NEMMEN FIL-QAWMIEN MILL-IMWIET

Il-Kredu nisrani kollu, l-istqarrija tal-fidi f’Alla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, jwassal għall-qofol tiegħu bl-istqarrija tal-qawmien mill-imwiet fl-aħħar taż-żminijiet. Dan nistqarruħ fil-ħdax-il artiklu. “NEMMEN FIL-QAWMIEN MILL-IMWIET.”

Aħna nemmnu b’fidi ferma, u għalhekk nittamaw li kif Kristu qam mill-Imwiet u b’hekk rebaħ fuq il-mewt, hekk ukoll aħna għad inqumu mill-mewt fl-aħħar jum.  B’dan it-twemmin nifhmu li wara l-mewt ma jkunx hemm biss ir-ruħ immortali, li ma tmut qatt, imma wkoll il-ġisem mejjet tagħna jerġa’ jieħu l-ħajja. Il-qawmien mill-imwiet ġie rivelat ftit, ftit minn Alla lill-Poplu tiegħu fit-Testment il-Qadim u din il-fidi kienet sa mill-bidu nett tal-kristjanezmu, element essenzjali tat-twemmin nisrani. It-tama tal-qawmien tal-ġisem mill-imwiet hi konsegwenza intrinsika tal-fidi f’Alla, li ħalaq il-bniedem sħiħ, ruħ u ġisem

Huwa kontra l-fidi nisranija, kull twemmin dwar ħajjiet differenti wara l-mewt. Hekk in-nisrani ma jistgħax jemmen fir-rinkarnazzjoni għax din tmur kompletament kontra dan l-artiklu tal-fidi nisranija.  Għaliex kif nista’ nemmen, kif jgħidu wħud, li wara din il-ħajja se nerġa niġi hawn imlibbes bil-ġisem ta’ xi bniedem ieħor jew ta’ xi annimal u fl-istess waqt nemmen ukoll fil-qawmien mill-imwiet?

F’ċertu sens il-mewt tal-ġisem hija ħaġa naturali, imma għall-fidi hija konsegwenza tad-dnub.  Għal dawk li jmutu fil-grazzja ta’ Kristu, hi t-tisħib fil-mewt tal-Mulej biex ikun hemm ukoll tisħib fil-qawmien tiegħu għall-ħajja. B’dan il-mod, li tkun xhud ta’ Kristu jfisser I tkun xhud tal-qawmien mill-imwiet. Inqumu mill-imwiet bħal Kristu, ma’ Kristu u bi Kristu.

“Għax għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx imma tinbidel.”