NEMMEN FIL-MAĦFRA TAD-DNUBIET

Il-Kredu li nistqarru jorbot il-fidi fil-maħfra tad-dnubiet mal-fidi fl-Ispirtu s-Santu. “NEMMNU FIL-MAĦFRA TAD-DNUBIET”.  Dan nistqarruh fl-għaxar artiklu.  Il-Kredu jorbot ukoll din l-istqarrija mal-fidi tagħna fil-Knisja u fix-xirka, jew l-għaqda tal-qaddisin.  Kien Kristu nnifsu, li dakinhar stess li qam mill-Imwieta, nefaħ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u tahom ukoll is-setgħa li jaħfru d-dnubiet. 

Il-Magħmudija hija l-ewwel sagrament u s-sagrament prinċipali għall-maħfra tad-dnubiet għax tgħaqqadna ma’ Kristu li miet għal dnubietna, u rxoxta għall-ġustifikazzjoni tagħna. Iżda l-grazzja tal-Magħmudija ma teħlisniex mid-dgħufija tan-natura tagħna, għaliex b’konsegwenza tad-dnub li ħassarha, din ma tieqaf qatt tiġbidna lejn il-ħażen.   U quddiem din ir-realtà, min jista’ jkun hekk b’saħħtu u hekk attent li jeħles dejjem mill-ġerħat kollha tad-dnub?

U għax Kristu ried li l-Knisja tiegħu tkun f’ismu, għajn ta’ maħfra għall-bnedmin kollha; u minħabba li n-natura mħassra tagħna ma tieqaf qatt tiġbidna lejn il-ħażen; allura kien meħtieġ ukoll li minbarra l-Magħmudija l-Knisja jkollha wkoll is-setgħa li taħfer id-dnubiet ta’ dawk li jindmu.

M’hemmx ħtija, kbira kemm hi kbira li ma tinħafirx. M’hemmx bniedem daqstant ħażin u ħati li m’għandux ikollu it-tama u ċ-ċertezza li jkun maħfur.

Sakemm ikun hemm tassew s-sogħba, Kristu ried li fil-Knisja tiegħu, il-bieb tal-maħfra jkun dejjem miftuħ għal kull min jerġa lura mid-dnub.

Ma hemm ebda dnub, kbir kemm hu kbir, li l-ħażen tiegħu jista’ qatt jegħleb il-kobor tal-ħniena infinita ta’ Alla. Għax fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja. U fejn jiena dgħajjef, hemm jiena nkun tassew b’saħħti, għax fija tidher il-qawwa t’Alla.