IT-TALB: META TITOLBU GĦIDU HEKK

Meta titolbu għidu hekk: 'Missierna, li inti fis-smewwiet,  jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.  Ħobżna ta' kuljum agħtina llum. Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina. U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.' (Mt 6:9-13)

Żgur li Kristu ma riedx li fit-talb ippoġilna f’ħalqna formoli eżatti u preċiżi li nitgħallmuhom bl-amment u nreddnuhom bħal pappagal, imma ċert li ried jagħtina mudell għat-talb tagħna. 

Missierna, li inti fis-smewwiet.

Missier – Krist għallimna biex lil Alla nħarsu lejh u nkellmuh bħala, missier. Dak li tani l-ħajja. Li jindukrani u jipprovdili.  Dak li jħobbni, jħarisni u jżomm idejh fuqi.  Ngħidlu, Missier għax meta Ibnu sar bniedem, sar wieħed minn ħuti, allura jiena wkoll sirt iben.  Ngħidlu, Missier – Abba – Pa, għaliex l-Ispirtu tiegħu li jgħammar fija addottani bħala ibnu u werriet ta’ Alla, werriet ma’ Kristu (Rum 8:15) 

Alla hu missieri. Imma Alla huwa ommi ukoll għaliex minkejja li fih la hemm maskil u lanqas femminil, imma tiegħu hija kull paternità u tiegħu hija kull maternità.  Anzi, kull paternità u maternità umana huma biss parteċipazjoni fil-paternità u maternità divina tiegħu. Inkun missier tassew tajjeb jew nkun omm tassew tajba jekk kull ma jmur insir aktar nixbah lilu.

Missierna – Imma aktar milli ngħidlu Missieri, Kristu għallimna biex lil Alla nsejħulu, Missierna.  Għax aħna lkoll ulied Missier wieħed li huwa fis-smewwiet, li jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex. (Mt 5:45)  U jekk il-Missier tagħna tas-sema jħobbna lkoll bla eċċezzjoni, hekk ukoll għandna nuru mħabba bejnietna.

Li inti fis-smewwiet – Spiss nistaqsi lili nnifsi, “X’inhuma s-smewwiet?  Xi post ‘il fuq mis-sħab u maqtugħ b’mod li ebda bniedem ma jista’ jilħqu?  Jew xi ħaġa aktar reali u tanġibbli li jiena mmiss b’idejja sa minn din id-dinja stess?  Forsi jekk naċcetta lil Alla f’ħajti, ma nkunx nista’ sa minn din id-dinja nibda’ ingawdi dak li għajn qatt ma rat u  widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li lesta Alla għal dawk li jħobbuh.  (1 Kor 2:9) 

U allura, Missierna, li qiegħed fis-sema, mhux tant ‘il bogħod minna li ma nistgħux nilħquh ħlief wara l-mewt u biss jekk ngħaddu mill-provi diffiċli ta’ din il-ħajja.   Missierna huwa tant qrib tagħna li nistgħu nitkellmu miegħu kull xħin irridu, bla ħtieġa ta’ appuntamenti jew ta’ intermedjarji. Missierna, li inti fis-smewwiet imma fl-istess ħin inti maġenbna, tant li nistgħu inkellmuk bil-kunfidenza li iben jew bint jitkellmu ma’ missierhom jew ommhom.

Jitqaddes ismek.

Qaddis, qaddis, qaddis, il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.  Is-smewwiet u l-art mimlijin bil-glorja tiegħu! 

Alla huwa infinitament qaddis u allura fih innifsu ma jistax isir aktar qaddis milli hu. Imma fostna l-bnedmin, hija ġrajja differenti.  Kemm drabi jiġri li minflok infaħħar, imbierek u nqaddes l-isem ta’ Alla, minflok jiena inżebilħu, insemmih fil-batal, jew forsi nidgħi u nlef bih.  Kultant ukoll ninjorah għal kollox, donnu għalija ma jfisser xejn.

