IS-SAGRAMENTI TAD-DĦUL FIL-ĦAJJA NISRANIJA (2)

IL-GRIŻMA TAL-ISQOF JEW IL-KONFERMAZZJONI

 

Flimkien mal-Magħmudija u ma’ l-Ewkaristija, is-sagrament tal-Konfermazzjoni jagħmel dak li flimkien huma “s-sagrament tad-dħul fil-ħajja nisranija”; Permezz tal-Konfermazzjoni, ir-rabta ta’ l-imgħammdin mal-Knisja ssir aktar perfetta, huma jistagħnew b’qawwa speċjali mill-Ispirtu s-Santu, u hekk jiġu impenjati aktar biex ixandru u jħarsu l-fidi bil-kliem u bl-għemil bħala veri xiehda ta’ Kristu.

Fl-ewwel sekli, il-Konfermazzjoni ġeneralment kienet ċelebrazzjoni waħda flimkien mal-Magħmudija, hekk li ż-żewġ sagramenti flimkien, fi kliem San Ċiprijanu kienu jiffurmaw “sagrament doppju”. Iżda għax, fost ħafna raġunijiet oħra il-Magħmudijiet tat-tfal li bdew jiżdiedu ħafna u jsiru tul is-sena kollha, it-tkattir tal-parroċċi fil-kampanja u t-tkabbir tad-djoċesijiet ma ppermettewx aktar li l-isqof ikun preżenti għaċ-ċelebrazzjonijiet kollha tal-Magħmudija, fil-Punent, għax kien hemm ix-xewqa li jkun l-isqof li jwassal għall-milja tal-grazzja tal-Magħmudija, iċ-ċelebrazzjoni tal-Konfermazzjoni ġiet mifruda minn dik tal-Magħmudija, waqt li l-Knejjes tal-Lvant żammew ċelebrazzjoni waħda għaż-żewġ sagramenti, u l-Konfermazzjoni bdiet tingħata mis-saċerdot li jgħammed.

L-użu tal-Knejjes tal-Lvant juri sewwa r-rabta li hemm bejn it-tliet sagramenti ta’ l-inizjazzjoni nisranija. Id-drawwa tal-Knisja Latina tfisser b’mod aktar ċar ir-rabta tan-nisrani ġdid ma’ l-isqof tiegħu, li hu l-qaddej u d-difensur ta’ l-għaqda tal-Knisja tiegħu, tal-kattoliċità u l-appostoliċità tagħha, u, għalhekk, ir-rabta tagħha mal-bidu appostoliku tal-Knisja ta’ Kristu.

Fir-rit ta’ dan is-sagrament jaqbel inqisu s-sinjal ta’ l-unzjoni (jew dilka biż-żejt)u dak li l-unzjoni turi u tagħti: is-siġill spiritwali.         L-unzjoni, fis-simboliżmu ta’ l-Iskrittura u fis-simboliżmu ta’ l-antiki għandha ħafna tifsiriet: iż-żejt hu sinjal ta’ abbondanza, ta’ ferħ u hena: iż-żejt inaddaf (dlik biż-żejt qabel u wara banju); iż-żejt iħoll in-nervaturi tal-ġisem u jagħmlu aktar flessibbli (id-dlik ta’ l-atleti u l-ġellieda); iż-żejt hu sinjal ta’ fejqan, għax itaffi t-tbenġil u l-ġrieħi, u jagħmel aktar jiddu l-ġmiel, is-saħħa u l-qawwa.

 

Dan it-tifsir kollu tad-dlik biż-żejt insibuh fil-ħajja sagramentali. Id-dlik qabel il-Magħmudija biż-żejt tal-katekumeni jfisser safa u saħħa; id-dlik tal-morda jfisser fejqan u faraġ. Id-dlik taż-żejt tal-griżma wara l-Magħmudija, u fil-Konfermazzjoni u fl-Ordinazzjoni hu sinjal ta’ konsagrazzjoni. Permezz tal-Konfermazzjoni, l-insara (kristjani), jiġifieri dawk li ħadu l-unzjoni, huma mseħbin aktar fil-missjoni ta’ Kristu u fil-milja ta’ l-Ispirtu s-Santu li bih huma mimlija, biex il-ħajja kollha tagħhom ixxerred “il-fwieħa ta’ Kristu” kif isejħilha San Pawl.

