|
Aktar dwar is-Sena Familja ... |
L-imħabba fil-familja: vokazzjoni u triq tal-qdusija
Missier Qaddis,
ninsabu hawn quddiemek
biex infaħħruk u rroddulek ħajr
għad-don tal-familja.
Nitolbuk għall-familji kkonsagrati fis-sagrament taż-żwieġ,
biex ta’ kuljum jiskopru mill-ġdid il-grazzja li rċivew
u, bħala Knejjes ċkejkna tad-dar,
jagħrfu jagħtu xhieda tal-Preżenza tiegħek
u l-imħabba li biha Kristu jħobb lill-Knisja.
Nitolbuk għall-familji
li għaddejjin mis-saram u t-tbatija,
mill-mard, jew minn tiġrib li int biss tafu:
weżinhom u urihom
il-mixja ta’ qdusija li għaliha qed issejħilhom,
biex jistgħu jduqu l-ħniena tiegħek bla tarf
u jsibu toroq ġodda biex jikbru fl-imħabba.
Nitolbuk għat-tfal u għaż-żgħażagħ,
biex jistgħu jiltaqgħu miegħek
u jwieġbu bil-ferħ għas-sejħa li int ħejjejt għalihom;
għall-ġenituri u n-nanniet,
biex jagħrfu li huma sinjali
tal-paternità u l-maternità ta’ Alla
fl-għożża tal-ulied li, fil-ġisem u fir-ruħ,
inti tafda f’idejhom;
għall-esperjenza ta’ fraternità
li l-familja tista’ tagħti lid-dinja.
Mulej, agħmel li kull familja
tgħix il-vokazzjoni tagħha għall-qdusija fil-Knisja
bħala sejħa biex issir protagonista tal-evanġelizzazzjoni,
f’servizz lejn il-ħajja u l-paċi,
f’għaqda mas-saċerdoti u ma’ kull stat ta’ ħajja.
Bierek il-Laqgħa Dinjija tal-Familji.
Amen.
Talba uffiċjali għall-X Laqgħa Dinjija tal-Familji, 22-26 ta’ Ġunju 2022
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard