ALLA TRINITÀ

It-twemmin nisrani kien sa mill-bidu nett tal-Kristjaneżmu mibni fuq il-misteru tat-Trinità Qaddisa; Alla wieħed fi Tliet Persuni, fejn il-Missier huwa Alla, l-Iben huwa Alla u l-Ispirtu s-Santu huwa Alla.

Huma Tliet Persuni Divini, distinti minn xulxin għax il-Wieħed mhux l-Ieħor. Huma Tliet persuni indaqs fil-kobor tagħhom, fejn l-ebda Persuna minnhom ma hi akbar jew iżgħar mit-Tnejn l-Oħra. Iżda minkejja d-divinità ta’ kull waħda mit-Tliet Persuni, u minkejja id-distinzjoni vera tagħhom minn xulxin, madankollu mhumiex tliet allat, iżda Alla wieħed.

Fiċ-ċokon ta’ moħħ il-bniedem, huwa ma jista’ qatt jasal li jifhem l-immensità tremenda tal-kobor ta’ Alla.  Minħabba f’hekk bosta jiċħdu din il-verità kbira, li ma kixfithiex il-Knisja imma li kienet rivelata lilna minn Kristu nnifsu. Xi twemmin hu dak li bih nemmen biss dak li nifhem?

Mill-banda l-oħra, il-misteru ta’ Alla mhux dak il-bieb magħluq li jżommna barra għax ma nifhmux x’hemm ‘il ġewwa minnu, imma huwa bħal bieb imbexxaq li aktar ma nersqu lejh aktar narawh jinfetaħ quddiema u jistedinna ngħaddu ħalli niskopru il-ġmiel li huwa Hu.

Il-Misteru ta’ Alla mhux ħajt għoli li jimbarralna t-triq, iżda huwa bħal oċean kbir u fond, li minkejja li naf li qatt mhu ser jirnexxili niskoprih kollu, madankollu qiegħed kontinwament jistedinni biex nogħdos fih biex nesplorah.

Kull minn jemmen f’Alla, huwa mistieden li jogħdos fiH. Fih aħna ngħixu bħal ħuta fl-ilma.  Jekk noħorġu minnu aħna mmutu għax l-ossiġnu tagħna li jżommna ħajjin, ġej biss minnu.

L-għan aħħari tal-pjan ta’ Alla huwa d-dħul tal-ħlejjaq kollha fl-għaqda perfetta tat-Trinità Qaddisa.  U minn issa stess aħna msejħa biex it-Trinità Qaddisa tgħammar fina. “Jekk xi ħadd iħobbni,” jgħid il-Mulej, “iħares kelmti u Missier jħobbu, aħna niġu għandu u ngħammru għandu.”