B’din id-dilka, min jirċievi s-sagrament tal-Konfermazzjoni, jirċievi “l-marka”, is-siġill ta’ l-Ispirtu s-Santu. Is-siġill hu l-marka tal-persuna, is-sinjal ta’ l-awtorità tal-persuna u tas-setgħa tal-persuna fuq xi ħaġa

Kristu stess jgħid li hu mmarkat bis-siġill tal-Missier. In-nisrani, hu ukoll, hu mmarkat b’siġill: Dan is-siġill ta’ l-Ispirtu juri li aħna kollna kemm aħna ta’ Kristu, u qegħdin dejjem għall-qadi tiegħu; iżda hu wkoll wegħda tal-ħarsien ta’ Alla meta tasal il-prova ta’ l-aħħar.

Mument importanti ħafna li jiġi qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-Konfermazzjoni, iżda li b’xi mod hu parti minnha, hija l-konsagrazzjoni taż-żejt tal-griżma. Hu l-isqof, li nhar Ħamis ix-Xirka, waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tal-Griżma, jikkonsagra ż-żejt tal-griżma għad-djoċesi kollha tiegħu. Fil-Knejjes tal-Lvant din il-konsagrazzjon hi riservata lill-Patrijarka:

Meta ċ-ċelebrazzjoni tal-Konfermazzjoni ssir għaliha u mhux mal-Magħmudija, kif hi d-drawwa fir-rit Ruman, il-Liturġija tas-sagrament tibda bit-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija u bl-istqarrija tal-fidi ta’ dawk li se jirċievu s-sagrament. Dan juri b’mod b’mod ċar li l-Konfermazzjoni postha hu wara l-Magħmudija. Meta wieħed adult jitgħammed, jirċievi minnufih l-Konfermazzjoni u jieħu sehem mill-Ewkaristija.

Fir-rit Ruman l-isqof jifrex idu fuq il-ġemgħa kollha ta’ dawk li se jirċievu s-sagrament, ġest li, sa minn żmien l-Appostli, hu sinjal ta’ l-għoti ta’ l-Ispirtu s-Santu, u jitlob li jingħata l-Ispirtu s-Santu:

“O Alla li tista’ kollox, Missier Sidna Ġesù Kristu, int tajt twelid ġdid lil dawn il-qaddejja tiegħek mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu u ħlisthom minn dnubiethom; ibgħat fuqhom, Mulej, l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur; agħtihom l-ispirtu ta’ l-għerf u d-dehen, l-Ispirtu ta’ l-għaqal u l-qawwa, l-Ispirtu tax-xjenza u l-pjetà; imliehom bl-Ispirtu tal-biża’ tiegħek. Bi Kristu Sidna.”

Jiġi mbagħad ir-rit essenzjali tas-sagrament. Fir-rit Latin “is-sagrament tal-Konfermazzjoni jingħata permezz tad-dlik biż-żejt tal-griżma fuq il-ġbin, magħmul bit-tqegħid ta’ l-id, waqt li jingħad il-kliem: “Ħu s-siġill tad-don ta’ l-Ispirtu s-Santu’”. Fil-Knejjes tal-Lvant ta’ rit Biżantin wara t-talba ta’ l-epiklesi, isir id-dlik biż-żejt ikkonsagrat tal-partijiet l-aktar importanti tal-ġisem: il-ġbin, l-għajnejn, l-imnifsejn, il-widnejn, ix-xufftejn, iż-żaqq, id-dahar, l-idejn u s-saqajn u kull dilka hi msieħba mal-kliem: (is-siġill tad-don ta’ l-Ispirtu s-Santu).

Il-bewsa tal-paċi li biha tagħlaq iċ-ċelebrazzjoni tfisser u turi l-għaqda fil-Knisja ma’ l-isqof u ma’ l-insara kollha. F’Malta, l-Isqof jieħu b’idejn dawk li jirċievu s-sagrament.

Fiċ-ċelebrazzjoni jidher ċar li l-effett tas-Sagrament tal-Konfermazzjoni hu għoti speċjali ta’ l-Ispirtu s-Santu, kif darba ngħata lill-Appostli nhar Għid il-Ħamsin.   Il-Konfermazzjoni twassal biex il-grazzja tal-Magħmudija tiżdied u tissaħħaħ aktar u tidħol aktar fil-fond:

—  tniżżel fina aktar fil-fond l-għeruq tagħna, bħala wlied Alla, biex  dejjem aktar inkunu nistgħu nsejħu lil Alla ‘Abba! Missier!’

