ŻEWĠ MISTOQSIJIET DWAR IL-FIDI F’ALLA

Minn Joe Galea

 

1. Nistgħu naslu li nemmnu f’Alla mill-ħolqien ta’ madwarna?

 

Il-ħolqien hu wieħed mit-toroq li jwassluna biex nemmnu f’Alla, skont Santu Wistin, li jispjega li xejn ma jsir waħdu; xejn ma jeżisti jekk qablu ma kienx hemm esseri jeżisti. Esseri jiġifieri xi ħadd li l-bniedem dejjem ipprova jaħseb x’inhu. Kemm id-dinja u dak ta’ madwarha - l-univers - kif ukoll il-bniedem ma setgħux joħolqu lilhom infushom. Allura hemm esseri - xi ħadd  intelliġenti - li bih il-ħwejjeġ naturali inħolqu għall-iskop tagħhom. Dan l-esseri hu dak li, għal min jemmen, hu Alla. Santu Wistin jgħid: “Staqsi ‘l-ġmiel tal-art, staqsi ‘l ġmiel tal-baħar, staqsi ‘l-ġmiel tas-sema u lil kull ħaġa li teżisti. Kollha jweġbuk: “Dan il-ġmiel, li jinbidel, min seta’ jagħmlu jekk mhux Alla, li ma jitbiddel qatt?”

 

Flimkien ma’ Santu Wistin, il-Knisja - fit-tagħlim tagħha - tgħidilna li x-xewqa għal Alla hi mnaqqxa fil-qalb tal-bniedem, għax il-bniedem ġie maħluq minn Alla u maħluq għal Alla, li ma jieqaf qatt jiġbed il-bniedem lejh. U f’Alla biss il-bniedem isib il-verita’ u l-hena li qatt ma jieqaf ifittex. Għax il-bniedem, min-natura tiegħu, hu reliġjuż.

 

Jekk immorru lura ħafna fiż-żmien, naraw li anke dak il-bniedem li beda jgħix fid-dinja ħafna u ħafna snin ilu – ngħidulu l-bniedem primittiv, li kien jgħix viċin ħafna aktar minna tan-natura - kien jaħseb dwar kif setgħu saru l-ħwejjeġ maħluqa u dwar il-bidu tiegħu nnifsu bħala bniedem. Din kienet tfittxija li mxiet mal-bniedem, qalb il-biżgħat u t-tamiet, qalb ferħ u niket, qalb tajjeb u ħażin. Il-bniedem kien iwieġeb għall-ħidma ta’ xi ħaġa ogħla minnu. Hu kellu biss in-natura li tgħallmu. Fil-forzi tan-natura kien jara spirti u allat. U ried jinfluwenzahom b’riti, ċerimonji u wkoll b’sagrifiċċji.

 

Dan wassal biex nies mill-qedem kellhom esperjenza ta’ xi alla. Kienu jagħtu qima lill-allat, fit- tempji li kienu jibnuhom x’aktarx għall-kumdita’ tal-allat milli tan-nies. Kellhom bini għoli (żiggurat) fejn kienu jitilgħu biex jitkellmu iżjed qrib mal-allat. Insibu elementi ta’ reliġjonijiet magħrufa, fl-Eġittu, f’Babel u fil-Mesopotamja (li huma l-Iraq tal-lum), fil-Feniċja (il-Lebanon) u f’Iżrael.

 

Dan ifisser li l-bniedem, minn dak li kien jara madwaru, mill-ħolqien, seta’ kellu idea ta’ xi alla, naturalment alla kif fehmu hu. U kif il-bnedem beda jemmen f’Alla wieħed ? Kien hemm mument fl-istorja tad-dinja meta raġel Lhudi, Abraham, kellu esperjenza ta’ Alla, kif naqraw fil-Bibbja, li wasslet għal dak Alla li aħna nemmnu fih. Alla li wera lilu nnifsu lil Abraham ma kienx bħall-bqija tal-allat l-oħra li kienu jqimu n-nies - alla li jikkmanda u lest biex jiġġudika - imma kien Alla Missier, li jħobb lil dawk li jemmnu fih, li jieħu kura ta’ dawk li jwieġbu għall-imħabba tiegħu.

 

Abraham, bħan-nies ta’ żmienu, kellu biss il-ħolqien ta’ madwaru biex jgħallmu, in-natura. Kien jara l-kwiekeb fis-sema, il-kobor tad-deżert, il-qawwa tal-baħar u l-bqija. Abraham emmen f’Alla li ħalaq dan kollu. Kif Alla kkomunika ma’ Abraham kien b’rivelazzjoni, jiġifieri kif Alla jikxef misteru. Abraham kien bniedem li jaħseb, b’differenza mill-ħlejjaq l-oħra li ma kellhomx l-intellett tal-bniedem. Abraham, bil-fakultajiet li kellu bħala bniedem, kien kapaċi jagħraf l-eżistenza ta’ Alla. Alla daħal fil-ħajja ta’ Abraham. Kien hu li ħa l-inizjattiva. Tah il-grazzja li jkun jista’ jilqa’ din ir-rivelazzjoni fil-fidi. Abraham emmen. U din il-mixja baqgħet mal-istorja kollha tal-poplu li tnissel minn Abraham.