Min jaf kemm drabi oħrajn iżebilħu l-isem ta’ Alla minħabba l-imġieba skorretta tagħna? Kif inhu miktub: “L-isem ta’ Alla hu mżeblaħ fost il-ġnus minħabba fikom.” (Rum 2:24)

Meta jien inqaddes l-isem divin, lil Alla ma nkun inżidlu xejn, imma nkun jiena stess li qed nitqaddes għaliex b’dak l-att tiegħi inkun qed nidħol fil-qdusija ta’ Alla u nieħu sehem minnha. Il-maqlub jiġri jekk jiena nżeblah u nmaqdar lil Alla. Nkunu qed naqta’ u nbiegħed lili nnifsu mis-sħana tal-qdusija tiegħu u b’hekk niksaħ u niffriża fi dnubi. 

Tiġi saltnatek.

Ħa tiġi s-saltna tiegħek fostna, Mulej!  

Kristu kien kontinwament jitkellem dwar din is-Saltna ta’ Alla. Darba qalilhom, “Jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bl-Ispirtu ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla.”  (Mt 12:28)   Lit-tnejn u sebgħin dixxiplu qalilhom, “Morru u lin-nies għidulhom, ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom.’ “ (Lq 10:9)  Huwa stess kien jisħaq, “Is-Saltna ta’ Alla, fostkom qiegħda.” (Lq 17:21).  Din kienet propju il-missjoni tiegħu.  Din kienet l-aħbar it-tajba li ried iwassal.  Naqraw li wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galileja, jxandar il-Bxara t-Tajba u jgħid, “Is-Saltna ta’ Alla waslet.” (Mk 1:15)

Din hija l-Bxara t-Tajba.  Is-Saltna ta’ Alla waslet.  Qegħda fostna. Issa jiddependi biss minni, minnek u minna lkoll, kemm tassew se ngħixuha u nħalluha tikber fina u f’ħajjitna. Alla diġà waqqafha fostna bil-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.  Iżda huwa mhux lest li jinfurzha fuq ħadd minna.  Trid tkun għażla li nagħmlu fil-libertà u wara nkunu aħna li nħaddmuha f’ħajjitna.

U allura, meta nitlob biex tiġi s-saltna ta’ Alla, inkun jiena stess, bl-għajnuna ta’ Alla, li qiegħed ninfetah għaliha.  Inkun qiegħed naċċettha f’ħajti. Inkun qed nafferma r-rieda tiegħi li lest inneħħi l-ostakli kollha li d-dnub tiegħi u ta’ ħuti l-oħra jkun qed jagħmel fit-tkabbir ta’ din is-saltna fostna l-bnedmin. “Is-Saltna ta’ Alla waslet.  Indmu u emmnu f’dil Bxara t-Tajba.”

Meta nitlob li tiġi s-saltna ta’ Alla, inkun qed ngħid ukoll li jiena rrid ikun qaddej attiv u fidil tagħha.  Li rrid nagħti s-sehem tiegħi għaliha. Li rrid inħaddem id-doni kollha li Alla tani għat-tkattir tagħha.

Ħa tiġi saltnatek, Mulej!  Ħa tiġi saltnatek, Mulej, mhux biss fis-sema u wara l-mewt, imma anke minn issa stess fl-art, fid-dinja ta’ madwarna.  Ħa tiġi saltnatek, Mulej, billi sa minn issa stess tkompli tikber l-imħabba. Jinqerdu l-inġustizzji, il-ħsara, il-mibegħda, it-tbatija. Ħa tiġi saltnatek, Mulej - imma jiena wkoll irid nagħti sehmi fil-miġja tagħha.

 

Ikun li trid Int, kif f-sema hekkda fl-art.

Ikun li trid int .... – Dan huwa dak li jħoll u jorbot fit-talb tiegħi. “Ikun li trid int” jew “Ikun li rrid jien” ?   “Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegfhed jisma’” jew “Isma, Mulej, għax il-qddej tiegħek qed jitkellem”?

Spiss jista’ jiġri, li minflok li jiddisponi lili għar-rieda tiegħu, t-talb għalina jsir dak il-mezz li bih jiena nipprova ndawwar lil Alla biex jibda’ jaħsibha bħali.

“Ikun li trid int” tista’ kultant tfisser rassenjazzjoni, kważi sfurzata u involuntarja.  “Ikun li trid int” kultant tista’ tfisser, “Paċenzja! M’hemmx x’tagħmel la ma nistax nagħmel mod ieħor!”

Imma meta norbot ir-rieda tiegħi ma’ dik ta’ Alla, dan ma nagħmlux għax m’hemmx mod ieħor x’nagħmel, imma għaliex ċert li huwa jaf ferm iktar minni x’inhu ta’ ġid għalija.  Nagħmlu għaliex ċert li huwa jħobbni u jrid jagħtini ħafna aktar minn dak li qed nitolbu.

Min jaf kemm drabi, lili Alla ried jagħtini mit-teżori infiniti ta’ mħabbtu, imma jiena ma ħallejtux għax moħħni biss fil-loqom li għalija huma bħal xi teżori kbar.

Alla tagħna huwa Alla tas-sorpriżi, imma bil-moħħ żgħir u magħluq tiegħi spiss inżommlu jdejh u ma nħallihx jimxi miegħi ta’ Alla li hu.

....kif fis-sema hekkda fl-art – Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla, għemil idejh tħabbar if-firxa tas-sema. (Ps 19:2) 

Iva, Mulej, nixtieq li f’ħajtina wkoll inti twettaq l-għemejjel kbar li inti wettaqt fis-smewwiet.  Nixtieq li fi żmienna wkoll inti toħloq smewwiet ġodda u art ġdida li fihom tgħammar il-ġustizzja. (2 Pt 3:13)   Għax int, Alla l-Qaddis titqaddes bil-ġustizzja. (Is 5:16)

 

Ħobżna ta’ kuljum, agħtina llum.

Ħobżna ta’ kuljum...  - “Min huwa dak il-bniedem fostkom li jekk ibnu jitolbu biċca ħobż, sejjer jagħtih ġebla?”  (Mt 7:10)

Alla, Missier, ma ġabniex fid-dinja u telaqna għal rasna.  Imma għadu jieħu ħsiebna. Jipprovdilna. 

Imma fil-pjan kbir tiegħu għalina, ried li l-bniedem jissieħeb fl-opra tal-ħolqien ħalli aħna wkoll jkollna sehem mill-glorja tiegħu.  “Berikom Alla u qalilhom, “Nissslu u oktru. Imlew l-art u aħkmuha.” (Ġen 1:28)

U b’din il-ħakma li għandna f’ismu, aħna rridu nkattru l-ġid għall-bżonnijiet tagħna lkoll. Inkattru l-ikel għal xulxin, mhux biex permezz tiegħu nistagħnu minn fuq xulxin, imma biex il-ġid li Alla jipprovdilna, nqassmuh bejnietna b’mod aktar ġust.

“Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru jixtru x’jieklu.” qalulu d-dixxipli.  Imma Ġesù kien ċar fi kliemu, “Agħtuhom intom x’jieklu!”  “Minn fejn?” staqsewh. “Dal-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet biss għandna.” “Poġġuhom bil-qegħda u ibdew qssmu b’dak li għandkom.”  Meta lestew u kulħadd xaba’ kien fadal tnal il-qoffa.   (Mt 14:13-21)

Hekk jaħdem Alla.  Hekk taħdem il-providenza tiegħu.  Irridu nagħmlu l-parti tagħna u rridu nagħmlu b’mod ġust u b’mod diżinteressat. Kultant nistħajjel l-appostli bil-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet f’idejhom, juruhom lil Kristu u jgħidulu, “Dawn tagħna. Jekk nagħtuhom lin-nies, aħna x’se nieklu?”  Imma Kristu, “Poġġuhom bil-qegħda. Ibdew qassmu minn dak li għandkom.”

.... agħtina llum. Darba qalilhom, “Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u jġeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom!  Forsi intom ma tiswewx aktar minnhom?” (Mt 6:26)

Imma minkejja kollox, aħna moħħna biex ingeddsu u naħżnu. U rridu għal-lum u għal għada u għal sena oħra, u għal wara l-pensjoni....”

U hu jkompli jgħallimna nitolbu, “Ħobżna ta’ kuljum, agħtina llum.” “Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-ġhada, għax għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata.” (Mt 6:34)

Għina, Mulej, biex nifhmu dal-kliem u nemmnuh. Għina ħa jkollna fiduċja fik. Għina nkunu ġusti bejnietna.  Fakkarna kontinwament li l-providenza divina tiegħek titwassal lilna permezz ta’ xulxin.