—  tgħaqqadna b’mod aktar sħiħ ma’ Kristu;

—  tkattar fina d-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu;

  tagħmel aktar perfetta r-rabta tagħna mal-Knisja;

—  tagħtina “qawwa speċjali mill-Ispirtu s-Santu” biex “inxandru u niddefendu l-fidi bil-kliem u bl-għemil bħala veri xiehda ta’ Kristu”, biex “bil-kuraġġ kollu nistqarru l-isem ta’ Kristu”, u biex qatt ma nistħu mis-salib tiegħu.

Bħall-Magħmudija, li tagħha hi s-sħuħija, il-Konfermazzjoni tista’ tittieħed darba biss. Dan għaliex il-konfermazzjoni tħalli fir-ruħ marka spiritwali li ma titħassar qatt, “il-karattru” li hu s-sinjal li Ġesù Kristu mmarka n-nisrani bis-siġill ta’ l-Ispirtu tiegħu u libbsu b’qawwa mis-sema ħa jkun xhud tiegħu .

Il-“karattru” jagħmel aktar perfett is-saċerdozju komuni ta’ l-insara, li ngħata fil-Magħmudija, u dak li jkun irċieva s-sagrament tal-Konfermazzjoni jkollu l-qawwa li jistqarr il-fidi ta’ Kristu quddiem id-dinja, bħallikieku dan kien dmir l-uffiċċju tiegħu.

L-imgħammdin kollha li ma jkunux irċevew is-sagrament tal-Konfermazzjoni jistgħu u għandhom jirċievu dan is-sagrament.  Il-Magħmudija, il-Konfermazzjoni u l-Ewkaristija flimkien jagħmlu għaqda bejniethom, għalhekk “il-fidili huma obbligati jirċievu dan is-sagrament f’waqtu”.

Għal bosta sekli, id-drawwa Latina qieset “l-età tar-raġuni” bħala ż-żmien li fih għandha tingħata l-Konfermazzjoni. F’periklu ta’ mewt, is-sagrament għandu jingħata ukoll jekk wieħed ma jkunx għadu wasal fl-età tar-raġuni.

 

It-tħejjija għall-Konfermazzjoni trid tfittex li twassal lin-nisrani għall-għaqda aktar intima ma’ Kristu, għall-familjarità aktar ħajja ma’ l-Ispirtu s-Santu, mal-ħidma, id-doni u s-sejħat tiegħu, biex wieħed ikun jista’ aktar jidħol għar-responsabbiltajiet appostoliċi tal-ħajja nisranija. Min jirċievi s-sagrament tal-Konfermazzjoni jrid ikun fil-grazzja ta’ Alla; jaqbel għalhekk li jfittex is-sagrament tal-Penitenza biex jissaffa min dnubietu ħa jirċievi d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Għall-Konfermazzjoni, il-kandidati għandhom ifittxu li jkollhom l-għajnuna spiritwali ta’parrinu jew ta’ parrina, l-istess bħalma jiġri fil-Magħmudija. Jaqbel li dawn ikunu dawk stess tal-Magħmudija biex tidher ċara r-rabta li hemm iż-żewġ sagramenti.

Fir-rit Latin, il-ministru ordinarju hu l-Isqof. Meta jkun meħtieġ, l-Isqof jista’ jagħti lil xi saċerdoti l-fakultà li jamministraw is-Sagrament tal-Konfermazzjoni. Iżda dejjem jixraq, u dan minħabba t-tifsir stess taċ-ċelebrazzjoni, li jkun l-Isqof li jagħti dan is-Sagrament, għax ma għandux jinsa li ċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tal-Konfermazzjoni nfirdet minn dik tal-Magħmudija proprju biex ikun l-isqof li jamministraha. L-isqfijiet huma s-suċċessuri ta’ l-Appostli, huma rċevew il-milja tas-sagrament ta’ l-Ordni. L-amministrazzjoni tas-sagrament tal-Konfermazzjoni mill-isqof turi sewwa li l-effett tas-sagrament hu li jgħaqqad lil dawk li jirċevuh b’rabta aktar qawwija mal-Knisja, mal-bidu tagħha mill-Appostli u mal-missjoni tagħha li tagħti xhieda għal Kristu.   

Jekk nisrani hu fil-periklu tal-mewt, kull saċerdot jista’ jagħtih is-sagrament tal-Konfermazzjoni.  Dan għaliex il-Knisja trid li ebda wieħed minn uliedha, ukoll jekk l-iċken, joħroġ minn din id-dinja mingħajr ma jkun laħaq il-perfezzjoni permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu bid-don tal-milja ta’ Kristu.