kont niċċelebra bi tliet qatriet inbid u qatra ilma fuq il-pala ta' idi. Kienu l-isbaħ quddisiet li qaddist f’ħajti. Wara l-quddiesa kont inqarben lill-oħrajn minn taħt ix-xibka għal kontra n-nemus, u kont nirriserva xi ostji konsagrati. L-għada konna niġbru xi pakketti tas-sigaretti mingħand il-priġunieri l-oħra sabiex nagħmlu boroż u nirriżervaw l-Ewkaristija fihom.

 

Kull nhar ta' Ġimgħa kienu jiġbru l-priġunieri kollha għall-proċess ta' "edukazzjoni mill-ġdid" li fih kienu jippruvaw jindottrinawna bl-idejat komunisti.  U fil-break, il-Kattoliċi kienu jgħinuni biex inġibu dawn il-pakketti bl-Ewkaristija fihom, u kienu jqassmu t-tqarbin lill-Kattoliċi li kienu f’kull grupp ta’ priġunieri.

 

Mgħejjunin mill-preżenza Ewkaristika konna nitolbu anke matul il-lejl. Dan kien jiġri anke waqt ix-xogħol, għax kull wieħed minnhom fil-kamp fejn kien qiegħed, kien iġorr l-Ewkaristija taħt ħwejġu, bil-moħbi, u dan biex fil-ħabs kollu jkun hemm il-preżenza ta’ Ġesù li jagħtina s-saħħa u l-inkoraġġiment. Dan biddel il-ħajja ta’ dawn il-priġunieri.

 

Bil-mod il-mod, ħafna nies mhux Kattoliċi ġew u talbu biex isiru nsara. U għalhekk dawn il-priġunieri saru katekisti ta’ priġunieri oħrajn. U bil-moħbi, huma stess tawhom il-magħmudija u kienu huma stess il-parrini tagħhom. Lanqas kont irrid nemmen li l-ħabs ma damx ma sar għalija u għalihom l-isbaħ skola ta’ katekeżi u ta’ evanġelizzazzjoni.

 

F’dak iż-żmien jiena bdejt nifhem iktar għaliex San Pawl kien mar biex imut, bħal Ġesù, barra l-ħitan tal-belt. Ġesù miet barra l-ħitan ta’ Ġerusalemm. Pawlu miet barra l-ħitan ta’ Ruma, fejn illum hemm il-Bażilika ta’ San Paolo Fuori le Mura, San Pawl ta’ Barra l-Ħitan tal-Belt. Għax aħna rridu noħorġu "barra" u mmorru għand dawk li mhumiex Kattoliċi, għand l-insara abbandunati, għand dawk li ma jafux lil Alla jew saħansitra dawk li jqisu lilhom infushom għedewwa ta' Alla. Dawn kollha Alla jafdahom f’idejna. Ħadd m’għandu jkun ʼil bogħod mill-imħabba u s-servizz tagħna, u mill-imħabba prattika tagħna. Minn dak il-mument din saret realtà vera f’ħajti.

 

Ġwanni Pawlu II ħeġġiġna biex nimpenjaw ruħna f’ "evanġelizzazzjoni ġdida", ġdida fil-metodi u fil-ħeġġa.  Tiskanta kif aħna kellna ħeġġa kbira matul dak il-perjodu terribbli.

 

Il-Kattoliċi taw xhieda kbira l-ħabs. F’ċertu punt, in-numru ta’ saċerdoti fil-ħabsijiet madwar il-Vjetnam kien ta’ madwar 300. L-iktar karatteristika tal-għaġeb li sabu l-gwardjani tal-ħabs u l-pulizija komunista, u li ma setgħu jifhmu qatt, kienet l-imħabba kbira li rċevew mis-saċerdoti priġunieri.

 

Jien nista’ ngħidilkom dak li ġara lili. Il-gwardjani tiegħi, wara li saru ħbieb tiegħi, qaluli x’kienu qalulhom is-superjuri tagħhom meta bagħatuhom miegħi biex jgħassuni. Kienu jgħidulhom: “Dan l-isqof Van Thuan huwa perikoluż ħafna. Aħna se nibgħatukom biex tagħmlu l-għassa miegħu, imma biss għal ġimgħatejn kull darba. Se nibdlu l-gwardjani kull ħmistax ma' grupp ieħor ta' ħames pulizija. Għax inkella, jekk iddumu ħafna miegħu, hu se jikkontaminakom bit-twemmin tiegħu.”  Is-superjuri malajr innutaw li kulma jmur, il-gwardjani kienu qed isiru ħbieb tiegħi. Għalhekk l-uffiċċjali tal-ħabs reġgħu ġabru lill-gwardjani u qalulhom: "Iddeċidejna li ma nibdlukomx aktar, għax jekk noqogħdu nibdlukom kull ħmistax, dan se jinfetta lill-korp tal-pulizija kollu!"

 

Imma jien kif stajt “ninfettahom”?  Jiena ma kelli l-ebda mezz.  Kont f’sitwazzjoni limitata u umiljanti. Nitkellem ta’ bniedem li jien, jiena ma kelli xejn favur tiegħi. Imma dejjem kien hemm il-qalb! Għal din ir-raġuni, dejjem staqsejt lili nnifsi x'nista' nagħmel għalihom, għaż-żewġ gwardjani li li kelli l-ħin kollu miegħi? Għall-ewwel disa’  snin, fil-fatt, li matulhom kont qiegħed f’ċella solitarja, kien hemm biss iż-żewġ gwardjani miegħi u ħadd iktar.