 

Għalkemm Abraham u martu kienu mdaħħlin sew fiż-żmien, Alla wiegħdu li se jkollu nisel daqs kemm hemm kwiekeb fis-sema u ramel f’xatt il-baħar. Dan ifisser il-kotra kbira ta’ nies li kellhom jemmnu f’Alla - li rrevela lilu nnifsu fil-ġrajja ta’ Abraham - episodju hekk importanti fl-istorja tad-dinja. U wara Abraham, emmnu f’Alla dawk li huma miftuħa għall-verita’ .

 

2. Xi jwassal biex persuna ma temminx f’Alla, jew ma tibqax temmen f’Alla?

 

Issib min jiddikjara li ma jemminx, u ssib ukoll min ma jitkellem xejn imma f’qalbu ma jemminx. Imbagħad hawn min jgħid li jemmen imma ma jgħix skont dak li jemmen. U min sempliċiment jinjora lil Alla u jinjora kull tip ta’ twemmin reliġjjuż.

 

Il-Knisja, fit-tagħlim tagħha tispjega dwar dan u  tgħidilna li l-fidi f’Alla tista’ tintesa, jew għax ma tiġix magħrufa jew għax tkun imwarrba mill-bniedem. Dan jista’ jkollu bidu differenti: tista’ tkun bi protesta qawwija kontra d-deni kollu li hawn fid-dinja, bħal meta jsir xi diżastru naturali u jmutu ħafna nies, xi disgrazzja fil-famija li ġġib rabja, inġustizzji madwarna li, jekk hemm Alla, imissu ma jħallihomx isiru. Ukoll meta ma jkunx hemm tagħlim biżżejjed, u tagħlim sod, jew minħabba l-indifferenza reliġjuża. Il-Papa Benedittu jsejjaħ din l-aljenazzjoni bħala allerġija għall-affarijiet reliġjużi. Hemm ukoll il-ġibda tad-dinja u stil ta’ ħajja li ma jħallix post għal Alla, jew minħabba l-eżempji ħżiena li jagħtu dawk li jemmnu, jew minħabba kurrenti ta’ fehmiet kontra r-reliġjon. U llum, il-midja tagħmel dan aktar faċli.

 

Hemm ukoll is-sitwazzjoni ta’ min hu kontra t-tajjeb u kontra l-verita’, min għax jibża’ jammetti li jeżisti Alla, minħabba l-ħażin li jrid jibqa jgħix fih; allura jistaħba minn Alla, jew jaħrab quddiem l-istedina t’Alla. Jaqbillu li mhemmx Alla. Hemm ukoll min isib ħafna diffikultajiet biex jagħraf ‘l Alla bid-dawl biss tar-raġuni tiegħu għax jibqa’ jfittex il-provi.

 

Irridu nammettu, b’umilta’, li l-veritajiet dwar Alla u dwar il-bniedem u Alla huma veritajiet għal kollox ‘il fuq minn dak kli jaqa’ taħt is-sensi tagħna. Meta niġu biex dawn il-veritajiet ngħixuhom fil-ħajja tagħna u nagħmluhom, jitolbu minna li niċċaħħdu minn dak li jaqblilna. L-intelliġenza tal-bniedem, biex tikseb dawn il-veritajiet, tiltaqa’ ma’ ħafna diffikultajiet kemm min-naħa tas-sensi u tal-immaġinazzjon. U għalhekk jiġri li l-bniedem malajr jikkonvinċi ruħu li xi affarijiet mhumiex veri, jew għallinqas mhumiex żguri. Imma jagħmel dan sempliċiment għax ma jridhomx ikunu veri.

 

Għalhekk li l-bniedem jeħtieġlu jiġi mdawwal mir-rivelazzjoni ta’ Alla, mhux biss dwar dak li hu ‘l fuq mill-intelligenza tiegħu, imma wkoll dwar dawk il-veritajiet reliġjużi u morali li, minnhom infushom, jistgħu jkunu magħrufin mir-raġuni tal-bniedem, biex, fil-qagħda li fiha jinsab il-bniedem illum, ikun jista’ jasal biex isir jafhom bla ebda taħbit, u jkun żgur għal kollox minnhom u ħieles minn kull żball.

 

San Ġorġ Preca jgħid li aħna nagħrfu ‘l Alla mill-opri ta’ jdejh u mit-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Sentenza sempliċi, imma li tiġbor id-duttrina dwar il-fidi f’Alla. Imma jkun hemm min irid il-provi biex jemmen, anzi jġib argumenti kontra l-eżistenza ta’ Alla. Dan filwaqt li Ġesu’ jgħid lill-Appostli: “Imberkin dawk li jemmnu mingħajr ma jaraw!” Għax il-fidi hi li temmen dwar dak li ma tifhimx.

 

Kien hemm min reġa’ sabu lil Alla. Insemmu lil Paul Claudel li ta’ 18-il ma baqax jemmen f’Alla. Kien il-Milied meta kien qed jisma’ kor ikanta l-Vespri fil-katidral ta’ Notre Dame ta’ Pariġi. Jgħid: “F’daqqa waħda, ħassejt xi ħaġa f’qalbi, u emmint.” U baqa’ għal ħajtu kollha Kattoliku impenjat, filosfu magħruf. Nies bħal Paul Claudel jistgħu jħajru lil min ġenwinament qed ifittex li jagħraf lil Alla.