IT-TALB: FUQ IL-MUNTANJA JEW FIT-TEMPJU?

“Jiena nitlob, imma l-knisja ma mmurx.  Alla mhux kullimkien jinsab? Allura x’hemm bżonn li mmur il-knisja kif tgħidu intom?”

Domandi u argumenti bħal dawn m’huma ġodda xejn.  Elfejn sena ilu, waħda mara mis-Samarija, staqsiet bejn wieħed u ieħor l-istess ħaġa lil Ġesù.  L-istorja nafuha.

“Sinjur,” qaltlu, “missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq il-muntanja, imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla huwa fit-tempju.” Weġibha Ġesù, “Emminni, mara, tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità.  Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh.”

Tassew li Alla qiegħed kemm fuq il-għoli tal-muntanji kif ukoll fil-fond tal-widien; kemm fl-għeluq ta’ kamarti kif ukoll fil-beraħ tax-xagħri u huwa sewwa li ngħid li m’hemmx bżonn li jiena nkun fit-tempju jew fil-knisja biex inkun nista’ nadurah, inqimu u niltaqa’ miegħu.  Anzi nagħmel ħażin jekk jiena nitlob biss meta nkun il-knisja.

Imma nkun qed nagħmel tant ieħor ħażin jekk ma mmurx il-knisja bl-iskuża li jiena nista’ niltaqa’ ma’ Alla bnadi oħra.  Ngħid li aktarx din tkun skuża għaliex spiss jiġri li jekk ma nitlobx il-knisja nibred u lanqas nitlob bnadi oħra. 

Ġesù kien jitlob kemm fuq il-muntanja kif ukoll fit-tempju, kemm fil-ġnien kif ukoll fis-sinagoga. Fix-xmara Ġordan waqt li kien jitlob, is-smewwiet infetħu u niżel fuqu l-Ispirtu s-Santu.  Mhux darba naqraw li “wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu.” (Mt 14:23)  Jum wieħed ressqulu quddiemu xi tfal żgħar biex iqiegħed idejh fuqhom u jitlob għalihom . (Mt 19:23)  F’post ieħor insibu li fil-għodu kmieni, qabel ma jżernaq kien joħroġ u jmur f’post imwarrab biex jitlob. (Mk 1:35)

Imma Ġesú kien jitlob ukoll fit-tempju. Mhux darba jew tnejn insibuh jidħol fit-tempju jitlob.  Meta kien għad kellu biss tnax-il sena, mar ma’ Marija u Ġużeppi.  Imma anke fil-ħajja pubblika tiegħu insibu bosta eżempji meta huwa għamel dan. Quddiem is-Sinedriju, huwa stess jistqarr: “Qisu ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten biex taqbdu lili!.  Jiena kuljum kont inkun bilqiegħda fit-tempju u ma żammejtunix.” (Mt 26:25)

Anke wara l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja, l-appostli u d-dixxipli kienu jmorru t-tempju kuljum flimkien. (Atti 2:46) Darba, waqt li bħas-soltu kienu telgħin lejn it-tempju għat-talb tat-tlieta ta’ wara nofsinhar, Pietru fejjaq wieħed magħtub. (Atti 3:1-10)

Jekk fit-tempju ta’ Ġerusalemm kien hemm l-Arka tal-Patt li għal-Lhud kienet sinjal qawwi tal-preżenza ta’ Alla fost il-poplu tiegħu, kemm aktar fil-knejjes insara jgħammar Alla, mhux aktar  b’mod simboliku imma realment fl-Ewkaristija. “Dan huwa l-ħobż ħaj li nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.” (Ġw 6:50)  “Ġismi huwa tassew ikel u demmi huwa tassew xorb.” (Ġw 6:55) U allura jekk naf li nitlob fejn nitlob qiegħed tassew fil-preżenza ta’ Alla kemm aktar quddiem Ġesú fl-Ewkaristija, għandi ċ-ċertezza tal-preżenza divina.

Iżda n-nisrani mhuwiex biss imsejjaħ biex jersaq lejn il-knisja għal talb privat. Fil-magħmudija huwa ġie msieħeb fil Poplu ta’ Alla, sar parti minn nazzjon li Alla stess għażel għalih. “Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih. Intom li darba ma kontux poplu, issa sirtu l-poplu ta’ Alla.” (1 Pt 2:9-10)  U ġaladarba aħna poplu, anzi l-poplu ta’ Alla, lil Alla rridu nitolbuh, inqimuh u nadurawh mhux biss individwalment imma wkoll bħala poplu. Kull poplu li huwa tassew magħqud jiċċelebra flimkien il-grajjiet kbar fl-istorja tiegħu.  Il-liturġija nisranija hija ċelebrazzjoni tal-akbar ġrajja fl-istorja tal-bnedmin – il-Mewt u l-Qawmien mill-Imwiet ta’ l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Fiha l-komunitá kollha tinġabar biex tadura, tqim, tfaħhar u titlob lil Alla u biex tifraħ bħala komunitá waħda.  Huwa propju għalhekk li l-Ewkaristija, magħrufa wkoll bħala s-sagrament tal-għaqda jew tal-komunjoni, hija ċ-ċentru mhux biss tal-liturġija imma wkoll tal-ħajja kollha tal-Knisja.

Imma barra milli aħna l-Poplu ta’ Alla, aħna wkoll il-Ġisem ta’ Kristu. U la aħna ġisem wieħed, jeħtieġ li lil  Alla nqimuh u noffrulu sagriffiċju lkoll flimkien.  Anzi mhuwiex aktar aħna li noffru, iżda Kristu nnifsu li joffri lilu nnifsu lill-Missier permezz tagħna – il-ġisem tiegħu llum. Huwa r-ras, aħna l-membri. Il-membri tal-ġisem, li kif jgħid l-Appostlu Pawlu, jimpurthom minn xulxin u huma bżonn xulxin. (1 Kor 12:12-31) 

U għalhekk għad-domanda, “Fuq il-muntanja jew fit-tempju?” jwieġeb is-Salmista nnifsu li jistieden lill-poplu kollu...

“Faħħru 'l Alla fit-tempju mqaddes tiegħu!  Faħħruh fil-firxa tas-smewwiet qawwija tiegħu! Faħħruh għall-għemejjel kbar tiegħu!  Faħħruh għall-kobor tiegħu bla tarf ! Faħħruh bid-daqq tat-tromba! Faħħruh bl-arpa u ċ-ċetra! Faħħruh bit-tanbur u biż-żfin! Faħħruh bid-daqq tal-kordi u tas-sfafar! Faħħruh bid-daqq qawwi taċ-ċimbali!  Faħħruh bid-damdim taċ-ċimbali! Kull ma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-Mulej!  Hallelujah!  (Salm 150:1-6)