 

Għall-ewwel ippruvajt nitkellem magħhom, imma huma, kif kienu qalulhom, kienu jevitaw li jweġbuni. Ftit ftit, bdejt nirrakkuntalhom stejjer interessanti tal-vjaġġi tiegħi fl-Ewropa, fl-Asja, u fl-Awstralja. Huma kienu eċċitati u kurjużi u bdew jistaqsuni ħafna mistoqsijiet. Huma saru qishom “studenti tiegħi”, għax rieduni ngħallimhom il-Franċiż u l-Ingliż. Dan għen biex tinbena bejnietna relazzjoni ta’ ħbiberija.

 

Darba minnhom kont qed nisserra ammont konsiderevoli ta’ injam. Allura staqsejt lil wieħed mill-gwardjani:

Tħallini naqta’ biċċa injama f'forma ta' salib?

Imma għala?

Sempliċement għedtlu: Biex iġibli fortuna.

Ma tistax! Ma tafx li ma tistax? - kienet ir-risposta kiefra.

Naf. Imma int ħabib tiegħi.

Imma jekk ninqabdu, se nkunu kkastigati.

Veru li ma nistax nagħmilha quddiem għajnejk stess, imma jekk tagħlaq għajnejk, ma taranix.

Allura tani dahru u telaq, u stajt naqta’ biċċa njama f'għamla ta' salib. Dan is-salib ħbejtu f'sapuna u żammejtu miegħi kemm domt priġunier. Meta ħelsuni, dan is-salib immuntajtu fuq biċċa metall, u sar is-salib Episkopali tiegħi.

 

Darb’oħra, f'ħabs ieħor qrib Hanoi, tlabt lill-gwardjan:

Tista' tgħinni?

X'għandek bżonn?

Għandi bżonn biċċa tal-wajer tal-elettriku.

Dak inħasad u staqsieni:

Jaqaw trid tagħmel suwiċidju?

Le, x’suwiċidju?  Jien hemm bżonn ngħix biex inxerred il-valuri insara. 

Imma x'se tagħmel bil-wajer?

Irrid nagħmel katina biex indendel is-salib tiegħi.

Imma kif tista' tagħmel katina minn biċċa wajer?

Nista' nagħmilha. Islifni żewġ tnalji żgħar u nurik.

Huwa telaq mingħajr ma qalli xejn.

 

Ftit jiem wara ġie lura u qalli:

Ma nistax nirrifjuta dak li tlabtni, għax int raġel tajjeb wisq u ħabib tiegħi. Għada jmissni duty mis-sebgħa sal-ħdax. Inġiblek il-wajer, imma ħu ħsieb li dak li għandek tagħmel, tagħmlu sal-ħdax. Jekk min jiġi warajja jinduna, jirrappurtani, allura trid tlesti fil-ħin. 

 

Ġabli l-wajer, għeni nagħmlu u f’erba’ sigħat konna lesti. Din hija l-katina li żżomm is-salib tiegħi ta’ isqof. Issa dan is-salib mhux biss hu xi ħaġa li ġġibli fortuna,  imma minn dakinhar sallum, dan is-salib u l-katina ifakkruni fis-sejħa ta’ Ġesù li hi rejali ħafna għalija. Sejħa biex inħobb bħalma ħabbni hu. Hu stess qalilna li ħadd ma għandu mħabba akbar milli wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Huwa s-sinjal tal-ikbar imħabba. 

 

Ħafna drabi l-gwardjani li kien ikolli kienu jistaqsuni:

Imma int lilna tħobbna?

Iva, inħobbkkom.

Imma kif tista' tħobb lill-għedewwa tiegħek? Aħna żammejniek maqful fil-ħabs għal aktar minn għaxar snin, u int tħobbna?

Iva, nibqa’ nħobbkom. U anke jekk iddaħħlu f’moħħkom li toqtluni, jien inkompli nħobbkom. 

U wieħed minnhom darba qalli:

Issa meta inti titlaq mill-ħabs, ma tibgħatx lin-nies tiegħek biex jagħtu n-nar lid-dar tiegħi, u jagħmlu massakru minni u mill- familja tiegħi?

Le!

Imma għala?

Għax Ġesù għallimna nħobbu b’dan il-mod. Jekk ma ngħix dan, ma nkunx denju tal-isem Nisrani. U taf li dan li qed ngħidlek huwa possibbli, għax jien issa ilni żmien miegħek bħala gwardjan tiegħi, u aħna dejjem għexna bħala ħbieb veri.

Hu qalli: Dan li qed tgħidli hu sabiħa ħafna, imma ma nistax nifhem. Aħna dejjem  tgħallimna biex nobogħdu l-għedewwa u nfittxu vendetta meta nbatu xi inġustizzja. Huwa diffiċli għalija li nifhem kif tista’ tgħix kif jgħixu l-Insara. Fl-istess ħin huwa sabiħ ħafna ...

 

Għeżież ħbieb: Ma nistax nitkellem għal ħafna iktar. Imma niċċelebra l-Quddiesa tal-lum għalikom kollha, magħkom u għalikom, mal-Mulej preżenti fostna.

 

Bl-interċessjoni ta ’ommna Marija, jalla l-Mulej iberikna b’kull barka billi aħna saċerdoti ta’ qalbu u rridu ngħixu l-imħabba ta’ Ġesù.

 

Jiena nemmen li l-imħabba tirbaħ kollox. Jiena dan nemmnu għax għextu u naf li anke intom ukoll kellkom din l-esperjenza li l-imħabba tirbaħ kollox.