TELA’ S-SEMA, QIEGĦED FUQ IL-LEMIN TAL-MISSIER LI JISTA’ KOLLOX.

Naqraw fl-Evanġelju skont San Mark li, “Hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellem lill-Appostli tiegħu, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.”  Dan huwa s-sitt artiklu tal-Kredu tagħna. ĠESÙ TELA’ FIS-SMEWWIET, QIEGĦED IN-NAĦA TAL-LEMIN TA’ ALLA  L-MISSIER LI JISTA’ KOLLOX.

It-Tlugħ ta’ Kristu fis-sema huwa d-dħul definittiv tal-umanità ta’ Ġesù fis-saltna ta’ Alla fis-sema, minn fejn għad jerġa jiġi.   Ġesù Kristu, ir-Ras tal-Knisja, mar qabilna fis-saltna glorjuża tal-Missier biex aħna, il-membri tal-ġisem tiegħu, ngħixu fit-tama li darba għad inkunu għal dejjem miegħu.  Din mhiex tama fiergħa għaliex kien huwa stess li wiegħed lid-dixxipli tiegħu, “Sejjer inħejjilkom post. U wara nerġa niġi biex noħodkom miegħi, ħalli fejn inkun jien hemm tkunu intom ukoll.”

Il-qagħda fuq in-naħa tal-lemin tal-Missier tfisser il-bidu tas-saltna ta-Messija.  Aħna li għadna hawn u li nemmnu fih, irridu nitolbu u naħdmu bla ma nieqfu, biex fostna wkoll, sa minn issa stess, tibda sseħħ din is-Saltna. Imma għalkemm Ġesù kien imtella’ s-sema, huwa sab mezz kif jibqa’ magħna.  Magħna m’għandnix biss it-tifkiriet tiegħu, imma għandna lilu stess.  Għandna lilu magħna fil-Kelma t’Alla.  Kien Hu li tahilna, anzi kien huwa stess il-Kelma ta’ Alla nkartna fosta biex tgħix u tgħammar fostna u dan mhux biss elfejn sena ilu, imma anke llum.

Hu għadu magħna fl-Ewkaristija għaliex kien hu li qalilna, “Min jiekol Ġismi u jixrob Demmi, jgħix fija u jiena fih.” Hu għadu magħna fil-persuna tal-oħrajn għax qal, “Dak li tagħmlu mal-iżgħar fost ħuti tkun qed tagħmluh miegħi.” Hu għadu magħna fil-komunjoni ta’ bejnietna għax wegħdna li fejn tnejn jew tlieta jinġabru f’ismu, hemm huwa jkun f’nofshom”

Iva Kristu mar għand il-Missier.  Imma Kristu għadu hawn ukoll fost ħutu. U din il-preżenza tiegħu hija waħda kontinwament ħajja u attiva.