 

Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.

Aħfrilna dnubietna... – Meta nitlob lil xi ħadd biex jaħfirli, qiegħed l-ewwel u qabel xejn nammetti li jiena ħati.  Meta nitlob lil Alla biex jaħfirli dnubieti, qed nammetti li jiena midneb.  Jiena midneb bil-ħsieb, bil-kliem u bl-għemil.  Ħati wkoll ta’ dawk il-ħwejjeġ li kelli nagħmel u m’għamilthomx.

Meta nitlob lil Alla jaħfirli, inkun  nammetti li jiena dnibt mhux biss kontrih, li hu mħabba infinita, imma wkoll kontra ħuti, bnedmin oħra li huma wkoll uliedu u għalhekk meta offendejt lilhom jiena offendejt lilu. Meta nqast kontrihom, jiena nqast kontrih.

Meta nitlob lil Alla jaħfirli, inkun nammetti li jiena nqast ukoll kontra tiegħi nnifsi.  Li baxxejt lili nnifsi li jiena maħluq minnu fuq xbieha tiegħu.  Li jien mifdi bi prezz id-demm ta’ Kristu nnifsu.  Li jien tempju qaddis għax fija jgħammar l-Ispirtu s-Santu.

Meta nitlob lil Alla jaħirli, inkun qed ngħid li jiddispjeċini tassew tal-ħtijiet tiegħi.  Li lest nagħmel minn kollox biex inpatti għalihom. Li sa fejn huwa possibli, lest li nirrimedja għall-ħsara li għamilt. Li minkejja d-djufija tiegħi lest nagħmel ħilti kollha biex ma nerġax. 

Meta nitlob lil Alla jaħfirli, jiena fuq kollox konxju mill-ħniena u mill-imħabba kbira tiegħu għalija. Konxju li biex jeħlisni mid-dnub tiegħi, huwa bagħat lil Ibnu biex jurini l-imħabba tiegħu sal-mewt tas-salib.  Konxju, li jekk minkejja il-proponimenti sinċieri tiegħi, jiena nerġa’ naqa’, huwa jkun lest li jerġa jaħfirli, għax iħobbni.

... bħalma naħfru lil min hu ħati għalinaU għax konxju mill-fraġilità tiegħi, allura lest nagħder u naħfer dik ta’ l-oħrajn. 

Għax jekk jiena ma naħfirx lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, kif nista’ nistenna li l-Missier jaħfer lili? (Mt 6:15)  Mhux għax ma jridx jaħfirli, imma għaliex inkun jiena stess li nkun qed inpoġġi ostakli għall-maħfra tiegħu.

Kultant forsi nimmaġina li Alla ma jaħfirlix jekk ma naħfirx lill-oħrajn, donnu bi tpattija.  Imma Alla ma jimxix hekk.  It-tpattija ta’ deni b’deni, hija l-mod uman kif aħna nimxu ma’ xulxin.   Imma meta jiena ma naħfirx lill-oħrajn in-nuqqasijiet tagħhom, inkun jiena li ma nkunx irrid naċċetta l-maħfra li Alla jkollu lesta għalija.

Imma minkejja kull argument favuriha, il-maħfra żgur tibqa’ azzjoni li n-natura mħassra tal-bniedem tirribella kontra tagħha. Għandi bżonn l-għajnuna ta’ Alla biex nasal li naħfer lil min għamilli d-deni, lil min qal kontra tiegħi, lil min xtaqli l-ħsara. Għandi bżonn il-grazzja ta’ Alla, li fit-tieba tiegħu Alla dejjem lest li jagħtini, imma forsi jiena ma nkunx dejjem lest li naċċetta.

U għalhekk, meta nitlob lil Missier biex jaħfirli dnubieti, l-istess kief jiena wkoll inkun lest li naħfer lill-oħrajn, inkun qiegħed niftaħ lili nnifsi biex nilqa’ bil-qalb dik il-grazzja, li l-ħniena tiegħu kienet diġà lestiet għalija.

U la ddaħħalniex fit-tiġrib iżda eħlisna mid-deni.

Forsi, mit-talba kollha tal-Missierna,  din hija l-iktar sentenza li toffrilna diffikulta.  Mela Alla jdaħħal lill-bniedem fit-tiġrib?  

