NEMMEN F’ĠESÙ KRISTU IBNU WIEĦED SIDNA

Wara li fl-ewwel artiklu tal-Kredu stqarrejna t-twemmin tagħna f’Alla l-Missier, imbagħad ngħaddu biex nistqarru wkoll it-twemmin tagħna fit-Tieni Persuna tat-Trinità Qaddisa.

“NEMMEN F’ĠESÙ KRISTU IBNU WIEĦED SIDNA”

“Meta fil-pjan ta’ Alla kienet waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lill Ibnu, imwieled minn mara, u imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, u hekk aħna nkunu addottati bħala ulied Alla.”

Tant huwa tremend dan il-kliem, illi kieku ma kitbux San Pawl ma konniex nissugraw ngħiduh aħna.  Meta Bin Alla sar bniedem, aħna sirna ulied Alla. Din hija l-Aħbar it-Tajba li kull nisrani huwa msejjaħ li jxandar.  Fil-qalba ta’ din l-aħbar hemm Ġesù Kristu nnifsu. Fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, Alla żar lill-poplu tiegħu.  Fih Alla wettaq il-wegħdiet li kien għamel lil Abraham u lil nislu. U dan għamlu b’mod li ħadd ma kien jistenna, bagħtilna lil Ibnu l-għażiż.

Ġesù li kif ifisser l-istess isem huwa s-Salvatur.  Mhux biss salvana mill-mewt tad-dnub li l-umanità kienet ġibdet fuqha, imma fdiena mill-jasar dejjiemi tal-Ħażin,  ix-Xitan, l-Għadu tagħna sa mill-qedem.

Kristu, li kif tfisser l-istess kelma huwa l-Midluk ta’ Alla.  Midluk bħala l-Profeta għax wasslilna il-Kelma ta’ Alla.  Anzi huwa stess huwa l-istess Kelma.    Midluk bħala s-Saċerdot, fejn mhux biss huwa dak li joffri s-sagriffiċju, iżda huwa nnifsu hu l-istess offerta.  Midluk bħala Sultan, Mexxej jew Ragħaj tal-Poplu ta’ Alla.

Ġesu huwa l-Iben waħdieni ta’ Alla.  Huwa l-Mulej, li għall-isem tiegħu kull irkoppa tmil fis-sema, fl-art u taħt l-art.  U kull ilsien jistqarr li Ġesù Kristu hu l-Mulej għall-glorja ta’ Alla l-Missier.