TAQSIMIET DIFFERENTI TAL-BIBBJA
Il-Kotba Mqaddsa huma dawk il-kotba li minkejja li huma miktuba mill-bniedem, il-Knisja tqishom li huma kotba ispirati mill-Ispirtu s-Santu.
Inkitbu minn persuni differenti u matul żminijiet differenti u kien ferm wara li dawn il-kotba kienu miġbura flimkien f’dik li aħna nsejħula l-Iskrittura Mqaddsa jew il-Bibbja.
Il-kotba differenti tal-Bibbja huma miġbura f’żewġ taqsmiet kbar. L-ewwel taqsima li nsejjħula it-Testment il-Qadim tiġbor fiha dawk il-kotba li nkitbu qabel il-miġja ta’ Kristu. It-tieni taqsima tiġbor fiha il-kotba li nkitbu wara l-miġja ta’ Kristu.
It-Testment il-Qadim, magħruf ukoll bħala l-Patt il-Qadim jew l-Antik Testment jiġbor fih 46 ktieb, li huma mqassma hekk:
i. Pentatewku – 5
ii. Kotba Storiċi – 16
iii. Kotba ta’ l-Għerf – 7
iv. Kotba tal-Profeti l-Kbar – 6
v. Kotba tal-Profeti ż-Żgħar 12
It-Testment il-Ġdid, magħruf ukoll bħala l-Patt il-Ġdid jiġbor fih 27 ktieb, li huma mqassma hekk:
i. Evanġelji – 4
ii. Atti ta’ l-Appostli – 1
iii. Ittri – 21
iv. Apokalissi – 1
Tista’ tħares lejn il-werrej li hemm fil-bidu tal-Bibbja u tifli sewwa dawn it-taqsimiet kif ukoll l-isem ta’ kull wieħed mill-kotba.
Kull ktieb huwa mqassam l-kapitli differenti u kull kapitlu huwa mqassam f’versi, kollha nnumerati. Kemm it-taqsim f’kapitli, kif ukoll dak f’versi ma kienux hemm fil-kotba oriġinali iżda dawn idaħħlu wara biex b’hekk tkun tista’ ssir referenza aħjar għat-test partikolari.
Għalhekk, meta nkunu rridu nirreferu għal xi test, ma nirreferux għalih permezz tal-paġni, għaliex dawn jistgħu ikunu differenti minn verżjoni għall-oħra, imma nagħmlu r-riferenza billi nsemmu...
i. l-isem tal-ktieb,
ii. in-numru tal-kapitlu,
iii. in-numru tal-vers jew versi.
Eżempji. Luqa 2:1 (li tfisser l-Evanġelju skond San Luqa, kapitlu 2, vers 1)
Eżodu 23:4-8 (li tfisser il-Ktieb ta’ l-Eżodu, kapitlu 23, versi minn 4 sa 8)
1 Slaten 8:14-16 (li tfisser l-ewwel ktieb tas-Slaten, kapitlu 8, versi 14 sa 16)
Xi tagħrif ieħor ...
Rajna kif din mhix ktieb wieħed imma nistgħu ngħidu hekk, Librerija ta’ Kotba miġbura flimkien.
Din il-librerija jew sensila ta’ kotba, miktuba fi żminijiet differenti u minn persuni differenti ħadet sekli sħaħ biex inġabret. Skond l-istudjużi, il-Bibbja bdiet tinġabar għall-ħabta tas-sena 850qK u ntemmet lejn is-snin 100-110 wK – kważi elfejn sena. (qK tfisser qabel Kristu u wK tfisser wara Kristu)
Għalhekk il-Bibbja ma tirriflettix l-idejat u l-mentalitá ta’ awtur wieħed jew ġenerazzjoni waħda, imma l-istorja ta’ poplu sħiħ fuq medda twila ta’ snin.
Fil-Bibbja nsibu mfissra l-avventura spiritwali ta’ poplu mill-bidu net tiegħu, meta kien għadu ftit familji jiġġerrew ‘l hawn u ‘l hinn biex igħixu sal-mument meta l-esperjenza spiritwali tiegħu ġiet miftuħa għall-popli ta’ kull razza u kultura.
Imma l-Bibbja hija aktar minn hekk. Fl-Iskrttur Alla tkellem permezz ta’ bnedmin u bi kliem il-bnedmin. Għalhekk il-Bibbja nistgħu ngħidu li hi “Kelmet Alla f’Kitbiet il-Bniedem”.
Il-Bibbja hija l-Kelma ta’ Alla, mhux biss għaliex hija ispirata imma wkoll għaliex tirrakkonta t-tentattivi ta’ djalogu li għamel Alla matul l-istorja tal-poplu Lhudi.
Il-Bibbja hija għalhekk frott tal-inizjattiva ta’ Alla biex jibni dan id-djalogu kif ukoll ir-risposta tal-bniedem għal dawn l-inizjattivi ta’ Alla.
Inkitbet f’kuntest soċjali, politiku u reliġjuż u għalhekk ma nistgħux nifirduha mill-istorja soċjali, politika u reliġjuza ta’ dan il-poplu. Madankollu l-Bibbja mhix xi ktieb ta’ storja għax l-istorja li toffri hi l-Istorja tas-Salvazzjoni.
Il-post fejn inkitbu dawn il-kotba ma kienx dejjem l-istess. Uħud inkitbu fil-Palestina. Oħrajn fl-artijiet tal-qrib, has-Sirja, l-Eġittu jew anke l-Iraq. Oħrajn inkitbu fil-Greċja jew f’Ruma.
Il-biċċa l-kbira tal-kotba ta’ l-Antik Testment inkitbu blilsien Lhudi (jew Ebrajk) Klassiku. Iżda sa żmien Kristu dan l-ilsien ma kienx għadu mitkellem għaliex il-poplu Lhudi ta’ żmien Ġesu kien jitkellem l-Aramajk. Madankollu hemm xi kotba li kienu inkitbu mill-ewwel bl-Aramajk.
Minn żmien qadim bdew isiru xi traduzzjonijiet tal-Bibbja Lhudija, kemm bl-Aramajk kif ukoll bil-Grieg. Ġara li uħud mill-kotba oriġinal intilfu u baqa’ biss it-traduzzjoni tagħhom bil-Grieg.
Mis-seklu dsatax ‘il quddiem sar ħafna tiftix għal manuskritti qodma u instabu xi biċċiet minnhom li kienu ilhom mitlufa mijiet ta’ snin.
Jidher li xi kittieba tal-Kotba Mqaddsa, waqt li kienu jitbu inqdew b’dokumenti jew tradizzjonijiet orali li kienu diġa jeżistu u daħħluhom fil-ktieb tagħhom.
Waħda mill-eqdem traduzzjonijiet tat-Testment il-Qadim hija bil-Grieg – imsejħa is-Septwaġint li tfisser tat-Tnejn u Sebgħin. Dan għaliex skond xi dokumenti antiki din it-traduzzjoni kienet saret minn 72 studjuż.
Traduzzjoni antika oħra li l-Knisja minn dejjem tatha ħafna importanza u għal żmien twil qisitha bħala l-verżjoni uffiċċjali tagħha hija dik li għamel San Ġlormu bil-Latin. Bdieha madwar is-sena 386 wK fuq talba tal-Papa Damasu. Din insejħulha l-Vulgata mill-kelma Latina – divulgare li tfisser tirrivela (bl-Ingliż divulge).