Sa minn żminijiet bikrija fl-istorja tal-Knisja, bosta ppruvaw isibu spjegazzjoni  għal dak li f’din is-sentenza donnu li jmur kontra l-ideja li Kristu nnifsu jagħtina dwar Alla.   Ngħid “donnu” għaliex aħna fl-ebdà ħin ma nistgħu nieħdu sentenza mill-Kotba Mqaddsa, naqilgħuha mill-kumplament tat-testi bibbliċi, u nagħtuha tifsira li tmur għal kollox kontra dak li nsibu fil-bqija. Għalhekk kien hemm min ipprova jfisser din il-parti tat-talba tal-Missierna fis-sens, “La tħalliniex nidħlu fit-tiġrib” jew “La tħalliniex naqgħu fit-tentazzjoni”.

Minkejja dan xorta waħda nsibu drabi oħra fil-bibbja li joffrulna l-istess diffikulta ta’ din il-parti tal-Missierna. Fil-ktieb ta’ Ġob, naraw li donnu Alla nnifsu li qed jinstiga lix-Xitan biex iġarrab lil Ġob. (Ġob 1:8; 2:3) Fl-evanġelju skond San Mattew naqraw “Imbagħad l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu.” (Mt 4:1) X’irid jgħid it-test sagru?

Uħud ipprovaw jsibu t-tifsira fil-kliem nnifsu. X’nifhem bil-kelma tiġrib?   Meta nġarrab diversi lbiesi, inkun qed nagħmel l-għażla tiegħi bejniethom. Inkun qed nieħu deċiżżjoni personali dwar liema minnhom toġobni l-aktar.  Hija għażla li qed nagħmel.  Deċiżjoni personali.

Fil-ħajja morali u spiritwali, f’ħin jew ieħor jinħtieg li jiena wkoll nagħmel l-għażla tiegħi. Kultant hija għażla li ġġorr magħha ċertu piż, għażla fundamentali. Liema direzzjoni rrid nagħti lil ħajti.  Għal Alla jew għad-dnub? Kristu, din l-għażla spiss fissirha f’termini oħra. It-triq id-dejqa jew it-triq il-wiesa’. (Mt 7:13-14)  Il-qadi bejn żewġ sidien; Alla jew il-flus. (Mt 6:24) 

F’dan is-sens, allura li t-tiġrib isaħħaħni u jqawwini  u jgħini nikber mhux biss spiritwalment imma wkoll umanament. Nagħmel it-tajjeb, mhux għax sfurzat fuqi jew għax ma kellix triq oħra, imma għax għażiltu jien. 

Mhix għażla li nagħmilha darba għal dejjem, imma waħda li rrid inġeddidha regolarment, forsi wkoll kuljum.  Hija għażla li rrid ngħixħa u li trid ssir parti minn ħajti. Mhux bħal meta ġarrabt il-libsa, li nista’ nibdilha skond it-temp jew skond il-burdata. Hija għażla li rrid inkun imħejji għaliha kuljum, għax kif naqraw fil-ktieb ta’ Bin Sirak, “jekk tiġi biex taqdi lill-Mulej, ħejji ruħek għat-tiġrib.” (Sir 2:1)

Minn dan kollu joħroġ ċar ħafna dak li jgħid San Ġakbu fl-ittra tiegħu; “Araw li ħadd ma jgħid: ‘Alla qiegħed iġarrabni’ għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd.” (Ġak 1:12)

U allura, il-kliem la ddaħħaliex fit-tiġrib iżda eħlisna mid-deni, jista’ jfisser talba lil Alla, biex igħina fil-ħin tat-tiġrib tagħna ma jitlaqnix waħedna. Missierna, titlaqnix fit-tiġrib!  Kliem li ngħiduh b’persważjani li Alla żgur ma jħallina qatt waħedna, imma jsostnina bil-grazzja tiegħu.

L-Appostlu Pawlu nnifsu jistqarr: “U li ma mmurx nintefah bija nnifsi minħabba fil-kobor tar-rivelazzjonijiet, tqegħditli xewka f’ġismi, messaġġiera tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni ħalli ma nintefaħx. Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni. Iżda hu weġibni: ‘Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.” (2 Kor 12:7-9)