FIDI, RAĠUNI, RIVELAZZJONI

Ir-Raġuni

Ix-xewqa ta’ Alla hi mnaqqxa f’qalb il-bniedem, għax il-bniedem inħalaq minn Alla u għal Alla; Alla ma jieqaf qatt jiġbed il-bniedem lejh, u f’Alla biss il-bniedem isib il-verità u l-hena li qatt ma jieqaf ifittex.

Il-bnedmin, fil-ġrajja tagħhom, sa llum, b’ħafna manjieri, fissru t-tfittix tagħhom ta’ Alla permezz tat-twemmin u l-imġiba reliġjuża tagħhom (talb, sagrifiċċji, kult, meditazzjonijiet, u l-bqija). Minkejja li dawn mhux dejjem ifissru l-istess ħaġa, huma hekk universali, li nistgħu ngħidu li l-bniedem huwa esseri reliġjuż.

Iżda din ir-rabta intima tal-bniedem ma’ Alla tista’ tintesa, ma tiġix magħrufa, u wkoll tkun imwarrba expliċitament mill-bniedem. Qagħdiet bħal dawn jistgħu jiġu minn kawżi differenti

Alla ma jieqaf qatt isejjaħ lil kull bniedem biex ifittxu ħa jgħix u jsib il-ġid. Iżda t-tfittix ta’ Alla jitlob mill-bniedem l-isforz kollu ta’ l-intelliġenza u r-rieda tajba tiegħu, “qalb retta”, flimkien max-xhieda ta’ oħrajn li jgħallmuh ifittex lil Alla.

Il-bniedem, maħluq xbieha ta’ Alla, imsejjaħ biex jagħraf u jħobb lil Alla, meta jiġi biex ifittex lil Alla, isib li hemm xi “triqat” li jwassluh għall-għarfien ta’ Alla. Dawn it-“triqat” jissejħu “provi ta’ l-eżistenza ta’ Alla,” provi mhux fis-sens tal-provi li jitolbu x-xjenzi naturali, imma provi fis-sens ta’ “argumenti konverġenti u konvinċenti” li jwasslu biex wieħed ikun tassew ċert mill-ħaġa.

Dawn it-“triqat” li bihom nersqu lejn Alla għandhom il-bidu tagħhom fil-ħolqien: id-dinja materjali u l-persuna tal-bniedem.

Id-dinja. Meta nqisu l-bidla li kollox jgħaddi minnha, meta naraw kif kull ħaġa tiżviluppa, u kif kollox fid-dinja għandu l-bidu u t-tmiem tiegħu, meta nqisu l-ordni li hawn fid-dinja u l-ġmiel tad-dinja, nistgħu naslu biex nagħrfu lil Alla bħala l-bidu u t-tmiem tal-univers kollu.

Il-bniedem. Il-bniedem, għax hu miftuħ għall-verita’ u għall-ġmiel, għas-sens li għandu ta’ dak li hu moralment tajjeb, bil-libertà u b’leħen il-kuxjenza tiegħu, bil-ħerqa tiegħu għal dak li hu infinit u għall-hena, il-bniedem jasal biex jistaqsi lilu nnifsu dwar l-eżistenza ta’ Alla. F’dan kollu jara sinjali tar-ruħ spiritwali tiegħu. Ruħu ma jistax ikollha l-bidu tagħha jekk mhux minn Alla biss.

Id-dinja u l-bniedem jixhdu li ma għandhomx fihom infushom la l-ewwel bidu tagħhom u lanqas t-tmiem aħħari tagħhom, imma jiġuhom minn Dak li hu fih innifsu bla bidu u bla tmiem. B’hekk, minn dawn “it-triqat” diversi, il-bniedem jista’ jasal għall-għarfien ta’ l-eżistenza ta’ realtà li hi l-ewwel bidu u t-tmiem aħħari ta’ kollox, realtà li kulħadd isejjaħ Alla.

Il-fakultajiet li għandu l-bniedem jagħmluh kapaċi jagħraf l-eżistenza ta’ Alla personali. Iżda biex il-bniedem ikun jista’ jkollu relazzjoni ta’ intimità ma’ Alla, Alla ried juri lilu nnifsu lill-bniedem u jagħti lill-bniedem il-grazzja li jkun jista’ jilqa’ din ir-rivelazzjoni fil-fidi. Madankollu, il-provi ta’ l-eżistenza ta’ Alla jistgħu jħejju għall-fidi u jgħinu biex wieħed jara li l-fidi m’hijiex kontra r-raġuni tal-bniedem.

