NEMMEN FIL-KNISJA MQADDSA KATTOLIKA

Fid-disa’ artiklu tal-Kredu nistqarru t-twemmin tagħna fil-Knisja. “NEMMEN FIL-KNISJA MQADDSA KATTOLIKA.” Kuntrarjament għal dak li għadhom jaħsbu uħud, il-Knisja mhix biss magħmula mill-Papa, mill-Isqfijiet u mill-qassisin, imma minna lkoll; mill-Imgħammdin kollha.  Kemm drabi nitkellmu u nikkritaw lill-Knisja daqslikieku din donna xi realtà ‘il barra minna u ninsew li anke aħna parti minn din il-Knisja. Il-Knisja hija mwaqqfa minn Kristu biex tkun il-Poplu ta’ Alla magħmul minn dawk kollha li jemmnu u jistqarru lill-Ġesù bħala l-Mulej tagħhom.

Il-Knisja hija l-Ġisem ta’ Kristu, fejn Kristu nnifsu huwa r-Ras u kull wieħed u kull waħda minna niffurmaw parti mill-kumplament tal-ġisem.  Kull parti tal-ġisem hija meħtieġa u kull parti tgawdi u tbati mal-ġisem kollu.  Hekk kif spjega San Pawl innifsu.  Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, aħna wkoll nagħmlu ġisem wieħed għax tgħammidna fl-istess Spirtu.

L-ebda parti mill-ġisem ma tgħix biss għaliha nfisha. Meta s-sieq timxi, tmexxi magħha l-ġisem kollu. Meta l-widna tisma ma tismax għaliha biss, imma għal ġisem kollu. L-istess, l-għajnejn, il-ħalq u l-kumplament.

Il-Knisja hija Omm u Għalliem. Omm għax tħobb lill-uliedha u tipprovdilhom il-mezzi meħtieġa għall-għixien spiritwali u s-salvazzjoni tagħhom.  Hija għalliema għax twassal lil ulieda u lill-bnedmin kollha il-veritajiet li hija stess irċeviet minn għand Alla nnifsu.

Il-Knisja hija Oħt u Qaddejja.  Hija oħt li taqsam ma ħutha l-bnedmin l-oħra l-hena u t-tama, in-niket u tħassib tagħhom.  Ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem, li d-dixxipli ta’ Kristu wkoll ma jħossuhiex f’qalbhom. Hija qaddejja għax hekk amrilha li tkun il-Mexxej u Mgħallem tagħha, Ġesù Kristu.

Iżda l-Knisja ma jkollhiex il-kobor sħiħ tagħha jekk mhux fil-glorja tas-sema, meta Kristu jerġa jiġi bi glorja kbira. Sa dakinhar, hija tmur ‘il quddiem fil-mixi tagħha fost il-persekuzzjoni tad-dinja u l-faraġ ta’ Alla.