NEMMEN FL-ISPIRTU S-SANTU.

L-aħħar artikli tal-istqarrija tal-fidi tagħna huma marbuta mat-Tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa. Fit-tmien artiklu tal-Kredu nistqarru l-fidi tagħna fl-Ispirtu S-Santu. “NEMMEN FL-ISPIRTU S-SANTU.”

Waqt l-aħħar ikla tiegħu mad-dixxipli qabel ma’ bata u miet, Kristu qal lid-dixxipli tiegħu, “Se mmur għand il-Missier u minn hemm nibgħatilkom id-Difensur, l-ispirtu tal-verità li jwassalkom għall-verità kollha. … U meta jiġi, juri lid-dinja li għandha żball.”

Huwa biss minn għandu fih l-Ispirtu ta’ Alla li jista’ jasal li jagħraf il-verità.  Kull twemmin ieħor li mhux ġej minnu huwa falż.  Għax il-verità hija waħda; dik li ġejja minnu.   Kif jistgħu qatt il-bnedmin jħaddnu ħsibijiet opposti għal xulxin u fl-istess waqt jippretendu li dawn huma kollha verità?

Sakemm ikun hemm imqar bniedem wieħed li ma jħallix lilu nnifsu jintrebaħ u jinħakem mill-Ispirtu ta’ Alla, allura fid-dinja ma tista’ qatt issaltan assoluta il-verità.

Sakemm ikun hemm imqar bniedem wieħed li ma jħallix lilu nnifsu jintrebaħ u jinħakem mill-Ispirtu ta’ Alla, allura fid-dinja ma tista’ qatt issaltan il-paċi.  Għaliex kif jistgħu jsaltnu s-sliem u l-armonija bejnietna jekk aħna lkoll nitmexxew mill-ispirtu personali tagħna?  Kif tista’ ssaltan il-paċi, imqar bejn żewġ persuni, jekk it-tnejn huma maħkuma mill-ispirtu tagħhom ta’ suppervja u egoiżmu?

Jekk kulħadd jitbattal mill-ispirtu tiegħu u jħalli lilu nnifsu jkun tassew tempju tal-Ispirtu s-Santu, allura lkoll nitmexxew minnu.  L-Ispirtu li hemm fija, u l-Ispirtu li hemm fik, ikun l-istess Spirtu li hemm fl-oħrajn ukoll. B’hekk biss jsaltnu s-sliem u l-ġustizzja fid-dinja.