GĦANDU JIĠI BIEX JAGĦMEL ĦAQQ MILL-ĦAJJIN U MILL-MEJTIN.

In-nisrani huwa kontinwament mistieden jirrifletti dwar il-fidi tiegħu, u l-kontenut ta’ dak li nemmnu u nistqarru huwa miġbur fl-artikli tal-Kredu tagħna. Fis-seba’ artiklu tal-Kredu, il-Knisja tfakkarna fit-tieni miġja ta’ Kristu. “MINN HEMM GĦANDU JIĠI BIEX JAGĦMEL ĦAQQ MILL-ĦAJJIN U MILL-MEJTIN.”

ĠESÙ ġie l-ewwel darba elfejn sena ilu u twieled bħala tarbija fl-għar fqajjar ta’ Betlehem.  Iżda Hu għandu jerġa jiġi fil-glorja kollha tiegħu, fl-aħħar tad-dinja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin. Naqraw l-ewwel versi tal-Evanġelju ta’ San Ġwann li kollox sar biH u mingħajru ma sar xejn.  Kollox ġej minnu u kollox riesaq lejH.  Huwa il-bidu u t-tmien ta’ kollox. Hu l-Alfa u l-Omega.

Wara t-Tlugħ ta’ Kristu fis-sema, id-dixxipli bdew, bit-tama jistennewh li jerġa jiġi. Din il-miġja tiegħu fil-glorja hi dalwaqt, ukoll jekk mhux biċċa tagħna li nkunu nafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu.  Dan il-fatt  eskatoloġiku jista’ jseħħ minn mument għall-ieħor ukoll jekk hu mrażżan, kemm hu u kemm il-prova tal-aħħar li għad trid tiġi qablu.

Qabel il-miġja ta’ Kristu, il-Knisja trid tgħaddi mill-prova tal-aħħar.  Din hija prova li ġġarrab il-fidi ta’ ħafna minn dawk li jemmnu. Il-persekuzzjoni li dejjem hija msieħba mal-Knisja fil-mixi tagħha fid-dinja, tikxef il-misteru tal-ħażen.  Spiss turih bħala qerq reliġjuż, li fl-ogħla forma tiegħu jiġi mill-antikrist.  Dan huwa forma ta’ messjaniżmu fejn il-bniedem jagħti glorja lilu nnifsu flok lill-Alla.

Dan il-qerq tal-antikrist ġa juri ruħu fid-dinja kull darba li jkun hemm xi ħadd li jippretendi li t-tama tas-salvazzjoni tiegħu, il-bniedem jista’ jagħmilha sseħħ f’din id-dinja.

Kristu, meta jiġi fil-glorja fl-aħħar taż-żminijiet biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, jikxef il-ħsibijiet moħbija tal-qlub u jagħti lil kull wieħed skont ma jkun għamel u skont kemm ikun laqa’ jew stmerr il-grazzja.