IR-RIVELAZZJONI, L-ISKRITTURA U T-TRADIZZJONI

 

Fit-tieba kbira tiegħu, Alla ried juri lilu nnifsu u r-rieda tiegħu lill-bnedmin. Dan it-tagħrif dwar Alla u r-rieda tiegħu insejħulu Rivelazzjoni. (mill-kelma latina Rivelare li tfisser “turi” jew “tikxef”)

Il-fakultajiet li għandu l-bniedem jagħmluh kapaċi jagħraf l-eżistenza ta’ Alla personali. Iżda biex il-bniedem ikun jista’ jkollu relazzjoni ta’ intimità ma’ Alla, Alla ried juri lilu nnifsu lill-bniedem u jagħti lill-bniedem il-grazzja li jkun jista’ jilqa’ din ir-rivelazzjoni fil-fidi. Madankollu, il-provi ta’ l-eżistenza ta’ Alla jistgħu jħejju għall-fidi u jgħinu biex wieħed jara li l-fidi m’hijiex kontra r-raġuni tal-bniedem.

Il-Konċilju Vatikan II, fil-Kostituzjoni Dei Verbum dwar ir-Rivelazzjoni jgħid, “Fl-għerf u t-tjieba tiegħu Alla għoġbu juri lilu nnifsu personalment u jgħarraf il-misteru tar-rieda tiegħu, li bih il-bnedmin, b’Ġesù Kristu, il-Verb magħmul bniedem, ikollhom id-dħul għand il-Missier, fl-Ispirtu s-Santu u jissieħbu fin-natura ta’ Alla”.(Dei Verbum 2)

Alla, li jgħammar “f’dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh” (1Tim 6,16), irid jagħti l-istess ħajja divina lill-bnedmin li hu ħalaq minn rajh, biex, f’Ibnu l-waħdieni, jagħmilhom ulied adottivi tiegħu (ara Ef 1,4-5). Huwa u juri lilu nnifsu, Alla ried jagħti lill-bnedmin il-ħila li jweġbuh, jagħrfuh u jħobbuh wisq aktar milli kieku kellhom joqogħdu fuq il-ħila tagħhom stess.

Il-pjan ta’ Alla tar-rivelazzjoni seħħ fl-istess ħin “bl-għemil u bil-kliem, marbutin bejniethom b’rabta sħiħa, u jfissru ‘l xulxin”. Il-pjan għandu “pedagoġija divina” partikulari: Alla juri lilu nnifsu ftit ftit lill-bniedem, iħejjih pass wara l-ieħor biex jilqa’ r-Rivelazzjoni sopranaturali li hu stess jirrvelalu u li tilħaq il-milja tagħha fil-Persuna u l-missjoni tal-Verb magħmul bniedem, Ġesù Kristu.

Din ir-Rivelazzjoni ma waqfitx mad-dnub tal-ewwel bnedmin. Alla, “wara l-waqgħa tagħhom, wegħedhom il-fidwa, qawwielhom qalbhom bit-tama tas-salvazzjoni; baqa’ dejjem jieħu ħsieb il-familja kollha tal-bnedmin, biex jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk kollha li jfittxu s-salvazzjoni u jipperseveraw sa l-aħħar fl-għemil it-tajjeb”.

 Biex jiġbor l-umanità mxerrda, Alla għażel ‘l Abram u sejjaħlu biex jitlaq “minn artu, minn art twelidu, minn dar missieru” biex jagħmel minnu Abraham, jiġifieri “missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus” Jitbierku fik il-ġnus kollha ta’ l-art”

Il-poplu li tnissel minn Abraham ikun dak li fih tinżamm bla mittiefsa l-wegħda magħmula lill-patrijarki, il-poplu magħżul imsejjaħ biex iħejji l-ġemgħa ta’ l-ulied kollha ta’ Alla minn kull ġens u lsien fl-għaqda tal-Knisja.

Wara l-patrijarki, Alla sawwar lil Israel bħala l-poplu tiegħu, meta ħelsu mill-jasar tal-Eġittu. Għamel miegħu l-Patt tas-Sinaj u, permezz ta’ Mosè, tah il-Liġi, biex jagħrfu u jaqdih bħala Alla wieħed, ħaj u veru, Missier li jipprovdi, u mħallef ġust, u biex jistenna s-Salvatur imwiegħed.

Israel hu l-poplu li lilu qabel kulħadd waslet il-Kelma ta’ Alla, il-poplu ta’ l-aħwa l-kbar tagħna l-insara fil-fidi ta’ Abraham.

