ĠESÙ KRISTU NIŻEL FIL-LIMBU U WARA TLIET IJIEM QAM MILL-IMWIET

Il-misteru tal-fidwa tagħna ma jintemmx fuq il-kalvarju bil-mewt u d-difna ta’ Ġesù għaliex kif kiteb l-Appostlu Pawlu. Fil-ħames Artiklu tal-Kredu nistqarru li wara l-mewt tiegħu, “ĠESÙ KRISTU NIŻEL FIL-LIMBU U WARA TLIET IJIEM QAM MILL-IMWIET”.

Kristu miet tassew u kien mal-mejtin. Meta fl-ewwel simbolu tal-fidi, l-ewwel insara daħħlu l-kliem li Kristu niżel fil-limbu, huma riedu jisħqu dwar ir-realtà sħiħa tal-mewt tiegħu u allura ċ-ċaħda ta’ dawk li kienu jgħidu li Kristu ma kienx miet tassew imma deher biss li kien mejjet. Kristu miet tassew u Kristu qam tassew mill-imwiet fit-tielet jum. U fil-verità tal-qawmien tiegħu nilmħu l-assigurazzjoni tal-qawmien tagħna.  Għax fi Kristu, it-tbatija u l-mewt ma kellhomx l-aħħar kelma.

Il-Misteru tal-Qawmien ta’ Ġesù mill-Imwiet hu fatt reali għax Kristu rxoxt deher u d-dehriet tiegħu ġew magħrufa storikament kif jixhed it-Testment il-Ġdid. Ta’ dan il-fatt storiku kienu bosta dawk li taw ix-xhieda personali tagħhom.  Fosthom ukoll uħud li ma kienux emmnu li dan qatt jista’ jiġri.  Dak stess li nsista li jekk ma jarax b’għajnejn u jmiss b’idejh, jibqa ma jemminx, wara kellu jistqarr, “Mulej tiegħi u Alla tiegħi.”   Dak li qallu Kristu dakinhar, kien qed jgħidu l-aktar għalina. “Inti emmint għax rajtni.  Imma imberkin dawk li ma rawx u emmnu.”

Ġesù rxoxt kellu għadd ta’ laqgħat diretti mad-dixxipli. Huma messewh u Hu kiel magħhom. Stedinhom biex jaraw li ma kienx xi spirtu, anzi stedinhom biex jaraw l-aktar li l-ġisem irxoxtat tiegħu kien l-istess ġisem li ġie msawwat u mżeblaħ, għax kien għad kellu l-marki tal-passjoni. Fl-istess waqt, dan il-ġisem veru u reali għandu wkoll kwalitajiet ġodda ta’ ġisem glorjuż.  Ma jinsabx fl-ispazju u fiż-żmien, imma jista’ jidher kif inhu fejn u kif irid.  Għax l-umanità tieghu ma tistax tinżamm aktar fuq l-art u hi biss taħt is-setgħa divina tal-Missier.

U kien dan il-qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet li wettaq il-veritajiet kollha tal-fidi tagħna għaliex kieku ma seħħx, allura l-fidi tagħna kienet tisfa fix-xejn.