IS-SAGRAMENTI AZZJONIJIET TAL-KNISJA

Is-sagramenti huma sinjali li jagħtu tassew il-grazzja, istitwiti minn Kristu u fdati lill-Knisja, li bihom tingħatalna l-ħajja ta’ Alla.

Il-ħajja liturġika kollha tal-Knisja ddur madwar is-Sagrifiċċju ewkaristiku u s-sagramenti. Fil-Knisja hemm seba’ sagramenti: Magħmudija, Griżma jew Konfermazzjoni, Ewkaristija, Penitenza, Dlik tal-Morda, Ordni, Żwieġ.

I. Is-sagramenti huma ta’ Kristu

Aħna nistqarru li s-sagramenti tal-Liġi l-Ġdida għamilhom kollha Sidna Ġesù Kristu. Il-kliem u l-għemil ta’ Ġesù tul il-ħajja moħbija tiegħu u tul il-ministeru pubbliku tiegħu kienu ġa jagħtu s-salvazzjoni. Wrew minn qabel il-qawwa tal-Misteru tiegħu ta’ l-Għid. Ħabbru u ħejjew dak li kien se jagħti lill-Knisja wara li kollox ikun mitmum. Il-misteri tal-ħajja ta’ Kristu huma l-pedament ta’ dak li issa Kristu, permezz tal-ministri tal-Knisja, jagħti fis-sagramenti, għaliex dak li kien jidher fil-ħajja tas-Salvatur tagħna għadda fil-misteri tiegħu. Ġesù għamel il-mirakli biex juri li bis-saħħa tiegħu, il-bnedmin setgħu jakwistaw il-ħajja ta’ ulied Alla li huma tilfu permezz tad-dnub, u li issa nistgħu nakwistaw permezz tas-sagramenti.

II.Is-sagramenti huma tal-Knisja

Permezz ta’ l-Ispirt, il-Knisja għarfet it-teżor li rċeviet minn għand Kristu u wriet sewwa kif kellu “jitqassam”. Hekk il-Knisja, tul iż-żminijiet, għarfet li fost iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tagħha hemm seba’ ċelebrazzjonijiet li huma, fis-sens proprju tal-kelma, sagramenti istitwiti mill-Mulej.

Is-sagramenti huma “tal-Knisja”, kemm għaliex huma jsiru “permezz tal-Knisja” u kemm għaliex huma jsiru “għall-Knisja”. Huma “permezz tal-Knisja” għaliex hi s-sagrament tal-ħidma ta’ Kristu li jaħdem fiha permezz tal-missjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu. Huma “għall-Knisja” għaliex huma dawn is-sagramenti li jagħmlu l-Knisja, għaliex juru u jagħtu lill-bnedmin, l-aktar fl-Ewkaristija, il-Misteru ta’ l-għaqda ma’ Alla li hu Mħabba.

Il-Knisja, li ma’ Kristu r-Ras tagħmel persuna waħda mistika, taħdem fis-sagramenti bħala komunità. Permezz tal-Magħmudija u l-Konfermazzjoni jew Griżma l-poplu jikseb il-ħila li jiċċelebra l-Liturġija.

Bis-saħħa tal-Magħmudija, aħna nipparteċipaw fil-missjoni ta’ Kristu bħala saċerdot, profeta u sultan. Is-“saċerdozju’ li nieħdu fil-Magħmudija, jew saċerdozju batteżimali jagħtina il-grazzja li nissieħbu mal-Knisja, u mar-Ras tagħha li hu Kristu stess, fil-qima lejn il-Missier.

Il-missjoni ta’ salvazzjoni li l-Missier ried jafda lil Ibnu magħmul bniedem, ġiet fdata lill-Appostli u minn għandhom għaddiet għand is-suċċessuri tagħhom: dawn jirċievu l-Ispirtu ta’ Ġesù biex dak li jagħmlu, jagħmluh f’ismu. Għalhekk il-ministru li jkun ordnat bħala qassis jorbot sagramentalment l-għemil liturġiku ma’ dak li qal u għamel Kristu, bidu u pedament tas-sagramenti.

It-tliet sagramenti tal-Magħmudija, tal-Griżma jew Konfermazzjoni u ta’ l-Ordni, barra l-grazzja, jagħtu wkoll karattru sagramentali jew “siġill” li bih in-nisrani jkollu sehem fis-saċerdozju ta’ Kristu u jagħmel parti mill-Knisja skond qagħdiet u uffiċċji diversi. Dan ix-xebh ma’ Kristu u mal-Knisja, li jiġi permezz ta’ l-Ispirtu, ma jitħassar qatt: jibqa’ dejjem fin-nisrani bħala dispożizzjoni tajba għall-grazzja, bħala wegħda u garanzija tal-ħarsien ta’ Alla, u bħala sejħa għall-qima ta’ Alla u għall-qadi tal-Knisja. Għalhekk dawn it-tliet sagramenti ma jistgħux jingħataw aktar minn darba.

 

III. Is-sagramenti huma atti tal-Fidi

Kristu bagħat l-Appostli biex “l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha” . Jagħmlu “dixxipli mill-ġnus kollha u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu”. Il-missjoni li tgħammed, li għalhekk hi missjoni sagramentali, hi marbuta mal-missjoni ta’ l-evanġelizzazzjoni, għax is-sagrament tal-Magħmudija jitħejja permezz tal-Kelma ta’ Alla u permezz tal-fidi, li hi l-kunsens għall-Kelma ta’ Alla.

