Laikos

 

Il-Kardinal Roberto Tucci fuq il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II

Intervistat minn Giovanni Sale

La Civiltà Cattolica

2 ta’ Mejju 2015 [i]

 

Il-Kardinal Roberto Tucci, Ġiżwita, li miet fl-14 ta’ April 2015, kien wieħed mill-aħħar xhieda tal-ġrajja kbira tal-konċilju, li biex nużaw kelma għażiża għal San Ġwanni XXIII, aġġorna l-Knisja Kattolika u indirizzaha lejn l-isfidi ġodda tad-dinja moderna. Il-konċilju kien ċertament Pentekoste ġdid, ġrajja ta’ komunjoni u grazzja. Dak li ġie diskuss u approvat fih akkumpanja l-vjaġġ tal-Knisja f’wieħed mill-aktar mumenti delikati tal-istorja twila tagħha.
Matul is-snin tal-konċilju, Padre Tucci kien direttur ta’ La Civiltà Cattolica, kariga li okkupa minn Lulju 1959 sal-1973. Aktar tard kien direttur tar-Radju Vatikan (1973-85). F’Settembru tal-1982 ġie fdat bir-responsabbiltà li jorganizza vjaġġi papali barra mill-Italja. F’wieħed minn dawn il-vjaġġi tal-Papa Ġwanni Pawlu II, Padre Tuċċi ġie ukoll hawn Malta. Fl-2001 kien maħtur kardinal mill-istess Papa Ġwanni Pawlu II.


Padre Tucci kien punt ta’ riferiment tal-Uffiċċju Stampa għall-konċilju speċjalment għall-ġurnalisti Taljani – u xi drabi wkoll għall-barranin. Kien ukoll wieħed mill-esperti b’ħatra pontifikali f’diversi kummissjonijiet. Kellu sehem sinifikanti fit-tfassil ta’ xi dokumenti konċiljari, speċjalment dak dwar l-appostolat tal-lajċi, Apostolicam actuositatem, u fit-tfassil ta’ xi partijiet tal-Kostituzzjoni Gaudium et spes, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu mal-kultura kontemporanja u l-impenn tal-lajċi nsara fil-politika .

L-intervista ta’ hawn taħt saret mal-Kardinal Tucci fl-2007 u baqgħet mhux ippubblikat sa Mejju 2015. [ii]



Giovanni Sale

Eminenza, ħa nibdew b’ dak li tiftakar, nibdew b’mod partikolari mill-ġrajjiet li esperjenzajt b’mod dirett, sa mill-fażi tat-tqala tal-konċilju. Meta smajt għall-ewwel darba li l-Papa Ġwanni XXIII kien sejjaħ konċilju għall-Knisja universali?

 

Il-Kardinal Roberto Tucci

Ma kontx naf bis-sejħa tal-konċilju qabel ma tħabbret uffiċjalment. Iktar tard, matul il-pontifikat ta’ Ġwanni XXIII, kelli madwar għaxar udjenzi privati mal-Papa. Kont maħtur direttur ta’ La Civiltà Cattolica f’Lulju 1959, meta Roncalli kien diġà Papa. Ma kien qalli xejn dwar il-ħsieb tiegħu, iżda wara li l-konċilju ġie msejjaħ uffiċjalment, huwa għażilni, flimkien ma’ oħrajn, bħala wieħed mill-esperti b’nomina pontifiċja. Wara dan kellimni diversi drabi, u jiena, għal kull udjenza li kelli miegħu ktibt rapport qasir. Kien fl-1962 meta huwa kellimni l-ewwel darba fuq il-konċilju. Niftakar dakinhar kellu quddiemu wieħed mill-volumi bid-dokumenti mħejjija minn qabel mill-kummissjonijiet preparatorji u kien ftit diżappuntat bihom. Tani x’nifhem, l-ewwel nett, li ma kienx ġust dak li kien intqal dwaru, li huwa li kien approva dawk it-testi. Dan għaliex huma ġabuhomlu meta kienu diġà stampati u mibgħuta lill-isqfijiet. Hu ma ried qatt ixekkel il-libertà tal-konċilju. Imbagħad fetaħ wieħed minn dawk il-volumi u wrieni paġna minnhom li kien fiha erbatax-il kundanna. Qalli, “Dan mhux l-istil tal-konċilju li għandi f’moħħi.”