Bil-profeti, Alla jsawwar il-poplu tiegħu fit-tama tas-salvazzjoni, jistenna Patt ġdid u għal dejjem mal-bnedmin kollha patt li jinkiteb fi qlubhom Il-profeti ħabbru fidwa radikali tal-Poplu ta’ Alla: it-tisfija mill-infedeltajiet kollha tagħhom, salvazzjoni li tħaddan in-nazzjonijiet kollha. L-aktar li jkollhom din it-tama jkunu l-foqra u ċ-ċkejknin tal-Mulej In-nisa qaddisa bħal Sara, Rebekka, Rakel, Mirjam, Debora, Anna, żammew ħajja f’Israel din it-tama ta’ salvazzjoni. Marija hi xbieha perfetta ta’ dan.

Naqraw fl-Ittra lil-Lhud, “Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti. Issa, f’dan l-aħħar żmien huwa kellimna permezz ta’ Ibnu” (Lh 1,1-2). Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem hu l-Kelma tal-Missier. Fih fi Kristu, il-Missier qal kollox, u mhux se jkun hemm Kelma oħra barra minnha. Għalhekk nemmnu li fi Kristu tinsab il-milja tar-Rivelazzjoni. Min jara lili jara lil Missieri. Fi Kristu sirna nafu lill-Missier.

M’għandniex nistennew ebda rivelazzjoni pubblika ġdida f’dan iż-żmien qabel id-dehra glorjuża ta’ Sidna Ġesù Kristu fl-aħħar tad-dinja. Iżda, għalkemm ir-Rivelazzjoni ntemmet, għad ma ħarigx beraħ għal kollox kull ma fiha. Hi l-fidi nisranija li trid tifhem u tara, bil-mod il-mod tul iż-żminijiet, kull ma fiha r-Rivelazzjoni.

Jista’ jkun hemm dawk li nsejħulhom rivelazzjonijiet privati meta Il-Mulej stess, jew permezz tal-Madonna, l-anġli jew il-qaddisin tiegħu jagħti xi tagħrif lil xi bnedmin. Dawn ma jżidu xejn mar-Rivelazzjoni  Divina, ma jistgħux ivarjaw minnha, u ma jorbtux lin-nisrani biex jaċċettahom.

Alla rrivela lilu nnifsu b’mod sħiħ meta bagħat lil Ibnu stess, u fih waqqaf Patt li jibqa’ għal dejjem. Hu l-aħħar Kelma tal-Missier, hekk li mhux se jkun hemm Rivelazzjoni oħra warajh.

Alla jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità, (1 Tim 2,4), jiġifieri dik ta’ Kristu Ġesù Jeħtieġ mela li Kristu jitħabbar lill-popli kollha u lill-bnedmin kollha biex b’hekk ir-Rivelazzjoni tasal sa truf l-art.

Il-Mulej Ġesù, ikkmanda lill-Appostli tiegħu biex iħabbruh lil kulħadd bħala l-għajn tas-salvazzjoni u bħala regola sħiħa ta’ mġiba tajba.

Ix-xandir tal-Evanġelju, skond l-ordni tal-Mulej, seħħ f’żewġ manjieri:

Bil-fomm mill-Appostli li, bil-predikazzjoni tagħhom bil-fomm, wasslu, permezz ta’ eżempji u ta’ istituzzjonijiet, kemm dak li tgħallmu minn fomm Kristu huma u jgħixu miegħu u jaraw għemilu, u kemm dak li nebbaħhom bih l-Ispirtu s-Santu.

Bil-Kitba mill-istess Appostli u minn nies ta’ madwarhom, li, imnebbħin mill-Ispirtu s-Santu, ħallew miktuba l-Baxara t-tajba tas-salvazzjoni.

Biex l-Evanġelju jibqa’ dejjem bla mittiefes u ħaj fil-Knisja, l-Appostli ħallew bħala suċċessuri tagħhom lill-Isqfijiet, u ħallewlhom l-istess dmir tagħhom li jgħallmu.  Fil-fatt, il-predikazzjoni ta’ l-Appostli, li b’mod speċjali, tinsab imfissra fil-kotba ispirati, kellha tinżamm sħiħa sa l-aħħar taż-żmien permezz ta’ suċċessjoni li ma tiġi nieqsa  qatt.

