IL-POST LI JIXRAQ LILL-BIBBJA
Minn Joe Galea

 
Il-Knisja, tul l-istorja tagħha, tat importanza lill-Bibbja, dejjem skont iż-żmien li jkun. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika tgħid li l-Knisja dejjem qiemet il-Kotba Mqaddsa, kif tqim l-Ewkaristija. Qatt ma waqfet tagħti lill-komunita’ Nisranija l-Ħobż tal-ħajja li tieħu mill-mejda tal-Kelma u mill-Ġisem ta’ Kristu. Għal seklu wara ieħor sar ħafna xogħol, ta’ riċerka, ta’ ikkupjar, ta’ traduzzjoni għal diveresi lingwi, bid-diffikulta’ kollha minħabba l-għodda limitati li kellhom għas-sengħa tal-istampar. Ma kienx faċli bħal-lum li tikteb, tifforma l-kotba u tagħmel kopji kemm tixtieq. Anke qrib lejna, nistgħu nsemmu lis-saċerdot bravu Pietru Pawl Saydon li tant bata biex għamel il-Bibbja bil-Malti meta tqis kif kienu l-istamperiji f’dak iż-żmien. Nafu wkoll kemm inkitbu kummentarji dwar il-Bibbja, frott ta’ riċerka u studju minn għorrief tal-Knisja.

Imma, apparti mill-ħafna xogħol dwar il-Bibbja li sar mill-Knisja matul iż-żmien, tajjeb li nsemmu inizjattiva li proprju saret il-Ħadd 26 ta’ Jannar. F’Settembru tas-sena li għaddiet il-Papa Franġisku ppubblika dokument bl-isem ta’ ‘Aperuit Illis’, (żewġ kelmiet mill-frażi: “Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura”, li nsibu fl-episodju tad-Dixxipli ta’ Emmaws. It-tnehdija ta’ dan id-dokument ħabtet mad-data simbolika tat-30 ta’ Settembru meta l-Knisja tfakkar lil wieħed mill-għorrief kbar tagħha, San Gilormu, li ddedika ħajtu u saħħtu għall-istudju u t-traduzzjoni tal-Iskrittura. Hemm pittura sabiħa tiegħu fil-katidral ta’ San Ġwann. San Ġilormu hu l-awtur tal-Vulgata, it-traduzzjoni tal-Bibbja mil-Lhudi għal-Latin.
 
Bid-dokument ‘Aperuit Illis’, Il-Papa Franġisku ried li t-Tielet Ħadd ta’ kull sena, nhar il-Ħadd li għadda, jkun iddedikat għall-Kelma t’Alla, biex il-komunità Nisranija tikkonċentra fuq il-valur kbir li għandha l-Kelma t’Alla. Il-Papa ried li din tkun opportunità biex l-Insara jifhmu kif il-Bibbja hi d-djalogu sabiħ ta’ mħabba bejn Alla u-poplu tiegħu.
 
 Filwaqt li nifirħu li l-Bibbja hi l-aktar ktieb xtered fid-dinja tul iż-żmien, il-Papa stedinna biex ma nħallux il-Bibbja fuq l-ixkaffa, kif nagħmlu b’ħafna kotba oħra, li x’aktarx tkun miksija bit-trab. Il-Bibbja trid tkun tkun għodda li tqajjem il-fidi. Il-Papa jħeġġeġ ħafna biex nużaw il-Bibbja, dejjem kif tfissirhielna l-Knisja. Inkuraġġiena biex naqraw żewġ dokumenti importanti dwar il-Bibbja, id-Dei Verbum, tal-Konċilju Vatikan II u l-eżortazzjoni apostolika tal-Papa Emeritu Benedittu XVI, Verbum Domini, li fihom tagħlim fundamentali għalina lkoll. Kien għalhekk li, nhar il-Ħadd, il-Papa Franġisku mexxa għall-ewwel ċelebrazzjoni dan il-Ħadd tal-Kelma t’Alla.
 
Iċ-ċelebrazzjoni f’Ruma saret mill-Papa b’Quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru. Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Vatikan, ix-xbieha tal-Madonna ta’ Knock, patruna tal- Irlanda, tqiegħdet ħdejn l-altar. Inġiebet Ruma mill-Irlanda għal din l-okkażjoni. Għażlu din ix-xbieha għax meta l-Madonna dehret f’Knock, fl-Irlanda, kienet akkumpanjata minn San Ġużepp u minn San Ġwann l-Evanġelista. Fil-bidu tal-Quddiesa mill-Papa Franġisku kien hemm l-intronizzazzjoni solenni tal-Lezzjonarjiu li kien intuża fis-sessjonijiet tal-Koncilju Vatikan II. Fl-għeluq tal-Quddiesa l-Papa qassam il-Bibbja lil 40 persuna li rrappreżentaw kategoriji differenti ta’nies, minn Katekisti, ġurnalisti, pulizija sa raġel mill-ħabs.
 
Interessanti l-logo li ntagħżel għal din il-ġurnata li jirreferi għal Ġesu’ miexi ma’ żewġ dixxipli fit-triq ta’ Għemmaws. Imma d-dixxipli huma Kleofa li jissemma fil-Vanġelu, u l-mara tiegħu, li ma tissemmiex fil-Vanġelu imma turina li l-Bibbja hi għal kulħadd. Iż-żewġ dixxipli jidhru jħarsu lejn wiċċ Kristu, li qed iżomm l-iskroll tal-Kelma ta’ Alla f’idejh ix-xellugija filwaqt li b’dik il-leminija qed juri t-triq ‘il quddiem.
 
J’Alla l-kelma t’Alla tkun dejjem il-gwida tagħhna fil-ħajja.
 

Ara l-Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku u riżorsi dwarha ...