IL-PRINĊIPJI TAT-TAGĦLIM SOĊJALI TAL-KNISJA KATTOLIKA

Anna Marija Fenech

 Id-dinjità tal-persuna umana

Alla ħalaq lil kull wieħed u waħda minna. Aħna għandna nittrattaw lill-oħrajn b’rispett u nkunu ġusti magħhom għax Alla ħalaq lilhom ukoll.

 

Aħna imsejjħin biex ngħixu bħala familja u komunità

Aħna n-nies umani għandna bżonn ngħixu u nkunu imdawwrin ma’ nies bħalna biex inkunu ferħanin u b’saħħitna. Ġesù jixtieqna ngħixu f’familja, ikollna l-ħbieb u l-ġirien, u ngħinu lil xulxin.

 

Drittijiet u dmirijiet

Kull bniedem għandu bżonn l-ikel, x-xogħol, dar fejn joqgħod, skola, mediċini u kura għal saħħtu biex jgħix. Dawn huma drittijiet għal kulħadd. Meta x’uħud mill-bnedmin jkunu neqsin minn dawn, huwa dmir tagħna li ngħinuhom jiksbu dawn id-drittijiet.

 

Imsejħin biex nieħdu ħsieb il-ħolqien

Il-ħolqien kollu ġie maħluq minn Alla. Meta nittraskurawh, jew ma nużawx ir-riżorsi tal-ħolqien tajjeb u nagħmlu l-ħsara ħafna nies oħra jbgħatu konsegwenzi koroh. Meta nagħmlu għażliet tajba u ntejjbu l-ambjent inkunu qed inwieġbu għas-sejħa biex nieħdu ħsieb il-ħolqien.

 

Ċans ta’ ħajja aħjar lil foqra u l-vulnerabbli

Hemm nies li m’għandhomx għaxja ta’ lejla, li qed imutu bil-ġuħ u bil-għatx, jew m’għandhomx xogħol, jew fejn joqogħdu, jew kura għal saħħithom. Hemm ħafna tfal m’għandhomx edukazzjoni għax m’għandhomx skola jew għalliema. Dawn insejħulhom foqra. Il-Knisja tgħallimna li dawn ħutna l-foqra għandna iktar nittrattawhom b’rispett u nagħtu każ tal-bżonnijiet tagħhom. Aħna għandna naqsmu magħhom il-ġid li għandna u nagħtuhom dak li huma neqsin minnu.

 

Id-dinjità u d-drittijiet tal-ħaddiema

Ix-xogħol jipprovdilna biex ngħixu. Hu jagħtina ċans biex inħaddmu t-talenti li tana Alla. Bix-xogħol tagħna aħna qed ngħinu lil Alla biex nagħmlu dinja aħjar. F’kull xogħol, hu x’inhu, il-ħaddiema jixirqilhom post bla periklu, b’kundizzjonijiet tajba u siegħat raġonevoli. Kull ħaddiem għandu jaqla’ paga ġusta għax il-ħaddiema huma ħolqien ta’ Alla.

 

Solidarjetà

In-nies tad-dinja kollha għandhom bżonn lil xulxin, għalhekk aħna għandna naħdmu flimkien biex ngħixu. Meta aħna naqsmu ħajjitna mal-oħrajn aħna ninbnew b’mod tajjeb. Minkejja id-differenzi aħna familja waħda – il-familja ta’ Alla.