LI KIEN KONĊEPUT MILL-ISPIRTU S-SANTU U TWIELED MINN MARIJA VERĠNI.

Fit-tielet artiklu tal-Kredu nistqarru hekk dwar Ġesù Kristu:- “KIEN KONĊEPUT MILL-ISPIRTU S-SANTU U TWIELED MINN MARIJA VERĠNI.” Dan huwa misteru ieħor tal-fidi tagħna; misteru mhux għax ma nifhmux, imma għaliex juri l-kobor ta’ Alla.  Juri kemm hija tremenda l-imħabba tiegħu għall-bniedem.  Dan huwa l-Misteru tal-Inkarnazzjoni.

Anke dan it-twemmin hawn min jiċħdu għax ma jifhmux.  Imma x’fidi hi din li biha nemmen biss dak li nifhem fil-moħħ ċkejken tiegħi?

Fl-Evanġelju skont San Ġwann, naqraw li l-Verb, li sa mill-bidu kien ma’ Alla u sal-mill-bidu kien Alla, dan l-istess Verb sar Bniedem u għammar fostna. Il-Kelma ta’ Alla tilbes il-miżerja tan-natura umana kif din kienet tħassret konsegwenza tad-dnub.

San Pawl kiteb hekk lin-nies ta’ Filippi:  “Hu, għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lili nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir. Sar jixbaħ lill-bniedem.  U deher minn barra bħal bniedem. Ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anżi sal-mewt tas-salib.”

Dan it-twemmin fl-Inkarnazzjoni tassew tal-Iben ta’ Alla huwa s-sinjal li jagħżel ir-reliġjon nisranija minn kull reliġjon oħra.  Iċ-ċentralità tal-bniedem fil-pjan ta’ Alla hija l-fattur ewlieni tat-twemmin nisrani, u ebda bniedem ma jista’ jgħid li huwa nisrani jekk jiċħad it-twemmin tiegħu fl-Inkarazzjoni.  L-istess kif ħadd ma jista’ jissejjaħ nisrani jekk jiċħad twemminu fit-Trinità Qaddisa.

Bosta jitfixklu minħabba l-konċepiment ta’ Ġesù mill-Verġni Mbierka.  Forsi jaħsbu li dak li ħalaq kollox mix-xejn, ma setgħax ukoll jagħti ġisem lill-Ibnu minn Omm Verġni.

Imma x’Alla hu dan li nemmnu fiH jekk aħna naslu li nillimtawh bil-limitazzjonijiet tagħna?