Il-Knisja tgħallem li Alla jista’ jkun magħruf b’mod żgur bid-dawl naturali tar-raġuni tal-bniedem permezz tal-ħlejjaq. Mingħajr din il-ħila, il-bniedem ma jistax jilqa’ r-rivelazzjoni ta’ Alla. Il-bniedem għandu din il-ħila, għax maħluq xbieha ta’ Alla. Iżda minħabba l-kondizzjoni storika li fiha jinsab, il-bniedem isib ħafna diffikultajiet biex jagħraf ‘l Alla bid-dawl biss tar-raġuni tiegħu. Għalhekk li l-bniedem jeħtieġ ir-rivelazzjoni ta’ Alla, mhux biss dwar dak li hu ‘l fuq mill-intelligenza tiegħu, imma wkoll dwar dawk il-veritajiet reliġjużi u morali li  jistgħu jkunu magħrufin mir-raġuni tal-bniedem. Dan biex, fil-qagħda li fiha jinsab il-bniedem illum, ikun jista’ jasal biex isir jafhom bla ebda taħbit, u jkun żgur għal kollox minnhom u ħieles minn kull żball.

Meta l-Knisja tiddefendi l-ħila tar-raġuni tal-bniedem li tasal biex tagħraf lil Alla, tkun qiegħda turi l-fiduċja tagħha li tista’ tkellem lill-bnedmin kollha fuq Alla u titkellem magħhom dwar Alla. Fuq din il-konvinzjoni, il-Knisja tibni d-djalogu tagħha mar-reliġjonijiet l-oħra, mal-filosofija u max-xjenzi, u ma’ dawk ukoll li ma jemmnux jew jiċħdu lil Alla.

Il-bniedem, meta jisma’ x’jgħidulu l-ħlejjaq u x’jgħidlu leħen il-kuxjenza tiegħu, jista’ jasal biex ikun żgur dwar l-eżistenza ta’ Alla, bidu u tmiem ta’ kollox. Il-Knisja tgħallem li Alla hu wieħed u veru, ħallieq u Sid tagħna, u aħna nistgħu nagħrfuh b’mod żgur permezz ta’ l-għemejjel tiegħu, bid-dawl naturali tar-raġuni tagħna l-bnedmin. Nistgħu nitkellmu tassew fuq Alla, jekk nitilqu mill-ħafna perfezzjonijiet tal-ħlejjaq tiegħu, xbihat ta’ Alla ta’ perfezzjoni bla qjies, għalkemm kliemna hu limitat u ma jasal qatt biex ifisser għal kollox il-misteru ta’ Alla.

Bir-raġuni naturali tiegħu, il-bniedem jista’ żgur jagħraf ‘l Alla permezz ta’ l-għemejjel tiegħu. Iżda hemm ordni ieħor ta’ għarfien, li l-bniedem bl-ebda mod ma jista’ jasal għalih bil-forzi tiegħu biss, l-ordni tar-Rivelazzjoni Divina.  Għax irid Hu, Alla juri lilu nnifsu lill-bniedem. Dan jagħmlu billi juri x’inhu l-misteru tiegħu, il-pjan kollu mħabba mfassal qabel kull żmien fi Kristu, favur il-bnedmin kollha. Wera l-pjan fil-milja kollha tiegħu, meta bagħtilna ‘l Ibnu Ġesù Kristu, u meta bagħtilna l-Ispirtu s-Santu.

Il-motiv li jġiegħel ‘il wieħed jemmen mhux il-fatt li l-veritajiet rivelati jidhru bħala veri u jistgħu jiftehmu fid-dawl tar-raġuni naturali tagħna. Aħna nemmnu fuq l-awtorità ta’ Alla li jirrivelalna l-veritajiet tiegħu u li la jista’ jqarraq u lanqas jitqarraq. Iżda biex il-fidi tagħna tkun taqbel mar-raġuni, Alla ried li, ma’ l-għajnuna interna ta’ l-Ispirtu s-Santu, ikun hemm provi esterni tar-Rivelazzjoni.  B’dan il-mod il-mirakli ta’ Kristu, il-profeziji, il-ħajja tal-qaddisin fil-Knisja, il-fatt li dejjem aktar qiegħda tinxtered fid-dinja u tiżdied fil-għadd u l-fatt li qatt ma tiġi nieqsa, minkejja tant persekuzzjoni u tfixkil minn ġewwa; dawn huma kollha sinjali żguri tar-Rivelazzjoni, sinjali adatti għall-intelliġenza ta’ kulħadd u motivi ta’ kredibiltà li juru illi l-aċċettazzjoni tal-fidi bl-ebda mod ma hu aġir fl-għama tal-bniedem.

