BATA TAĦT IL-ĦAQQ TA’ PONZJU PILATU, SALLBUH, MIET U DIFNUH

Il-Knisja kontinwament tistedinna nirriflettu flimkien dwar dak li nemmnu u nistqarru fil-Kredu li ngħidu.  Fir-raba’ artiklu tas-simbolu tal-fidi tagħna nistqarru li nemmnu li Ġesù Kristu …  “BATA TAĦT IL-ĦAQQ TA’ PONZJU PILATU, SALLBUH, MIET U DIFNUH.”

Sa mill-għada ta’ din il-ġrajja, kien hemm fost id-dixxipli min tfixkel fit-twemmin tiegħu propju minħabba l-misteru tat-tbatija. Mhux biss tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, imma wkoll ta’ dik li għadhom ibagħtu llum ħutu l-bnedmin.  Kristu ma ġiex biex jeqred it-tbatija, imma biex bit-tbatija tiegħu jifdi dik tagħna u jagħtiha skop u tifsira.

Il-predikazzjoni tas-salib kienet sa mill-bidu meqjusa bħala skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani.  Imma għal dawk li jemmnu hija t-turija tal-qawwa ta’ Alla.  Dakinhar, meta kien fuq is-salib, bosta sfidawh, “Jekk inti tassew l-Iben ta’ Alla, inżel minn hemm u nemmnu fik.”

Iżda Hu, għax kien tassew l-Iben ta’ Alla, għax ma kienx jaħsibha bħal bniedem imma bħal Alla, baqa hemm fuq u ma niżilx.  U għax ma niżilx, bosta emmnu fiH. Anke fost dawk li sallbuh kien hemm min stqarr, “Dan hu tassew l-Iben ta’ Alla.”

Is-salib ta’ Ġesù kien propju s-siegħa li Hu ġie għaliha. F’dak il-ħin li kien merfuh mill-art, huwa ġibed lill-bnedmin lejH. Bosta ħarsu u ma setgħux jifhmu. 

Anke fost dawk li Huwa stess kien għażel kien hemm minn qata qalbu u tilef kull tama.  Iżda tliet ijiem wara, dakinhar stess li qam mill-imwiet ċanfarhom bil-ħlewwa u fakkarhom, “Kemm intom boloħ u tqal biex temmnu!  Ma kellux il-Messija l-ewwel ibati u jmut u b’hekk jidħol fis-saltna tiegħu?”

Lil dawk id-dixxipli li darba talbuh biex fis-Saltna jpoġġu maġenbu staqsihom, “Lesti tixorbu l-kalċi li se nixrob jien?”