AMMEN

Il-Kredu tal-Appostli, l-istess bħall-aħħar ktieb tal-Bibbja jagħlaq bil-kelma Lhudija, “Ammen”. Hija kelma li nużawha spiss ukoll fi tmiem it-talb. Anke meta nitqarbnu, għall-kliem tal-ministru, “Il-Ġisem ta’ Kristu”, aħna nwieġbu wkoll bl-istess kelma, “Ammen”.  Spiss forsi ngħiduha bla ma nifhmu x’qed ngħidu u għalhekk tajjeb riflessjoni qasira dwarha.

Bil-Lhudi, il-kelma, “Ammen” għandha l-istess għerq tal-kelma, “Nemmen”.  B’hekk meta ngħiduha nkunu qed nuru s-solidalità u l-fedeltà tagħna għal dak li nkunu tennejna.

Il-kelma, “Ammen” tesprimi kemm il-fedeltà ta’ Alla magħna kif ukoll il-fiduċja tagħna fih.

L-“Ammen” tagħna fi tmiem il-Kredu, ittenni u twettaq l-ewwel kelmiet li bdejna bihom, “Jiena nemmen”.  Hija l-“iva” tiegħi lil Alla.  L-“iva” tiegħi għall-kliem, għall-wegħdiet, għall-kmandamenti tiegħu.

L-“Ammen” tfisser il-fiduċja sħiħa tiegħi fih li ħalaqni, fih li fdieni u fih li qaddisni.

Għalhekk il-ħajja tan-nisrani trid tkun “Ammen” kontinwa u mġedda f’kull ċirkustanza ta’ ferħ u ta’ niket.  Ta’ saħħa jew ta’ mard. Ta’ ħajja jew ta’ mewt.

Ġesù Kristu Hu huwa nnifsu l-“Ammen”.  Hu l-“Ammen” definittiva tal-Imħabba tal-Missier għalina.   Iżda Hu wkoll, bħala l-uniku Medjatur għalina, jieħu l-“Ammen” tagħna u jwassalha għand il-Missier.

Fi Kristu, kull wegħda ta’ Alla saret “Iva” u hu għalhekk li kull min jemmen fi Kristu jkun itenni l-“Iva” tiegħu lill-Missier. 

Bl-Ammen sinċiera tiegħi, inkun jiena wkoll qed nagħmel bħal Marija, u lil Alla ngħidlu, “Hekk Ikun”.  “Ħa jkun li trid int.”