Laikos

Fittex ktar dwar Sinodu u Sinodalità ...

Bejn l-4 u 29 ta' Ottubru 2023, f'Ruma ser ikun hemm is-16-il Assemblea Ġeneral Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, preseduta mill-Papa Franġisku nnifsu u li fiha l-Arċisqof Charles J. Scicluna li ser ikun qed jirrapreżenta l-Konferenza Episkopali Maltija.

 

QABEL IS-SINODU, IS-SINODALITÀ

Is-Sinodu mhux għall-Isqfijiet biss, imma għalina lkoll

 

Fortunatment, fl-aħħar xhur, forsi snin ukoll, f’ċerti oqsma tal-ħajja tal-Knisja, il-kelma sinodu bdejna nisimgħuha aktar ta’ spiss, għalkemm fl-istess waqt hija sfortuna li saħansita f’dawn l-oqsma nfushom għad mhemmx idea ċara biżżejjed ta’ x’inhuwa dan is-sinodu. Aktar u aktar mhemmx ħjiel ta’ xi tfisser il-kelma, sinodalità Qabel kull sinodu hemm is-sinodalità. Jekk ma jkunx hemm sinodalità, is-sinodu jkun sar għalxejn.  Jekk ma jwassalx għal aktar sinodalità, ikun aħjar li s-sinodu ma jsir xejn.  U dan ma ngħidux biss għas-sinodi tal-Isqfijiet, imma anke għal sinodi oħra kemm dawk reġjonali u kemm dawk djoċesana.

 

Is-sinodu huwa ġrajja li tgħaddi ...

Is-Sinodu tal-Isqfijiet twaqqaf mill-Papa San Pawlu VI fil-15 ta’ Settembru 1965 bil-Motu Proprju Apostolica sollicitudo. It-twaqqif tiegħu seħħ fil-kuntest tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II li, bil-Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium tal-21 ta’ Novembru 1964, fit-taqsima dwar il-ġerarkija ekkleżjali kien ħeġġeġ għal sehem akbar mill-Isqfijiet f’materji li jolqtu lill-Knisja universali.

Imbagħad, aktar lejn żmienna, il-Papa Franġisku, bil-Kostituzzjoni Appostolika Episcopalis communio  tal-15 ta’ Settembru 2018, ġedded b’mod qawwi s-Sinodu tal-Isqfijiet, u daħħlu fil-qafas ta’ sinodalità bħala dimensjoni kostituttiva tal-Knisja, fuq kull livell tal-ħajja tagħha.

 

... imma s-Sinodalità tibqa’

Sinodalità x’inhi?  La hija kelma ġdida u lanqas kunċett ġdid fil-Knisja, għaliex kif tfisser b’mod dettaljat il-Kummissjoni Teoloġika Internazzjoni fid-dokument dwar is-Sinodalità fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja,  din għandha għeruqha fl-Iskrittura, fit-Tradizzjoni u anke fl-Istorja tal-Knisja.

 

Fil-kitba tiegħu dwar din it-tema tant għal qalbu, l-Isqof Awżiljarju Joe Galea Curmi jfissirha bħala sejħa tal-Ispirtu ta’ Alla, mixja flimkien li tenfasizza r-relazzjonijiet fil-Knisja u turi ruħha fis-smigħ u d-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet.  Huwa jikteb li s-sinodalità tfisser apprezzament tal-kariżmi, parteċipazzjoni, korresponsabbiltà. Tgħinna  nevitaw il-klerikaliżmu u nsaħħu l-proċessi ta’ dixxerniment komunitarju.  Is-sinodalità tgħin lill-Knisja tagħmel il-passaġġ tal-ħruġ mill-jien mifhum b’mod individwalistiku għall-aħna ekkleżjali.  Dan imbagħad iwassalha biex tinfetaħ ukoll għal djalogu mad-dinja li tgħix fiha.

 

Is-Sinodalità hija sejħa għalija u għalik ukoll

Is-sejħa ta’ sinodalità mhix biss għall-Isqfijiet li f’Ottubru 2023 ser jieħdu sehem fis-sinodu ġewwa Ruma, imma hija sejħa għall-imgħammdin kollha, saċerdoti, u lajċi.  U meta ngħid lajċi, mhux qed nirreferi biss għal dawk involuti b’xi mod jew ieħor f’ħidma pastorali tal-parroċċa, lanqas biss għall-membri tal-għaqdiet u movimenti, imma għalina lkoll u f’kull qasam tal-ħajja tagħna; familja, post tax-xogħol, volotarjat, ħidma soċjali jew politika. Trid tkun f’kull qasam tal-ħajja taghna bħala il-mara u r-raġel fl-għaqda taż-żwieġ, il-ġenituri u ulied, in-nanniet u neputijiet, ix-xjuħ u ż-żgħażagħ, edukaturi u studenti, dawk li jmexxu u dawk li jitmexxew.

Dan ma jiġix waħdu għax kif kompla jikteb l-Isqof Galea Curmi fl-artiklu tiegħu, ħafna drabi hija meħtieġa konverzjoni tal-qalb u tal-attitudnijiet. Għalhekk huwa importanti li nistrutturaw mixjiet ta’ formazzjoni komuni fejn wieħed jista’ jagħmel esperjenza prattika tas-sinodalità[i]

 

Is-sinodalità rridu noħolmuha u nitolbu għaliha

Kif spiss jisħaq il-Papa Franġisku, jeħtieġ li nkomplu noħolmu, forsi aktar binhar milli billejl.  Mhux il-ħolm li jibqa’ fl-ajru, imma dak li jħeġġiġna, li jgħinna nżommu ħajja ċ-ċertezza li nkunu nafu li dinja oħra hija possibbli u li aħna msejħin ninvolvu ruħna fiha u nkunu parti minnha bil-ħidma tagħna, bl-impenn tagħna u bl-azzjoni tagħna[ii].

Fuq kollox hemm bżonn kbir li nitolbu. F’ittra li kiteb lill-isqfijiet tad-dinja kollha, il-Kardinal Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu, stieden lill-insara minn madwar id-dinja kollha biex jieħdu sehem f'dan is-sinodu permezz tat-talb għaliex mingħajru ma jkunx hemm sinodu[iii].

Iva, f'Ottubru 2023, f’Ruma ser ikun hemm l-Isqfijiet jieħdu sehem fil-laqgħat tas-Sinodu.  Imma mill-Knejjes lokali kollha madwar id-dinja ser ikun hemm aħna, jien, inti u l-oħrajn, li bit-talb tagħna u permezz tal-istess Ispirtu s-Santu li hemm fina u fihom, ser inkunu wkoll qed nagħtu s-sehem tagħna għal Knisja isbaħ, għal Knisja aktar sinodali.

 

joe farrugia

23 ta’ Settembru 2023