 

Giovanni Sale

X’kien, Eminenza, l-istil li l-Papa Ġwanni ried jagħti lill-konċilju, skont dak li fhimt fil-laqgħat li kellek miegħu

 

Il-Kardinal Roberto Tucci

Ejja ngħidu li l-konċilju, minkejja dgħufijiet kollha tiegħu, bażikament laħaq dak li semma l-Papa fid-diskors kbir tal-11 ta’ Ottubru 1962 – fir-rigward tal-Gaudium et spes, il-libertà reliġjuża u d-djalogu mar-reliġjonijiet l-oħra. Kien tkellem ukoll xahar qabel, fil-11 ta’ Settembru, f’messaġġ mxandar mir-Radju Vatikan u li kien bażikament fuq żewġ punti, r-riforma interna tal-Knisja ad intra, kif ukoll dik ukoll ‘il barra minnha, ad extra.

Giovanni Sale

Fost il-protagonisti kbar tal-konċilju, inti ltqajt b’mod partikolari mal-Kardinal Ġiżwita Agostino Bea, li kien stmat ħafna minn Ġwanni XXIII, li fdah bil-presidenza tas-Segretarjat għall-Għaqda fost l-Insara, li wara ftit żmien sar parti mill-Kummissjoni Konċiljari. X’tista’ tgħidilna fuq sehem il-Kardinal Bea fil-konċilju?

 

Il-Kardinal Roberto Tucci
Mort għandu ftit jiem wara li sar kardinal. Kont ġa mort għandu qabel, biex nitkellmu fuq artiklu ta’ wieħed professur tal-Biblicum li kien qajjem reazzjoni qawwija, u mhux biss kontra l-Istitut. Dan l-artiklu faħħar l-evoluzzjoni li l-Biblicum kellu matul iż-żmien, u kif wera l-abbiltà li jadatta ruħu għal żminijiet ġodda.

Tlabt lil Bea biex jagħtina kollaboraturi kapaċi li jiktbu artikli kemmxejn innovattivi, sabiex jgħinu lil dawk li fil-kummissjonijiet konċiljari kienu impenjati li jinbidlu fil-kuntest bibliku. Bea ċċetta, tant li huwa stess ippubblika diversi artikli fuq iċ-Civiltà Cattolica, kitbiet kemm fuq il-kwestjoni biblika, kemm fuq l-istoriċità tal-Vanġeli, u kif ukoll fuq l-ekumeniżmu Kellna minnu kollaborazzjoni mill-aqwa.

Giovanni Sale

Emminenza. Kif kien jaħsibha Bea fuq il-konċilju? Jiġifieri x’kienet l-idea li kellu fil-bidu tal-ħidma? Fl-opinjoni tiegħu, x’kellu jkun il-konċilju?

 

Il-Kardinal Roberto Tucci
Aktar minn teologu ta’ statura kbira, il-Kardinal Bea kien bniedem ta’ kultura vasta, partikolarment ta’ kultura biblika profonda. Kellu sens ta’ storja, li ħafna dak iż-żmien ma kellhomx, u dan l-aktar minħabba t-taħriġ li rċieva. Induna li l-Knisja wkoll kellha tevolvi, kellha timxi ‘l quddiem. Huwa kellu kunċett pjuttost miftuħ fuq l-iżvilupp ta' domma, kien jemmen li sakemm is-sustanza tal-verità tkun ippreservata, il-formoli għandhom jiġu aġġornati. Kien jaħseb ħafna fuq il-kwestjoni tar-relazzjoni mal-Lhud. Barra minn hekk, bħala ċittadin Ġermaniż, kien sensittiv ħafna għall-kwistjoni tal-libertà reliġjuża.

Giovanni Sale

Liema kien, fil-fehma tiegħek, il-grupp ta’ Isqfijiet l-inqas miftuħ għat-tibdil li ppropona l-konċilju?
 

Il-Kardinal Roberto Tucci

Jien ngħid l-Ispanjoli. U mbagħad it-Taljani.

Giovanni Sale

Forsi aktar l-Ispanjoli milli t-Taljani.
 