Veru, li l-veritajiet rivelati jistgħu jidhru oskuri skond ir-raġuni u l-esperjenza umana, iżda ċ-ċertezza li jagħti d-dawl ta’ Alla hi wisq aqwa miċ-ċertezza li tagħti r-raġuni naturali.  “Għaxart elef diffikultà ma jagħmlux dubju wieħed”, kiteb il-Beatu Henry Newman.

Fidi u xjenza  Għalkemm il-fidi hi aqwa mir-raġuni, ma jista’ qatt ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejniethom: għax hu l-istess Alla li jirrivela l-misteri u jagħti l-fidi u qiegħed id-dawl tar-raġuni fl-ispirtu tal-bniedem: Alla ma jistax jiċħad lilu nnifsu, u ma jista’ qatt ikun hemm kontradizzjoni f’dak li hu veru.  Hu għalhekk li r-riċerka metodika fl-oqsma kollha ta’ l-għerf, jekk issir b’mod verament xjentifiku u timxi skond normi morali, qatt ma se tkun tassew kontra l-fidi: għax kemm ir-realrajiet profani u kemm ir-realtajiet tal-fidi, it-tnejn ġejjin minn Alla. Anzi min iħabrek, b’perseveranza u umiltà biex jagħraf kull ma hu moħbi f’kull ħaġa, dan ukoll, mingħajr ma jintebaħ, ikun qiegħed jitmexxa minn id Alla, li jżomm sħiħa kull ħaġa u jagħmilha dak li hi.

Għalhekk li l-fidi twettaq u ddawwal ir-raġuni biex tifhem sewwa din il-verità.

Il-Fidi

Il-fidi hi att personali: hi t-tweġiba ħielsa tal-bniedem għall-inizjattiva ta’ Alla li jirrivela lilu nnifsu. Iżda l-fidi m’hijiex xi att iżolat. Ħadd ma jista’ jemmen waħdu kif ħadd ma jista’ jgħix waħdu. Ħadd ma ta l-fidi lilu nnifsu,  kif ħadd ma ta ħajtu lilu nnifsu. Min jemmen jirċievi l-fidi minn għand ħadd ieħor, u jrid jgħaddiha lill-oħrajn. L-imħabba tagħna għal Ġesù u għall-bnedmin ħutna jġġegħelna nitkellmu ma’ l-oħrajn fuq il-fidi tagħna. Kull wieħed li jemmen qisu ħolqa fil-katina kbira ta’ dawk li jemmnu. Jien ma nistax nemmen jekk ma nkunx megħjun mill-fidi ta’ l-oħrajn, u nagħti sehmi biex ngħin il-fidi ta’ l-oħrajn.

 “Jiena nemmen” (Kredu ta’ l-Appostli). Hi l-fidi tal-Knisja li jistqarr personalment kull min jemmen, prinċipalment fil-Magħmudija tiegħu. “Aħna nemmnu” (Kredu Nicea-Kostantinopli, skond il-versjoni Griega). Hi l-fidi tal-Knisja kif stqarrewha l-Isqfijiet f’Konċilju u, b’mod aktar ġenerali, kif tistqarrha l-ġemgħa liturġika ta’ dawk li jemmnu. “Jiena nemmen”. Hi l-Knisja Ommna wkoll li twieġeb bil-fidi tagħha lil Alla u tgħallimna ngħidu: “Jiena nemmen, aħna nemmnu”.

Biex tkun tixraq lill-bniedem it-tweġiba tal-fidi mogħtija mill-bniedem lil Alla trid issir b’rieda ħielsa; għalhekk ħadd ma jista’ jiġi mġiegħel iħaddan il-fidi jekk ma jridx. Min-natura tiegħu stess, l-att tal-fidi hu voluntarju.  Alla jsejjaħ lill-bnedmin biex jaqduh fl-ispirtu u l-verità; u din is-sejħa tobbligahom fil-kuxjenza imma ma tisforzahom bl-ebda mod.Dan deher fi grad mill-aktar għoli fi Kristu Ġesù.  Fil-fatt Kristu stieden lin-nies biex jemmnu u jikkonvertu, iżda qatt ma sforza lil ħadd. Ta xhieda għall-verità; iżda ma riedx jimponiha bil-forza fuq dawk li kienu jmeruh. Is-saltna tiegħu tikber bil-qawwa ta’ l-imħabba li biha Kristu, merfugħ fuq is-salib, jiġbed il-bnedmin kollha lejh.

