JIENA NEMMEN F’ALLA, IL-MISSIER LI JISTA’ KOLLOX LI ĦALAQ IS-SEMA U L-ART

L-eqdem katekiżmu tal-Knisja Kattolika nsibuh fil-Kredu tal-Appostli li jmur lura sal-ewwel żminijiet tal-Knisja.  Imbagħad bejn is-snin 325 u 381, il-Konċilji ta’ Niċea u Kostantinopli fasslu verżjoni ġdida li kienet aktar espliċita u aktar dettaljata minn dik ta’ qabel.

L-istqarrija tal-fidi tagħna tibda minn Alla għax Alla huwa il-bidu u t-tmiem ta’ kollox.  Il-Kredu jibda b’Alla l-Missier għax il-Missier huwa l-ewwel persuna tat-Trinità Qaddisa. Jibda bil-ħolqien tas-sema u tal-art għaliex il-ħolqien huwa l-bidu u l-pedament tal-għemejjel kollha ta’ Alla.

Il-fidi nisranija hija twemmin f’Alla wieħed, li minnu ġej kollox u mingħajru ma sar xejn.  Minħabba f’hekk il-Kredu jitkellem kollu kemm hu dwar Alla.  U fejn jisemma il-bniedem jew id-dinja, dawn jissemmew f’relazzjoni ma’ Alla u l–pjan tiegħu għas-salvazzjoni tal-bniedem.

Spiss huwa mqassam fi tnax-il artiklu, imma l-artikli kollha tiegħu jiddependu mill-ewwel wieħed.  B’xi mod jew ieħor, huma kollha jfissru u jgħinuna nifhmu aħjar l-ewwel wieħed.

“JIENA NEMMEN F’ALLA, IL-MISSIER LI JISTA’ KOLLOX LI ĦALAQ IS-SEMA U L-ART”

Dan huwa l-bażi tat-twemmin kollu. Kollox jiddependi minnu u kollox mibni fuqu.  Mhux it-twemmin tagħna biss, imma saħansitra wkoll l-istess eżistenza tagħna. Alla huwa wieħed u ma hemmx ħliefu.  Alla hu ħaj u ma jmut qatt.  Alla hu tjieba u ħniena. Alla Hu dak li Hu. U għax Hu dak li hu, allura u huwa Verità.  Alla huwa Mħabba. U fl-imħabba infinità tiegħu għall-umanità, huwa wera lilu nnifsu lill-bniedem, iżda fl-istess waqt baqa’ misteru. Mhux misteru li jżommna ‘l bogħod minnU, imma wieħed li jistedinna nersqu lejH biex isiru nafuh akbar.

U din il-fidi tagħna f’Alla twassalna biex induru lejH biss bħala Dak li hu l-ewwel bidu tagħna u t-tmiem aħħari tagħna.