Il-Kardinal Roberto Tucci

Iva, aktar l-Ispanjoli . Kienu frankisti [iii] wisq, għalhekk kellhom wisq l-idea ta' poter qawwi, ta’ reliġjon tal-istat. Tal-inqas, fost it-Taljani kien hemm diversi personalitajiet li ħarġu minn dan il-klixè. L-Ispanjoli kellhom ukoll xi eċċezzjonijiet, iżda ftit, filwaqt li hawn fl-Italja kien hemm xi isqfijiet, bħal Montini, Lercaro, Guano, Bartolucci, li kellhom ideat aktar avvanzati minn dawk tal-isqfijiet Spanjoli. Fost it-Taljani, barra minn hekk, kien hemm teologi progressivi ħafna, bħal Pavan li kien għadu ma kienx isqof, Vagaggini, Bugnini, u mbagħad ukoll storiċi tal-Knisja, bħal Alberigo.

Darba kelli laqgħa ma’ Monsinjur Parente, biex niddiskutu artiklu li kellu quddiemu fuq il-mejda. Ikien test ta’ Giuseppe Alberigo wera li sas-sena 1000 kienu jsiru regolarment konċistorji tal-Papa mal-kardinali biex jiddiskutu u jiddeċiedu flimkien dwar it-tmexxija tal-Knisja, ġieli anke darbtejn fil-ġimgħa. Għalhekk sostna li fil-passat kien hemm kolleġjalità, li mbagħad twaqqfet. Niftakar kien għamilli eloġju fuq dan l-artiklu. Monsinjur Parente kien wieħed minn dawk li matul il-konċilju kkonverta għat-teżi tal-kolleġjalità.

Giovanni Sale

Eminenza, x’kienet il-pożizzjoni tal-Kurja Rumana fil-bidu tal-ħidma konċiljari?


 

Il-Kardinal Roberto Tucci

Għall-ewwel, il-membri tal-Kurja kienu, ejja ngħidu, ħadu l-aħbar ftit b’sorpriża; ma stennewhiex. Ħasbu li kienet xi daqqa ta’ ras tal-Papa u għalhekk riedu joqogħdu attenti minnu. Dak iż-żmien, is-Segretarju tal-Istat kien Domenico Tardini. Darba kienu waqqfuh f’wieħed mill-kurituri tal-Palazz Appostoliku, u qalilhom: “Ħalluni ngħaddi għax jekk ma nitlax fuq nett malajr, jagħmel xi oħra minn tiegħu!" Kien qed jirreferi għall-Papa Ġwanni u qalha b’ton ta’ ċajt, iżda ried jimplika ħafna.

Giovanni Sale

Fl-opinjoni tiegħek, x’kienet ir-relazzjoni bejn il-Kurja u l-Papa fuq il-konċilju?
 

Il-Kardinal Roberto Tucci

Il-Kurja riedet tmexxi hi, tidderieġi l-konċilju. Iżda l-Papa Ġwanni kien kapaċi, dejjem bi prudenza u b’rispett lejn kulħadd, iżomm is-sitwazzjoni f’idejh.

Fi Frar tal-1963 beda jħossu marid u kien jaf li kellu xi ħaġa serja; imma diġà minn qabel, għal ħabta ta’ Settembru, kien marad. F’okkażjoni minnhom, qal lis-segretarju tiegħu, Monsinjur Loris Capovilla, li kien jaf x'kellu, "Naf li ħuti kollha mietu bil-kanċer fl-istonku." Fil-fatt hekk kien, kellu kanċer fl-istonku u kien konxju tiegħu.

Imbagħad fl-aħħar udjenza li kelli miegħu, preċiżament fi Frar 1963, qalli li l-Padri Konċiljari kienu prattikament fehmu dak li hu ried mill-konċilju u li kien esprima fuq kollox fid-diskors tal-ftuħ, Gaudet Mater Ecclesia. Sostna li dak kien kitbu kollu hu, “Dqiq. mill-ixkora tiegħi", qalli.

Fl-ewwel sessjoni tal-konċilju, kien hemm interventi minn ta’ Lercaro, Suenens u Montini; u l-Papa kkummenta fuqhom, “Fl-aħħar fehmu; imma jien ippreferejt li jaslu waħedhom”.

 

Giovanni Sale

Dawn kliem il-Papa?

 

Il-Kardinal Roberto Tucci
Iva. Kien hemm ukoll diffikultajiet oħra; per eżempju, kull president, kull kardinal prefett ta’ kongregazzjoni, li kien inħatar mill-Papa bħala president tal-Kummissjoni konċiljari, ippretenda li jkollu segretarju li jagħżlu hu nnifsu. Imma din il-Papa din kien kontra tagħha. Iżda kien jaf ukoll li fir-rigward ta’ dawn il-prefetti tal-kongregazzjonijiet u l-presidenti tal-kummissjonijiet konċiljari kellu jaġixxi bi prudenza, għax inkella kien jirriskja li jmur kontra l-Kurja kollha.