Biex niksbu s-salvazzjoni, irridu nemmnu f’Ġesu’ Kristu u f’Dak li bagħat għas-salvazzjoni tagħna. Għax mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla u ma jistax jasal għall-kondizzjoni ta’ wlied Alla; ebda bniedem ma jista’ jkun ġustifikat mingħajr il-fidi u ebda bniedem ma jista’ jikseb il-ħajja ta’ dejjem jekk ma jżommx sħiħ sa l-aħħar fiha.

Il-fidi hi don jew rigal minn Alla. Dan ir-rigal Alla jagħtih lil bnedmin bla ma dawn għamdhom dritt għalih jew ħadmu għalih. Il-Knisja tgħallem li ebda bniedem ma jista jemmen, jittama, iħobb jew jindem mingħajr l-għajnuna ta’ Alla li tiġi qabel. Il-fidi m’hix xi ideal fil-moħħ jew fil-qalb tal-bniedem. Hi ħajja fl-opri tal-bniedem. Turi twemminek minn kif iġġib ruħek.L-imħabba u t-tama huma l-frott tal-fidi. Biex nibqgħu sħaħ fil-Fidi hemm bżonn li nisimgħu u naħsbu fuq il-Kelma ta’ Alla. San Pawl kiteb li l-Fidi tiġi mis-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla. Il-fidi tisaħħaħ bit-talb. Ma tistax temmen f’xi ħadd u ma tfittixx li tikkomunka miegħu,

Il-fidi spiss ngħixuha fid-dlam. Il-fidi tista’ tgħaddi minn prova. Id-dinja li fiha ngħixu spiss tidher bogħod ħafna minn dak li tiżgurana dwarha l-fidi: id-deni u t-tbatija, l-inġustizzji u l-mewt li nġarrbu qishom kontra dak li tgħidilna l-Bxara t-Tajba; jistgħu jfixklu l-fidi u jsiru ta’ tiġrib għaliha.

Għalhekk ikollna nduru lejn ix-xhieda tal-fidi: Abraham “meta ma kellu ebda tama.....ittama u emmen” kiteb San Pawl. Il-Verġni Marija, bil-fidi waslet sal-Kalvarju  meta ssieħbet fit-tbatijiet ta’ Binha. Ladarba aħna għandna wkoll madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda, ejjew inwarrbu minnha kull xkiel u dnub ta’ madwarna li jfixkluna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna: inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.

Il-fidi għandha tliet karatteristiċi. Hi grazzja minn Alla, don li il-bniedem ma jaħdimx għalih. Hi att tal-bniedem li jfittex, jistaqsi, jaħseb, u jiddeċiedi li jpoġġi it-tama tiegħu f’Alla u lilu jħobb u jaqdi. Il-fidi tofri ċertezza li ma titlob ebda prova, Kienet din iċ-ċertezza li minħabba fiha tant u tant insara mad-dinja koolha u f’kull żmien waslu biex taw ħajjithom bħala xhieda għal din il-fidi. Hi att liberu li ħadd ma jista’ jimponi fuq ħadd.

Mela, biex nikkonkludu, il-fidi, rigal li Alla ta b’xejn lill-bniedem, u li tinkiseb minn kull min jitlobhielu bl-umiltà, hu l-virtù sopranaturali meħtieġa biex insalvaw. L-att ta’ fidi huwa att uman, jiġifieri att tal-intelliġenza tal-bniedem li, taħt l-imbuttatura tal-volontà  mċaqilqa minn Alla, jagħti liberament il-kunsens tiegħu lill-verità divina. Il-fidi, barra minn hekk, hija ċerta, għax mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla; taħdem “permezz ta’ l-imħabba” (Gal 5,6); dejjem qed tikber, minħabba s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u tat-talb. Minn issa stess twassalna biex induqu l-ferħ tas-sema.

 

Aktar dwar il-Fidi ...