Is-sagramenti għandhom bħala għan li jqaddsu l-bnedmin, li jibnu l-Ġisem ta’ Kristu, u, fl-aħħarnett, li tingħata qima lil Alla; iżda bħala sinjali, is-sagramenti jgħallmu wkoll. Mhux biss jissopponu l-fidi, imma permezz tal-Kelma u ta’ l-elementi ritwali jmantnuha, isaħħuha, jfissruha, u għalhekk jissejħu sagramenti tal-fidi.

Il-fidi tal-Knisja tiġi qabel il-fidi tan-nisrani li hu mistieden biex iħaddanha. Meta l-Knisja tiċċelebra s-sagramenti, hi tistqarr il-fidi li rċeviet mill-Appostli. Minn hawn il-qawl antik: “Il-liġi tat-talb hi l-liġi tal-fidi”, il-Knisja temmen kif titlob. Il-Liturġija hi element kostituttiv tat-Tradizzjoni qaddisa u ħajja.

Minħabba f’hekk ebda rit sagramentali ma jista’ jiġi mibdul u mdawwar skond ma jfittillu l-ministru jew ma jfittilha l-komunità. Lanqas l-ogħla awtorità tal-Knisja ma tista’ tbiddel il-Liturġija kif jiftlilha, imma tista’ tbiddilha biss skond l-ubbidjenza tal-fidi u b’rispett reliġjuż sħiħ għall-misteru tal-Liturġija.

 

IV.Is-sagramenti mezzi ta’ Salvazzjoni

Ir-riti li naraw, riti li bihom jiġu ċċelebrati s-sagramenti, ifissru u jagħtu l-grazzji proprji għal kull sagrament. Jagħmlu l-frott f’dawk li jirċevuhom bid-dispożizzjonijiet meħtieġa.

Is-sagramenti, meta jiġu ċċelebrati b’mod xieraq bil-fidi, jagħtu l-grazzja li jfissru. Huma effikaċi għax fihom Kristu nnifsu jkun jaħdem: hu li jgħammed, hu li jaħdem fis-sagramenti tiegħu biex jagħti l-grazzja mfissra mis-sagrament. Il-Missier dejjem jilqa’ t-talba tal-Knisja ta’ Ibnu, li f’ kull sagrament, tfisser il-fidi tagħha fil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Dan ifisser dak li tgħid il-Knisja: li s-sagramenti jaħdmu ex opere operato (letteralment “mill-fatt stess li qiegħed isir għemil”), jiġifieri bis-saħħa tal-ħidma għas-salvazzjoni ta’ Kristu, ħidma li saret darba għal dejjem. Għalhekk, il-qawwa tas-sagrament ma tiddependix mill-ministru, jew saċerdot li jiċċelebrah, imma mill-fatt li jkun qiegħed jiġi ċelebrat sagrament. (eżempju: jekk inqerr għand qassis qaddis, dnubieti jinħafru daqskemm jinħafru meta nqerr għand qassis midneb bħali)

Minn dan jiġi li s-sagrament ma jseħħx permezz tal-qdusija tal-bniedem li jagħti s-sagrament jew jirċevih, iżda bil-qawwa ta’ Alla. Sakemm sagrament hu ċċelebrat skond il-fehma tal-Knisja, is-setgħa ta’ Kristu u ta’ l-Ispirtu tiegħu jaħdmu fih u permezz tiegħu, tkun xi tkun il-qdusija personali tal-ministru. Iżda l-frott tas-sagramenti jiddependi ukoll mid-diżposizzjonijiet ta’ min jirċevihom. Din tagħmel id-differenza. (Eżempju: meta nitqarrben b’dispożizzjoni, devozzjoni u preparazzjoni, it-tqarbin iħalli frott fija aktar minn meta nitqarben b’mod indifferenti.)

Il-Knisja tgħallem li s-sagramenti tal-Patt il-Ġdid huma meħtieġa għas-salvazzjoni. Il-“grazzja sagramentali” hi grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu mogħtija minn Kristu, u hi proprja ta’ kull sagrament. L-Ispirtu jfejjaq u jġedded lil dawk li jirċievu s-sagramenti u jagħmilhom xebh ma’ Bin Alla. Il-frott tal-ħajja sagramentali hu li l-Ispirtu jagħtina il-ħajja ta’ ulied adottivi ta’ Alla u jgħaqqadna aktar qrib miegħu.

 

V. Is-sagramenti huma r-rahan tal-ħajja ta’ dejjem

Il-Knisja tiċċelebra l-Misteru ta’ Sidna “sa meta jerġa’ jiġi”. Sa minn żmien l-Appostli, fil-Liturġija il-Knisja kienet u għadda tħejjina għall-jum li fih ser niltaqgħu mal-Mulej Ġesù fil-glorja. Fis-sagramenti ta’ Kristu l-Knisja ġa għandha r-rahan ta’ wirtha, hi ġa msieħba fil-ħajja ta’ dejjem, “tistenna t-tama hienja u d-dehra tas-sebħ tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu”. San Tumas jiġbor fil-qasir b’dan il-mod id-dimensjonijiet differenti tas-sinjal tas-sagrament – “Mela s-sagrament hu sinjal li jfakkar dak li għadda, jiġifieri l-passjoni ta’ Kristu; sinjal li juri dak li jseħħ fina permezz tal-passjoni ta’ Kristu, jiġifieri l-grazzja; u sinjal li jħabbar dak li għad irid jiġi, jiġifieri l-glorja ta’ dejjem”.

Il-frott tal-ħajja sagramentali hu fl-istess waqt personali u ekklesjali (bħala Knisja). Min-naħa l-waħda l-frott tas-sagramenti hu għal kull nisrani t-triq lejn Alla fi Kristu Ġesù, u min-naħa l-oħra hu għall-Knisja kobor fl-imħabba u fil-missjoni tagħha ta’ xhieda.