Darba qalli: “Naf li mhux se nagħlaq il-konċilju jien u li kieku ma naġixxix bi prudenza, kont noħloq konklavi li jeqred dak kollu li bdejt nagħmel u li ma stajtx intemmu". Il-Papa kien qed jara kollox b’rabta mal-konklavi li jmiss wara li jmut hu. Kellu għarfien storiku tajjeb ħafna tal-Konċilju ta’ Trentu, u b’mod partikolari tal-ħidma ta’ riforma ta’ San Karlu Borromeo. Kellu wkoll qima vera lejn il-Kardinal Baronio, li fuqu bħala studjuż żagħżugħ kien ta wkoll xi lekċers. Kien mogħni b’sens storiku profond. Imbagħad kien sar jaf sewwa lill-Aħwa mifrdua tal-Bulgarija u tat-Turkija, lil dawk li mhumiex Kattoliċi u lil dawk li mhumiex Insara. Kien iħobb ħafna lil Don Giuseppe De Luca; minkejja li kienu żewġ personalitajiet differenti; madankollu kellu stima kbira lejh u kien jagħmlu prefett tal-Librerija tal-Vatikan, kieku ma laħaqx miet bil-kanċer f’salt ħafna. De Luca kien mar iżżuru fil-klinika meta kien wasal biex imut.  Il-Papa Ġwanni kien sensittiv ħafna għat-tema tal-ekumeniżmu. Fil-fatt, l-ewwel kien Viżitatur u Delegat Appostoliku fil-Bulgarija u mbagħad fit-Turkija.

Darba rrakuntali kif meta kien għadu Nunzju fil-Bulgarija hu kellu n-nunzjatura fl-istess triq fejn kien jgħix il-Patrijarka tal-Bulgarija. Darba sema’ l-qniepen tas-sede patrijarkali jdoqqu; u staqsa x’kien qed jiġri. Qalulu li l-isqfijiet kollha tal-Knisja Ortodossa Bulgara kienu nġabru madwar il-Patrijarka tagħhom. Allura kompla jirrakuntali Roncalli, huwa tefa’ fuqu l-libsa solenni tan-nunzju u mar jagħti ġieħ lill-Patrijarka. Wara, meta bagħat rapport lis-superjuri tiegħu fuq din il-laqgħa li kellu mal-Ortodossi, dawn ċanfruh u qalulu li messu l-ewwel staqsa għall-opinjoni ta’ Ruma. Imbagħad kompla jgħidli: “Mhux hekk! U dawk (b’referenza għall-isqfijiet ortodossi) kienu jibqgħu hemm jistennew lili sakemm nirċievi t-tweġiba minn Ruma?”. Kellu dan is-sens kbir ta’ rispett lejn l-oħrajn, speċjalment lejn l-Ortodossi. Kien konxju tal-iżbalji storiċi li aħna wettaqna fl-imgħoddi fir-rigward tal-Ortodossi.

Giovanni Sale

Kif esperjenzaw il-ġrajja tal-konċilju l-kontributuri taċ-“Civiltà Cattolica”, li tagħha inti kont direttur?

 

Il-Kardinal Roberto Tucci
B'sentimenti differenti, kultant konfliġġenti. Jiena u Padre Baragli ġejna maħtura membri tal-Kummissjoni għall-appostolat tal-lajċi u dak tal-midja rispettivament. Padre De Rosa kien jaqbel miegħi. Għalina, fil-biċċa l-kbira, il-konċilju ma kien xejn ġdid, għax kellna formazzjoni differenti minn dik ta’ diversi anzjani.

Giovanni Sale

U Padre Messineo u Padre Lener, li fi żmien Piju XII kienu fost l-aktar kittieba importanti?

 

Il-Kardinal Roberto Tucci
Padre Messineo kien espert fil-liġi internazzjonali, għalhekk kien jinteressa ruħu fil-libertà reliġjuża. Bażikament kien anti-liberali, anti-demokratiku, u għalhekk ma setax jaċċetta umaniżmu integrali. Kien jarah bħala umaniżmu naturalistiku. Kien akkuża lil Maritain b’storiċiżmu, imma wara qal fuqu, “Naf bil-fidi tiegħu, naf li hu Kattoliku tajjeb; madankollu ma jistax jifhem il-konsegwenzi tal-prinċipji tiegħu. Għalhekk formalment mhuwiex eretiku, għax ma fehemx għalkollox dak li qed jgħid."

