NEMMEN FIL-ĦAJJA TA’ DEJJEM

Fl-aħħar artiklu tal-Kredu, it-tnax-il wieħed, nistqarru t-twemmin tagħna fil-ħajja eterna.  “NEMMEN FIL-ĦAJJA TA’ DEJJEM.”

Minkejja li ħadd minna li għadna hawn għadu qatt ma għadda minnhom, madankollu l-fidi taċċerta mir-realtajiet ta’ wara l-mewt.  Immedjatment mal-mewt il-Ġudizzju Partikolari tal-individwu.  Il-mewt itemm il-ħajja tal-bniedem li matulha jista’ jilqa’ jew jiċħad il-grazzja ta’ Alla.  Jekk il-bniedem jasal f’dan il-mument fi stat ta’ grazzja, u allura mxennaq biex jingħaqad m’Alla, allura jirċievi dak li f’ħajtu jkun ixxennaq għalih. Dan insejħulhu l-Ġenna, l-post li Alla ħejja għal dawk kollha li jħobbuh u jixtiequh.

Minkejja din ix-xewqa fina biex ningħaqdu ma’ Alla, spiss naslu għall-mewt b’qalbna għadha marbuta ma’ bosta ħwejjeġ ta’ hawn u li allura dawn il-ġibdiet li jkollna ma’ din l-art ma jħalluniex ningħaqdu b’mod sħiħ u perfett ma’ Alla qabel ma nissaffew għal kollox minnhom.  Dan l-istat ta’ tisfijja huwa l-purgatorju.

B’ħasra kbira, iżda, ikun hemm min b’għażla ħielsa tiegħu jiddeċiedi kontra Alla. Min ma jħobbx lil Alla, ikun huwa stess li jagħżel kontrih.  Iżda aħna mwissija wkoll li anke dawk li ma jħobbux lil proxxmu tagħhom, jistgħu jsibuha diffiċli li jsalvaw. Ikunu huma stess li għażlu għalihom l-istat ta’ dannazzjoni fl-Infern. Għaliex kif tista tgħid li tħobb lil Alla li ma tarax u imbagħad ma tħobbx lil ħuk li tarah.  Wara kollox aħna diġà nafu dwar xhiex se jkun il-ġudizzju tagħna. Kont bil-ġuħ u tmajtni.  Kont bil-għatx u sqejtni.  U l-opri tal-ħniena l-oħra.  Għan-nisrani, dawn l-opri tal-ħniena, li jiġu mill-ġustizzja, mhumiex sempliċi ħidma soċjali imma huma wkoll esperjenza spiritwali li tlaqqaħhom ma’ Kristu.  Kien hu stess li qalilna, “Dak li għamiltu ma’ l-iżgħar fost ħuti tkunu tagħmluh miegħi.”

Fl-aħħar taż-żminijiet ikun hemm il-qawmien tal-mejtin kollha, kemm tajbin u kemm ħżiena, u immedjatament warajh isir il-ġudizzju universali.  Dan juri l-għemmejjel ta’ kull bniedem u r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla.  Hija verità li jsejħilna għall-konverżjoni tul iż-żmien it-tajjeb.  Il-jum tas-salvazzjoni.  U San Pawl jgħidilna li issa huwa ż-żmien it-tajjeb.  Issa huwa jum is-salvazzjoni.