JIENA NEMMEN

Fl-Ittra Appostolika, Porta Fidei, dwar is-Sena tal-Fidi, il-Papa Benedittu XVI jgħid li l-Kredu huwa kliem li fuqu hi mibnija l-fidi ta’ Ommna l-Knisja fuq il-pedament sod li hu Kristu l-Mulej.

Il-Kredu huwa l-istqarrija tal-Fidi tagħna.  Is-Simbolu tat-twemmin li nħaddnu. Il-Kredu huwa l-istqarrija bil-fomm ta’ dak li hemm fil-qalb u fl-intellet. Dak li rrid ngħix.

Min jgħid “Jiena nemmen” ikun jgħid, “Jien nintrabat ma’ dak li aħna nemmnu.   Din l-għaqda tagħna fil-fidi titlob minna diskors komuni dwar il-fidi tagħna, lingwaġġ li jkun regola għal kulħadd u jgħaqqad lil kulħadd fl-istess stqarrija tal-fidi.

L-ewwel stqarrija tagħna ssir fil-Magħmudija għaliex l-ewwel simbolu tal-fidi huwa dak li jingħata lilna bit-tiswib tal-ilma fuq rasna, fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Dakinhar min jitgħammed, jew inkella l-ġenituri u l-parriniet f’ismu jistqarru t-twemmin komuni tal-insara waqt li jiċħdu lix-xitan u l-egħmil kollu tiegħu.

Temmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox li ħalaq is-sema u l-art? - Iva nemmen.

Temmen f’Ġesù Kristu, Sidna, l-Iben Waħdieni tiegħu, li twieled minn Marija Verġni,u bata u miet u difnuh, qam minn bejn l-imwiet u qiegħed fil-lemin tal-Missier? - Iva nemmen.

Temmen fl-Ispirtu s-Santu, il-Knisja Mqaddsa Kattolika, ix-Xirka tal-Qaddisin, il-maħfra tad-dnubiet, il-qawma ta’ l-Imwiet, u fil-ħajja ta’ dejjem? - Iva nemmen.

Din hija l-fidi tagħna.  Il-fidi li matul din is-sena ta’ grazzja qed inkunu mistiedna biex nerġgħu niskopru mill-ġdid.