Madankollu wara li d-dokument fuq il-libertà reliġjuża kien ġie approvat u wara li l-konċilju kien spiċċa, qalli li darba għal dejjem kien fehem li issa jkun aħjar għalih li ma jiktebx aktar fuq dawn il-kwistjonijiet, għax inkella jkun qiegħda joħodha kontra l-Maġisteru tal-Knisja. Fuq Padre Lener qal, “Dak għadu ma fehemx li ma jistax jibqa’ jiddefendi l-prinċipji li kien iħaddan qabel”.

Imma Padre Lener, min-naħa l-oħra, kien ikkonverta għax kien studjuż serju. Kien beda jistudja l-konċilju b’mod rigoruż. Kien għamel ukoll progress enormi fuq il-kunċett taż-żwieġ fil-Gaudium et spes. Verament innutajt fih approfondiment li kiseb proprju bl-istudju tiegħu tat-testi konċiljari. Permezz ta’ dan l-istudju fil-fond, skopra aspetti li qabel ma kien xejn jaqbel magħhom.

Giovanni Sale

Fir-rigward tal-konċilju, xi xtaq il-Papa Ġwanni miċ-Civiltà Cattolica?

 

Il-Kardinal Roberto Tucci
Il-Papa mill-ewwel talab li jsir kollox kif kien sar waqt il-Konċilju Vatikan I, meta La Civiltà Cattolica kienet is-sors kważi uffiċjali ta’ informazzjoni. Jiena tlabt lil Padre Caprile biex jieħu ħsieb hu. Fil-Consulta, iżda, qajjmu ħafna oġġezzjonijiet. Konna diġà bdejna niddiskutu qabel ma mort għand il-Papa. Wara ħadt l-okkażjoni u għidtilhom, “Sinjuri, jiddispjaċini, imma l-ordnijiet tal-Papa huma superjuri għall-opinjonijiet tagħkom. Irridu nwettquhom.” Insomma, bejn wieħed u ieħor kont għidtilhom hekk.

Wara Padre Caprile u oħrajn bdew jgħidu li kellhom bżonn kanonista, espert fl-istorja tal-Knisja u teologu, u għalhekk ma setax isir dak li xtaqt il-Papa. Mort għand il-Papa, li tenna, “Għandek tagħmel kif għamiltu għall-Konċilju Vatikan I”. Erġajt mort lura u għedtilhom, “Il-Papa qal li jrid hekk u allura ha jsir kif qal hu.” U hekk sar.

Il-Papa Ġwanni kien dejjem ried li jkollu l-faxxikli kollha llegati, Bgħatnielu kull ħarġa bil-kronaka tal-konċilju li kien jagħmel Padre Caprile, imma kull tant żmien kien jitlobna nagħmlu volum ieħor żgħir bl-estratti kollha miġbura flimkien.

Giovanni Sale

Il-Papa ġieli għamel xi korrezzjonijiet għal dawn il-kronaki?

 

Il-Kardinal Roberto Tucci
Le. Kien jieħu pjaċir jara informazzjoni dwar it-tħejjija għall-konċilju. Padre Caprile ħadem ħafna; u kien juri biċ-ċar l-ħafna reazzjonijiet li kien ikun hemm: kif il-ġrajja kienet milqugħa fid-diversi pajjizi; it-talb li kien isir, eċċetra; insomma, x’kienu l-attitudnijiet tan-nies fil-konfront tal-konċilju.

L-unika ħaġa li kien jikkumenta fuqha l-Papa kienet li dawk il-fajls ma jkunux, kif kien jgħid hu, bin-nightgown. Ried ifisser li ma jkunux illegata b’qoxra bajda. Darba qalli, “Meta jkunu b’qoxra badja, il-kitba fuqhom ma tinqarax sew”, għax kienet tkun indurata. Imma dik kienet it-tradizzjoni, il-Papa kien jingħata kotba llegati bl-abjad – ma nafx b’liema materjal, forsi ħarir – u t-titli kollha kienu jkunu bid-deheb. Minflok, hu ried “deheb fuq aħmar, “għax hekk taqrah aħjar”.