 

Natura tal-Fidi

Tobdi, fil-fidi ifisser toqgħod minn rajk b’mod ħieles għall-kelma li tisma, għaliex il-veritá tagħha hija garantita minn Alla li huwa l-Veritá fih innifsu.

Abraham huwa mudell li tagħtina l-Iskrittura Mqaddsa ta’ din l-ubbidejenza. 

Fil-Verġni Marija din l-ubbidjenza seħħet b’mod l-iktar perfett.

 

Il-Karatteristiċi tal-Fidi

Il-Fidi hi Grazzja – Il-fidi hi don ta’ Alla, il-virtú sopranaturali msawba fina minnu.  Anke biex jistqarr il-fidi il-bniedem għandu bżonn il-grazzja ta’ Alla.

Il-Fidi hi Att tal-Bniedem – Minkejja li hi don ta’ Alla, il-fidi hija wkoll att liberu tal-bniedem.  La jmur kontra l-libertà, la kontra l-intelliġenza u wisq anqas kontra d-dinjitá tiegħu.

 

L-Intelliġenza – Il-motiv li jġiegħel ‘il bniedem jemmen mhux il-fatt li l-veritajiet rivelati jidhru bħala veri u jistgħu jiftehmu fid-dawl tar-raġuni naturali. Il-fidi  lanqas ma hi aġir fl-għama.  Il-fidi hi ċerta aktar minn kull ma jagħraf u jaf il-bniedem għaliex mibnijja fuq l-awtoritá ta’ Alla.

Hi fin-natura tal-fidi li min jemmen ikun jixtieq ikun jaf aktar ‘il Dak li jemmen fih u jifhem aħjar dak li rrivela. Iżda aħna ma nistgħux l-ewwel nippruvaw nifħmu qabel ma nibdew nemmnu imma bil-maqlub, ‘Nemmen biex nifhem u mhux nifhem biex nemmen.’

Għalkemm il-fidi hi aqwa mir-raġuni, imma ma jista qatt ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejniethom għaliex kemm fidi u kemm raġuni huma t-tnejn don ta’ Alla.  Għalhekk ir-riċerka metodika fl-oqsma kollha ta’ l-għerf jekk issir b’mod tassew xjentifiku u timxi man-normi morali, qatt ma se tkun tassew kontra l-fidi.

 

Il-Libertà – Biex tkun tixraq lill-bniedem, it-tweġiba tal-fidi mogħtija mill-bniedem lil Alla trid issir b’rieda ħielsa; għalhekk ħadd ma jista’ jġi mġiegħel iħaddan il-fidi jekk ma jridx.  Min natura tiegħu stess l-att tal-fidu huwa voluntarju.

 

Il-Ħtieġa tal-Fidi – Biex niksbu s-salvazzjoni jinħtieġ nemmnu. Iżda kif igħid l-istess Katekiżmu meta jitkellem dwar il-ħtieġa tal-Magħmudija (paragrafu 1260), għaliex Kristu miet għal kulħadd, u għaliex verament waħda hija s-sejħa għal kull bniedem, dik ta’ Alla, għandna nemmnu li l-Ispirtu s-Santu joffri lil kulħadd, b’mod li Alla biss jafu, il-possibiltà li jissieħeb fil-misteru tal-Għid.  Għalhekk, kull bniedem li ma jafx bl-Evanġelju ta’ Kristu u bil-Knisja tiegħu, li qed ifittex il-verità, u qed jagħmel ir-rieda ta’ Alla kif jaf hu, jista’ jsalva.

 

Il-Perseveranza fil-Fidi – Id-don tal-fidi nistgħu nitilfuh u għalhekk jinħtieġ li l-fidi tagħna mmantnuha bil-Kelma ta’ Alla.  Irridu wkoll nitolbu lill-Mulej ikattarhielna.  Trid taħdem permezz ta’ l-imħabba. Trid tkun megħjuna mit-tama U jrid ikollha l-għeruq tagħha fil-fidi tal-Knisja.

 

Il-Fidi hi l-bidu tal-Ħajja ta’ Dejjem – Bil-fidi naslu li ngawdu bħal minn qabel l-hena u d-dawl tad-dehra ta’ Alla.  Issa naraw bħal f’mera.  Imbagħad naraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ. Il-fidi hi għalhekk diġa il-bidu tal-ħajja ta’ dejjem.

 

Il-Kredu Tagħna – Dan hu dak li nemmnu....

Ammen – li tfisser, "Hekk jiena nemmen"