Din it-trasmissjoni ħajja, imwettqa mill-Ispirtu s-Santu, tissejjaħ Tradizzjoni biex tingħażel mill-Iskrittura Mqaddsa, għalkemm għandha rabta liema bħalha magħha. Bit-Tradizzjoni “il-Knisja, fid-duttrina tagħha fil-ħajja u fil-kult tagħha tkompli tul iż-żminijiet u twassal lil kull ġenerazzjoni dak kollu li hija hu u dak kollu li temmen.  “It-tagħlim ta’ Missirijiet il-Knisja jixhed il-preżenza ħajja ta’ din it-Tradizzjoni, u l-għana kollu tagħha jgħaddi u jissawwab fil-ħajja u l-ħidma tal-Knisja li temmen u titlob

L-Iskrittura Mqaddsa hi l-Kelma ta’ Alla miktuba bl-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu.

It-Tradizzjoni Mqaddsa mbagħad tgħaddi l-Kelma ta’ Alla, fdata lill-Appostli minn Kristu l-Mulej u mill-Ispirtu s-Santu, u twassalha sħiħa u bla mittiefsa lis-suċċessuri tagħhom, biex, imdawwlin mill-Ispirtu tal-Verità, huma u jippridkawha, iħarsuha, ifissruha u jxandruha bil-fedeltà kollha.

Minn dan jiġi li l-Knisja, li lilha ġiet fdata t-trasmissjoni u l-interpretazzjoni tar-Rivelazzjoni, “ma tiksibx iċ-ċertezza tagħha dwar kull ma ġie rrivelat mill-Iskrittura Mqaddsa biss. Għalhekk kemm it-Tradizzjoni u kemm l-Iskrittura  Mqaddsa għandhom jiġu milqugħin u miqjuma bl-istess sentimenti ta’ tjieba u ta’ qima.

Id-dmir tat-tifsir b’mod awtentiku tal-Kelma ta’ Alla, miktuba jew trasmessa ġie fdat biss lill-Maġisteru ħaj tal-Knisja”, jiġifieri lill-isqfijiet li huma f’għaqda mas-suċċessur ta’ San Pietru, l-isqof ta’ Ruma.

Għalhekk dan il-Maġisteru mhux aqwa mill-Kelma ta’ Alla imma hu għall-qadi tagħha, billi jgħallem dak biss li ġie trasmess, għaliex b’ordni ta’ Alla u bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, irid jisma’ din il-Kelma bi tjieba, iħarisha bi qdusija u jfissirha b’fedeltà sħiħa, u minn dan id-depożitu waħdieni tal-fidi irid jieħu dak kollu li jipproponi biex jitwemmen bħala rivelat minn Alla.

L-Insara li jiftakru fi kliem Kristu lill-Appostli: “Min jisma’ lilkom, ikun jisma’ lili” (Lq 10,16), jilqgħu t-tagħlim u d-direttivi li jagħtuhom ir-Ragħajja tagħhom.

Il-Maġisteru tal-Knisja jħaddem għal kollox l-awtorità li għandu minn Kristu, meta jiddefinixxi xi dommi tal-fidi, jiġifieri meta jipproponi b’sura li torbot il-poplu nisrani b’rabta ta’ fidi li ma jistax jerġa’ lura minnha, xi veritajiet li jinsabu fir-rivelazzjoni jew meta wkoll jipproponi b’mod definittiv xi veritajiet li għandhom rabta neċessarja magħhom.

Biex nikkonkludu

It-Tradizzjoni Mqaddsa u l-Iskrittura Mqaddsa jagħmlu depożitu qaddis waħdieni tal-Kelma ta’ Alla”, u fih, qisu f’mera, il-Knisja, fil-mixi tagħha, tikkontempla ‘l Alla, bidu ta’ l-għana kollu tagħha.

“Fid-duttrina tagħha, fil-ħajja u fil-kult tagħha, il-Knisja tkompli tul iż-żminijiet u twassal lil kull ġenerazzjoni dak kollu li hija hi u dak kollu li temmen”.

Bis-sens sopranaturali tal-fidi, il-Poplu ta’ Alla kollu kemm hu ma jieqaf qatt jilqa’ d-don tar-Rivelazzjoni ta’ Alla, jidħol fiha dejjem aktar fil-fond, u jgħixha dejjem aktar.

Id-dmir tat-tifsir b’mod awtentiku tal-Kelma ta’ Alla ġie fdat biss lill-Maġisteru tal-Knisja, lill-Papa u lill-Isqfijiet f’għaqda miegħu.

 

Aktar dwar ir-Rivelazzjoni ...