Giovanni Sale

Mid-djarju ta’ La Civiltà Cattolica jidher li kellek laqgħa mal-Papa malli kont inħtart direttur. X’qallek dakinhar?

 

Il-Kardinal Roberto Tucci
Iltqajt miegħu f’Settembru, u kont inħtart fil-bidu ta’ Lulju. Dak iż-żmien lanqas kont l-Italja: kont vaganza l-Ġermanja ma’ Padre Caprile. F'Settembru, kelli l-ewwel udjenza f'Castel Gandolfo. Ġwanni XXIII qalli li l-predeċessur tiegħu, Piju XII, kien ħabib tajjeb ħafna tal-Ġiżwiti, u li kien hemm kollaborazzjoni tradizzjonali mar-rivista, iżda issa, il-Papa ħtieġlu joqgħod attent biex jikkompromettix lilu nnifsu wisq kif kien ġara darba. Imbagħad żied jgħidli, “Anki għaliex hemm ħafna affaijiet li ma tantx nifhem fihom. Ma nkunx kapaċi nagħti opinjoni fuq tant kwistjonijiet. Int, madankollu, mur għand il-Kardinal Tardini u għamel dak li jgħidlek hu, anke jekk ikun kuntrarji għal dak li nkun għidtlek jien”. Imbagħad għamilli eloġju kbir fuq Tardini, u qalli li, wara l-elezzjoni tiegħu ta’ Papa, għal mument kien żamm lura milli jaħtru Segretarju tal-Istat; fil-fatt tah il-beretta fi tmiem il-konklavi. Imbagħad kompla, “Il-Kardinal Tardini huwa bniedem leali, intelliġenti, anke jekk ma naħsibx li qatt stmani ħafna”.

Giovanni Sale

Il-Papa qallek biex issegwi d-direttivi tas-Segretarju tal-Istat anke jekk ikunu kuntrarji għal tiegħu?

 

Il-Kardinal Roberto Tucci
Iva. Li jfisser li kellu rispett kbir lejn sħabu. Qalli wkoll, “Imbagħad, minn żmien għal żmien niltaqa’ miegħu wkoll, biex nagħtih xi direttivi u, fuq kollox, nagħtih xi ftit sens ta’ prestiġju”.

Giovanni Sale

Fl-okkażjoni tal-lagħqa tagħkom, x’qallek il-Papa fuq il-konċilju?

 

Il-Kardinal Roberto Tucci
Qalli li ried li l-konċilju isir b’libertà kbira, u li għalhekk m’għandux ikun hemm kundizzjonamenti.

Fi Frar 1962, (disa’ xhur qabel beda l-konċilju) il-Papa Ġwanni XXIII kien ippublika l-Kostituzzjoni Appostolica, Veterum Sapientia, fuq l-importanza tal-Latin fil-Knisja. Il-Kardinal Cicognani kien interpreta dan dokument b’mod li jimblokka l-possibbiltà li l-konċilju jintroduċi lingwi tal-poplu fil-liturġija. Il-Papa talabni nippublika li lilu din l-interpretazzjoni assolutament ma għoġbitu xejn.

L-istess meta l-Kardinal Bea mar għand Ġwanni XXIII bi proposta. Huwa aċċettaha u talab li jkun ippubblikat artiklu fiċ-Civiltà Cattolica fuq il-linji indikati minn Bea. Minkejja dan, l-artiklu, miktub bil-kollaborazzjoni ta’ Padre Dezza, ġie miċħud.

 

Giovanni Sale

Il-Papa ma qal xejn fuq l-artiklu miċħud?

 

Il-Kardinal Roberto Tucci
Le. Imma qal li kien meħtieġ li jiġi ppubblikat artiklu fuq Civiltà Cattolica biex jiddikjara b’mod ċar li l-Papa b’dak id-dokument bl-ebda mod ma kellu l-intenzjoni li jneħħi mill-konċilju l-libertà li ssir diskussjoni fuq l-introduzzjoni tal-vernakular (lingwi tal-poplu) fil-liturġija.

Giovanni Sale

Il-Papa, għalhekk, kien prudenti ħafna; minn naħa ta suġġerimenti; min-naħa l-oħra, ipprova ma jidħolx f’kunflitt mal-Kurja.

 

Il-Kardinal Roberto Tucci

Iva. Din biex tifhem aħjar lil xi nies tal-Kurja dak iż-żmien; irċevejt ittra ffirmata mill-Kardinal Pizzardo, li kien prefett tal-Kongregazzjoni għas-Seminarji, u minn Monsinjur Staffa, li dak iż-żmien kien segretarju u wara sar kardinal u heddewni. Huma kienu jafu li kont qed nikteb l-artiklu b’ordni tal-Papa, għax kont infurmathom jiena stess u kont mort nitlobhom biex jgħinuni ftit biex nistudja s-sitwazzjoni minn kull aspett. Fl-ittra kitbuli, “Aħna nafu li bi ħsiebek tikteb kritika tal-Veterum Sapientia”, u wissewni li jieħdu miżuri ekkleżjastiċi kontrija jekk nazzarda nagħmel ħaġa bħal din. Ħadt din l-ittra lill-Kardinal Cicognani, u qalli, “Il-firma hija ta’ Pizzardo, l-istil ta’ Staffa!”. Imbagħad assigurani: "Beh, tinkwetax." Madankollu, xorta waslu li ma ħallewx li l-artiklu tiegħi jkun ippubblikat.

Giovanni Sale

U inti spiċċajt tiżfen bejn il-Papa, minn naħa, u r-reżistenza mis-Segretarjat tal-Istat u l-Kongregazzjoni tas-Seminarji, min-naħa l-oħra.

 

Il-Kardinal Roberto Tucci
Dan huwa dak li jsejħu iżolament, is-solitudni istituzzjonali ta’ Ġwanni XXIII. L-aktar nies leali lejh kienu Monsinjur Capovilla u Monsinjur Dell’Acqua, li kien iħobbu ħafna.

Giovanni Sale

Eminenza, x’għadek tiftakar aktar mill-esperjenza tiegħek fil-konċilju?

 

Il-Kardinal Roberto Tucci
Niftakar il-kwestjoni fuq id-dokument dwar l-appostolat tal-lajċi. Billi xi wħud qalu, bir-raġun, li test prattiku bħal dak kullu bżonn introduzzjoni teoloġika u għalhekk twaqqfet kummissjoni żgħira mħallta, li jien kont parti minnha. Jien kont, sfortunatament, wieħed mill-edituri l-aktar imdaħħla f’dak it-test, li, fil-fehma tiegħi, ma kienx xi ħaġa speċjali. Kien hemm firda kbira bejn ideat differenti, uħud relatati mal-Azzjoni Kattolika. Ma kienx hemm teologi kbar fuq dik il-Kummissjoni. Iktar tard ħdimt ukoll fil-kumitat editorjali tal-Gaudium et spes, imma mhux għat-testi tat-tieni parti – dawk, ejja nsejħulhom, applikattivi - imma fuq dawk tal-parti teoloġika u tal-introduzzjoni soċjoloġika. L-erba’ partijiet teoloġiċi huma proprju dawk li ħdimt l-aktar fuqhom.

Imbagħad ikkollaborajt ukoll fuq il-kapitli ta’ wara; dak fuq il-kultura, u ħafna fuq il-kapitlu qasir li kien miżjud fl-aħħar – għax ma kienx previst – fuq il-Knisja u l-komunità politika. Kellna nagħmluh bil-għaġla, għax inħass in-nuqqas ta’ trattazzjoni ta’ din it-tema. Imbagħad, b'xi emendi, it-test ġie kemmxejn irranġat.

-------------------

[i] Ref: https://www.laciviltacattolica.it/articolo/intervista-al-card-roberto-tucci-s-i-sul-concilio-vaticano-ii/

[ii] Cfr R. Tucci, «Introduction historique et doctrinale a la constitution pastorale», in L’Église dans le monde de ce temps, Tome II, Commentaires, Paris, Cerf, 1967, 34-127; G. Zizola, Santità e potere. Dal Concilio a Benedetto XVI: il Vaticano visto dall’interno, Milano, Sperling & Kupfer, 2009, 74 s.; R. Tucci, «La Civiltà Cattolica durante il pontificato giovanneo», in Cristianesimo nella storia 25 (2004) 583-594.

[iii] Il-Frankiżmu kien moviment politiku tal-lemin tal-Ġeneral Francisco Franco li, wara l-gwerra ċivili (1936-1939), rebaħ il-poter fi Spanja u żammu sal-1975.